Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Ġunju 2011 - Eurallumina vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-308/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Eurallumina SpA (Portoscuso, l-Italja) (rappreżentant: V. Leone, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla in toto d-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta' Eurallumina.

Sussidjarjament:

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-Miżura tad-Digriet 2004 u, konsegwentement l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-ordni ta' rkupru fir-rigward ta' Eurallumina.

Iktar sussidjarjament:

tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti li tikkonċerna l-ordni ta' rkupru fir-rigward ta' Eurallumina.

Fi kwalunkwe każ,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li:

tikkwalifika bħala għajnuna ġdida illegali u mhux kompatibbli l-miżura li tinsab fl-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Presidente del Consiglio dei Ministri Nru 14042 tas-6 ta' Frar 2004 (id-"Digriet 2004") u fir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Awtorità tal-Enerġija Elettrika u l-Gas (l-"AEEG") għat-twettiq tal-istess (flimkien il-"Miżura tad-Digriet 2004"), u li tordna l-irkupru tagħha;

tikkwalifika bħala għajnuna ġdida mhux kompatibbli l-miżura nnotifikata mill-Italja, li tinsab fl-Artikolu 11(12) tal-Liġi tal-14 ta' Mejju 2005, Nru 80, li tikkonverti d-Digriet-Liġi tal-14 ta' Mejju 2005, Nru 35 (il-"Liġi 80/2005"), u tar-riżoluzzjoni addottata mill-AEEG għall-applikazzjoni tal-istess (flimkien il-"Miżura tal-Liġi 80/2005")

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta' amministrazzjoni tajba

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta evalwat iż-żewġ miżuri hawn fuq imsemmija, b'mod konġunt, meta kienu jinħtieġu evalwazzjoni separata u skont id-differenza oġġettiva tagħhom f'dak li jikkonċerna l-bażi legali, id-destinatarji u l-mekkaniżmu ta' kumpens previst. Dan wassal għal sovrapożizzjoni tal-argumenti użati mill-Kummissjoni li wasslet sabiex id-difiża tkun iktar diffiċli.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset iż-żewġ miżuri bħala għajnuna mill-Istat, għaliex, fiż-żewġ każijiet, huma nieqsa r-rekwiżiti tal-vantaġġ fuq il-kundizzjonjiet normali tas-suq, li jhedded li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, u dawk tal-impatt fuq il-kummerċ Komunitarju. B'mod partikolari:

f'dak li jirrigwarda l-Miżura tad-Digriet 2004, din ma tagħti l-ebda vantaġġ għax tikostitwixxi sempliċi tkabbir suġġettiv tal-miżura li hija diġà meqjusa mill-Kummissjoni li ma hijiex għajnuna fil-Kawża "Alumix" 1, fejn il-Kummissjoni eskludiet li t-tariffa elettrika applikata lil Alumix kienet tikkostitwixxi vantaġġ għaliha. Barra minn hekk, il-Miżura tad-Digriet 2004 ma hijiex tali li tinfluwenza l-kummerċ bejn l-Istati Membri - f'dak li jirrigwarda Eurallumina - peress li s-suq tal-aluminju jinsab fi żbilanċ fl-UE u tnaqqis eventwali tal-attività tiegħu ma huwiex ikkumpensat minn żieda fl-esportazzjoni tal-operaturi tal-Istati Membri l-oħra li diġà qegħdin joperaw fil-kapaċità sħiħa tagħhom;

f'dak li jirrigwarda l-Miżura tal-Liġi 80/2005, din ma tagħti l-ebda vantaġġ fuq il-kundizzjonijiet normali tas-suq peress li, minħabba l-anomaliji tas-suq tal-enerġija fl-Italja, u speċjalment, f'Sardegna - fejn il-prezz tal-elettriku jinżamm għoli b'mod artifiċjali minħabba n-nuqqas ta' inter-konnessjoni mal-kontinent - ir-riferiment għall-prezz li jiġi stabbilit fuq livell Ewropew fil-Boroż jikkostitiwixxi riferiment validu sabiex it-tariffa applikata tiġi kkunsidrata bħala dik "tas-suq", għall-attività tal-benefiċċjarji. Fir-rigward tal-kummerċ Komunitarju, japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet tal-Miżura tad-Digriet 2004.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3) TFUE, fir-rigward tad-deroga dwar l-għajnuna għal skopijiet reġjonali msemmija fis-subparagrafu (a).

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li ż-żewġ miżuri ma humiex kompatibbli bħala għajnuna għal skopijiet reġjonali. B'mod partikolari, taħt il-profili li ġejjin:

eżistenza ta' żvantaġġ reġjonali minħabba n-nuqqas ta' interkonnessjoni ta' Sardegna mal-kontinent, li jrendi l-provvista tal-enerġija tal-benefiċċjarji żvantaġġuża, u l-fatt li l-benefiċċjarji "tal-enerġija" jikkostitwixxu l-qafas tal-istruttura produttiva tal-gżira, u b'hekk tiddetermina b'mod rilevanti il-livelli tal-impjiegi;

proporzjonalità u adegwatezza tal-miżuri inkwistjoni li jibbilanċjaw dan l-iżvantaġġ, peress li huma miżuri tranżitorji intiżi li jevitaw iċ-ċaqliq minn post għall-ieħor tal-benefiċċjarji, fl-istennija tal-bilanċ tas-sitwazzjoni ta' żvantaġġ strutturali, permezz ta' inizjattivi li diġà ttieħdu u - illum, - kompluti mill-Istat Taljan, li joħolqu kapaċità suffiċjenti ta' interkonnessjoni għal Sardegna u permezz ta' investimenti speċifiċi ta' effiċjenza li l-impriżi stess impenjaw ruħhom li jwettqu;

natura temporanja u li dejjem tonqos de facto taż-żewġ miżuri.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali - nuqqas ta' motivazzjoni

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni biżżejjed, b'mod partikolari fir-rigward ta':

id-differenza bejn il-Miżura tad-Digriet 2004 u l-miżura li tinsab fid-deċiżjoni "Alumix";

l-eżistenza ta' element tad-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri;

il-proporzjonalità tal-Miżura tad-Digriet 2004.

5.    Il-ħames motiv ibbażat fuq l-iżball ta' evalwazzjoni fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-aspettattivi leġittimi

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li ma jeżistux ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-aspettattivi leġittimi - fir-rigward ta' Eurallumina - dwar in-natura ta' nuqqas ta' għajnuna tal-Miżura tad-Digriet 2004.

____________

1 - ĠU C 288/4, 01.10.1996, p. 4