Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov (ir-Rumanija) fit-3 ta’ Mejju 2023 – Asociaţia Crescătorilor de Vaci “Bălţată Românească” Tip Simmental vs Genetica din Transilvania Cooperativă Agricolă, Agenţia Naţională pentru Zootehnie “Prof. Dr. G.K. Constantinescu”

(Kawża C-286/23, Asociaţia Crescătorilor de Vaci “Bălţată Românească” Tip Simmental)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Braşov

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Asociaţia Crescătorilor de Vaci “Bălţată Românească” Tip Simmental

Konvenut: Genetica din Transilvania Cooperativă Agricolă, Agenţia Naţională pentru Zootehnie “Prof. Dr. G.K. Constantinescu”

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) 1 , ikkunsidrat flimkien mal-punt A(4) tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament 2016/1012 u mal-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li soċjetà tat-tnissil tista’ tiġi rrikonoxxuta anki jekk għandha biss l-għan li tattira, billi tiffirma applikazzjonijiet jew impenji f’dan ir-rigward, nissiela li huma diġà rreġistrati fi programm ieħor tat-tnissil approvat minn soċjetà oħra jew huwa meħtieġ li, fid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-rikonoxximent, dawk in-nissiela jkunu effettivament parti mill-portafoll tas-soċjetà li tapplika għar-rikonoxximent?

L-Artikolu 13 kif ukoll il-punt B(2)(a) tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament 2016/1012, ikkunsidrati flimkien mal-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-nissiela huma rrikonoxxuti b’libertà ta’ għażla bejn programmi ta’ titjib tar-razza li fihom jirreġistraw l-annimali ta’ razza pura għat-tnissil tagħhom, u, fl-affermattiv, din il-libertà tista’ tkun limitata mill-ħtieġa li ma jiġix affettwat jew kompromess programm tat-tnissil li fih dawn in-nissiela diġà jkunu qed jipparteċipaw billi jittrasferixxu jew iwegħdu li jittrasferixxu għal programm tat-tnissil ieħor li għandu jkun approvat?

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1012 ikkunsidrat flimkien mal-premessa 21 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ li tinstab l-eżistenza ta’ wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 10(1)(a) sa (c), l-awtorità kompetenti li rrikonoxxiet is-soċjetà tat-tnissil hija obbligata li tirrifjuta l-approvazzjoni tal-programm tat-tnissil li jirriskja li jikkomprometti programm ieħor bħal dan taħt dawk l-aspetti jew l-użu tal-espressjoni “[…] tista’ tirrifjuta […]” tfisser li tagħti lill-awtorità marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward?

L-Artikolu 8 u l-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/1012, ikkunsidrati flimkien mal-premessa 21 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li fis-sitwazzjoni fejn Stat Membru diġà qed iwettaq programm tat-tnissil bl-għan ewlieni li tittejjeb ir-razza, huwa permess li jiġi approvat programm ġdid tat-tnissil għall-istess razza, fl-istess Stat (għall-istess territorju ġeografiku), li għandu wkoll bħala l-għan ewlieni t-titjib tar-razza, li fih jistgħu jintgħażlu l-annimali għat-tnissil mill-programm tat-tnissil li diġà għaddej?

____________

1     ĠU 2016, L 171, p. 66.