Language of document : ECLI:EU:T:2016:254

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

28 ta’ April 2016(*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Appoġġ lill-Gvern Iranjan – Attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam militari jew f’oqsma marbuta miegħu – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter – Talba għad-danni”

Fil-Kawża T‑52/15,

Sharif University of Technology, stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn M. Happold, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/776/PESK, tas-7 ta’ Novembru 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 325, p. 19), sa fejn din inkludiet l-isem tar-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1202/2014, tas-7 ta’ Novembru 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 325, p. 3), sa fejn dan inkluda l-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni bl-interessi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: M. Junius, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Sharif University of Technology, hija stabbiliment ta’ tagħlim superjuri u ta’ riċerka stabbilit f’Teheran, fl-Iran. Stabbilita fl-1966, hija speċjalizzata fit-teknoloġija, l-inġinerija u x-xjenzi fiżiċi.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi adottati sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u żvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

3        Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem “Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni 1929” intiża li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi imposti mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1737 (2006), 1747 (2007), u 1803 (2008) u li tintroduċi miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

4        Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew enfasizza t-tħassib profond tiegħu dwar il-programm nukleari Iranjan u laqa’ l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni 1929 mill-Kunsill tas-Sigurtà. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta miżuri li jimplimentaw dawk previsti mir-riżoluzzjoni 1929 kif ukoll miżuri li jakkumpanjawhom, bil-ħsieb li jingħata kontribut sabiex tinstab soluzzjoni, permezz ta’ negozjati, għat-tħassib pendenti kollu rigward l-iżvilupp mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ teknoloġiji sensittivi b’appoġġ għall-programmi nukleari u tal-ballistika. Dawn il-miżuri għandhom jiffokaw fuq l-oqsma tal-kummerċ, is-settur finanzjarju, is-settur tat-trasport tal-Iran, is-setturi prinċipali fl-industrija taż-żejt u tal-gass kif ukoll deżinjazzjonijiet addizzjonali b’mod partikolari għall-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (iktar ’il quddiem l-“IRGC”).

5        Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), li l-Anness II tagħha jelenka l-persuni, u l-entitajiet — minbarra dawk indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit permezz tar-riżoluzzjoni 1737 (2006), imsemmija fl-Anness I — li l-assi tagħhom huma ffriżati. Il-premessa 22 tagħha tagħmel riferiment għar-riżoluzzjoni 1929 u ssemmi li din ir-riżoluzzjoni tinnota r-rabta potenzjali bejn id-dħul li l-Iran jikseb mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari tiegħu li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni.

6        Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/35/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 19, p. 22). Il-premessa 8 ta’ din id-deċiżjoni tirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-premessa 22 tad-Deċiżjoni 2010/413 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, skont il-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2012/35, ir-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu applikati fir-rigward ta’ iktar persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jwettaq attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni jew ta’ żvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari, b’mod partikolari l-persuni u l-entitajiet li jipprovdu għajnuna finanzjarja, loġistika jew materjali lill-Gvern Iranjan.

7        L-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35 żied id-dispożizzjoni li ġejja mal-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413:

“c)       persuni jew entitajiet oħra mhumiex koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II.”

8        Konsegwentement, fil-kuntest tat-Trattat FUE, il-Kunsill adotta, fil‑23 ta’ Marzu 2012, ir-Regolament (UE) Nru 267/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1). Sabiex jiġi implementat l-Artikolu 1(7)(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2012/35, l-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet u organi elenkati fl-Anness IX tiegħu, li ġew identifikati li:

“[...]

d)       huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom;

[...]”

9        Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/635/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 282, p. 58). Skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2012/635, huwa xieraq li tiġi rriveduta l-projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ prodotti u teknoloġija b’użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009, tal-5 ta’ Mejju 2009, li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, p. 1), bil-ħsieb li jiġu inklużi oġġetti li jistgħu jkunu rilevanti għall-industriji kkontrollati direttament jew indirettament mill-IRGC jew li jistgħu jkunu rilevanti għall-programm nukleari, militari u tal-missili ballistiċi tal-Iran, filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu evitati effetti mhux intenzjonati fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Iran. Barra minn hekk, il-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2012/635 tistabbilixxi; li hemm lok li jiġi pprojbit il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ tagħmir u teknoloġija essenzjali fil-qasam navali maħsuba għall-bini, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ vapuri. Barra minn hekk, skont il-premessa 16 ta’ din id-deċiżjoni, għandhom jiġu inklużi ismijiet oħra ta’ persuni u entitajiet oħra fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413, b’mod partikolari l-entitajiet tal-Istat Iranjan li huma involuti f’attivitajiet fis-settur taż-żejt u tal-gass, minħabba li dawn jipprovdu sors ta’ dħul sostanzjali għall-Gvern Iranjan.

10      L-Artikolu 1(8)(a) tad-Deċiżjoni 2012/635 emenda l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprevedi għalhekk li dawn li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi:

“c)       persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II.”

11      Fl-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1263/2012, li jemenda r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU L 356, p. 34). L-Artikolu 1(11) tar-Regolament Nru 1263/2012 emenda l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, li jipprovdi għalhekk għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni, entitajiet u organi elenkati fl-Anness IX tiegħu, li ġew identifikati:

“d)       li huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u l-entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u persuni, u entitajiet assoċjati magħhom.”

12      L-isem tar-rikorrenti ġie inkluż għall-ewwel darba fil-listi li jinsabu fit-Tabella I tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 bid-Deċiżjoni 2012/829/PESK, tal‑21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 356, p. 71), u fil-listi li jinsabu fit-Tabella I tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 bir-Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 1264/2012, tal-istess jum, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 356, p. 55).

13      Din l-inklużjoni kienet ibbażata fuq is-segwenti raġunijiet:

“Sharif University of Technology (SUT) qed tgħin lil entitajiet magħżula biex jiksru d-dispożizzjonijiet tas-sanzjonijiet tan-NU u l-UE fuq l-Iran u qed tagħti appoġġ lil attivitajiet nukleari tal-Iran sensittivi f'termini ta’ proliferazzjoni. Minn tard fl-2011, SUT ipprovdiet laboratorji biex jintużaw minn entità nukleari Iranjana magħhżzula min-NU Kalaye Electric Company (KEC) u Iran Centrifuge Technology Company (TESA), indikata mill-UE.”

14      Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Sharif University of Technology vs Il-Kunsill (T‑181/13, EU:T:2014:607), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni 2012/829 u r-Regolament Nru 1264/2012 sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti.

15      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2014, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jinkludi mill-ġdid isimha fil-listi abbażi ta’ raġunijiet ġodda u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu li kien jiskadi fil-15 ta’ Settembru 2014. F’din l-ittra, il-Kunsill qies li r-rikorrenti kienet tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan, permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi ma’ organizzazzjonijiet governattivi Iranjani indikati min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Unjoni Ewropea. Ma’ din l-ittra l-Kunsill hemeż id-dokumenti, inklużi fil-proċess tiegħu, li kienet ibbażata fuqhom din l-inklużjoni mill-ġdid.

16      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent talab lill-Kunsill jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu.

17      Fis-7 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/776/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 325, p. 19). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż mill-ġdid fit-Tabella I tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 li tinkludi l-lista tal-“[p]ersuni u entitajiet involuti fl-attivitajiet nukleari jew tal-missili ballistiċi u [tal-] persuni u entitajiet li jipprovu appoġġ lill-Gvern tal-Iran”.

18      Konsegwentement, fl-istess jum, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1202/2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 325, p. 3), li inkluda mill-ġdid l-isem tar-rikorrenti fit-Tabella I tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, li tinkludi l-lista tal-“[p]ersuni u entitajiet involuti fl-attivitajiet nukleari jew tal-missili ballistiċi u [tal‑] persuni u entitajiet li jipprovu appoġġ lill-Gvern tal-Iran”.

19      Fid-Deċiżjoni 2014/776 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1202/2014 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien bħala l-“atti kkontestati”), ir-raġuni li tingħata għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi hija kif ġej:

“Sharif University of Technology (SUT) għandha għadd ta’ ftehimiet ta’ koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-Gvern Iranjan li huma elenkati min-NU u/jew l-UE u li joperaw f’oqsma militari jew f’oqsma marbutin mas-settur militari, b’mod partikolari fil-qasam tal-produzzjoni u l-akkwist ta’ missili ballistiċi. Dawn jinkludu: ftehim mal-Aerospace Industries Organisation, li ġiet elenkata mill-UE, fost l-oħrajn għall-produzzjoni ta’ satelliti; koperazzjoni mal-Ministeru Iranjan għad-Difiża u Iranian Revolutionary Guards Corps (IRGC) rigward kompetizzjonijiet marbuta mad-dgħajjes “intelliġenti” (smart boat competitions); ftehim aktar ġenerali mal-Forza tal-Ajru tal-IRGC li jkopri l-iżvilupp u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet, il-koperazzjoni organizzattiva u strateġika tal-Università; SUT hi parti minn ftehim bejn 6 universitajiet li jappoġġa lill-Gvern tal-Iran permezz ta’ riċerka marbuta mad-difiża; u SUT toffri tagħlim f’korsijiet ta’ lawrja fl-inġinerija relatata mal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV) imfassla, fost l-oħrajn, mill-Ministeru għax-Xjenza. Meħuda flimkien, dawn juru li hemm rekord sinifikanti ta’ involviment mal-Gvern tal-Iran f’oqsma militari jew f’oqsma marbuta mas-settur militari li jikkostitwixxi appoġġ lill-Gvern tal-Iran.”

20      L-organizzazzjoni tal-industriji aerospazjali (iktar ’il quddiem l-“AIO”) hija inkluża fil-listi għal dawn ir-raġunijiet:

“L-AIO tissorvelja l-produzzjoni Iranjana tal-missili, inkluż ix-Shahid Hemmat Industrial Group, ix-Shahid Bagheri Industrial Group u l-Fajr Industrial Group, li kollha kienu indikati fil-UNSCR 1737 (2006). Il-kap tal-AIO u żewġ uffiċjali anzjani oħra kienu wkoll imsemmija fil-UNSCR 1737 (2006).”

21      L-IRGC huwa inkluż fil-listi għal dawn ir-raġunijiet:

“Responsabbli għall-programm nukleari tal-Iran. Għandu kontroll operattiv għall-programm tal-missili ballistiċi tal-Iran. Wettaq attentati ta’ prokura bħala appoġġ għall-programmi tal-missili ballistiċi u nukleari tal-Iran.”

22      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jinkludi mill-ġdid isimha fil-listi.

23      Peremezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill jikkomunikalha l-elementi, l-informazzjoni u l-provi kollha li abbażi tagħhom huwa kien iddeċieda li jinkludi mill-ġdid isimha fil-listi kif ukoll l-identità tal-Istat Membru li ppropona din l-inklużjoni.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, fejn indikat ir-raġunijiet li għalihom hija tixtieq tinstema’, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kunsill ma ħax pożizzjoni fuq l-organizzazzjoni tas-seduta fit-terminu stabbilit. Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Seba’ Awla) laqgħet it-talba tar-rikorrenti.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għar-riżarċiment tad-danni li ġew ikkawżati lir-reputazzjoni tagħha mill-atti kkontestati;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talba għal annullament

28      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fit-tieni lok, fuq żball ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fit-tielet lok, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, fir-raba’ lok, fuq użu ħażin ta’ poter.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

29      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill ma indikax, fl-ittra tiegħu tal‑10 ta’ Novembru 2014 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), id-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha fil-listi. F’dan il-kuntest, hija tallega li hija kienet ippreżentat talba għal eżami mill-ġdid fl-ittra tagħha tal‑15 ta’ Settembru 2014.

30      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-Kunsill hemeż mal-ittra tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2014, imsemmija iktar ’il fuq, li waslet lir-rikorrenti fil‑25 ta’ Novembru 2014, kopja tal-pubblikazzjoni tal-atti kkontestati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li ssemmi espressament, fit-titolu ta’ dawn l-atti, id-data tal-adozzjoni tagħhom, jiġifieri s-7 ta’ Novembru 2014.

31      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill ma laqax it-talba tagħha ta’ aċċess għall-fajl, li tressqet bl-ittra tat-2 ta’ Frar 2015. Fil-fatt, il-Kunsill ma kkomunikalhiex id-dokumenti interni rilevanti, b’mod kuntrarju għall-prassi tiegħu f’każijiet oħra marbuta ma’ miżuri restrittivi. Barra minn hekk, ċerti indizji kienu juru li l-atti kkontestati ġew adottati abbażi ta’ informazzjoni li ma tinsabx fid-dokumenti kkomunikati permezz tal-ittra tal-Kunsill tal-4 ta’ Settembru 2014. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li dawn id-dokumenti ma kienu jinkludu l-ebda prova dwar ebda waħda mir-raġunijiet għall-inklużjoni msemmija fl-atti kkontestati, li jtennu li hija “tipprovdi korsijiet universitarji, żviluppati b’mod partikolari mill-ministeru tax-xjenzi, fil-qasam tal-iddiżinjar tad-drones”.

32      Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li, billi ma tahiex aċċess sħiħ għall-fajl, inkluż fir-rigward tal-identità tal-Istat Membru li minnu oriġinat il-proposta ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha fil-listi, il-Kunsill kiser id-drittijiet tagħha tad-difiża u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

33      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti, permezz tal-ittra tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2014 li informatha bl-intenzjoni tiegħu li jinkludi isimha mill-ġdid fil-listi (ara l-punt 15 iktar ’il quddiem), bil-provi u bl-informazzjoni li huwa kellu u li fuqhom huwa bbaża ruħu sabiex jadotta l-atti kkontestati. Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill speċifika li, minbarra dawn l-elementi, il-fajl tiegħu kien jinkludu biss il-proposta u l-proposta rriveduta ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi, ġejjin minn Stat Membru ieħor, kif ukoll in-nota ppreżentata mis-segretarjat ġenerali lill-kumitat tar-rappreżentanti permanenti (Coreper) u lill-Kunsill għall-finijet tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Permezz tal-atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill ipproduċa dawn id-dokumenti.

34      Issa, minn dawn id-dokumenti, li fihom ġew moħbija kemm l-identità tal-Istat Membru li minnu oriġinat il-proposta ta’ inklużjoni mill-ġdid kif ukoll l-informazzjoni kollha li ma tikkonċernax lir-rikorrenti, jirriżulta li dawn ma fihom l-ebda informazzjoni rilevanti addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrenti permezz tal-ittra tal-4 ta’ Settembru 2014 u d-dokumenti annessi ma’ dik l-ittra.

35      Għaldaqstant, minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li l-atti kkontestati ġew adottati abbażi ta’ informazzjoni li ma tinsabx fid-dokumenti li ġew ikkomunikati lilha permezz tal-ittra tal-4 ta’ Settembru 2014 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), ma humiex fondati.

36      Minn naħa, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-identità tal-Istat Membru li minnu oriġinat il-proposta ta’ inklużjoni fil-listi hija, bħala tali, ta’ natura kunfidenzjali li tipprekludi l-komunikazzjoni tagħha lill-persuna kkonċernata minħabba kunsiderazzjonijiet impellenti li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew fuq it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom. Għaldaqstant, l-assenza ta’ żvelar ta’ din l-informazzjoni lir-rikorrenti ma tistax tippreġudika d-drittijiet tagħha tad-difiża u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn din bl-ebda mod ma tolqot il-possibbiltà tar-rikorrenti li ssostni b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isimha u fuq il-provi li fuqhom dawn huma bbażati.

37      Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

38      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill interpreta b’mod żbaljat il-kriterju legali marbut mal-provvista ta’ sostenn lill-Gvern Iranjan, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem il-“kriterju kkontestat”), li ġiet ibbażata fuqu l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha fil-listi permezz tal-atti kkontestati. Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li dan il-kriterju ma jkoprix l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam militari u fl-oqsma marbuta miegħu, invokati fir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi, fl-assenza ta’ rabta bejn dawn l-attivitajiet u l-programm ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti kkomunikati mill-Kunsill bħala provi ma jippermettux li jsostnu r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isimha.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju kontenzjuż fir-rigward tal-attivitajiet fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu, imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati

39      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill adotta interpretazzjoni litterali għall-kriterju kontenzjuż, li tippermetti li jiġi inkluż grupp vast ta’ persuni, inklużi l-persuni taxxabbli Iranjani. Skont ir-rikorrenti, dan il-kriterju jagħmel riferiment biss għall-appoġġ li jippermetti lill-Gvern Iranjan iwettaq attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni, fatt li jimplika l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn it-tmexxija kostituttiva ta’ “appoġġ” u t-twettiq ta’ tali attivitajiet. Ir-rekwiżit ta’ tali rabta kawżali tirriżulta mill-premessa 13 tad-deċiżjoni  2012/35, mill-Artikolu 215(1)TFUE u mis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill (C‑376/10 P, Ġabra, EU:C:2012:138, punti 61 u 67).

40      Il-ġurisprudenza tikkonferma li, fl-ewwel lok, il-kriterju kontenzjuż jagħmel riferiment biss għall-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan li jippermettilu jwettaq attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari. Fit-tieni lok, dan l-appoġġ materjali, finanzjarju jew loġistiku għandu jippreżenta “importanza kwalitattiva jew kwantitattiva” partikolari. Fit-tielet lok, il-finalità tal-kriterju kontenzjuż hija li l-Gvern Iranjan jiġi mċaħħad mis-sorsi tiegħu ta’ dħul, bil-għan li jiġi obbligat itemm l-iżvilupp tal-programm tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari. Ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill (T‑578/12, EU:T:2014:678, punti 119 u 120), tal‑25 ta’ Marzu 2015, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill (T‑563/12, Ġabra, EU:T:2015:187, punt 66), u tal-25 ta’ Ġunju 2015, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill [T‑95/14, Ġarba (Estratti), EU:T:2015:433, punt 53].

41      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-allegata kollaborazzjoni tagħha mal-ministeri diversi tal-Gvern Iranjan ma tikkostitwixxix appoġġ fis-sens tal-kriterju kontenzjuż, peress li l-attivitajiet tagħha b’hekk previsti ma kinux tal-portata kwalitattiva u kwantitattiva neċessarja sabiex tiġi permessa l-preżunzjoni li hija kienet tipprovdi appoġġ finanzjarju jew loġistiku lill-Gvern Iranjan li jiffavorixxi t-twettiq tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

42      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li hija università pubblika ffinanzjata mill-Istat Iranjan. Għaldaqstant, b’differenza mill-impriżi kbar attivi fis-settur finanzjarju jew taż-żejt jew tal-gass, li kienu preċedentement inklużi fil-listi abbażi tal-kriterju kontenzjuż, ir-rikorrenti ma kinitx tipprovdi riżorsi finanzjarji lill-Gvern Iranjan, li minnu seta’ jiġi preżunt li dawn jiffavorixxu t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

43      Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-Kunsill li għandu juri li, permezz tal-portata kwalitattiva tagħhom, l-attivitajiet li huwa jallega fil-konfront tagħha kieu jippermettu lill-Gvern Iranjan iwettaq l-attivitajiet tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari.

44      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

45      Mill-motivazzjoni tal-atti kkontestati (ara l-punt 19 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kunsill inkluda mill-ġdid l-isem tar-rikorrenti fil-listi peress li “l-livell għoli ta’ impenn favur il-Gvern tal-Iran fil-qasam militari jew f’oqsma marbuta miegħu” kien jikkostitwixxi appoġġ lill-Gvern Iranjan, fis-sens tal-kriterju kontenzjuż.

46      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali impenn, il-Kunsill ibbaża ruħu, fl-atti kkontestati, fuq għadd ta’ elementi:

–        l-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ entitajiet tal-Gvern Iranjan indikati min-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Unjoni u li joperaw fil-qasam militari jew f’oqsma marbuta miegħu, b’mod partikolari fil-produzzjoni u x-xiri ta’ missili ballistiċi, jiġifieri:

–        ftehim mal-AIO għall-produzzjoni ta’ satelliti;

–        il-kooperazzjoni mal-ministeru tad-difiża Iranjan u l-IRGC fil-kuntest tal-kompetizzjoni li tikkonċerna dgħajjes “intelliġenti”;

–        ftehim aktar wiesa’ mal-Forza tal-Ajru tal-IRGC li jkopri l-iżvilupp u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet, il-kooperazzjoni organizzattiva u strateġika tal-Università;

–        il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ftehim bejn sitt universitajiet bil-għan li jingħata appoġġ lill-Gvern Iranjan permezz ta’ riċerka marbuta mad-difiża;

–        iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti toffri korsijiet universitarji żviluppati mill-ministeru tax-xjenzi, tar-riċerka u tat-teknoloġija fil-qasam tal-iżvilupp ta’ drones.

47      Il-motivazzjoni tal-atti kkontestati, esposti fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq jindikaw b’mod ċar li l-Kunsill jallega essenzjalment li r-rikorrenti tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan fil-qasam tar-riċerka u tat-teknoloġija militari jew f’oqsma marbuta miegħu, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-AIO u l-IRGC, li wkoll jinsabu inklużi fil-listi u joperaw f’dawn l-oqsma (ara l-punti 20 u 21 iktar ’il fuq).

48      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu, b’kooperazzjoni mal-ministeru tad-difiża jew entitajiet statali li jkunu huma wkoll inklużi fil-listi, ma humiex koperti mill-kriterju kontenzjuż, meta l-Kunsill ma jistabbilixxix li dawn l-attivitajiet huma ta’ portata kwantitattiva u kwalitattiva li tippermetti li jitqies li dawn jiffavorixxu t-twettiq tal-programm nukleari Iranjan li jippreżenta riskju ta’ proliferazzjoni (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

49      Fl-ewwel lok, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), il-kriterju kontenzjuż ma jimplikax li għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn it-tmexxija kostituttiva ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

50      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, il-kriterju kontenzjuż ma jirrigwardax il-forom kollha ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan, iżda l-forom ta’ appoġġ li, permezz tal-portata kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għat-twettiq tal-attivitajiet nukleari Iranjani. B’hekk, interpretat, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li ssir pressjoni fuq il-Gvern Iranjan sabiex jiġi mġiegħel itemm l-attivitajiet tiegħu li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni nukleari, il-kriterju kontenzjuż jiddefinixxi b’mod oġġettiv lil kategorija ddefinita ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2014:678, punt 119).

51      Fil-fatt, fid-dawl tal-finalità tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod inekwivoku mill-kriterju kontenzjuż li dan jirrigwarda b’mod immirat u selettiv attivitajiet proprji tal-persuna jew tal-entità kkonċernata u li, anki jekk dawn ma jkollhomx, bħala tali, rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, huma madankollu jistgħu jiffavorixxuha, billi jipprovdu lill-Gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet b’mod partikolari ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu jwettaq l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2014:678, punt 120, u tad-29 ta’ April 2015, National Iranian Gas Company vs Il-Kunsill, T‑9/13, EU:T:2015:236, punt 62).

52      Madankollu, bil-kontra tal-interpretazzjoni tar-rikorrenti, mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq ma jirriżultax li l-kunċett ta’ “appoġġ lill-Gvern Iranjan” jimplika l-prova ta’ rabta bejn dan l-appoġġ u l-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni ġustament li r-rikorrenti qiegħed ifixkel, minn naħa, il-kriterju marbut mal-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, li huwa rilevanti biss f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, il-kriterju marbut mal-provvista ta’ “appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari”, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(b) ta’ din id-deċiżjoni u fl-Artikolu 23(2)(a) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2014:678, punt 139). Issa, l-applikazzjoni tal-ewwel kriterju ma timplikax l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ rabta anki indiretta mal-attivitajiet nukleari tal-Iran, rikjesta għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni kriterju msemmi iktar ’il fuq, marbut mal-provvista ta’ appoġġ għall-attivitajiet nukleari tal-Iran (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, Ġabra, EU:C:2013:776, punt 80; sentenza Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2015:187, punt 66).

53      Fil-fatt, fir-rigward tal-kriterju kontenzjuż, jirriżulta b’mod espliċitu mill-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2012/35 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), li introduċiet dan il-kriterju fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413, li l-Kunsill, filwaqt li kkunsidra li l-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan setgħet tiffavorixxi t-twettiq ta’ attivitajiet nukleari li jippreżenta riskju ta’ proliferazzjoni jew ta’ żvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, kellu l-iskop li jwessa’ l-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi billi jestendi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi għall-persuni u entitajiet li jappoġġjaw lill-imsemmi Gvern, mingħajr ma jirrikjedi li dan l-appoġġ ikun marbut direttament jew indirettament ma’ tali attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2014:678, punt 118).

54      B’hekk, l-eżistenza ta’ rabta bejn il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari hija stabbilita espressament mil-leġiżlazzjoni applikabbli. F’dan il-kuntest, il-kriterju kontenzjuż għandu jinftiehem fis-sens li jirrigwarda kull appoġġ li, għalkemm ma għandu l-ebda rabta mal-iżvilupp tal-proliferazzjoni nukleari, jista’ madankollu, bil-portata kwantitattiva jew kwalitattiva tiegħu, jiffavorixxi tali żvilupp, billi jipprovdi lill-Gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet b’mod partikolari ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika. Għaldaqstant, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn it-tmexxija kostituttiva ta’ appoġġ u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari, peress li tali rabta hija stabbilta mir-regoli ġenerali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2014:678, punt 140; Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2015:187, punt 81, u National Iranian Gas Company vs Il-Kunsill, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2015:236, punt 65).

55      Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-interpretazzjoni tal-kriterju kontenzjuż, imfakkra fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, hija purament litterali u twassal sabiex jiġi inkluż fil-listi grupp vast ta’ persuni (ara l-punt 39 iktar ’il fuq). Fil-fatt din l-interpretazzjoni tal-kriterju kontenzjuż, fid-dawl tal-kuntest legali tagħha, tindirizza b’mod immirat kategorija magħluqa ta’ persuni (ara l-punti 50 u 51 iktar ’il fuq) u ma tistax tkopri s-sempliċi fatt li għandhom jiġu ssodisfatti l-obbligi legali, b’mod partikolari dawk fiskali (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2014:678, punt 121).

56      Fir-rigward tal-Artikolu 215(1) TFUE u tas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq (EU:C:2012:138), invokati wkoll mir-rikorrenti, dawn ma humiex rilevanti f’dan il-każ, sa fejn ir-Regolament Nru 267/2012, implementat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1202/2014, huwa bbażat fuq l-Artikolu 215(2) TFUE u sa fejn il-miżuri eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq ġew adottati abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE u jaqgħu taħt kuntest legali kompletament distint mill-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika tal-Unjoni ta’ Myanmar.

57      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li, peress li l-appoġġ lill-Gvern Iranjan li huwa allegatament attribwit lilha ma huwiex finanzjarju, b’differenza minn dak ipprovdut mill-istituzzjonijiet finanzjarji jew impriżi li joperaw fis-settur taż-żejt jew tal-gass, preċedentement inklużi fil-listi abbażi tal-kriterju kontenzjuż, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi li l-appoġġ ipprovdut jiffavorixxi t-twettiq tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari (ara l-punti 42 u 43 iktar ’il fuq).

58      Ċertament, fis-sentenzi invokati mir-rikorrenti (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), marbuta b’mod partikolari mas-settur taż-żejt u tal-gass fl-Iran, il-Qorti Ġenerali qieset li l-attività ta’ impriżi ta’ Stat li joperaw f’dan is-settur (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2014:678, punt 141) jew ta’ impriżi li jipprovdu appoġġ loġistiku lill-Gvern Iranjan fl-imsemmi settur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq , EU:T:2015:433, punt 54) kienet tissodisfa l-kriterju kontenzjuż, billi enfasizzat, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari l-premessa 22 tad-Deċiżjoni 2010/413 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), il-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2012/35 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) u l-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2012/635 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), kienet stabbilixxiet rabta bejn is-sors tad-dħul li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran kienet tikseb minn dan is-settur u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni.

59      Madankollu, il-kriterju kontenzjuż ma jistax jiġi interpretat fis-sens li dan huwa intiż biss li jipprekludi lill-Gvern Iranjan mis-sorsi tiegħu ta’ dħul u li dan jiġi obbligat li jtemm l-attivitajiet tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari. Fil-fatt, peress li dan il-kriterju jagħmel riferiment għal kull appoġġ li, minħabba l-portata kwantitattiva jew kwalitattiva tiegħu, jista’ jiffavorixxi t-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet, din l-evalwazzjoni għandha ssir fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-leġiżlazzjoni applikabbli (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). Il-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2012/35 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 jindikaw bħala eżempju li dan jista’ jkun appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju.

60      Fit-tielet lok, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu, li ma jikkorrispondux għal wieħed mit-tliet tipi ta’ appoġġ – materjali, finanzjarju jew loġistiku – imsemmija bħala eżempji f’din il-leġiżlazzjoni (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), jistgħux jaqgħu taħt il-kriterju kontenzjuż.

61      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li mid-Deċiżjoni 2010/413 u mir-Regolament Nru 267/2012 jirriżulta li jistgħu jiġu adottati miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni jew entitajiet li jikkontribwixxu għall-akkwist mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu, ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji pprojbiti jew li jipprovdu assistenza teknika inkonnessjoni ma’ dawn l-oġġetti u dawn it-teknoloġiji. Fil-fatt, ir-rabta bejn dawn tal-aħħar u l-proliferazzjoni nukleari hija stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-regoli ġenerali tad-dispożizzjonijiet applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2013:776, punt 76).

62      B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprojbixxi l-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ armamenti u ta’ materjal konness ta’ kull tip, inklużi l-vetturi u t-tagħmir militari. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 267/2012, hija pprojbita l-provvista, b’mod dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika inkonnessjoni mal-oġġetti u t-teknoloġiji elenkati fil-lista komuni tat-tagħmir militari tal-Unjoni Ewropea, adottata mill-Kunsill fis-17 ta’ Marzu 2014 (ĠU C 107, p. 1, iktar ’il quddiem il-“lista komuni ta’ tagħmir militari”), jew marbuta mal-provvista, mal-fabbrikazzjoni, mal-manutenzjoni jew mal-użu tal-oġġetti li jinsabu f’din il-lista, lil kull persuna, lil kull entità jew lil kull organu Iranjani, jew għall-finijiet ta’ użu fl-Iran.

63      B’hekk, billi pprovda għal tali projbizzjoni fir-rigward ta’ ċertu tagħmir militari, fil-kuntest tar-Regolament Nru 267/2012, il-leġiżlatur stabbilixxa rabta bejn l-akkwist mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ dan it-tip ta’ tagħmir u t-twettiq mill-Gvern Iranjan ta’ attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni jew ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari.

64      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-riżoluzzjonijiet 1737 (2006) u 1929 tal-Kunsill tas-Sigurtà, adottati rispettivament fit-23 ta’ Diċembru 2006 u fid‑9 ta’ Ġunju 2010, u msemmija rispettivament fil-premessi 1 u 4 tad-Deċiżjoni 2012/35. Fil-fatt, ir-regoli ġenerali tal-Unjoni li jipprovdu għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi għandhom jiġu interpretati fid-dawl tat-test u tal-għan tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li huma jimplementaw (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra, EU:C:2011:735, punt 104, u tal-25 ta’ April 2012, Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill, T‑509/10, Ġabra, EU:T:2012:201, punt 83). Issa, iż-żewġ riżoluzzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jagħmlu riferiment għall-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jostakolaw l-iżvilupp mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ teknoloġiji sensittivi bħala appoġġ għall-programmi tagħha nukleari u tal-missili. B’mod partikolari, fil-listi tat-tagħmir u t-teknoloġiji li l-provvista tagħhom lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran hija pprojbita mill-isemmija riżoluzzjonijiet, listi li tagħmel riferiment għalihom b’mod iktar partikolari, ir-riżoluzzjoni 1929, hemm inklużi b’mod partikolari is-satelliti u d-drones.

65      Għaldaqstant, il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku, fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu, tissodisfa l-kriterju kontenzjuż, meta tkun marbuta ma’ tagħmir jew ma’ teknoloġiji elenkati fil-lista komuni ta’ tagħmir militari, li l-akkwist tiegħu mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran huwa pprojbit (ara l-punt 62 iktar ’il fuq).

66      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-lista komuni ta’ tagħmir militari tipprevedi b’mod partikolari s-segwenti tagħmir:

“ML 9 Bastimenti tal-gwerra (fil-wiċċ jew ta’ taħt l-ilma) tagħmir navali speċjali, aċċessorji, komponenti u bastimenti tal-wiċċ oħra, kif ġej:

[…]

a.       Bastimenti u komponenti, kif ġej:

1.      Bastimenti (tal-wiċċ jew ta’ taħt l-ilma) maħsuba jew modifikati apposta għal użu militari, irrispettivament mill-istat attwali ta’ tiswija jew kondizzjoni ta’ ħidma, u kemm jekk fihom sistemi jew armaturi ta’ fornitura ta’ armi kif ukoll jekk le, u bwieq jew partijiet mill-bwieq għal tali bastimenti, u komponenti maħsuba apposta għalihom għal użu militari;

[…]

ML 10 ‘Inġenji tal-ajru’, ‘vetturi eħfef mill-arja’, vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ [(drones)], aeromagni u tagħmir għall-‘inġenji tal-ajru’, tagħmir u komponenti relatati, kif ġej, iddisinjati jew modifikati apposta għall-użu militari:

[…]

c.      Inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u tagħmir relatat, kif ġej, u komponenti ddisinjati apposta għalihom:

1.      [Drones], Vetturi tal-Ajru Pilotati mill-Bogħod, vetturi programmabbli awtonomi u ‘vetturi eħfef mill-arja’ mingħajr ekwipaġġ;

[…]

ML 11 Materjal elettroniku, [satellita], kif ġej:

[…]

c.       [satellita] mfassla jew modifikati apposta għall-użu militari, u komponenti tal-‘inġenji spazjali’ mfassla apposta għall-użu militari.”

67      Isegwi li l-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan fir-rigward b’mod partikolari tal-iddiżinjar, il-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ satelliti, ta’ vapuri jew ta’ drones li jirriflettu l-ispeċifikazzjonijiet tal-lista komuni tat-tagħmir militari jissodisfaw il-kriterju kontenzjuż, mingħajr in-neċessità li l-Kunsill juri li, permezz tal-portata tiegħu, dan l-appoġġ jiffavorixxi t-twettiq tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

68      Fir-raba’ lok, jeħtieġ madankollu jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk it-tmexxija taqax taħt il-kriterju kontenzjuż għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kuntest legali u fattwali kollu. Għaldaqstant, meta l-Kunsill ma jkunx jista’ jistabbilixxi li l-attivitajiet inkwistjoni huma marbuta ma’ satelliti jew ma’ dgħajjes “intelliġenti” li effettivament jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-lista komuni tat-tagħmir militari, iċ-ċirkustanza li dawn l-attivitajiet jitmexxew b’kooperazzjoni mal-AIO, fir-rigward tal-produzzjoni tas-satelliti, jew mal-ministeru tad-difiża Iranjan u l-IRGC fil-kuntest tal-kompetizzjoni għad-dgħajjes “intelliġenti” tippermetti li jiġi kkunsidrat, jekk l-allegazzjonijiet tal-Kunsill marbuta ma’ din il-kooperazzjoni jkunu suffiċjentement sostnuti, li l-appoġġ b’hekk ipprovdut lill-Gvern Iranjan huwa ta’ portata suffiċjenti sabiex jissodisfa l-kriterju kontenzjuż.

69      Fil-fatt, l-AIO, li fir-rigward tagħha l-atti kkontestati jindikaw li hija ġiet innotata mill-Unjoni “b’mod partikolari għall-produzzjoni ta’ satelliti”, hija stess inkluża fil-listi peress li “tissorvelja l-produzzjoni ta’ missili fl-Iran”, inklużi tliet gruppi industrijali msemmija fir-riżoluzzjoni 1737 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà. Dwar l-IRGC, dan huwa inkluż fil-lista għas-segwenti raġunijiet:

“Responsabbli għall-programm nukleari tal-Iran. Għandu kontroll operattiv għall-programm tal-missili ballistiċi tal-Iran. Wettaq attentati ta’ prokura bħala appoġġ għall-programmi tal-missili ballistiċi u nukleari tal-Iran.”

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-implikazzjoni diretta tal-AIO fir-rigward tal-produzzjoni ta’ missili u tal-IRGC fil-programm nukleari u l-kontroll operattivi tal-programm tal-missili ballistiċi, fl-Iran, li ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ mir-rikorrenti, tippermetti l-preżunzjoni li attivitajiet immexxija f’kooperazzjoni ma’ dawk l-entitajiet tal-Gvern Iranjan, marbuta mal-produzzjoni ta’ satelliti u mal-iżvilupp ta’ dgħajjes “intelliġenti”, jippreżentaw interess ċert fir-rigward tat-twettiq ta’ programm nukleari li jippreżenta riskju ta’ proliferazzjoni jew tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nuklear.

71      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-allegazzjonijiet tal-Kunsill marbuta mal-eżerċizzju ta’ tali attivitajiet mir-rikorrenti humiex sostnuti suffiċjentement.

 Fuq il-provi invokati mill-Kunsill

72      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma stabbilixxiex li l-attivitajiet imsemmija fid-dokumenti li huwa pproduċa jixhdu, meta meqjusa flimkien, “livell importanti ta’ impenn mill-Gvern tal-Iran fil-qasam militari jew f’oqsma oħra marbuta miegħu”. B’mod partikolari, il-Kunsill ma speċifikax liema tip ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan kien jirriżulta mill-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-AIO u mal-IRGC. Il-fatt li r-rikorrenti kkooperat mal-Gvern tal-pajjiż tagħha, bħal universitajiet oħra Iranjani, jgħodd għal kull istitut ta’ riċerka fil-qasam tax-xjenza u tat-teknoloġija irrispettivament minn liema pajjiż fid-dinja jkun ġej.

73      Barra minn hekk, il-Kunsill ma vverifikax l-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti prodotti, li fil-maġġoranza tagħhom, ma humiex ħlief traduzzjonijiet mill-Kunsill ta’ bullettini ta’ informazzjoni, jiġifieri informazzjoni mhux oriġinali. Barra minn hekk, l-oriġinali ta’ dawn id-dokumenti kienu redatti bil-lingwa Persjana u wħud minn dawn it-testi oriġinali ma ġewx ikkomunikati lill-Kunsill.

74      Skont il-Kunsill, il-kooperazzjoni tar-rikorrenti, ikkonfermata mid-dokumenti prodotti minnu, minn naħa, mal-ministeru tad-difiża u, min-naħa l-oħra mal-AIO u l-IRGC, li huma entitajiet ikkontrollati mill-Istat Iranjan u inklużi fil-listi minħabba l-involviment tagħhom fil-programmi ta’ missili ballistiċi tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, tikkostitwixxi appoġġ lill-Gvern Iranjan fis-sens tal-kriterju kontenzjuż.

75      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi evalwat il-valur probatorju tal-provi invokati mill-Kunsill insostenn ta’ kull waħda mir-raġunijiet għall-inklużjoni mill-ġdid tal-isem tar-rikorrenti fil-listi, stabbiliti fl-atti kkontestati (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), bil-għan li jiġi vverfikat jekk, fid-dawl tal-kontenut u tal-portata tal-kriterju kontenzjuż, speċifikati b’mod partikolari fil-punti 54 u 67 sa 70 iktar ’il fuq, dawn ir-raġunijiet humiex sostnuti sal-grad rikjest mil-liġi (ara l-punti 77 sa 103 iktar ’il fuq). Dan l-eżami jippermetti li jiġi stabbilit jekk, meqjusa flimkien, dawn ir-raġunijiet jippermettux b’hekk li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni mill-ġdid tal-isem tar-rikorrenti (ara l-punt 104 iktar ’il fuq).

76      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument li r-rikorrenti invokat fis-seduta u li d-dokumenti mressqa mill-Kunsill sabiex isostni r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isimha fl-atti kkontestati kienu qodma wisq. Fil-fatt, fir-rigward tal-iżvilupp ta’ satelliti u ta’ dgħajjes “intelliġenti”, il-maġġoranza tad-dokumenti invokati mill-Kunsill huma tal-2012 u jixhdu kooperazzjoni mingħajr data finali speċifika (MD 176/14 RELEX, MD 177/14 RELEX, MD 178/14 RELEX). Barra minn hekk, id-dokument MD 179/14 RELEX, marbut ma’ diskors tal-kmandant tal-forzi navali tal-IRGC u li deher fis-sit tal-internet tar-rikorrenti, kellu d-data ta’ Jannar 2014. Fir-rigward tal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-forzi tal-ajru tal-IRGC, jeħtieġ li jitfakkar li d-dokument MD 180/14 RELEX kien għadu jidher fuq dan is-sit fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

–       Fuq il-ftehim mal-AIO għall-produzzjoni ta’ satelliti

77      Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu marbuta mal-ftehim tar-rikorrenti mal-AIO għall-produzzjoni tas-satelliti, il-Kunsill ipproduċa d-dokumenti MD 176/14 RELEX u MD 177/14 RELEX, inkludi fil-proċess (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Dawn kienu kopji tal-paġni tal-internet li rriżultaw minn arkivji ta’ rappurtaġġ tal-BBC, redatti bl-Ingliż, li jirriproduċu t-test ta’ żewġ rapporti tal-aġenzija tal-istampa tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, l-Islamic Republic News Agency (IRNA). Kif irrilevat ir-rikorrenti, dawn ir-rapporti tal-IRNA ma ġewx prodotti. Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti tal-BBC. Hija ssostni, essenzjalment, li din l-informazzjoni ma tiġġustifikax l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha fil-listi.

78      L-ewwel wieħed minn dawn id-dokumenti (MD 176/14 RELEX), tat‑3 ta’ Frar 2012 u intitolat “Iran to have greater achievements in space industry-defence minister” (“L-Iran sejra toħloq kisbiet ikbar fl-industrija spazjali skont il-ministru tad-difiża”), jagħmel riferiment għall-istqarrija tal-ministru tad-difiża Iranjan dwar it-tnedija mill-AIO ta’ satellita iddiżinjata u mibnija mill-istudenti tar-rikorrenti, taħt id-direzzjoni ta’ membri tal-High Council of Space. Skont dikjarazzjoni tad-direttur tal-AIO, ukoll irriprodotta fid-dokument imsemmi iktar ’il fuq, din kienet satellita ta’ prova kkontrollata b’mod remot, li kienet tieħu filmat tad-dinja bi preċiżjoni aħjar. Filwaqt li tiżen 50 kilo, din il-mikrosatellita kellha applikazzjonijiet differenti f’diversi oqsma, bħall-meteoroloġija, il-ġestjoni ta’ katastrofi naturali u l-kejl tat-temperatura u tal-umdità fl-arja.

79      It-tieni dokument (MD 177/14 RELEX), tat-2 ta’ Otturbu 2012 u intitolat “Iran to launch more satellites this year” (“L-Iran ser iniedi iktar satelliti din is-sena”), jagħmel riferiment għall-istqarrija tad-direttur tal-AIO dwar it-tnedija ta’ satellita oħra mibnija mir-rikorrenti, mgħammra b’pannelli solari, li kellha l-missjoni li tieħu ritratti tad-dinja minn għoli ta’ 250 sa 370 kilometru.

80      Ir-rikorrenti ssostni li d-dokument MD 176/14 RELEX jirrigwarda mikrosatellita ddiżinjata għall-finijiet paċifiċi. Barra minn hekk, hija ma pparteċipatx fl-iddiżinjar u l-fabbrikazzjoni tas-sistemi ta’ twassil jew ta’ tnediji ta’ din is-satellita u lanqas f’dawk tas-satellita msemmija fid-dokument MD 177/14 RELEX. Id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq ma kienu jinkludu l-ebda prova tal-fatt li l-iddiżinjar u l-bini tas-satelliti li jsemmu kienu jiffavorixxu t-twettiq mill-Gvern Iranjan tal-attivitajiet tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari.

81      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dokumenti MD 176/14 RELEX u MD 177/14 RELEX ma jinkludu l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li ż-żewġ satelliti msemmija ġew iddiżinjati speċjalment jew immodifikati għal użu militari, fis-sens tal-lista komuni ta’ tagħmir militari (ara l-punt 66 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dawn id-dokumenti ma jagħmlu l-ebda riferiment għal ftehim bejn ir-rikorrenti u l-AIO għall-produzzjoni ta’ satelliti.

82      Madanakollu, iċ-ċirkustanza li t-tnedija tal-ewwel satellita mill-AIO ġiet mħabbra mill-ministru tad-difiża Iranjan (ara l-punt 78 iktar ’il fuq) tikkonferma l-interess li din is-satellita tippreżenta fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu. Barra minn hekk, il-fatt li l-AIO, li tniedi satelliti, hija wkoll inkluża fil-listi minħabba l-involviment tagħha fil-produzzjoni tal-missili jikkonferma din l-analiżi (ara l-punt 70 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, l-assenza ta’ kull involviment tar-rikorrenti fl-iddiżinjar u l-produzzjoni ta’ sistemi ta’ tnediji, invokata minn din tal-aħħar, hija irrilevanti, peress li l-Kunsill jallega biss l-attivitajiet tar-rikorrenti marbuta mal-iddiżinjar u l-produzzjoni ta’ satelliti.

83      Għaldaqstant, l-attivitajiet tar-rikorrenti marbuta mal-produzzjoni ta’ satelliti jistgħu jitqiesu li huma appoġġ lill-Gvern Iranjan, fis-sens tal-kriterju kontenzjuż.

–       Fuq il-koperazzjoni mal-ministeru tad-difiża Iranjan u l-IRGC dwar il-kompetizzjoni għal dgħajjes “intelliġenti”

84      Sabiex juri li r-rikorrenti tikkoopera mal-ministeru tad-difiża Iranjan u l-IRGC fil-kuntest tal-kompetizzjonijiet għal dgħajjes “intelliġenti”, il-Kunsill ipproduċa, minn naħa, id-dokumenti MD 178/14 RELEX u MD 179/14 RELEX, inklużi fil-fajl tiegħu (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, fl-anness tal-kontroreplika, artiklu ppubblikat fis-sit internet tal-ġurnal Iran Daily Brief, imtella’ fit-30 ta’ Jannar 2014.

85      Id-dokument MD 178/14 RELEX huwa artiklu tal-istampa ppubblikat mill-aġenzija tal-istampa Fars News Agency, tat-12 ta’ Mejju 2012. Dan l-artiklu, intitolat “Kooperazzjoni mill-qrib bejn Sharif University u l-ministeru tad-difiża/Il-problemi tal-forzi navali huma injorati fl-Iran”, jippubblika intervista tal-President tal-grupp ta’ inġiniera navali tar-rikorrenti f’din l-aġenzija, li fiha dan l-uffiċjal għoli tar-rikorrenti jagħmel riferiment għal ftehim, konkluż bejn kummissjoni xjentifika tar-rikorrenti u l-organizzazzjoni tal-industriji navali tal-ministeru tad-difiża, fir-rigward tal-kompetizzjonijiet għad-dgħajjes “intelliġenti”. Skont dan il-ftehim, ma kien hemm l-ebda restrizzjoni finanzjarja jew operattiva għall-proġetti approvati. Din il-kooperazzjoni mill-qrib bejn ir-rikorrenti u l-organizzazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-ministeru tad-difiża bdiet sentejn qabel.

86      Fir-rigward tad-dokument MD 179/14 RELEX, dan jinkudi b’mod partikolari artiklu li jirriżulta mis-sit internet tar-rikorrenti, tal-21 ta’ Jannar 2014 u intitolat “Appoġġ tal-forzi navali lill-persuna magħżula fil-kompetizzjonijiet għad-dgħajjes ‘intelliġenti’ ”. Dan l-artikolu jippubblika diskors tal-kmandant tal-forzi navali tal-IRGC, waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tat-tielet kompetizzjoni għad-dgħajjes “intelliġenti”, li jagħmel riferiment għall-importanza strateġika tal-iżvilupp teknoloġiku ta’ dawn it-tip ta’ dgħajjes u għall-kooperazzjoni tal-forzi navali tal-IRGC u ta’ ċentri ta’ riċerka Iranjani.

87      Ir-rikorrenti jsostnu li mid-dokument MD 178/14 RELEX jirriżulta li, fil-mument tal-intervista li dan jippubblika, ma ġie konkluż l-ebda proġett. Barra minn hekk, dan id-dokument ma jinkludi l-ebda informazzjoni dwar proġetti eventwali. Fir-replika, ir-rikorrenti speċifikat li hija kienet organizzat kompetizzjonji waħda għal dgħajjes “intelliġenti”. Id-dokument MD 179/14 RELEX, li ma jsemmix lir-rikorrenti, b’hekk jagħmel riferiment għal kompetizzjoni li ma kinitx organizzata mir-rikorrenti. Barra minn hekk, ma jirriżultax neċessarjament mid-diskors tal-kmandant tal-forzi navali tal-IRGC li d-dgħajjes inkwistjoni kienu maħsuba għal użu militari. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma spjegax għaliex il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-iddiżinjar tad-dgħajjes, anki għal użu militari, kienet tiffavorixxi t-twettiq mill-Gvern Iranjan tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

88      Fil-kontroreplika, il-Kunsill sostna li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma organizzatx it-tielet kompetizzjoni għal dgħajjes “intelliġenti” hija kkonfutata minn artikolu ppubblikat fis-sit internet tal-ġurnal Iran Daily Brief, prodott fl-anness tal-kontroreplika.

89      Dan l-artiklu, tat-30 ta’ Jannar 2014, huwa intitolat kif ġej: “Skont il-kmandant tal-forzi navali tal-IRGC, ġiet stabbilita organizzazzjoni għall-bastimenti tal-gwerra intelliġenti” (“IRGCN commander: Organisation of Smart Combat Vessels established”). Dan indika li, fid-diskors li huwa għamel waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tat-tielet kompetizzjoni ta’ “vetturi tal-wiċċ awtonomi” [“Autonomous Surface Vehicles (ASV)”], li saret fix-Sharif University of Technology, il-kmandant tal-forzi navali tal-IRGC iddikjara li kienet ġiet stabbilita taqsima ta’ kumbattiment tad-dgħajjes “intelliġenti” mill-IRGC.

90      Minn dan l-artikolu jirriżulta, minn naħa, li fin-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni oħra pprovduta mir-rikorrenti, it-tielet kompetizzjoni għal dgħajjes “intelliġenti” kienet tikkonċerna dgħajjes li jistgħu jintużaw għal finijiet militari. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li ċ-ċeremonja tal-ftuħ ta’ din il-kompetizzjoni saret fl-uffiċini tar-rikorrenti tippermetti li jitqies li, salv għal prova kuntrarja, hija kienet involuta fl-organizzazzjoni tagħha.

91      L-artikolu tat-30 ta’ Jannar 2014, imsemmija iktar ’il fuq, b’hekk tikkostitwixxi prova addizzjonali li tikkorrobora l-elementi inklużi fid-dokumenti MD 178/14 RELEX u MD 179/14 RELEX, marbuta mal-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-ministeru tad-difiża u l-IRGC fil-kuntest tal-kompetizzjoni għal dgħajjes “intelliġenti” (ara l-punti 85 u 86 iktar ’il fuq). Dan ma kienx jinkludi elementi fattwali ġodda insostenn tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti, iżda sempliċiment isostni l-allegazzjonijiet diġà mwettqa mill-Kunsill fl-ittra tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2014 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) u jirrispondi għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant dan jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, minkejja li ma kienx jinsab fil-fajl tal-Kunsill u mingħajr ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrenti.

92      Minn dan isegwi li l-Kunsill stabbilixxa sal-grad rikjest mil-liġi li l-attività tar-rikorrenti li tikkonċerna l-kompetizzjonijiet marbuta mad-dgħajjes “intelliġenti” kienet tissodisfa l-kriterju kontenzjuż.

–       Fuq il-ftehim bejn ir-rikorrenti u l-forzi tal-ajru tal-IRGC

93      Il-Kunsill ipproduċa t-test ta’ “Ftehim sabiex jiġi assenjat l-ispazju fil-post tat-teknoloġija ta’ Sharif” (“Agreement to Assign Space in Sharif’s Technology House”) bejn id-dipartiment tar-riċerka u tat-teknoloġija tar-rikorrenti u l-forzi aerospazjali tal-IRGC – irrappreżentati mid-direttur tal-istitut ta’ riċerka SAK ta’ dawn il-forzi aerospazjali (iktar ’il quddiem l-“Istitut ta’ riċerka”), li jinsab fil-fajl tiegħu bir-referenza MD 180/14 RELEX.

94      Ir-rikorrenti ssostni li din hija sempliċement ittra ta’ intenzjoni, mhux iffirmata. Barra minn hekk, din l-ittra kienet tipprevedi biss il-linji ta’ politika ġenerali tal-kooperazzjoni u kellha tiġi kkompletata minn ftehimiet operattivi speċifiċi.

95      Il-Kunsill jispeċifika li d-dokument MD 180/14 RELEX irriżulta mis-sit internet tar-rikorrenti. Huwa jsostni li, anki jekk il-ftehim ma ġiex iffirmat mill-partijiet, dan il-ftehim jikkonferma, fi kwalunkwe każ, intenzjoni reali li jiġi żviluppat ċertu livell ta’ kooperazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-istitut ta’ riċerka.

96      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, skont id-dokument MD 180/14 RELEX, il-ftehim kien previst għall-perijodu ta’ bejn id-data tal-ftehim tiegħu u l-20 ta’ Marzu 2013, u li dan seta’ jiġi pprorogat skont il-livell ta’ attività, bi ftehim komuni bejn il-partijiet. Barra minn hekk, it-test tal-ftehim kien għadu qiegħed jixxandar fuq l-internet tar-rikorrenti waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, is-7 ta’ Novembru 2014. Dawn iċ-ċirkustanzi jippermettu li jiġi preżunt li r-rikorrenti kellha rabtiet mal-forzi aerospazjali tal-IRGC bil-ħsieb ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika.

97      Ċertament, kif tirrileva r-rikorrenti, dan il-ftehim ma jagħmilx riferiment espress għal attivitajiet fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu. Madankollu, il-klawżoli tal-ftehim jixhdu influwenza determinanti tal-istitut ta’ riċerka u, għaldaqstant, tal-IRGC fuq ir-relazzjonijiet tar-rikorrenti mal-industrija kif ukoll fuq l-għażla u s-segwitu tal-proġetti tagħha ta’ riċerka. Fil-fatt minn dan il-ftehim jirriżulta espressament li dan b’mod ġenerali għandu l-għan li jiżviluppa u li jorganizza r-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-industrija, u li jipprova jissodisfa l-bżonnijiet tal-industrija bir-riżorsi eżistenti tar-rikorrenti. L-istitut ta’ riċerka jobbliga ruħu b’mod partikolari li jikkonkludi kuntratt mar-rikorrenti bil-ħsieb tal-eżekuzzjoni tal-proġetti ta’ riċerka rikjest mill-industrija, b’mod partikolari l-proposti mressqa minn dan l-istitut (punt 5.1 tal-ftehim). Dan tal-aħħar jiddefinixxi oqsma speċifiċi ta’ interess għall-impriżi u jippreżenthom lir-rikorrenti bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ kuntratt (punt 5.11 tal-ftehim). Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti rabtet lilha nnifisha b’mod partikolari li tippreżenta rapporti perjodiċi fuq ir-riżultati tar-riċerki tagħha inkonnessjoni mal-industrija (punt 6.1 tal-ftehim) u li tipprovdi r-riżorsi universitarji marbuta mal-industrija (punt 6.4 tal-ftehim).

98      Dawn l-elementi ma jippermettux li jiġi stabbilit, waħidhom, li r-rikorrenti kienet tipprovdi appoġġ lill-Gvern Iranjan fir-rigward tat-tagħmir li jaqa’ taħt il-lista komuni ta’ tagħmir militari (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). Madankollu, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-ftehim imsemmi iktar ’il fuq mal-forzi aerospazjali tal-IRGC kien jipprevedi kooperazzjoni mill-qrib u sistematika bejn ir-rikorrenti u l-istitut ta’ riċerka fir-rigward tal-attività ta’ riċerka tar-rikorrenti, skont il-bżonnijiet tal-industirja Iranjana. Dan il-ftehim b’hekk japplika għall-oqsma kollha industrijali, inkluż il-qasam militari u l-oqsma marbuta miegħu, imsemmija fir-raġuniijet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti. Fid-dawl tal-ivolviment tal-IRGC fil-programm nukleari u l-kontroll operattiv tal-programm tal-missili ballistiċi fl-Iran (ara l-punt 70 iktar ’il fuq) kif ukoll fid-diversi setturi ewlenin tal-ekonomija, il-ftehim jikkonferma li l-appoġġ b’hekk ipprovdut mir-rikorrenti lill-Gvern Iranjan jaqa’, minħabba l-portata tiegħu, taħt il-kriterju kontenzjuż (ara l-punt 68 iktar ’il fuq).

–       Fuq il-ftehim bejn ir-rikorrenti u s-sitt universitajiet l-oħra fil-qasam tar-riċerka marbuta mad-difiża

99      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim bejn ir-rikorrenti u s-sitt universitajiet l-oħra bil-għan li jiġi pprovdut appoġġ lill-Gvern Iranjan permezz tar-riċerka marbuta mad-difiża, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq id-dokument MD 181/14 RELEX, li jinsab fil-fajl tiegħu u li jinkludi ġabra ta’ informazzjoni li tirriżulta mis-siti fuq l-internet tal-aġenziji tal-istampa Iranjani, b’mod partikolari l-IRNA, fir-rigward tal-iżviluppi militari fl-Iran mill-15 ta’ Ġunju sal-11 ta’ Lulju 2012.

100    Minn dan id-dokument jirriżulta li artiklu tal-IRNA tat-23 ta’ Ġunju 2012 jindika li ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni bejn ir-rikorrenti u sitt universitajiet oħra, fil-qasam tal-edukazzjoni, ta’ riċerka komuni u tal-ħolqien ta’ ċentri ta’ eċċellenza. Il-ministru tax-xjenzi, tar-riċerka u tat-teknoloġija enfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol tal-universitajiet fin-“newtralizzazzjoni tal-manuvri tal-għedewwa u tal-pjanijiet li immirati lejn il-komunità universitarja tal-pajjiż”. Dan ħabbar li l-ministeru kien ipprovda l-appoġġ finianzjarju tiegħu fir-rigward tar-riċerka u l-attivitajiet fl-oqsma marbuta mad-difiża.

101    Madankollu, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill, il-ftehim imsemmi iktar ’il fuq ma jistax jikkostitwixxi indizju ta’ appoġġ tar-rikorrenti lill-Gvern Iranjan, fis-sens tal-kriterju kontenzjuż. Fil-fatt, dan huwa ftehim ta’ kooperazzjoni bejn universitajiet, li huwa marbut b’mod ġenerali mal-attivitajiet abitwali ta’ tagħlim u ta’ riċerka inerenti għall-universitajiet. F’dan il-kuntest, id-dikjarazzjonijiet ġenerali tal-ministeru tax-xjenzi, tar-riċerka u tat-teknoloġija, irriprodotti fid-dokument MD 181/14 RELEX, ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi preżunt, fin-nuqqas ta’ kull informazzjoni konkreta dwar il-kontenut ta’ dan il-ftehim, li dan huwa marbut b’mod iktar speċifiku ma’ attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam tad-difiża u fl-oqsma marbuta miegħu, u li b’hekk jipparteċipa f’appoġġ lill-Gvern Iranjan.

–       Fuq il-korsijiet universitarji fil-qasam tal-iddiżinjar tad-drones

102    Ir-rikorrenti tirrileva ġustament li d-dokumenti prodotti mill-Kunsill ma jinkludu l-ebda prova tal-fatt li hija kienet tipprovdi korsijiet elaborati mill-ministeru tax-xjenzi, tar-riċerka u tat-teknoloġija fil-qasam tal-iddiżinjar tad-drones.

103    Għaldaqstant, peress li din ir-raġuni għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi ma ġietx sostnuta, hija ma tistax tikkontribwixxi sabiex tinstab ġustifikazzjoni għall-adozzjoni tal-atti kkontestati.

–       Konklużjoni

104    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi, marbuta mal-attività tagħha, minn naħa, fil-qasam tas-satelliti u, min-naħa l-oħra, f’dak tad-dgħajjes “intelliġenti”, huma sostnuti suffiċjentement, kif ġie diġà deċiż fil-punti 83 u 92 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-ftehim bejn ir-rikorrenti u l-forzi bl-ajru tal-IRGC jikkonferma l-impenn tar-rikorrenti lejn il-Gvern Iranjan fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu (ara l-punt 98 iktar ’il fuq). Dawn ir-raġunijiet kollha b’hekk jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti, fl-atti kkontestati, abbażi tal-kriterju kontenzjuż.

105    Isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

106    Qabelxejn, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimiha fil-listi ma hijiex fondata, l-atti kkontestati jiksru d-dritt għall-proprjetà u jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

107    Sussegwentement, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li ma hijiex impriża kummerċjali, iżda università. Għaldaqstant, l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi ma tolqotx biss id-drittijiet tagħha, iżda wkoll fuq dawk tal-korp tal-għalliema u tal-istudenti tagħha. Din l-inklużjoni hija wkoll ta’ natura sproporzjonata, peress li ddgħajjef ukoll id-drittijiet tal-kollaboraturi xjentifiċi tagħha, id-dritt għall-edukazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 tal-imsemmija konvenzjoni u fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

108    Fl-aħħar ir-rikorrenti tallega li l-atti kkontestati kellhom effett negattiv fuq l-attività tagħha ta’ riċerka u ta’ tagħlim, b’mod partikolari sa fejn, sa mill-inklużjoni inizjali tagħha, l-edituri waqfu milli jippubblikaw artikli ta’ awturi Iranjani u annullaw kuntratti mar-rikorrenti marbuta mal-pubblikazzjoni ta’ ħames xogħlijiet bl-Ingliż, sa fejn hija ma tirċevix iktar ir-revisti u lanqas ix-xogħlijiet u l-katalgi xjentifiċi ppubblikati fl-Ewropa, sa fejn hija ma għadhiex tasal sabiex tikseb il-materjal ta’ riċerka u tal-laboratorju fl-Istati Membri tal-Unjoni u ma għandhiex iktar aċċess għal ċerti siti internet ta’ riċerka, u sa fejn il-membri tagħha ma għandhomx jiksbu viżi sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Membru tal-Unjoni Ewropea.

109    Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, Ġabra, EU:T:2013:431, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li l-atti kkontestati jolqtu mhux biss id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, iżda wkoll fuq l-attività tagħha ta’ riċerka u ta’ tagħlim, kif ukoll id-drittijiet l-oħra msemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li dawn l-atti huma ta’ natura sproporzjonata. Fil-fatt, sa fejn, permezz tal-attivitajiet tagħha ta’ riċerka u ta’ żvilupp imsemmija fl-atti kkontestati, ir-rikorrenti pprovdiet appoġġ lill-Gvern Iranjan ipprojbit mil-leġiżlazzjoni applikabbli, kif ġie kkonstatat fil-punt 104 iktar ’il fuq, il-Kunsill seta’ jqis, mingħajr ma jeċċedi l-limiti tiegħu ta’ evalwazzjoni, li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kienet tikkostitwixxi miżura adegwata u neċessarja, għall-finijet tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari.

111    Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin tal-poter

112    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċirkustanza li d-dokumenti prodotti mill-Kunsill ma jippermettux li jsostnu r-raġunijiet ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha turi li l-Kunsill fir-realtà bbaża ruħu fuq raġunijiet oħra minbarra dawk iddikjarati fid-deċiżjoni stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali, annullata bis-sentenza Sharif University of Technology vs Il-Kunsill, punt 14 iktar ’il fuq (EU:T:2014:607).

113    Dan l-argument sempliċiment itenni, insostenn ta’ dan il-motiv, l-argument diġà invokat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, li l-Kunsill ma kkomunikalhiex ċerta informazzjoni li tinsab fil-fajl, li fuqha huma bbażati l-atti kkontestati. Dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 33 sa 35 iktar ’il fuq, li jeħtieġ li jsir riferiment għalihom.

114    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li, mit-tliet universitajiet inklużi fil-listi, hija l-unika waħda li l-inklużjoni tagħha hija bbażata fuq il-kriterju kontenzjuż. L-inklużjoni taż-żewġ universitajiet l-oħra hija bbażata fuq il-kriterju ta’ implikazzjoni fil-programm nukleari tal-Iran. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tqis li l-assenza ta’ inklużjoni ta’ ħames universitajiet li huma, flimkien magħha, partijiet fil-ftehim bejn sitt universitajiet bil-għan li jappoġġaw lill-Gvern Iranjan permezz tar-riċerka marbuta mad-difiża, imsemmi f’wieħed mill-motivi tal-atti kkontestati, turi li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha kien fir-realtà ibbażata fuq raġuni differenti.

115    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tal-inklużjoni għal raġunijiet differenti miż-żewġ universitajiet l-oħra, imsemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq, hija irrilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-ħames universitajiet l-oħra li huma parti fil-ftehim imsemmi f’wieħed mill-motivi ta’ inklużjoni mill-ġdid tal-isem tar-rikorrenti fil-listi ma ġewx suġġetti għal miżuri restrittivi abbażi tal-kriterju kontenzjuż ma tistax tikkostitwixxi indizju ta’ użu ħażin ta’ poter.

116    Fil-fatt, mill-motivazzjoni tal-atti kkontestati jirriżulta li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ftehim tikkostitwixxi biss waħda mill-ħames raġunijiet għall-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha. Tlieta mir-raġunijiet l-oħra stabbiliti fl-atti kkontestati huma marbuta rispettivament mal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-entitajiet tal-Gvern Iranjan marbuta mal-produzzjoni tas-satelliti, mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni għal dgħajjes “intelliġenti” u mal-kooperazzjoni strateġika u organizzattiva tal-IRGC (ara l-punt 46 iktar ’il fuq). Issa, kif ġie deċiż fil-punt 104 iktar ’il fuq, dawn it-tliet raġunijiet, meqjusa flimkien, jiġġustifkaw l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrenti, filwaqt li r-raġuni marbuta mal-ftehim imsemmi iktar ’il fuq bejn sitt universitajiet fil-qasam tar-riċerka marbuta mad-difiża ġiet meqjusa bħala mhux sostnuta (ara l-punt 101 iktar ’il fuq).

117    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud.

118    Isegwi li t-talba għal annullament tal-atti kkontestati għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-talba għad-danni

119    Ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni mill-ġdid mhux iġġustifikata ta’ isimha fil-listi kkawżat dannu lir-reputazzjoni tagħha. L-annullament ta’ din l-inklużjoni mill-ġdid ma hijiex suffiċjenti sabiex hija tiġi kkumpensata għal dan id-dannu.

120    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, Ġabra, EU:T:2014:986, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    In-natura kumulattiva ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà timplika li, meta waħda minnhom ma tiġix issodisfatta, ir-rikors għal danni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni, C-122/01 P, Ġabra, EU:C:2003:259, punt 30, u Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, punt 120 iktar ’il fuq, EU:T:2014:986, punt 48).

122    Peress li fil-każ preżenti ma ġietx issodisfatta l-kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti, kif ġie kkonstatat fil-punt 118 iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għad-danni tar-rikorrenti u għaldaqsant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

124    Peress li r-rikorrenti tilfet it-talbiet u l-motivi kollha tagħha, u l-Kunsill għamel talba f’dan is-sens, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sharif University of Technology għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ April 2016.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq it-talba għal annullament

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju kontenzjuż fir-rigward tal-attivitajiet fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta, imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati

Fuq il-provi invokati mill-Kunsill

–  Fuq il-ftehim mal-AIO għall-produzzjoni ta’ satelliti

–  Fuq il-koperazzjoni mal-ministeru tad-difiża Iranjan u l-IRGC dwar il-kompetizzjoni għal dgħajjes “intelliġenti”

–  Fuq il-ftehim bejn ir-rikorrenti u fl-forzi tal-ajru tal-IRGC

–  Fuq il-ftehim bejn ir-rikorrenti u s-sitt universitajiet l-oħra fil-qasam tar-riċerka marbuta mad-difiża

–  Fuq il-korsijiet universitarji fil-qasam tal-iddiżinjar tad-drones

–  Konklużjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetŕ u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin tal-poter

2.  Fuq it-talba għad-danni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.