Language of document : ECLI:EU:C:2018:551

Kawża C25/17

Proċedura mressqa mit-Tietosuojavaltuutettu

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva – Artikolu 3 – Ġbir ta’ data personali mill-membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb tagħhom – Artikolu 2(ċ) – Kunċett ta’ ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ – Artikolu 2(d) – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑10 ta’ Lulju 2018

1.        Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Natura allegatament ineżatta ta’ premessi fattwali li jinsabu fl-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet interessati fi proċedura għal deċiżjoni preliminari jew fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Ġustifikazzjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Assenza

(Artikolu 267 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon – Kunċett ta’ reliġjon – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 10(1))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Kamp ta’ applikazzjoni – Ipproċessar ta’ data personali implimentat għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni jew imwettqa minn persuni fiżiċi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi – Esklużjoni – Applikabbiltà għall-ġbir ta’ data personali mill-membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb tagħhom – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 10(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 3(2))

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Kamp ta’ applikazzjoni – Sistema ta’ ħażna ta’ data personali – Kunċett – Sett ta’ data personali miġbura fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb u strutturata sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri tagħha – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(ċ))

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Kontrollur responsabbli għall-ipproċessar – Ġbir ta’ data personali mill-membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb tagħhom – Imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ipproċessar lill-komunità – Indħil fl-awtonomija organizzativa ta’ tali komunitajiet – Assenza

(Artikolu 17 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 10(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(d))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26, 28)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 47)

3.      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġbir ta’ data personali mwettaq minn membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb u l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data la jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali implimentat għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet koperti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva u lanqas ma jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali mwettaq minn persuni fiżiċi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punt 51 u d-dispożittiv 1)

4.      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ ħażna”, previst f’din id-dispożizzjoni, ikopri sett ta’ data personali miġbura fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb, li tinkludi ismijiet u indirizzi kif ukoll informazzjoni oħra dwar il-persuni kkuntattjati, f’sitwazzjoni fejn din id-data tkun strutturata skont kriterji partikolari li jippermettu, fil-prattika, li din id-data tinstab faċilment għall-finijiet ta’ użu ulterjuri. Sabiex tali sett jaqa’ taħt dan il-kunċett, ma huwiex meħtieġ li jinkludi skedi, listi speċifiċi jew sistemi oħra ta’ riċerka.

(ara l-punt 62 u d-dispożittiv 2)

5.      L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li komunità reliġjuża titqies li hija l-kontrollur responsabbli, flimkien mal-membri predikaturi tagħha, għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb organizzata, ikkoordinata u inkoraġġuta minn din il-komunità, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-imsemmija komunità jkollha aċċess għal din id-data jew li jiġi stabbilit li tat lill-membri tagħha linji gwida bil-miktub jew istruzzjonijiet fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar.

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni permezz tal-prinċipju ta’ awtonomija organizzattiva tal-komunitajiet reliġjużi, li jirriżulta mill-Artikolu 17 TFUE. Fil-fatt, l-obbligu ta’ kull persuna li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali ma jistax jitqies li huwa ndħil fl-awtonomija organizzattiva tal-imsemmija komunitajiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 58).

(ara l-punti 74, 75, u d-dispożittiv 3)