Language of document : ECLI:EU:C:2016:878

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Novembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikoli 2 u 3 – Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Portata – Kotba ‘li ma humiex disponibbli’ li ma humiex jew li ma humiex iktar ippubblikati – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tafda lil soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ sfruttament diġitali, għal finijiet kummerċjali, tal-kotba li ma humiex disponibbli – Preżunzjoni legali ta’ kunsens tal-awturi – Assenza ta’ mekkaniżmu li jiggarantixxi l-informazzjoni effettiva u individwalizzata tal-awturi”

Fil-Kawża C‑301/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Marc Soulier,

Sara Doke

vs

Premier ministre,

Ministre de la Culture et de la Communication,

fil-preżenza ta’:

Société française des intérêts des auteurs de l’écrit (SOFIA),

Joëlle Wintrebert et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Soulier u S. Doke, minn F. Macrez, avukat,

–        għas-Société française des intérêts des auteurs de l’écrit (SOFIA), minn C. Caron u C. Fouquet, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek kif ukoll minn S. Šindelková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann kif ukoll minn D. Kuon, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Drwięcki u M. Nowak, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u J. Samnadda kif ukoll minn T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa, Marc Soulier u Sara Doke, u, min-naħa l-oħra, il-Premier ministre (prim ministru) u l-Ministre de la Culture et de la Communication (ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni) dwar il-legalità tad-Digriet Nru 2013‑182, tas-27 ta’ Frar 2013, li japplika l-Artikoli L.134‑1 sa L.134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali u dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli tas-seklu XX (Décret n° 2013‑182, du 27 février 2013, portant application des articles L.134-1 à L.134-9 du code de la propriété intellectuelle et relatif à l’exploitation numérique des livres indisponibles du XXème siècle) (JORF tal-1 ta’ Marzu 2013, p. 3835).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Berne

3        L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”) jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafi (1) u (6):

“1.      It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artisitiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni bħal: il-kotba, […].

[…]

6.      Ix-xogħlijiet imsemmija iktar ’il fuq igawdu mill-protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni. Din il-protezzjoni hija eżerċitata favur l-awtur u l-aventi kawża tiegħu.”

4        Skont l-Artikolu 3(1) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berne:

“1.      Huma protetti bis-saħħa ta’ din il-[k]onvenzjoni:

a)      l-awturi ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni, fir-rigward tax-xogħlijiet tagħhom, kemm jekk ippubblikati kif ukoll jew le;

[…]

3.      It-terminu ‘xogħlijiet ippubblikati’, ifisser ix-xogħlijiet ippubblikati bil-kunsens tal-awturi tagħhom, indipendentement mill-mod ta’ manufattura tal-kopji, sakemm it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar kien tali li jissodisfa l-bżonnijiet raġonevoli tal-pubbliku, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tax-xogħol. […]”

5        L-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      L-awturi jgawdu, fir-rigward tax-xogħlijiet li għalihom huma protetti bis-saħħa ta’ din il-[k]onvenzjoni, fil-pajjiżi tal-Unjoni għajr il-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, mid-drittijiet li l-liġijiet rispettivi jagħtu attwalment jew jistgħu jagħtu sussegwentement liċ-ċittadini, kif ukoll mid-drittijiet speċjalment mogħtija minn din il-[k]onvenzjoni.

2.      It-tgawdija u l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ma huma suġġetti għal ebda formalità; din it-tgawdija u dan l-eżerċizzju huma indipendenti mill-eżistenza tal-protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol. Għaldaqstant, minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni, il-portata tal-protezzjoni kif ukoll ir-rimedji ggarantiti lill-awtur sabiex jipproteġi d-drittijiet tiegħu huma esklużivament irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih qegħda tintalab il-protezzjoni.”

6        L-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti minn din il-[k]onvenzjoni jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet, indipendentement mill-mod jew mill-forma.”

7        L-Artikolu 11a tal-istess konvenzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw:

[…]

2.      kull komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili kif ukoll mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni issir minn korp ieħor għajr dak ta’ oriġini;

[…]”

 It-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur

8        Fl‑20 ta’ Diċembru 1996 l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève t-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur”), li kien ġie approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

9        Skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, bit-titolu “Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Berne”:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħarsu l-Artikoli 1 sa 21 u l-Appendiċi tal-Konvenzjoni ta’ Berne.”

 Id-dritt tal-Unjoni

10      Il-premessi 9, 15 u 32 tad-Direttiva 2001/29 jindikaw:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

[…]

(15)      Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-‘Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO’ u t-‘Trattat dwar l-Artisti u l-Fonogrammi WIPO[’], li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. Dawn it-Trattati jaġġornaw il-protezzjoni internazzjonali għad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati b’mod sinifikanti, mhux l-anqas rigward l-hekk imsejħa ‘aġenda diġitali’ u jtejbu l-mezzi biex jiġġieldu l-piraterija madwar id-dinja. [L-Unjoni Ewropea] u l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri diġà ffirmaw it-Trattati u għaddej il-proċess biex jagħmlu arranġamenti għar-ratifika tat-Trattati mill-[Unjoni] u l-Istati Membri. Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.

[…]

(32)      Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.”

11      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, bit-titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”

12      L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

13      L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fil-każijiet li dan jelenka, eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet differenti għad-dritt ta’ riproduzzjoni u għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previsti fl-Artikoli 2 u 3 tal-istess direttiva,.

 Id-dritt Franċiż

14      Il-Liġi Nru 2012‑287, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli tas-seklu XX (Loi n° 2012‑287, du 1 er mars 2012, relative à l’exploitation numérique des livres indisponibles du XXème siècle, JORF Nru 53, tat-2 Marzu 2012, p. 3986), ikkompletat it-Titolu III tal-Ktieb I tal-ewwel parti tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle), iddedikat għall-“Isfruttament tad-drittijiet” marbuta mad-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ Kapitolu IV intitolat “Dispożizzjonijiet partikolari dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli” u li jikkonsisti mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 ta’ dan il-kodiċi. Uħud minn dawn l-artikoli iktar tard kienu ġew emendati jew imħassra, bil-Liġi Nru 2015‑195, tal-20 ta’ Frar 2015, li tinkludi diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-proprjetà letterarja u artistika u tal-patrimonju kulturali (Loi n°2015‑195, du 20 février 2015, portant diverses dispositions d’adaptation au droit de l’Union européenne dans les domaines de la propriété littéraire et artistique et du patrimoine culturel, JORF Nru 45, tat-22 ta’ Frar 2015, p. 3294).

15      L-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle), kif jirriżultaw minn dawn iż-żewġ liġijiet, huma fformulati kif ġej:

“Artikolu L. 134‑1

Ktieb li ma huwiex disponibbli fis-sens ta’ dan il-kapitolu jfisser ktieb ippubblikat fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 li ma għadux qed jiġi mxerred kummerċjalment minn pubblikatur u li attwalment ma huwiex qed jiġi ppubblikat fil-forma stampata jew diġitali.

Artikolu L. 134‑2

Għandha tinħoloq database pubblika, imqiegħda għad-dispożizzjoni online b’aċċess liberu u mingħajr ħlas minn servizz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, li telenka l-kotba li ma humiex disponibbli. Il-librerija nazzjonali ta’ Franza (Bibliothèque nationale de France) għandha tissorvelja l-ħolqien tagħha, l-aġġornament tagħha u r-reġistrazzjoni tan-noti previsti fl-Artikoli L. 134‑4, L. 134‑5 u L. 134‑6.

[…]

Artikolu L. 134‑3

I.      Meta ktieb jiġi rreġistrat fid-database msemmija fl-Artikolu L. 134‑2 għal iktar minn sitt xhur, id-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni tiegħu u r-rappreżentazzjoni tiegħu fil-forma diġitali huwa eżerċitat minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet irregolata mit-Titolu II tal-Ktieb III ta’ din il-parti, awtorizzata għal dan l-għan mill-ministru responsabbli għall-kultura.

Ħlief fil-każ previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑5, ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali huma awtorizzati, bi ħlas ta’ remunerazzjoni, b’mod mhux esklużiv u għal żmien limitat ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded.

II. Is-soċjetajiet awtorizzati għandhom locus standi in judicio sabiex jiddefendu d-drittijiet li huma responsabbli għalihom.

III. L-awtorizzazzjoni prevista fil-punt I għandha tingħata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni:

[…]

2°      ir-rappreżentazzjoni ugwali tal-awturi u tal-pubblikaturi fost is-soċji u fi ħdan il-korpi diriġenti;

[…]

5°      in-natura ġusta tar-regoli ta’ tqassim tas-somom miġbura bejn l-aventi kawża, irrispettivament minn jekk humiex parti għall-kuntratt tal-pubblikazzjoni. L-ammont tas-somom miġbura mill-awtur jew mill-awturi tal-ktieb ma jistax ikun iżgħar mill-ammont tas-somom miġbura mill-pubblikatur;

6°      il-mezzi probatorji li s-soċjetà tipproponi li timplementa sabiex tidentifika u ssib id-detenturi tad-drittijiet sabiex tqassam is-somom miġbura;

[…]

Artikolu L. 134‑4

I.      L-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jew il-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ dan il-ktieb jista’ jopponi għall-eżerċizzju, minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzata, tad-dritt ta’ awtorizzazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3. Din l-oppożizzjoni għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-korp imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑2 sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara r-reġistrazzjoni tal-ktieb ikkonċernat fid-database msemmija fl-istess subparagrafu.

[…]

Artikolu L. 134‑5

Fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni nnotifikata mill-awtur jew mill-pubblikatur fl-iskadenza tat-terminu previst fil-punt I tal-Artikolu L. 134‑4, is-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet għandha tipproponi awtorizzazzjoni ta’ riproduzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli lill-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ dan il-ktieb fil-forma stampata.

[…]

L-awtorizzazzjoni ta’ sfruttament imsemmija fl-ewwel subparagrafu tingħata mis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet b’mod esklużiv għal żmien ta’ għaxar snin li jista’ jiġġedded b’mod taċitu.

[…]

Jekk ma tiġix aċċettata l-proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu […], ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali huma awtorizzati mis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3.

[…]

Artikolu L. 134‑6

L-awtur u l-pubblikatur li għandhom id-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli għandhom jinnotifikaw b’mod konġunt fi kwalunkwe ħin lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3 bid-deċiżjoni tagħhom li jirtirawlha id-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-imsemmi ktieb fil-forma diġitali.

L-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li jirtira lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-istess Artikolu L. 134‑3 id-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali jekk huwa jipproduċi l-prova li huwa l-uniku detentur tad-drittijiet iddefiniti fl-imsemmi Artikolu L. 134‑3. Huwa għandu jinnotifikaha b’din id-deċiżjoni.

[…]

Artikolu L. 134‑7

Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ aċċess għad-database prevista fl-Artikolu L. 134‑2, in-natura kif ukoll il-format tad-data miġbura u l-iktar miżuri ta’ reklamar xierqa sabiex tiġi ggarantita l-aħjar informazzjoni possibbli lill-aventi kawża, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3, huma ppreċiżati b’digriet mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat).

Artikolu L. 134‑9

B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel tliet subparagrafi tal-Artikolu L. 321‑9, is-soċjetajiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu L. 134‑3 għandhom jużaw għal skopijiet ta’ għajnuna għall-ħolqien, għal skopijiet ta’ taħriġ tal-awturi tal-kitba u għal skopijiet ta’ promozzjoni tal-qari pubbliku implementati mil-libreriji, is-somom miġbura matul l-isfruttament tal-kotba li ma humiex disponibbli u li ma setgħux jitqassmu minħabba li d-destinatarji tagħhom ma setgħux jiġu identifikati jew misjuba qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu L. 321‑1.

[…]”

16      Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle) kienu ġew sussegwentement ippreċiżati, skont l-Artikolu L. 134‑7 ta’ dan il-kodiċi, permezz tad-Digriet Nru 2013‑182, li b’mod partikolari inkluda f’dan il-kodiċi l-Artikolu R. 134‑11, li jipprovdi:

“Il-miżuri ta’ reklamar imsemija fl-Artikolu 134‑7 għandhom jinkludu kampanja ta’ informazzjoni mibdija fuq l-inizjattiva tal-ministeru responsabbli għall-kultura, flimkien mas-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet u l-organizzazzjonijiet professjonali tas-settur tal-ktieb.

Din il-kampanja għandha tinkludi l-preżentazzjoni tal-qafas fuq servizz online ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, operazzjoni ta’ reklamar permezz ta’ messaġġi online, il-pubblikazzjoni ta’ flyers fl-istampa nazzjonali kif ukoll it-tqassim ta’ banners fuq siti internet ta’ informazzjoni

Din għandha tibda fid-data prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu R. 134‑1 u għandha tkompli għal perijodu ta’ sitt xhur.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Fis-sens tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle), “ktieb li ma huwiex disponibbli” ifisser, ktieb ippubblikat fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 u li ma huwiex iktar is-suġġett la ta’ tixrid kummerċjali u lanqas ta’ pubblikazzjoni fil-forma stampata jew diġitali. L-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 ta’ dan il-kodiċi stabbilixxew qafas legali intiż sabiex dawn il-kotba jsiru aċċessibbli mill-ġdid billi jiġi organizzat l-isfruttament kummerċjali tagħhom fil-forma diġitali. Id-Digriet Nru 2013‑182 ippreċiża l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

18      Permezz ta’ rikors irreġistrat fit-2 ta’ Mejju 2013, M. Soulier u S. Doke, li huma t-tnejn awturi ta’ xogħlijiet letterarji, talbu lill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) jannulla d-Digriet Nru 2013‑182.

19      Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma b’mod partikolari jsostnu li l-Artikoli L‑134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle) jistabbilixxu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 u li din l-eċċezzjoni jew din il-limitazzjoni ma hijiex inkluża fost dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tagħha.

20      Is-Syndicat des écrivains de langue française (sindakat tal-kittieba tal-lingwa Franċiża) (SELF), l-assoċjazzjoni Autour des auteurs u ħamsa u tletin persuna fiżika sussegwentement intervenew fil-proċeduri insostenn tat-talbiet ta’ M. Soulier u ta’ S. Doke.

21      Fid-difiża rispettiva tagħhom, il-Premier ministre (prim ministru) kif ukoll il-Ministre de la Culture et de la Communication (ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni) it-tnejn li huma talbu li dawn it-talbiet jiġu miċħuda.

22      Is-SOFIA sussegwentement interveniet fil-proċeduri fejn talbet hija wkoll li dawn it-talbiet jiġu miċħuda. Is-SOFIA tippreżenta ruħha bħala soċjeta kkostitwita b’mod ugwali minn awturi u minn pubblikaturi, responsabbli mill-ġestjoni tad-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli, tad-dritt ta’ self lill-pubbliku kif ukoll tar-remunerazzjoni għal kopja privata diġitali fil-qasam tal-kitba.

23      Wara li ċaħdet il-motivi kollha ta’ M. Soulier u ta’ S. Doke bbażati fuq bażijiet legali oħra minbarra l-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29, il-qorti tar-rinviju bdiet l-eżami ta’ dawk relattivi għal dawn l-artikoli, filwaqt li qieset mill-ewwel li t-trattament ta’ dan l-aspett tat-tilwima kien jiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dawn l-artikoli.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[L-Artikoli 2 u 5] tad-Direttiva 2001/29[…] jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik li ġiet [stabbilita mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle)], li tagħti lis-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati d-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ ‘kotba li ma humiex disponibbli’, filwaqt li jippermettu lill-awturi ta’ dawk il-kotba, jew lill-aventi kawża tagħhom, jopponu jew itemmu din il-prattika, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnha?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

25      Minn naħa huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda mhux biss id-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni fil-forma diġitali ta’ kotba li ma humiex disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, iżda wkoll id-dritt li tiġi awtorizzata rappreżentazzjoni tagħhom f’din l-istess forma, u li tali rappreżentazzjoni tikkostitwixxi “kommunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

26      Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ ebda mill-eċċezzjonijiet u mil-limitazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-publiku previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Issa, il-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet awtorizzati minn din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 32 tagħha.

27      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jidher li huwa irrilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tafda lil soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet tal-awtur awtorizzata l-eżerċizzju tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fil-forma diġitali, ta’ kotba li ma humiex disponibbli, filwaqt li tippermetti lill-awturi ta’ dawn il-kotba jew lill-aventi kawża tagħhom jopponu jew itemmu tali eżerċizzju, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu, rispettivament, li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-ripoduzzjoni diretta jew indiretta tax-xogħlijiet tagħhom, indipendentement mill-mod jew mill-forma, kif ukoll id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet.

30      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-awturi għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 43, u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 96).

31      Għaldaqstant, din il-protezzjoni għandha tiġi mifhuma, b’mod partikolari, fis-sens li din ma hijiex limitata għat-tgawdija tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 2(a) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda testendi wkoll għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

32      Tali interpretazzjoni hija kkorraborata mill-Konvenzjoni ta’ Berne, li l-Unjoni hija obbligata tikkonforma ruħha mal-Artikoli 1 sa 21 tagħha skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li l-Unjoni hija parti għalih u li d-Direttiva 2001/29 hija b’mod partikolari intiża li timplementa, hekk kif tindika l-premessa 15 tagħha. Fil-fatt, mill-Artikolu 5(2) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li l-protezzjoni li din tiggarantixxi lill-awturi testendi kemm għat-tgawdija kif ukoll għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 11a(1) tagħha, li jikkorrispondu għal dawk protetti mid-Direttiva 2001/29.

33      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet iggarantiti lill-awturi mill-Artikolu 2(a) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huma ta’ natura preventiva, fis-sens li kull att ta’ riproduzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol minn terz jeħtieġ il-kunsens minn qabel tal-awtur tiegħu (fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 57 u 74, u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 162, u, fir-rigward tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 75, u tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 15).

34      Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet u għal-limitazzjonijiet previsti, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, kull użu ta’ xogħol imwettaq minn terz mingħajr tali kunsens minn qabel għandu jitqies li jikser id-drittijiet tal-awtur ta’ dan ix-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 24 u 25).

35      Madankollu, l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jippreċiżawx il-mod li bih il-kunsens minn qabel tal-awtur għandu jiġi espress, b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jimponu li tali kunsens ikun neċessarjament espress b’mod espliċitu. Għall-kuntrarju, hemm lok li jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu wkoll li dan jiġi espress b’mod impliċitu.

36      Għaldaqstant, f’kawża li fiha ġiet mistoqsija dwar il-kunċett ta’ “pubbliku ġdid”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’sitwazzjoni fejn awtur kien awtorizza, minn qabel, espliċitament u mingħajr riżervi, il-pubblikazzjoni tal-artikli tiegħu fuq is-sit internet ta’ pubblikatur ta’ gazzetta, mingħajr ma rrikorra barra minn hekk għal miżuri tekniċi li jillimitaw l-aċċess għal dawn ix-xogħlijiet minn siti internet oħra, dan l-awtur seta’ essenzjalment jitqies bħala li awtorizza l-komunikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet lill-utenti tal-internet kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 25 sa 28 u 31).

37      Madankollu, l-għan ta’ protezzjoni għolja tal-awturi li l-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29 tirreferi għalih jimplika li l-kundizzjonijiet li fihom kunsens impliċitu jista’ jiġi aċċettat għandhom ikunu ddefiniti b’mod strett, sabiex il-prinċipju stess ta’ kunsens minn qabel tal-awtur ma jitlifx l-effett tiegħu.

38      B’mod partikolari, kull awtur għandu jkun effettivament informat dwar l-użu futur tax-xogħol tiegħu minn terz u dwar il-mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jipprojbixxih jekk huwa jkun jixtieq jagħmel dan.

39      Fil-fatt, fl-assenza ta’ informazzjoni minn qabel effettiva dwar dan l-użu futur, l-awtur ma jkunx jista’ jieħu pożizzjoni dwaru u, għaldaqstant, jipprojbixxih, jekk ikun neċessarju, b’mod li l-eżistenza stess tal-kunsens impliċitu tiegħu f’dan ir-rigward tibqa’ purament ipotetika.

40      Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ garanziji li jiżguraw l-informazzjoni effettiva tal-awturi fir-rigward tal-użu previst tax-xogħlijiet tagħhom u tal-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom bil-għan li dan jiġi pprojbit, ikun de facto impossibbli għalihom jieħdu xi pożizzjoni dwar tali użu.

41      Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li din tafda lil soċjetà awtorizzata l-eżerċizzju tad-dritt li tawtorizza l-isfruttament diġitali ta’ kotba li ma humiex disponibbli, filwaqt li tippermetti lill-awturi ta’ dawn il-kotba jopponu minn qabel għal tali eżerċizzju, f’terminu ta’ sitt xhur mir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kotba f’database stabbilita għal dan il-għan.

42      Għaldaqstant, l-implementazzjoni tad-dritt ta’ oppożizzjoni stabbilit minn tali leġiżlazzjoni favur id-detenturi kollha ta’ drittijiet fuq il-kotba kkonċernati, u b’mod partikolari tal-awturi, għandha bħala effett li tipprojbixxi l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet, filwaqt li l-assenza ta’ oppożizzjoni ta’ awtur partikolari fit-terminu stabbilit tista’ tiġi interpretata, fid-dawl tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, bħala l-espressjoni tal-kunsens impliċitu tiegħu għal dan l-użu.

43      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirrizultax li din il-leġiżlazzjoni tinkludi mekkaniżmu li jiggarantixxi l-informazzjoni effettiva u individwalizzata tal-awturi. Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li xi wħud mill-awturi kkonċernati fir-realtà lanqas biss jafu dwar l-użu previst tax-xogħlijiet tagħhom, u għaldaqstant ma jistgħux jieħdu pożizzjoni, f’sens jew f’ieħor, dwar dan l-użu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sempliċi assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tagħhom ma tistax titqies bħala l-espressjoni tal-kunsens impliċitu tagħhom għal dan l-użu.

44      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li tali leġiżlazzjoni tirrigwarda kotba li, filwaqt li fil-passat kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni u ta’ tixrid kummerċjali, issa ma għadhomx iktar. Dan il-kuntest partikolari jipprekludi li jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li, fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni min-naħa tagħhom, l-awturi kollha ta’ dawn il-kotba “minsija” huma, madankollu, favorevoli għat-“tqajjim mill-ġdid” tax-xogħlijiet tagħhom, bil-għan tal-użu kummerċjali tagħhom f’forma diġitali.

45      Ċertament, id-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tfittex li tilħaq għan bħalma huwa l-isfruttament diġitali ta’ kotba li ma humiex disponibbli fl-interess kulturali tal-konsumaturi u tas-soċjetà kollha. Madankollu, l-ilħiq ta’ dan il-għan u ta’ dan l-interess ma jistax jiġġustifika deroga, mhux prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mill-protezzjoni żgurata lill-awturi minn din id-direttiva.

46      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti b’mod partikolari lill-awturi jtemmu l-isfruttament kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom fil-forma diġitali, billi jaġixxu jew bi ftehim reċiproku mal-pubblikaturi ta’ dawn ix-xogħlijiet fil-forma stampata, jew waħedhom, bil-kundizzjoni, madankollu, f’dan it-tieni każ, li tiġi prodotta l-prova li huma l-uniċi detenturi tad-drittijiet fuq dawn ix-xogħlijiet.

47      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li minn natura esklużiva tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ kommunikazzjoni lill-pubbliku previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-awturi huma l-uniċi persuni li lilhom din id-direttiva tagħti, primarjament, id-dritt jisfruttaw ix-xogħlijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 53).

48      Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-Direttiva 2001/29 ma tipprojbixxix lill-Istati Membri jagħtu, barra minn hekk, ċerti drittijiet jew ċerti benefiċċji lil terzi, bħal pubblikaturi, dan huwa bil-kundizzjoni li dawn id-drittijiet u dawn il-benefiċċji ma jippreġudikawx id-drittijiet li din id-direttiva tagħti b’mod esklużiv lill-awturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punti 47 sa 49).

49      Għaldaqstant, għandu jitqies li, meta l-awtur ta’ xogħol jiddeċiedi, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, itemm l-isfruttament futur ta’ dan ix-xogħol fil-forma diġitali, dan id-dritt għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mingħajr ma jkollu jiddependi, f’ċerti każijiet, mir-rieda konkordanti ta’ persuni għajr dawk li dan l-awtur awtorizza minn qabel sabiex jipproċedu għal tali sfruttament diġitali, u għaldaqstant, mill-kunsens tal-pubblikatur li barra minn hekk, għandu biss id-drittijiet ta’ sfruttament ta’ dan ix-xogħol fil-forma stampata.

50      It-tieni nett, mill-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berne, li huwa impost fuq l-Unjoni għar-raġunijiet indikati fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li t-tgawdija u l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku mogħtija lill-awturi permezz ta’ din il-konvenzjoni u li jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jistgħux ikunu suġġetti għal ebda formalità.

51      Minn dan b’mod partikolari jirriżulta li fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtur ta’ xogħol għandu jkun jista’ jtemm l-eżerċizzju, minn terz, tad-drittijiet ta’ sfruttament fil-forma diġitali li huwa għandu fuq dan ix-xogħol, u b’dan il-mod jipprojbixxih minn kull użu futur f’tali forma, mingħajr ma jkollu preliminarjament jissuġġetta ruħu, f’ċertu każijiet, għal formalità li tikkonsisti f’li jipproduċi l-prova li persuni oħra ma humiex, barra minn hekk, detenturi ta’ drittijiet oħra fuq dan ix-xogħol, bħal dawk li jirrigwardaw l-isfruttament tiegħu fil-forma stampata.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tafda lil soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet tal-awtur awtorizzata l-eżerċizzju tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fil-forma diġitali, ta’ kotba msejħa “li ma humiex disponibbli”, jiġifieri kotba ppubblikati fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 u li ma humiex iktar is-suġġett la ta’ tixrid kummerċjali u lanqas ta’ pubblikazzjoni fil-forma stampata jew diġitali, filwaqt li tippermetti lill-awturi ta’ dawn il-kotba jew lill-aventi kawża tagħhom jopponu jew itemmu tali eżerċizzju, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tafda lil soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet tal-awtur awtorizzata l-eżerċizzju tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fil-forma diġitali, ta’ kotba msejħa “li ma humiex disponibbli”, jiġifieri kotba ppubblikati fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 u li ma humiex iktar is-suġġett la ta’ tixrid kummerċjali u lanqas ta’ pubblikazzjoni fil-forma stampata jew diġitali, filwaqt li tippermetti lill-awturi ta’ dawn il-kotba jew lill-aventi kawża tagħhom jopponu jew itemmu tali eżerċizzju, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.