Language of document : ECLI:EU:T:2016:242

Kawża T‑221/08

(Pubblikazzjoni ta’ estratti)

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru°1049/2001 – Dokumenti marbuta ma’ fajl ta’ investigazzjoni tal-OLAF – Rikors għal annullament – Rifjuti impliċiti u espliċiti ta’ aċċess – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ April 2016

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Talba ta’ aċċess għal dokumenti diġà miżmuma mill-applikant u intiża għall-ksib ta’ kopji liberi mill-obbligu ta’ nuqqas ta’ żvelar – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Rifjut ta’ aċċess – Possibbiltà li l-istituzzjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali applikabbli skont in-natura tad-dokumenti kkonċernati

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Portata – Applikazzjoni għad-dokumenti marbuta ma’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi involuti f’tali investigazzjoni bl-iżvelar tal-imsemmija dokumenti

(Artikolu 324 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 8(2), u Nru 1049/2001, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Talba ta’ aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt il-proċeduri ta’ investigazzjoni interna tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Inklużjoni

[Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 u Nru 1049/2001, Artikolu 1(a)]

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Distinzjoni mill-prinċipju ta’ trasparenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu li jingħata aċċess parzjali għad-data li ma hijiex koperta mill-eċċezzjonijiet – Applikazzjoni għad-dokumenti li jaqgħu taħt kategorija koperta minn preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(6))

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Portata – Applikazzjoni għad-dokumenti li jikkonċernaw esklużivament lill-applikant – Esklużjoni

[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b)]

9.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Kunċett ta’ dokument – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-applikant li jikseb l-iżvelar tiegħu – Esklużjoni

[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 3(a)]

10.    Kummissjoni – Użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni – Deċiżjoni 2006/291 – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni – Distinzjoni mill-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1049/2001

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 16; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/291, Artikolu 2(1) u (4))

1.      Ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu l-għan li jirrendi d-dokumenti tal-istituzzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali u d-dokumenti żvelati skont l-imsemmi regolament jidħlu fil-qasam pubbliku. F’dan ir-rigward, deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess abbażi tal-imsemmi regolament tipprekludi li d-dokumenti li għalihom jintalab aċċess jitqiesu li huma pubbliċi.

Għaldaqstant, il-fatt li rikorrent jkollu diġà d-dokumenti li hemm riferiment għalihom fit-talba tiegħu ta’ aċċess u li l-għan ta’ din tal-aħħar ma kienx għaldaqstant li huwa jkun jista’ jsir jaf bil-kontenut tagħhom iżda, pjuttost, li jiġu żvelati lil terzi huwa bla importanza, iktar u iktar għaliex il-motivi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tar-rikorrent li jippreżenta tali talba huma irrilevanti, għaliex ir-Regolament Nru°1049/2001 la jipprevedi li l-persuna kkonċernata għandha timmotiva t-talba tagħha ta’ aċċess għal dokumenti, u lanqas li l-motivi li jiġġustifikaw tali talba jistgħu jkollhom rwol f’jekk din tintlaqax jew tiġi miċħuda. Għaldaqst, l-istituzzjoni li quddiemha titressaq tali talba ta’ aċċess ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sempliċi fatt li l-applikant għal aċċess kien diġà, jew kien preżunt li huwa diġà, fil-pussess tad-dokumenti mitluba, iżda taħt titolu ieħor, sabiex tirrifjuta li teżamina t-talba ta’ aċċess għal dawn l-istess dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 128, 131, 132, 135)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 148)

3.      Ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċerta natura, fil-prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tipproċessa talba globali u twieġeb għal din b’mod korrispondenti.

(ara l-punt 150)

4.      Fir-rigward ta’ talba ta’ aċċess għal noti ta’ fajl imħejjija mill-investigaturi inkarigati b’fajl ta’ investigazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u li jinkludu r-raġunament u l-analiżi ta’ dawn rigward l-iżvilupp u l-orjentazzjoni tal-investigazzjoni, fuq kwistjonijiet sostantivi kif ukoll kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li rrifjutat l-aċċess għal tali dokumenti abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Fil-fatt, aċċess tal-pubbliku għal tali dokumenti jkun partikolarment ta’ preġudizzju għall-kapaċità tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari tal-OLAF, li twettaq il-missjoni tagħha ta’ ġlieda kontra l-frodi, fl-interess pubbliku. L-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jkun partikolarment dannuż għall-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u tal-OLAF, għaliex jikkomprometti b’mod serju l-indipendenza sħiħa tal-investigazzjonijiet futuri tal-OLAF u l-għanijiet tagħhom billi jiżvela l-istrateġija u l-metodi ta’ xogħol tal-OLAF u billi jnaqqas il-possibbiltà ta’ dan l-aħħar li jikseb mill-kollaboraturi tiegħu evalwazzjonijiet indipendenti u li jikkonsulta d-dipartimenti tal-Kummissjoni rigward temi sensittivi ħafna. Huwa għandu mnejn, ukoll, jiskoraġġixxi lill-individwi milli jibagħtu informazzjoni rigward frodi eventwali u jċaħħad b’dan il-mod lill-OLAF u lill-Kummissjoni minn informazzjoni utli biex jibdew l-investigazzjonijiet intiżi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa iktar u iktar il-każ għaliex l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistgħux, meta d-dokumenti inkwistjoni jaqgħu taħt qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni, jiġu interpretati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dawn id-dokumenti.

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kunfidenzjalità partikolari li jibbenefikaw minnha l-imsemmija dokumenti marbuta ma’ investigazzjoni tal-OLAF, skont ir-Regolament Nru 1073/1999, rigward l-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF, jirriżulta li, fir-rigward tal-proċeduri ta’ investigazzjoni interna tal-OLAF skont dan ir-regolament, preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ aċċess għad-dokumenti marbuta mal-investigazzjoni u, b’mod iktar partikolari, għal dawk li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-OLAF tista’ tirriżulta, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Din il-preżunzjoni, li hija ġġustifikata sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha ssir indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-talba ta’ aċċess tirrigwardax proċedura ta’ investigazzjoni diġà magħluqa jew proċedura pendenti.

(ara l-punti 151, 153, 154, 157, 160, 162, 169)

5.      Peress li r-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u r-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), ma jinkludux dispożizzjonijiet li jipprevedu b’mod espliċitu s-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor, għandu jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u b’hekk tippermetti applikazzjoni koerenti tagħhom.

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa applikabbli għall-OLAF, sa fejn dan huwa rikonoxxut, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, bħala li jagħmel parti mill-Kummissjoni, li hija msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament fost l-istituzzjonijiet li għalihom dan tal-aħħar japplika.

(ara l-punti 158, 164)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 167)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 168)

8.      Fil-qasam ta’ aċċess għal dokumenti, l-iżvelar ta’ data personali li tirrigwarda esklużivament l-applikant ta’ aċċess inkwistjoni ma jistax jiġi eskluż għar-raġuni li jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu.

(ara l-punt 198)

9.      Id-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dokument” li tinsab fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kontenut ikkonservat, li jista’ jiġi riprodott jew ikkonsultat wara l-produzzjoni tiegħu, filwaqt li huwa ppreċiżat, minn naħa, li n-natura tal-mezz ta’ ħżin, it-tip u n-natura tal-kontenut maħżun, kif ukoll id-daqs, it-tul, l-importanza jew il-preżentazzjoni ta’ kontenut huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kontenut huwiex, jew le, kopert mill-imsemmija definizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-unika limitazzjoni li tirrigwarda kontenut li tista’ taqa’ taħt din id-definizzjoni hija l-kundizzjoni li dan il-kontenut għandu jikkonċerna materja relatata mal-politika, mal-attivitajiet u mad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istituzzjoni inkwistjoni.

Barra minn hekk, sa fejn l-applikant għal aċċess ma għandux jiġġustifika t-talba tiegħu ta’ aċċess għal dokumenti, huwa wkoll mingħajr importanza għall-finijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 l-interess reali li jista’ jirrappreżenta għall-applikant l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

(ara l-punti 249, 250, 252)

10.    Id-Deċiżjoni 2006/291, dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, tipprevedi, għall-finijiet tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti pubbliċi miżmuma minnha, kif huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni, proċedura ta’ awtorizzazzjoni distinta minn dik prevista fir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għal aċċess għal dawn l-istess dokumenti. L-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tippreżupponi li d-dokumenti inkwistjoni huma identifikati b’mod preċiż u reżi pubbliċi.

(ara l-punti 265, 267)