Language of document : ECLI:EU:T:2016:496

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

15 ta’ Settembru 2016

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Bażi legali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Dritt għal reputazzjoni”

Fil-Kawża T‑340/14,

Andriy Klyuyev, residenti f’Donetsk (l-Ukraina), irrappreżentat minn B. Kennelly, J. Pobjoy, barristers, R. Gherson u T. Garner, solicitors,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn Á. de Elera‑San Miguel Hurtado u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Gauci u T. Scharf, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal‑5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2015, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1), sa fejn isem ir-rikorrent ġie inkluż jew inżamm fil-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom għandhom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi, u, sussidjarjament, talba intiża sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ nuqqqas ta’ applikabbiltà għar-rikorrent tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143, tad-29 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 24, p. 16), kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138, tad-29 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 24, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, O. Czúcz, I. Pelikánová, A. Popescu u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Andriy Klyuyev, huwa l-ex kap tal-amministrazzjoni tal-President tal-Ukraina.

2        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina wara r-repressjoni tal-manifestazzjonijiet tal-Pjazza tal-Indipendenza fi Kiev (l-Ukraina) fi Frar 2014.

3        Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/119/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 66, p. 26). Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, ċerti entitajiet u ċerti korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 66, p. 1).

4        Il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 tispeċifika:

“Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-[I]stat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

5        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, [kif ukoll il-fondi u r-riżorsi kollha li dawn il-persuni, entitajiet jew korpi jipposjedu], għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet elenkati fl-Anness.”

6        Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fil-paragrafi sussegwenti ta’ dan l-istess artikolu.

7        Konformement mad-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet għal dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

8        L-ismijiet tal-persuni msemmija mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2014”) jidhru fil-lista, identika, li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/119 u fl-Anness I għar-Regolament Nru 208/2014 (iktar ’il quddiem il-“lista”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjoni għall-inklużjoni tagħhom.

9        L-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ex-Kap tal-Amministrazzjoni tal-President tal-Ukraina” u l-motivazzjoni li ġejja:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali fl-Ukraina dwar investigazzjoni ta’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

10      Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti [mill-atti ta’ Marzu 2014] (ĠU 2014, C 66, p. 1). Skont dan l-avviż, “[i]l-persuni kkonċernati jistgħu jibagħtu talba lill-Kunsill, flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija iktar ’il fuq terġa’ tiġi kkunsidrata [...]”.

11      Permezz ta’ skambji ta’ ittri matul is-sena 2014, ir-rikorrent ikkontesta l-fondatezza tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista u talab lill-Kunsill sabiex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu. Huwa talab ukoll li jingħata aċċess għall-informazzjoni u għall-provi li jissostanzjaw l-imsemmija inklużjoni.

12      Il-Kunsill wieġeb it-talba tar-rikorrent għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-talba. Huwa sostna li, fl-opinjoni tiegħu, il-miżuri restrittivi li jirrigwardaw lir-rikorrent kienu għadhom iġġustifikati għar-raġunijiet imsemmija fil-motivazzjoni tal-atti ta’ Marzu 2014. Fir-rigward tat-talba għal aċċess għall-fajl tar-rikorrent, il-Kunsill ikkomunikalu numru ta’ dokumenti mill-fajl tiegħu, fosthom dokumenti tal-awtoritajiet Ukreni tat-3 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-3 ta’ Marzu 2014”), tat-8 ta’ Lulju 2014 u tal-10 ta’ Ottubru 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014”).

13      Fid-29 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/143, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u r-Regolament (UE) 2015/138, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Jannar 2015”).

14      Id-Deċiżjoni 2015/143 ippreċiżat, mill-31 ta’ Jannar 2015, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-persuni milquta mill-iffriżar ta’ fondi. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)      għall-misapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b)      għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

15      Ir-Regolament 2015/138 emenda r-Regolament Nru 208/2014 konformement mad-Deċiżjoni 2015/143.

16      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tiegħu li jżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, u kkomunikalu dokument tal-awtoritajiet Ukreni tat-30 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014”), fejn informah dwar il-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent stieden lill-Kunsill jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u sabiex jipprovdilu l-elementi eventwali l-oħra li jiġġustifikaw il-pożizzjoni tal-Kunsill.

17      Fil-5 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/364, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2015”).

18      Id-Deċiżjoni 2015/364 emendat l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet il-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2016. Konsegwentement, id-Deċiżjoni 2015/364 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 issostitwixxew il-lista.

19      Wara dawn l-emendi, l-isem tar-rikorrent inżamm fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “eks-Kap tal-Amministrazzjoni tal-President tal-Ukrajna” u l-motivazzjoni l-ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u b'rabta mal-abbuż tal-uffiċċju minn uffiċjal b'kariga pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti, u b'hekk ikkawża telf għall-baġit jew l-assi pubbliċi Ukreni.”

20      Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 ġew emendati, fl-aħħar lok, rispettivament, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318, tal-4 ta’ Marzu 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/311, tal-4 ta’ Marzu 2016, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1).

21      Id-Deċiżjoni 2016/318 emendat l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet il-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2017.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

23      Fit-12 ta’ Awwissu 2014, il-Kunsill ippreżenta r-risposta. Fl-istess ġurnata, huwa ppreżenta talba għal trattament kunfidenzjali intiża sabiex il-kontenut ta’ anness ma jiġix iċċitat fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li għalihom il-pubbliku jkollu aċċess.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Novembru 2014, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent. Permezz ta’ att ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni rrinunzjat milli tippreżenta n-nota ta’ intervent tagħha.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2014, l-Ukraina talbet sabiex tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2014, l-Ukraina informat lill-Qorti Ġenerali li kienet qed tirtira l-intervent tagħha. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Marzu 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddikjara l-irtirar tal-Ukraina bħala parti intervenjenti.

26      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati mir-rikorrent, fil-31 ta’ Ottubru 2014 u, mill-Kunsill, fit-18 ta’ Diċembru 2014, rispettivament. Fl-istess ġurnata, il-Kunsill ressaq talba għal trattament kunfidenzjali intiża sabiex il-kontenut ta’ anness ma jiġix iċċitat fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li għalihom il-pubbliku jkollu aċċess.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent aġġorna t-talbiet tiegħu, b’tali mod li dawn jinkludu wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2015/364 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357, sa fejn dawn l-atti kienu jirrigwardawh. Il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fit-terminu stabbilit. Fl-14 ta’ Settembru 2015, huwa ressaq ukoll talba għal trattament kunfidenzjali intiża sabiex il-kontenut ta’ ċerti annessi ma jiġix iċċitat fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li għalihom il-pubbliku jkollu aċċess.

28      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

29      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ April 2016.

31      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, l-ewwel nett, id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014, u, it-tieni nett, id-Deċiżjoni 2015/364, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 sa fejn dawn jirrigwardawh;

–        sussidjarjament, tiddikjara l-inapplikabbiltà, fir-rigward tiegħu, tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament 2015/138;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

32      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2014, tordna ż-żamma fis-seħħ tal-effetti fir-rigward tar-rikorrent tad-Deċiżjoni 2014/119 sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014 u, fil-każ ta’ annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2015, tordna ż-żamma fis-seħħ tal-effetti fir-rigward tar-rikorrent tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata, sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, fil-formulazzjoni inizjali tagħhom, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent

33      Insostenn tar-rikors tiegħu intiż għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2014 fil-formulazzjoni inizjali tagħhom, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq assenza ta’ bażi legali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà u għar-reputazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball ta’ fatt u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ provi.

34      Permezz tal-ħames u s-sitt motivi tiegħu, li jeħtieġ li jiġu eżaminati fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni li jiġu imposti miżuri restrittivi fuqu ma ttiħditx skont bażi fattwali solida biżżejjed u li għaldaqstant il-Kunsill wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tiegħu.

35      Il-Kunsill isostni li l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014 kienet tindika li kienet qiegħda sseħħ investigazzjoni fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi għal ammonti importanti u t-trasferiment ulterjuri illegali tagħhom barra mit-territorju Ukren, liema fatt kien jikkorrispondi mal-motivazzjoni fl-atti ta’ Marzu 2014. Barra minn hekk, id-dokument tat-8 ta’ Lulju 2014 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) tikkonferma li kienet infetħet investigazzjoni preparatorja fl-Ukraina li kienet tirrigwarda lir-rikorrent, li kien issuspettat, b’mod partikolari, minn misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi għal ammonti importanti.

36      Għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż jew jinżamm fil-lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tax-xebh astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 41 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, il-kriterju previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi li miżuri restrittivi għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal atti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, mill-premessa 2 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Kunsill adotta dawn il-miżuri “bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat tad-dritt [...] fl-Ukraina”.

38      L-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista minħabba li kien “[p]ersuna soġġetta għal proċeduri kriminali fl-Ukraina dwar investigazzjoni ta’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina”.

39      Insostenn tal-motiv għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista, il-Kunsill jinvoka l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014. L-ewwel parti ta’ din l-ittra tispeċifika li l-“aġenziji ta’ infurzar Ukreni” fetħu għadd ta’ proċeduri kriminali sabiex jinvestigaw reati mwettqa minn ex uffiċjali għolja, fosthom ir-rikorrent. L-ittra tispeċifika ulterjorment, b’mod ġeneriku, li l-investigazzjoni inkwistjoni “ippermettiet li tiġi stabbilita misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi għal ammonti importanti u t-trasferiment ulterjuri illegali tagħhom barra minn Ukrajna”.

40      Huwa paċifiku li huwa abbażi ta’ dan biss li r-rikorrent ġie identifikat “bħala responsabbli mill-misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukren” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119. Fil-fatt, l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014 hija, fost il-provi prodotti mill-Kunsill matul din l-istanza, l-unika waħda li tippreċedi l-atti ta’ Marzu 2014 u, għaldaqstant, l-illegalità tal-imsemmija atti għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ din il-prova waħedha.

41      Għandu jiġi kkunsidrat li, filwaqt li ntbagħtet minn awtorità ġudizzjarja superjuri ta’ pajjiż terz, l-imsemmija ittra tinkludi biss affermazzjoni ġenerali u vaga li toħloq ness bejn isem ir-rikorrent, fost ex uffiċjali għolja oħra, u investigazzjoni li, essenzjalment, stabbilixxiet fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. L-ittra ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni dwar l-istabbiliment tal-fatti li l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Ukreni kienet qed tivverifika u, wisq inqas, dwar ir-responsabbiltà individwali, anki jekk preżunta, tar-rikorrent fir-rigward ta’ dawn il-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il‑Kunsill, T‑332/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:48, punt 46; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punti 43 u 44).

42      Għandu jiġi rrilevat ulterjorment li, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 57 sa 61), ikkonfermata fuq appell bis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), invokati mill-Kunsill, f’dan il-każ, minn naħa, huwa ma kellux informazzjoni dwar il-fatti jew l-aġir li bih ġie speċifikament akkużat ir-rikorrent mill-awtoritajiet Ukreni u, min-naħa l-oħra, l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014, anki jekk wieħed jeżaminaha fil-kuntest tagħha, ma tistax tikkostitwixxi bażi fattwali suffiċjentement solida fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq biex isem ir-rikorrent jiġi inkluż fil-lista minħabba li kien identifikat “bħala responsabbli” għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punti 46 sa 48).

43      Irrispettivament mill-istadju li fih kienet tinsab il-proċedura li tagħha r-rikorrent kellu jkun is-suġġett, il-Kunsill ma setax jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu mingħajr ma kien jaf il-fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li kien qed jiġi speċifikament akkużat bihom mill-awtoritajiet Ukreni. Fil-fatt, huwa biss b’għarfien ta’ dawn il-fatti li l-Kunsill kien ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi li dawn setgħu, minn naħa, jiġu kkwalifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, iqiegħdu inkwistjoni l-Istat tad-dritt fl-Ukraina, li l-konsolidazzjoni u s-sostenn tiegħu jikkostitwixxu, hekk kif tfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, l-għan imfittex mill-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016, Klyuyev vs Il‑Kunsill, T‑341/14, EU:T:2016:47, punt 50, u tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il‑Kunsill, T‑331/14, EU:T:2016:49, punt 55).

44      Fuq kollox, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 120 u 121, u tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punti 65 u 66).

45      Fid-dawl tal-punti preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista ma tistrieħx fuq bażi fattwali suffiċjenti biex tiġi ggarantita l-osservanza tal-kriterji li permezz tagħhom jiġu identifikati l-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni ffissati mid-Deċiżjoni 2014/119.

46      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li din l-illegalità kompliet sad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ Marzu 2015, li ssostitwixxew il-lista u biddlu l-motivazzjoni għall-inklużjoni tar-rikorrent.

47      Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tar-rikorrent intiż sabiex l-inklużjoni ta’ ismu permezz tal-atti ta’ Marzu 2014 tiġi ddikjarata illegali għall-perijodu mill-31 ta’ Jannar sas-6 ta’ Marzu 2015, jiġifieri mid-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ Jannar 2015 u sad-dħul fis-seħħ ta’ dawk ta’ Marzu 2015. Fil-fatt, fid-dawl tal-annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, dan tal-aħħar huwa meqjus li ma kienx suġġett għall-miżuri restrittivi matul dan il-perijodu.

48      Konsegwentement, il-ħames u s-sitt motivi, ikkunsidrati flimkien, għandhom jintlaqgħu, u u d-Deċiżjoni 2014/119 fil-formulazzjoni inizjali tagħha għandha tiġi annullata, sa fejn tirrigwarda lir-rikorrent, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra.

49      Għandu jiġi annullat ukoll, sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent, ir-Regolament Nru 208/2014, fil-formulazzjoni inizjali tiegħu, li, skont l-Artikolu 215(2) TFUE, jippresupponi deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, b’konsegwenza tal-annullament tad-Deċiżjoni 2014/119.

 Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati mill-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent

50      Permezz tan-nota ta’ adattament tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab sabiex tiġi estiża l-portata tar-rikors tiegħu sabiex dan jinkludi l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn jirrigwardawh.

51      Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati bl-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti jinvoka seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq assenza ta’ bażi legali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-kriterji ta’ inklużjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet għal proprjetà u għar-reputazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u s-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-kriterji ta’ inklużjoni.

52      Jeħtieġ li jiġu eżaminati, l-ewwel nett, it-tielet motiv, it-tieni nett, ir-raba’ motiv, it-tielet nett, l-ewwel u s-seba’ motivi, ikkunsidrati flimkien, ir-raba’ nett, it-tieni u s-sitt motivi, ikkunsidrati flimkien, u, fl-aħħar nett, il-ħames motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

53      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew miksura, ġaladarba, minn naħa, il-Kunsill ma pproduċiex il-provi u l-informazzjoni insostenn tal-klassifikazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, huwa ma eżaminax bir-reqqa u b’imparzjalità, l-allegazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tiegħu fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tas-17 ta’ Frar 2015.

54      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

55      Qabel kollox, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li lilha t-Trattat UE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, jinkludi d-dritt li wieħed jinstema’ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, filwaqt li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa ddikjarat fl-Artikolu 47 tal-imsemmija karta, jirrikjedi li l-parti kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 98 sa 100).

56      Għalhekk, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżomm l-isem ta’ persuna, entità jew korp f’lista ta’ persuni, entitajiet jew korpi suġġetti għal miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jirrispetta d-dritt ta’ din il-persuna, ta’ din l-entità jew ta’ dan il-korp li jinstema’ minn qabel meta jkollu elementi ġodda fir-rigward tagħha fid-deċiżjoni li tiddeċiedi li isimha għandu jinżamm fil-lista, jiġifieri elementi li ma jirriżultawx fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni f’din il-lista (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, Sina Bank vs Il‑Kunsill, T‑67/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:348, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62).

57      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista wara l-atti ta’ Marzu 2015 hija bbażata biss fuq l-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, qabel ma adotta d-deċiżjoni li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent l-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Frar 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tiegħu li jżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, fejn informah dwar il-possibbiltà li jressaq osservazzjonijiet (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

59      Għalhekk ir-rikorrent kellu aċċess għall-informazzjoni u għall-provi li mmotivaw lill-Kunsill iżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu u kellu l-opportunità jifformola osservazzjonijiet fi żmien xieraq (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

60      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma weriex li d-diffikultajiet allegati dwar l-informazzjoni rċevuta u ż-żmien mogħti sabiex iwieġeb għall-allegazzjonijiet tal-Kunsill ipprekludewh milli jadatta t-talbiet tiegħu fi żmien xieraq jew li jiżviluppa argumenti għad-difiża tiegħu.

61      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-provi matul l-iżvolġiment tal-proċeduri kienet suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

62      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

63      Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, li l-motivazzjoni għaż-żamma ta’ ismu fil-lista ma tispeċifikax in-natura jew is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri kriminali, u lanqas ma tispeċifika f’xiex hija tirrigwarda misapproprjazzjonita’ fondi jew ta’ assi pubbliċi jew abbuż ta’ poter minn persuna li tokkupa kariga pubblika; it-tieni nett, li permezz tal-imsemmija motivazzjoni l-Kunsill sempliċement tiċċita l-formulazzjoni tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni msemmija fid-deċiżjoni u r-regolament; it-tielet nett, li la l-ittra tal-Kunsill tat‑2 ta’ Frar 2015, la l-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, u lanqas dik tal-Kunsill tas‑6 ta’ Marzu 2015 ma jistgħu jikkoreġu dan in-nuqqas u, ir-raba’ nett, li n-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa partikolarment serju fid-dawl tal-ilmenti mqajjma mir-rikorrent fil-mori tal-kawża, tat-terminu importanti li kellu l-Kunsill mill-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent sabiex jifformula motivazzjoni u mill-assenza totali ta’ urġenza jew tar-riskju ta’ dilapidazzjoni tal-assi, fejn l-assi tar-rikorrent kienu diġà ffriżati.

64      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

65      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi adattata għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-parti kkonċernata ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tal-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’hekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew għat-terminu li fihom hija għandha tintervjeni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      B’mod partikolari, il-motivazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ assi, bħala prinċipju, ma tistax tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata. Taħt ir-riżervi msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq, tali miżura għandha, għall-kuntrarju, tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn il-Kunsill iqis li r-regolamentazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi osservat li, bħall-motivazzjoni ta’ inklużjoni inizjali, il-motivazzjoni, kif mibdula permezz tal-atti ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), issemmi l-elementi li jikkostitwixxu l-bażi tal-inklużjoni tar-rikorrent, jiġifieri, essenzjalment, iċ-ċirkustanza li huwa suġġett għal proċeduri kriminali mressqa mill-awtoritajiet Ukreni minħabba misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi.

69      Barra minn hekk, iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri fir-rigward tar-rikorrent seħħet f’kuntest magħruf minnu, li kellu għarfien, waqt l-iskambji li seħħew matul din l-istanza, tal-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, li fuqha l-Kunsill ibbaża ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, u li permezz tagħha l-Kunsill kien ipprovda preċiżazzjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 88), b’mod partikolari deskrizzjoni ddettaljata tal-fatti allegati kontrih.

70      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura allegatament sterjotipata tal-motivazzjoni għal inklużjoni, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw f’din il-motivazzjoni huma l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom il-persuni fiżiċi l-oħra msemmija fil-lista kienu ssuġġettati għal miżuri restrittivi, madankollu huma intiżi sabiex jiddeskrivu s-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrent, li, bħal fil-każ ta’ persuni oħra, skont il-Kunsill, kien suġġett għal proċeduri ġudizzjarji li jippreżentaw rabta mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw il-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 115).

71      Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati bl-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, jiddikjaraw suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-punti ta’ dritt u ta’ fatt li, skont l-awtur tagħhom, jikkostitwixxu l-bażi tagħhom.

72      Għaldaqstant ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel u s-seba’ motivi, ibbażati fuq assenza ta’ bażi legali u fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterju ta’ inklużjoni

73      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 29 TUE ma kienx bażi legali xierqa biex tiġi adottata d-deċiżjoni, peress li l-Kunsill ma pprovax li huwa kien ippreġudika l-Istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina. Bil-kontra, ir-rikorrent isostni li ffaċilita l-paċifikazzjoni bejn il-partijiet f’kunflitt matul il-ġrajjiet ta’ Frar 2014 fi Kiev u kien responsabbli għan-negozzjati dwar il-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Ukraina u l-Unjoni.

74      Barra minn hekk, l-iżviluppi reċenti fl-Ukraina, fir-rigward tal-assenza ta’ smigħ xieraq iggarantit lir-rikorrent u n-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali b’mod iktar ġenerali, jikkonfermaw li t-tmexxija ġdida fl-Ukraina nnifisha tippreġudika d-demokrazija u l-Istat tad-dritt, u tikser b’mod flagranti u sistematiku d-drittijiet tal-bniedem.

75      Fl-aħħar nett, min-natura illegali tad-Deċiżjoni 2014/119 jirriżulta li ma teżisti ebda bażi li tippermetti li jiġi stabbilit regolament abbażi tal-Artikolu 215 TFUE.

76      Permezz tas-seba’ motiv tiegħu, ifformulat, essenzlament, insostenn tat-tieni parti tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità u jsostni li, għalkemm il-kriterju ta’ inklużjoni kellu jiġi interpretat b’mod wiesa’, b’tali mod li tittieħed inkunsiderazzjoni kull investigazzjoni tal-awtoritajiet Ukreni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din tkunx issostanzjata, ivverifikata jew iddelinjata b’deċiżjoni jew proċedura ġudizzjarja, jew kull abbuż ta’ poter bħala persuna li tokkupa kariga pubblika bil-għan li tikseb għaliha nnifisha vantaġġ mhux iġġustifikat, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk teżistix allegazzjoni ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, tali kriterju huwa arbitrarju u nieqes minn bażi legali xierqa jew sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tal-atti ta’ Marzu 2014.

77      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

78      Għaldaqstant hemm lok sabiex tiġi eżaminata l-konformità tal-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, mal-għanijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u, b’mod iktar partikolari, il-proporzjonalità tal-imsemmi kriterju fir-rigward tal-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq.

79      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-għanijiet tat-Trattat UE dwar il-PESK huma msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 21(2)(b) TUE li jipprovdi kif ġej:

“L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex: […] tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali”.

80      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 tipprovdi kif ġej:

“Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-[I]stat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

81      Fuq din il-bażi, il-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendat bid-Deċiżjoni 2015/143, huwa s-segwenti:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)      għall-misapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni […]”

82      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, wara l-atti ta’ Marzu 2015, hija s-segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi u b’rabta mal-abbuż tal-uffiċċju minn uffiċjal b’kariga pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti, u b’hekk ikkawża telf għall-baġit jew l-assi pubbliċi Ukreni.”

83      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirrikonoxxi l-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent ġew adottati bis-sempliċi għan li jikkonsolidaw u jsostnu l-Istat tad-dritt fl-Ukraina. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrent, li l-kriterju ta’ inklużjoni msemmi mid-Deċiżjoni 2014/119 ma jtwettaqx għanijiet oħra tal-PESK, huma ineffettivi.

84      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kriterju ta’ inklużjoni previst mid-Deċiżjoni 2014/119 u kif emendat bid-Deċiżjoni 2015/143, immirat lejn persuni identifikati bħala responsabbli mill-misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu għall-Istat Ukren, jikkorrispondix għall-għan, invokat mill-istess deċiżjoni, ta’ konsolidazzjoni jew ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

85      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-ġurisprudenza żviluppata fir-rigward tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fit-Tuneżija u fl-Eġittu stabbilixxiet li għanijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE kellhom il-karatteristika li jiġu indirizzati permezz ta’ ffriżar ta’ fondi li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien, bħal f’dan il-każ, ristrett għall-persuni identifikati bħala responsabbli mill-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi kif ukoll għall-persuni, entitajiet jew organi marbuta magħhom, jiġifieri persuni li l-aġir tagħhom seta’ kien tali li kkomprometta l-funzjonament it-tajjeb tal-istituzzjonijet pubbliċi u tal-korpi marbuta magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il‑Kunsill, T‑187/11, EU:T:2013:273, punt 92; tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 44, u tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 68).

86      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-kriterju ta’ inklużjoni jistrieħ, għal dak li jirrigwarda r-rikorrent, fuq ksur ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi” u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi kriterju jidħol f’qafas ġuridiku ddelinjat b’mod ċar mid-Deċiżjoni 2014/119 u t-tiftix tal-għan rilevanti tat-Trattat UE li hija tinvoka, iddikjarat fil-premessa 2, jiġifieri dak tal-konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tal-Istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom tistrieħ l-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE kif ukoll mill-preamboli tat-Trattat UE u minn dawk tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk ir-rispett tal-Istat tad-dritt jikkostitwixxi rekwiżit għall-adeżjoni fl-Unjoni, skont l-Artikolu 49 TUE. Il-kunċett ta’ Stat tad-dritt huwa wkoll stabbilit, taħt il-formulazzojni alternattiva ta’ “preeminenza tad-dritt” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fil-preambolu tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑14 ta’ Novembru 1950.

88      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa, permezz tal-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tad-dritt, jipprovdu lista mhux eżawrjenti tal-prinċipji u tar-regoli li jistgħu jagħmlu parti mill-kunċett ta’ Stat tad-dritt. Fost dawn hemm il-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju; qrati indipendenti u imparzjali; stħarriġ ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza quddiem il-liġi [ara, f’dan ir-rigward, il-lista tal-kriterji tal-Istat tad-dritt, adottata mill-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tad-dritt fil-mija u sitta sessjoni plenarja tagħha (Venezia, 11‑12 ta’ Marzu 2016)]. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, ċerti strumenti ġuridiċi jsemmu b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala prinċipju li jidħol fil-kunċett ta’ Stat tad-dritt [ara, pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 2006, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ĠU 2006, L 310, p. 1)].

89      Issa, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li ċertu aġir li jirrigwarda fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jista’ jippreġudika l-Istat tad-dritt, ma jistax jiġi aċċettat li kull fatt ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, imwettaq f’pajjiż terz, jiġġustifika intervent tal-Unjoni bil-għan li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-PESK. Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit li misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tista’ tiġġustifika azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK, ibbażata fuq l-għan li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt, huwa, mill-inqas, neċessarju li l-fatti kkontestati jkunu tali li jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-pajjiż ikkonċernat.

90      F’dan il-kuntest, il-kriterju ta’ inklużjoni jista’ jitqies li huwa konformi mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni biss sa fejn huwa possibbli li jiġi attribwit lilu sens li huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tar-regoli superjuri li għalihom huwa suġġett, u b’mod iktar speċifiku mal-għan tal-konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi osservata s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li minnha jgawdi l-Kunsill sabiex jiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni, filwaqt li jiggarantixxi stħarriġ, bħala prinċipju konkret, tal-legalità tal-atti tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fuq appell bis-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128).

91      Għalhekk, l-imsemmi kriterju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix, b’mod astratt, kull att ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda jirrigwarda pjuttost fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li, fid-dawl tal-ammont jew tat-tip ta’ fondi jew ta’ assi misapproprjati jew li fil-kuntest li fih seħħew, jistgħu minn tal-inqas jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-Ukraina, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju, tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, u, fl-aħħar lok, jippreġudikaw l-osservanza tal-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż (ara l-punt 89 iktar ’il fuq). Hekk interpretat, il-kriterju ta’ inklużjoni huwa konformi u proporzjonat mal-għanijiet rilevanti tat-Trattat UE.

92      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-iżviluppi reċenti fl-Ukraina, fir-rigward tal-assenza ta’ smigħ xieraq iggarantita lir-rikorrent u n-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Ukraina huwa Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa sa mill-1995 u rratifika l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u li t-tmexxija ġdida Ukrena ġiet irrikonoxxuta bħala leġittima mill-Unjoni kif ukoll mill-komunità internazzjonali. Għaldaqstant il-Kunsill ma wettaqx żball billi bbaża ruħu fuq provi li kienu ġew ipprovduti lilu minn awtorità ġudizzjarja għolja ta’ dan il-pajjiż fir-rigward tal-eżistenza ta’ proċeduri kriminali relatati ma’ allegazzjonijiet ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi kontra r-rikorrent, mingħajr ma qiegħed inkwistjoni l-legalità u l-leġittimità tat-tmexxija u tas-sistema ġudizzjarja Ukrena.

94      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, fil-mument li r-rikorrent jipproduċi elementi tali li juru li l-fatti li bihom huwa akkużat huma manifestament foloz jew mgħawġa, huwa l-Kunsill li għandu l-obbligu li jivverifika l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilu u li jirrikjedi, jekk ikun il-każ, informazzjoni jew provi kumplimentari.

95      Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent isemmi l-assenza ta’ proċedura ġudizzjarja ġenwina u, b’mod iktar ġenerali, iqajjem dubji fir-rigward tal-leġittimità tat-tmexxija ġdida Ukrena u dwar l-imparzjalità tas-sistema ġudizzjarja Ukrena.

96      Issa, dawn l-elementi la kienu tali li jqiegħdu inkwistjoni n-natura probabbli tal-akkużi mressqa kontra r-rikorrent, liema fatt huwa suġġett għal eżami mwettaq fil-kuntest tat-tieni u tas-sitt motivi iktar ’il quddiem, u lanqas ma kienu suffiċjenti sabiex juru li s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent kienet affetwata mill-problemi li huwa jinvoka fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja Ukrena, matul il-proċeduri li jirrigwardawh u li fuqhom hija bbażata l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jwettaq verifika addizzjonali tal-provi li kienu ġew prodotti lilu mill-awtoritajiet Ukreni.

97      Mill-kumplament, sa fejn l-eżami tal-argument tar-rikorrent jimplika li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar ir-regolarità tat-tranżizzjoni tat-tmexxija Ukrena u teżamina l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula minn diversi istanzi internazzjonali f’dan ir-rigward, inklużi l-evalwazzjonijiet politiċi tal-Kunsill, għandu jiġi kkonstatat li tali eżami ma jaqax taħt il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq l-atti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il‑Kunsill, T‑119/11, EU:T:2013:216, punt 75).

98      Il-konklużjoni stabbilita fil-punt 91 iktar ’il fuq ma hijiex ulterjorment imqiegħda inkwistjoni bl-argument, imqajjem taħt forma ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, li l-kriterju ta’ inklużjoni ma jistax jiġi interpretat b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni investigazzjonijiet li ma humiex iddelinjati minn proċedura ġudizzjarja.

99      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet li l-identifikazzjoni ta’ persuna bħala responsabbli minn ksur ma timplikax neċessarjament kundanna għal tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punti 71 u 72), xorta jibqa’ l-fatt li hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi kkunsidrati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux għal din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Kadi et, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 120 u 121, u tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punti 65 u 66).

100    F’dan il-każ, il-kriterju ta’ inklużjoni msemmi mill-atti ta’ Marzu 2014, kif mibdul mill-atti ta’ Jannar 2015, jippermetti sempliċement lill-Kunsill, konformement mas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), jieħu inkunsiderazzjoni investigazzjoni għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi bħala element li jista’ jiġġustifika, jekk ikun il-każ, l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, bla ħsara għaċ-ċirkustanza li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq u tal-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni fil-punti 78 sa 91 iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li persuna hija suġġetta għal investigazzjoni dwar ksur ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-azzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikoli 21 u 29 TUE.

101    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kriterju a’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 huwa konformi mal-għanijiet tal-PESK, kif imsemmija fl-Artikolu 21 TUE, sa fejn jirrigwarda persuni identifikati bħala responsabbli minn misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Ukreni li tista’ tippreġudika l-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

102    L-istess konklużjoni hija dovuta fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-annullament tar-Regolament Nru 208/2014. Dan ir-regolament jimponi miżura ta’ ffriżar ta’ fondi prevista minn deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE u għaldaqstant hija konformi mal-Artikolu 215 TFUE, sa fejn teżisti deċiżjoni valida fis-sens tal-imsemmi artikolu.

103    Għaldaqstant l-ewwel u s-seba’ motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni u s-sitt motivi, ikkunsidrati flimkien, ibbażati, rispettivament fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kriterju ta’ inklużjoni fil-lista u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

104    Permezz tat-tieni u s-sitt motivi tiegħu, ir-rikorrent iqajjem, essenzjalment, żewġ argumenti.

105    Permezz tal-ewwel argument tiegħu, li l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ inklużjoni, ir-rikorrent isostni li, konformement mas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), huwa ma setax jiġi “identifikat bħala responsabbli” mill-ksur attribwit lilu, peress li huwa ma kienx suġġett għal proċeduri ġudizzjarji jew għal investigazzjoni marbuta ma’ tali proċedura ġudizzjarja.

106    Permezz tat-tieni argument tiegħu, li l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ma saritx fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, ir-rikorrent isostni li l-unika prova invokata mill-Kunsill insostenn tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati, jiġifieri l-ittra tat‑30 ta’ Diċembru 2014, ma jikkostitwixxux bażi fattwali suffiċjentement solida fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti.

107    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

108    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, mis-7 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent huwa suġġett għal miżuri restrittivi ġodda introdotti mill-atti ta’ Marzu 2015 abbażi tal-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 hekk kif “spjegat” mill-atti ta’ Jannar 2015. Fil-fatt, id-Deċiżjoni 2015/364 ma hijiex sempliċi att konfermattiv, iżda tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma, adottata mill-Kunsill wara kunsiderazzjoni mill-ġdid perjodika prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119.

109    Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata l-legalità tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, mill-atti ta’ Marzu 2015, qabel kollox, fid-dawl tal-kriterju ta’ inklużjoni, hekk kif spjegat mill-atti ta’ Jannar 2015, u sussegwentement, tal-motivazzjoni għall-inklużjoni u, fl-aħħar nett, tal-provi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija inklużjoni.

110    Qabel kollox, fir-rigward tal-kriterju ta’ inklużjoni, għandu jitfakkar li dan il-kriterju, kif mibdul bl-atti ta’ Jannar 2015, jipprovdi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom japplikaw, b’mod partikolari, għall-persuni “identifikati bħala responsabbli” għal misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu għall-Istat Ukren, li jinkludu l-persuni “li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna” dwar misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi Ukreni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-kuntest tal-ewwel motiv, l-imsemmi kriterju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrigwardax b’mod astratt kull att ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda pjuttost fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li jistgħu jippreġudikaw ir-rispett tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina (ara l-punt 91 iktar ’il fuq).

111    Sussegwentement, fir-rigward tal-motivazzjoni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, għandu jitfakkar li, mis-7 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista minħabba li kien suġġett għal “proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi u b’rabta mal-abbuż tal-uffiċċju minn uffiċjal b’kariga pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti, u b’hekk ikkawża telf għall-baġit jew l-assi pubbliċi Ukreni.” (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

112    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-provi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, għandu jiġi osservat, hekk kif jirrikonoxxi l-Kunsill, li l-legalità tal-motivazzjoni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent, hekk kif ġiet mibdula, għandha tiġi evalwata b’mod prinċipali fir-rigward tal-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), li tistabbilixxi l-iżviluppi li seħħew waqt diversi investigazzjonijiet li jirrigwardaw ir-rikorrent.

113    Din l-ittra tistabbilixxi, b’mod partikolari, investigazzjoni preliminari fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra r-rikorrent u li jirrigwardaw fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Din l-investigazzjoni kienet tirrigwarda, b’mod iktar partikolari, misapproprjazzjoni ta’ ishma ta’ kumpannija pubblika u ta’ fondi pubbliċi.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li din l-ittra, li tikkostitwixxi l-prova li fuqha l-Kunsill ibbaża ruħu għall-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015, tipprovdi prova suffiċjenti tal-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent kien suġġett għal proċeduri kriminali li kienu jirrigwardaw misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi.

115    Fit-tieni lok, għaldaqstant hemm lok li jiġi vverifikat jekk iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista wara l-atti ta’ Marzu 2015 minħabba li huwa kien suġġett għal proċeduri kriminali għal tali ksur tissodisfax il-kriterju ta’ inklużjoni, hekk kif speċifikat mill-atti ta’ Jannar 2015 u kif interpretat fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 110 iktar ’il fuq).

116    Fid-dawl tal-ksur li bih huwa akkużat ir-rikorrent, elenkat fl-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, minn naħa, għandu jitfakkar li t-tressiq ta’ azzjoni kontra reati ekonomiċi, bħall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, huwa mezz importanti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, prinċipju stabbilit fi ħdan il-kunċett ta’ Stat tad-dritt (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

117    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-ksur li biha qed jiġi akkużat ir-rikorrent jidħol f’kuntest usa’ fejn parti mhux żgħira tal-klassi diriġenti l-qadima Ukrena hija ssuspettata li wettqet ksur gravi fl-amministrazzjoni tar-riżorsi pubbliċi, b’tali mod li ġew serjament mhedda l-bażijiet istituzzjonali u ġuridiċi tal-pajjiż u li ġew ippreġudikati b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju, tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi (ara l-punti 89 sa 91 iktar ’il fuq). Dan huwa wisq iktar evidenti f’dan il-każ, inkwantu jirrigwarda fatti allegatament imwettqa mill-ex Kap tal-amministrazzjoni tal-President tal-Ukraina.

118    Għaldaqstant, meħuda flimkien u fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fi ħdan il-klassi diriġenti l-qadima Ukrena, il-miżuri inkwistjoni jikkontribwixxu, b’mod effikaċi, sabiex jiffaċilitaw it-tressiq ta’ azzjoni kontra reati ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa għad-detriment tal-istituzzjonijiet Ukreni u jippermettu li jkun iktar faċli, għall-awtoritajiet Ukreni, li jiksbu r-restituzzjoni tal-frott ta’ tali misapproprjazzjonijiet minn dawn tal-aħħar. Dan jippermetti li tiġi ffaċilitata, fl-ipoteżi fejn jirriżulta li t-tressiq ta’ azzjonijiet ġudizzjarji huma fondati, ir-respressjoni, b’mezzi ġudizzjarji, tal-atti allegati ta’ korruzzjoni mwettqa minn membri tat-tmexxija l-qadima, u b’hekk jingħata kontribut għas-sostenn tal-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 85 iktar ’il fuq).

119    Barra minn hekk, il-Kunsill kellu l-obbligu jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi kkunsidrati kontra l-persuna kkonċernata, billi jistrieħ fuq bażi fattwali suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, indipendentement mill-istadju tal-proċedura, fis-sens tal-kodiċi kriminali Ukren, u tal-adozzjoni eventwali ta’ miżuri kawtelatorji mill-awtoritajiet Ukreni.

120    Ċertament, il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja fis-sens tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Ukren u l-adozzjoni eventwali ta’ miżuri restrittivi fuq livell nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet importanti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza tal-fatti li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fuq livell tal-Unjoni u tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiġu adottati tali miżuri għall-finijiet tal-garanzija tal-effetti tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali. Xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kunsill, li jiddeċiedi b’mod awtonomu dwar il-ħtieġa u l-opportunità li jiġu adottati tali miżuri, fid-dawl tal-għanijiet tal-PESK, indipendentement minn talba f’dan is-sens mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat u minn kull provvediment ieħor adottat minnhom fuq livell nazzjonali, dejjem sakemm huwa jistrieħ fuq bażi fattwali solida fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

121    Barra minn hekk, l-argumenti mqajjma mir-rikorrent ma jqiegħdux inkwistjoni l-eżistenza tal-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Ukreni u lanqas il-possibbiltà le seħħew il-fatti li huma suġġetti għal dawn l-investigazzjonijiet li wasslu lill-Kunsill jadotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni. Dawn l-argumenti huma pjuttost intiżi sabiex jikkontestaw aspetti proċedurali, jiġifieri l-fatt li l-imsemmija investigazzjoni taqa’ fil-qafas ta’ “proċedura ġudizzjarja” ġenwina, jew sabiex jikkonfutaw akkużi magħmula mill-imsemmija awtoritajiet fir-rigward tar-rikorrent fis-sens tad-dritt kriminali Ukren, billi jinvokaw b’mod partikolari l-assenza ta’ natura frawdolenti jew mhux xierqa tal-attività suġġetta għall-akkużi, kwistjonijiet li jirrigwardaw il-fondatezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma għandux l-obbligu li jivverifika l-fondatezza tal-investigazzjonijiet li għalihom ikun suġġett ir-rikorrent, iżda biss li jivverifika l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi fir-rigward tal-provi sottomessi lilu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 77).

123    Fl-aħħar nett, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq inkoerenzi bejn l-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014 u n-“notifika tas-suspetti”, mibgħuta mill-awtoritajiet Ukreni lir-rikorrent fit-23 ta’ Diċembru 2014, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014 tiddeskrivi b’mod preċiż il-fatti koperti mill-investigazzjonijiet differenti miftuħa kontra r-rikorrent. Jeħtieġ li jiġi osservat li d-differenzi kkonstatati mir-rikorrent bejn iż-żewġ dokumenti huma marbuta b’mod prinċipali mal-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti esposti, bħal, b’mod partikolari, l-użu tal-fondi misapproprjati għal finijiet personali, liema fatt ma jqiegħedx inkwistjoni l-possibbiltà li seħħew il-fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. L-għarfien ta’ dawn il-fatti, li l-eżistenza tagħhom ma tqiegħditx serjament inkwistjoni, setgħet ipprovdiet lill-Kunsill bażi suffiċjenti sabiex iżomm isem ir-rikorrent fil-lista.

124    Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, permezz tal-atti ta’ Marzu 2015, abbażi tal-provi pprovduti fl-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, hija konformi mal-kriterju ta’ inklużjoni, kif emendat bl-atti ta’ Jannar 2015 u interpretat fid-dawl tal-għan li fuqu huwa bbażat, jiġifieri dak li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

125    Għaldaqstant, it-tieni u s-sitt motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal proprjetà u tad-dritt għal reputazzjoni

126    Permezz tal-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent, minn naħa, isostni li ismu ġie inkluż fil-lista mingħajr ma ġew osservati l-garanziji adegwati li kienu jippermettulu jiddefendi lilu nnifsu quddiem il-Kunsill u, min-naħa l-oħra, jinvoka nuqqas ta’ proporzjonalità tal-miżuri restrittivi. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-motivazzjoni għall-inklużjoni ma ssemmix iżjed il-ksur ta’ trasferiment illegali ta’ fondi pubbliċi Ukreni barra mill-Ukraina u li l-Kunsill ma weriex li l-iffriżar totali tal-assi tiegħu, b’differenza ta’ ffriżar parzjali, kien proporzjonat f’dan il-każ, peress li l-iffriżar ta’ fondi ma huwiex iġġustifikat lilhinn mill-valur tal-beni allegatament misapproprjati.

127    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

128    Preliminarjament għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent dwar id-drittijiet tad-difiża tiegħu ġie miċħud fil-kuntest tat-tielet motiv (ara l-punti 53 sa 62 iktar ’il fuq).

129    Jeħtieġ ukoll li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-motivazzjoni għall-inklużjoni ma tipprevedix iżjed il-ksur ta’ trasferiment illegali ta’ fondi pubbliċi Ukreni barra mill-Ukraina. Fil-fatt, minkejja li t-trasferiment illegali ta’ fondi pubbliċi barra mill-Ukraina ma huwiex iżjed previst mill-motivazzjoni għall-inklużjoni, hekk kif mibdula mill-atti ta’ Marzu 2015, xorta jibqa’ l-fatt li r-riferiment għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fil-każ li titqies li hija fondata, huwa suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġġustifika l-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent.

130    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ proporzjonalità tal-miżuri restrittivi, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’hekk, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    F’dan il-każ, huwa minnu li d-dritt tar-rikorrent għall-proprjetà huwa limitat, peress li huwa ma jistax, b’mod partikolari, jiddisponi mill-fondi tiegħu preżenti fit-territorju tal-Unjoni, b’eċċezzjoni għal awtorizzazzjonijiet partikolari, u ebda fond jew riżors ekonomiku ma jista’ jitqiegħed, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni tiegħu.

132    Madankollu, qabel kollox, għandu jitfakkar, hekk kif ġie stabbilit fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni, tas-sitt u tas-seba’ motivi, li, minn naħa, il-kriterju ta’ inklużjoni, stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif mibdul bid-Deċiżjoni 2015/143, huwa konformi mal-għanijiet tal-PESK u li, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista hija konformi mal-kriterju ta’ inklużjoni (ara l-punti 79 sa 103 u 109 sa 124 iktar ’il fuq)

133    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat ukoll, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li ffriżar ta’ fondi ma jkunx ġustifikat lil hinn mill-valur tal-beni allegatament misapproprjati, kif jirriżulta mill-informazzjoni li kellu l-Kunsill, li, minn naħa iċ-ċifri msemmija fl-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014 jagħtu biss indikazzjoni tal-valur tal-assi li ġew misapproprjati u, min-naħa l-oħra, li kull tentattiv intiż sabiex jiġi ddelimitat l-ammont tal-fondi ffriżati jkun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi implementat fil-prattika.

134    Wara kollox, l-inkonvenjenti ġġenerati mill-miżuri restrittivi ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li dawn il-miżuri huma ta’ natura temporanja u reversibbli u, għalhekk, ma jippreġudikawx l-“essenza” tad-dritt għall-proprjetà, u, min-naħa l-oħra, li jista’ jiġi dderogat minn dan id-dritt sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet fundamentali, l-ispejjeż legali jew ukoll l-ispejjeż straordinarji tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 209).

135    Fl-aħħar nett, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq ksur tad-dritt għal reputazzjoni, għandu jingħad ukoll li l-adozzjoni, mill-Kunsill, tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent ma tipprovdi ebda evalwazzjoni dwar it-tort tiegħu fir-rigward tal-fatti li bihom jinsab akkużat. Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri hija tali li tqajjem diżunur u nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward tar-rikorrent u, għaldaqstant, li taffettwa r-reputazzjoni tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-effetti ma jidhrux li ma humiex proporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa, hekk kif jirriżulta mill-punt 118 iktar ’il fuq.

136    Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud il-ħames motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, sa fejn jirrigwarda l-annullament taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista permezz tal-atti ta’ Marzu 2015.

 Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119

137    Sussidjarjament, il-Kunsill jitlob li, fil-każ ta’ annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2014, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119 jinżammu fis-seħħ sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014. Huwa jitlob ukoll li, fil-każ ta’ annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2015, l-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata, jinżammu fis-seħħ sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357.

138    Ir-rikorrent jikkontesta t-talba tal-Kunsill.

139    Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014, fil-verżjoni inizjali tagħhom, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet ir-rikors sa fejn huwa indirizzat kontra r-Regolament 2015/138 u l-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar fil-punt 108 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2015/364 ma hijiex sempliċi att konfermattiv, iżda tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma, adottata mill-Kunsill wara li tkun saret kunsiderazzjoni mill-ġdid perijodika, kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, jinvolvi l-annullament tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista għall-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ Marzu 2015, min-naħa l-oħra, dan ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ din l-istess inklużjoni għall-perijodu ta’ wara l-imsemmi dħul fis-seħħ.

141    Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tal-Kunsill li tirrigwarda ż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119.

 Fuq l-ispejjeż

142    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

143    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef fir-rigward tat-talba għal annullament imressqa fir-rikors, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ din it-talba, konformement mat-talbiet tar-rikorrent. Peress li r-rikorrent tilef fir-rigward tat-talba għal annullament magħmula fin-nota ta’ adattament tat-talbiet, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ din it-talba, konformement mat-talbiet tal-Kunsill.

144    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2015, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, fil-verżjonijiet inizjali tagħhom, huma annullati, sa fejn isem Andriy Klyuyev ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li fir-rigward tagħhom japplikaw dawn il-mużuri restrittivi, u dan sad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn A. Klyuyev, fir-rigward tat-talba għal annullament ifformulata fir-rikors.

4)      A. Klyuyev huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk esposti mill-Kunsill, fir-rigward tat-talba għal annullament ifformulata fin-nota ta’ adattament tat-talbiet tiegħu.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Berardis

Czúcz

Pelikánová

Popescu

 

       Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, fil-formulazzjoni inizjali tagħhom, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent

Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati mill-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-ewwel u s-seba’ motivi, ibbażati fuq assenza ta’ bażi legali u fuq eċċezzjoni ta’ illegalitŕ tal-kriterju ta’ inklużjoni

Fuq it-tieni u s-sitt motivi, ikkunsidrati flimkien, ibbażati, rispettivament fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kriterju ta’ inklużjoni fil-lista u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal proprjetŕ u tad-dritt għal reputazzjoni

Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119

Fuq l-ispejjeż