Language of document : ECLI:EU:C:2024:514

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C379/23

Guldbrev AB

vs

Konsumentombudsmannen

(talba għal domanda preliminari mressqa mill-iSvea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumatur – Prattiki kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 2(ċ), (d) u (i) u Artikolu 3(1) – Offerta konġunta li tikkonsisti f’valutazzjoni u xiri ta’ deheb – Kunċetti ta’ ‘prodott’ u ta’ ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’”






1.        Id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur (2), hija applikabbli għal sitwazzjoni fejn kummerċjant jixtri prodott (f’dan il-każ id-deheb) mingħand konsumatur, liema xiri l-ewwel jeżiġi servizz ta’ valutazzjoni pprovdut mill-kummerċjant innifsu fuq dan il-prodott, sabiex b’dan il-mod jiddetermina l-prezz tax-xiri?

2.        Din hija, essenzjalment, id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tittratta f’din il-kawża dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSvea hovrätt Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja)) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(ċ), (d) u (i) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29.

3.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Guldbrev AB, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rreġistrata fl-Isvezja, u l-Konsumentombudsmannen (l-Ombudsman għall-Konsum, l-Isvezja, iktar ’il quddiem il-“KO”) dwar rikors ippreżentat minn dan tal-aħħar intiż sabiex Guldbrev tiġi ordnata twaqqaf ċerti prattiki kummerċjali żleali dwar il-valutazzjoni u x-xiri ta’ deheb mingħand konsumaturi.

4.        Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara fil-ġurisprudenza tagħha l-kunċetti ta’ “prodott” u ta’ “prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, speċifikament f’sitwazzjoni ġdida fejn huwa l-kummerċjant li jixtri prodott mingħand il-konsumatur u mhux bil-kontra kif normalment ikun il-każ.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(ċ)      ‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

(d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]

(i)      ‘stedina għax-xiri’ tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;

[…]”.

6.        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

B.      Iddritt Svediż

7.        Fl-ordinament ġuridiku Svediż, id-Direttiva 2005/29 ġiet trasposta fil-marknadsföringslagen (2008:486) (il-Liġi (2008:486) dwar il-Prattiki Kummerċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali”).

II.    Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja.

8.        Guldbrev hija kumpannija li tixtri d-deheb online fejn l-attività tagħha tikkonsisti fil-valutazzjoni u x-xiri tad-deheb mingħand il-konsumaturi. Guldbrev ma għandhiex ħwienet fiżiċi u twettaq l-attività tagħha ta’ xiri u ta’ paragun tal-prezzijiet fuq siti elettroniċi differenti. L-allegazzjonijiet u azzjonijiet oħra inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju seħħew fuq is-siti elettroniċi ta’ Guldbrev, fuq in-networks soċjali u f’ittri mibgħuta minn Guldbrev lill-konsumaturi.

9.        Il-KO talab li ċerti miżuri promozzjonali ta’ Guldbrev jiġu pprojbiti u li tiġi ordnata tipprovdi ċerta informazzjoni lill-konsumaturi.

10.      Il-KO jsostni li l-prodott li qed tippromwovi Guldbrev għandu jitqies bħala offerta konġunta, li tikkonsisti fil-valutazzjoni u x-xiri mill-ġdid ta’ deheb. F’dan ir-rigward, il-miżura promozzjonali ta’ Guldbrev, li seħħet permezz ta’ reklamar fuq Google u fuq siti elettroniċi li jinkludu għodda għat-tqabbil tal-prezzijiet, għandha tkun irregolata mil-Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali u hija qarrieqa u żleali skont id-Direttiva 2005/29 (3), kif ukoll skont din il-liġi (4).

11.      Skont il-KO, il-promozzjoni tal-prezz tad-deheb tikkostitwixxi “bait advertising”, kif ukoll “bait and switch” bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 (5). Guldbrev naqset milli tidentifika b’mod suffiċjentement ċar ir-reklamar fuq is-sit elettroniku u milli tippreċiża li hija kienet qegħda tirreklama. Il-prezzijiet massimi indikati minn Guldbrev fil-promozzjoni tagħha huma irraġonevoli u imprevedibbli jew impossibbli li jinkisbu minħabba r-rekwiżiti imposti minn Guldbrev. Guldbrev hija kkritikata wkoll b’allegazzjonijiet ta’ prezzijiet qarrieqa li jikkompromettu l-kapaċità tal-konsumaturi li jieħdu deċiżjoni informata.

12.      Guldbrev ikkontestat it-talbiet tal-KO, billi sostniet, essenzjalment, li l-fatti ta’ din il-kawża ma kienu jinkludu ebda element li jagħmel id-Direttiva 2005/29 jew il-Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali applikabbli, peress li l-azzjonijiet inkwistjoni kienu jirrigwardaw servizzi ta’ xiri. Fi kwalunkwe każ, skont Guldbrev, il-promozzjoni la kienet qarrieqa u lanqas żleali.

13.      Il-qorti tal-ewwel istanza, il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ), iddeċidiet li l-azzjonijiet ta’ Guldbrev fil-kuntest tal-attività tagħha kienu jikkostitwixxu prattiki kummerċjali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29. Hija qieset li l-azzjonijiet koperti mit-talbiet tal-KO ma setgħux jitqiesu li kienu intrinsikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali. B’hekk hija pprojbixxiet ċerti miżuri promozzjonali u ordnat lil Guldbrev tinkludi ċerta informazzjoni fil-promozzjoni tagħha.

14.      Guldbrev appellat minn partijiet tas-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju u talbet li l-azzjoni tal-KO tiġi miċħuda.

15.      Dik il-qorti għandha, fost affarijiet oħra, tiddeċiedi dwar jekk l-azzjonijiet ta’ Guldbrev jikkostitwixxux prattika kummerċjali żleali. Sabiex tkun tista’ tiddeċiedi din il-kwistjoni sostantiva, hija għandha qabel kollox tiddetermina jekk id-Direttiva 2005/29 u l-Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali humiex applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, hija għandha tiddeċiedi dwar sa liema punt, skont l-Artikolu 2(ċ), (d) u (i), kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, il-valutazzjoni u x-xiri ta’ deheb mingħand konsumatur u azzjonijiet bħal dawk fil-każ inkwistjoni jistgħu jitqiesu bħala prattika kummerċjali fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

16.      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżura promozzjonali inkwistjoni tista’ intrinsikament tikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tad-Direttiva 2005/29, sakemm hija tirrigwarda prodott skont din l-istess direttiva. Madankollu, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar jekk l-offerta tal-kummerċjant fil-każ inkwistjoni tirrigwardax “prodott” fis-sens tad-Direttiva 2005/29, kwistjoni li hija importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali, għandhomx jiġu interpretati fid-dawl tar-regoli sostantivi tad-Direttiva 2005/29.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSvea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valutazzjoni u x-xiri ta’ deheb minn konsumatur huma prodott (prodott kombinat) fis-sens tal-Artikolu 2(ċ),(d) u (i), kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2005/29]?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-valutazzjoni tad-deheb hija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prodott fis-sens tad-Direttiva 2005/29?”

18.      Guldbrev, il-KO, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Analiżi

A.      Fuq lewwel domanda preliminari

19.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(ċ), (d) u (i) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-att kummerċjali li jikkonsisti fl-offerta kombinata ta’ valutazzjoni ta’ oġġett, f’dan il-każ tad-deheb, imwettqa minn kummerċjant għall-konsumatur u x-xiri ta’ dan l-oġġett minn dan il-kummerċjant mingħand dan il-konsumatur jikkostitwixxi “prodott” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

20.      Il-qorti tar-rinviju qiegħdha tagħmel din id-domanda sabiex tiddetermina jekk id-Direttiva 2005/29 hijiex applikabbli fil-kawża pendenti quddiemha, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali għandhom jiġu interpretati fid-dawl tar-regoli sostantivi ta’ din id-direttiva. L-imsemmija domanda preliminari tirrigwarda, għalhekk, esklużivament il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 u mhux in-natura possibbilment żleali tal-atti kummerċjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-analiżi tiegħi b’hekk ser tiffoka fuq dan l-aspett.

21.      Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom pożizzjonijiet differenti fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda. Filwaqt li l-KO u l-Kummissjoni jsostnu li hemm lok li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, Guldbrev issostni min-naħa l-oħra li, f’dan il-każ, l-att kummerċjali li jikkonsisti fil-kombinazzjoni tal-valutazzjoni u x-xiri ta’ deheb ma jistax jikkostitwixxi “prodott” fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

22.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandu, qabelxejn, jitfakkar li, kif indikat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 u mill-premessa 23 tad-Direttiva 2005/29, li din id-direttiva hija intiża li tiżgura livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur permezz ta’ armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali (6).

23.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-Direttiva 2005/29 hija kkaratterizzata minn kamp ta’ applikazzjoni materjali partikolarment estiż, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa tifsira wiesgħa ħafna tal-kunċett ta’ “prattika kummerċjali”, fis-sens tal-istess direttiva, permezz tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva li jiddefinixxi tali kunċett bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant” (7).

24.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-uniku kriterju msemmi fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 huwa bbażat fuq il-fatt li l-prattika tal-kummerċjant għandha tkun direttament marbuta mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-provvista ta’ oġġett jew ta’ servizz lill-konsumatur (8).

25.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu anki jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-offerti konġunti, li huma bbażati fuq l-għaqda ta’ mill-inqas żewġ prodotti jew servizzi distinti f’offerta waħda, jikkostitwixxu atti kummerċjali li jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huma intiżi direttament għall-promozzjoni u għall-fluwidità tal-bejgħ ta’ dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li tali offerti konġunti jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u, konsegwentement, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (9).

26.      Huwa abbażi ta’ dawn l-indikazzjonijiet ipprovduti fil-ġurisprudenza li għandu jiġi vverifikat jekk atti kummerċjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

27.      Issa, f’dan il-każ, dawn l-atti kummerċjali jikkonsistu, minn naħa, f’servizz ta’ valutazzjoni ta’ deheb li l-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, abbażi ta’ din il-valutazzjoni, fix-xiri ta’ deheb minn dan il-kummerċjant mingħand l-istess konsumatur.

28.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-offerta kummerċjali tal-kummerċjant inkwistjoni, dawn iż-żewġ atti huma konġunti u indissoċjabbli, fis-sens li wieħed huwa dipendenti fuq l-ieħor. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-kummerċjant huwa biss lest li jixtri d-deheb mingħand il-konsumatur bil-kundizzjoni li dan jaċċetta s-servizz ta’ valutazzjoni pprovdut minn dan il-kummerċjant sabiex jiddetermina l-kwalità u l-prezz tax-xiri tad-deheb inkwistjoni. Il-prezz tad-deheb huwa ddeterminat fil-mument tal-valutazzjoni u l-konsumatur għandu jaċċetta dan il-prezz sabiex iseħħ il-bejgħ tad-deheb.

29.      F’dan il-kuntest, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ma hemmx dubju li s-servizz ta’ valutazzjoni ta’ deheb li l-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur jikkostitwixxi “prodott” skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2005/29, li mid-definizzjoni tiegħu, jinkludi “kull servizz”. Konsegwentement, prattiki kummerċjali li jikkonċernaw tali prodott fil-konfront tal-konsumaturi skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 jaqgħu b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

30.      B’kuntrast ma’ dan, jista’ jkun hemm dubji dwar l-att kummerċjali li jikkonsisti fix-xiri ta’ deheb mill-kummerċjant mingħand il-konsumatur. Fil-fatt, jista’ jiġi kkunsidrat li, fil-każ ta’ xiri ta’ prodott minn kummerċjant mingħand konsumatur, ma teżistix “rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi”, kif meħtieġa mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Tali att kummerċjali fil-fatt jikkonsisti, pjuttost bil-maqlub, fil-provvista ta’ prodott mill-konsumatur lill-kummerċjant.

31.      Madankollu, minħabba n-natura konġunta u indissoċjabbli taż-żewġ atti kummerċjali inkwistjoni, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, għandu jitqies li teżisti, f’dan il-każ, “rabta diretta” bejn, minn naħa, l-att kummerċjali li jikkonsisti fix-xiri ta’ deheb minn kummerċjant mingħand il-konsumatur u, min-naħa l-oħra, il-“prodott” inkwistjoni skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2005/29, jiġifieri s-servizz ta’ valutazzjoni tad-deheb ipprovdut mill-kummerċjant lill-konsumatur.

32.      Sa fejn il-kummerċjant huwa biss lest li jixtri d-deheb mingħand il-konsumatur bil-kundizzjoni li dan jaċċetta s-servizz ta’ valutazzjoni pprovdut mill-kummerċjant sabiex jiddetermina l-kwalità u l-prezz tad-deheb inkwistjoni, għandu jitqies li ż-żewġ atti kummerċjali indissoċjabbli jikkostitwixxu prodott uniku li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jaqa’ b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali tal-kummerċjant intiża direttament għall-promozzjoni u għall-fluwidità tal-bejgħ ta’ dan il-prodott. Minn dan isegwi li l-offerta konġunta tax-xiri ta’ deheb bil-kundizzjoni li jiġi aċċettat is-servizz ta’ valutazzjoni ta’ deheb tikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u għandha, konsegwentement, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

33.      F’dan ir-rigward, nirrileva, l-ewwel nett, li l-interpretazzjoni preċedenti hija l-unika waħda li hija ta’ natura li tagħti effett sħiħ lid-Direttiva 2005/29, billi tiggarantixxi li, b’mod konformi mar-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, il-prattiki kummerċjali żleali jiġu miġġielda b’mod effikaċi (10). Fil-fatt, l-interpretazzjoni kuntrarja, intiża sabiex teskludi l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29, tħalli mingħajr protezzjoni l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi inkwistjoni billi żżomm barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva prattiki kummerċjali direttament intiżi sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-konsumaturi, li huwa manifestament kuntrarju għall-għanijiet tal-imsemmija direttiva (11).

34.      It-tieni nett, l-interpretazzjoni li pproponejt tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/29 hija wkoll konformi mal-portata wiesgħa ħafna li, kif irrilevajt fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ingħatat lil din id-direttiva fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha (12).

35.      It-tielet nett, l-interpretazzjoni li ssuġġerejt hija konformi mal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-avviż tagħha intitolat “Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern” (13).

36.      Minn naħa, fil-punt 2.3.2 ta’ din il-gwida, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni li jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet simili għal dik fil-kawża preżenti “li fihom tista’ tiġi stabbilita rabta bejn il-bejgħ ta’ prodott minn konsumatur lil kummerċjant u l-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ prodott (differenti) lill-konsumatur”. Issa, skont il-Kummissjoni tali sitwazzjonijiet jaqgħu taħt id-Direttiva 2005/29.

37.      Min-naħa l-oħra, fl-istess punt tal-imsemmija gwida, il-Kummissjoni tindika espliċitament li, f’ċerti ċirkustanzi, tista’ tiġi stabbilita relazzjoni suffiċjentement diretta bejn il-bejgħ ta’ deheb mill-konsumatur u l-bejgħ jew il-provvista ta’ servizz ta’ valutazzjoni ta’ deheb minn kummerċjant lill-konsumatur.

38.      Issa, dokumenti bħal tali gwida, minkejja li ma humiex ta’ natura vinkolanti u bl-ebda mod ma jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jikkostitwixxu, madankollu, skont il-ġurisprudenza, għajnuna għall-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni bħad-Direttiva 2005/29 (14).

39.      Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 2(ċ), (d) u (i) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, is-servizz ta’ valutazzjoni ta’ oġġett ipprovdut minn kummerċjant lil konsumatur, u, min-naħa l-oħra, ix-xiri ta’ tali prodott minn dan il-kummerċjant mingħand dan il-konsumatur, bil-kundizzjoni li l-konsumatur jaċċetta l-prezz determinat wara din il-valutazzjoni, jikkostitwixxu “prodott” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

B.      Fuq ittieni domanda preliminari

40.      Peress li din id-domanda saret fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(ċ), (d) u (i), u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 fis-sens li pproponejt fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

41.      Fi kwalunkwe każ, mill-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li t-tieni domanda preliminari għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata wkoll risposta fl-affermattiv.

IV.    Konklużjoni

42.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-iSvea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja) kif ġej:

L-Artikolu 2(ċ), (d) u (i) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

minn naħa, is-servizz ta’ valutazzjoni ta’ oġġett ipprovdut minn kummerċjant lil konsumatur, u, min-naħa l-oħra, ix-xiri ta’ dan il-prodott minn dan il-kummerċjant mingħand dan il-konsumatur, bil-kundizzjoni li l-konsumatur jaċċetta l-prezz determinat wara din il-valutazzjoni, jikkostitwixxu “prodott” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).


3      B’mod speċifiku, il-punt 22 tal-Anness I ta’ din id-direttiva.


4      B’mod speċifiku, l-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmija l-liġi.


5      Ara, rispettivament, il-punt 5 u l-punt 6(ċ), tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29.


6      Sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bankia (C‑109/17, EU:C:2018:735, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, EU:C:2010:660, punt 21), u tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország (C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 34).


8      Sentenza UPC Magyarország (C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 35).


9      Sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 50) u tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart (C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 28).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 39).


11      Ara l-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 2005/29.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 40).


13      ĠU 2021, C 526, p. 1.


14      F’dan is-sens, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il-Kummissjoni vs l-Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Saredgna) (C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).