Rikors ippreżentat fis-7 ta' Lulju 2011 - Gollnisch vs Il-Parlament
(Kawża T-346/11)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Bruno Gollnisch (Limonest, Franza) (rappreżentant: G. Dubois, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jneħħi l-immunità parlamentari tar-rikorrent, meħuda fl-10 ta' Mejju 2011, fir-rigward tal-adozzjoni tar-rapport A7-0155/2011;
tordna li Bruno GOLLNISCH jingħata s-somma ta' EUR 8 000 bħala kumpens għad-danni morali;
tordna li Bruno GOLLNISCH jingħata s-somma ta' EUR 4 000 għall-ispejjeż inkorsi għall-konsulenza legali u għall-preparazzjoni ta' dan ir-rikors.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrent jixtieq jikseb, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-10 Mejju 2011, li tadotta r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0155/2011) u li tiċħad it-talba ta' difiża tal-immunità u tal-privileġġi ta' Bruno Gollnisch [2010/2284(IMM)] u, minn naħa l-oħra, rikors intiż għal ksib ta'kumpens għad-danni morali allegatament subiti mir-rikorrent wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba' motivi.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta' April 1965.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-neċessità li fil-kawża preżenti jiġi applikat l-Artikolu 9 tal-Protokoll.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-effett ħażin fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew.
Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza taċ-ċertezza legali tad-dritt tal-UE u fuq l-effett ħażin fuq l-aspettattivi leġittimi.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-effett ħażin fuq l-indipendenza ta' deputat.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Parlament Ewropew dwar il-proċedura li tista' twassal għall-iskwalifika ta' deputat.
Is-seba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.
____________