Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2013 – Deloitte Consulting vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-688/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Deloitte Consulting CVBA (Diegem, il-Belġju) (rappreżentanti: K. De hornois u N. Korogiannakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta li għażlet lir-rikorrenti bħala r-raba’ kuntrattur fil-kuntest tas-Sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2013/004 ABC III – dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza, ta’ analiżi komparattiva u ta’ assistenza fil-qasam tat-teknoloġiji u tal-komunikazzjoni (Lott 2) ikkomunikata lir-rikorrenti b’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013 u li tagħti l-kuntratt lill-konsorzju PWC-EVERIS bħala l-ewwel kuntrattur, KPMG-TRASYS-KURT SALMON bħala t-tieni kuntrattur u lil GCI Accenture bħala t-tielet kuntrattur;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ma teskludix lill-ewwel kuntrattur PWC-EVERIS li inkluda informazzjoni dwar l-offerta finanzjarja fl-offerta teknika tiegħu;

tordna lill-konvenuta tħallas id-danni mġarrba mir-rikorrenti minħabba t-telf tal-kuntratt jew sussidjarjament għat-telf tal-opportunità minħabba l-proċedura inkwistjoni għal sejħa ta’ offerti;

tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż legali tar-rikorrenti u l-ispejjeż marbuta ma’ dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u nuqqas ta’ żvelar tal-merti tal-offerenti magħżula – Artikolu 113(2) tar-Regolament Finanzjarju u Artikolu 161(2) u (3) tar-Regolament dwar id-delega u l-ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali – tal-prinċipju tad-dritt għal rimedju effettiv;

għalkemm is-suġġett tal-offerta huwa teknikament kumpless ħafna u strateġikament importanti, il-kontenut tas-siltiet mir-Rapport ta’ Evalwazzjoni huma qosra, superfiċjali, simplistiċi, ma jindikawx il-punti pożittivi u negattivi tal-offerenti evalwati u jirrigwardaw biss il-“kwalifiki” mingħajr ma jiddeskrivu bl-ebda mod is-sustanza tat-tweġiba. Għal ċerti sottokriterji ma hemm assolutament l-ebda motivazzjoni li tispjega r-riżultati tal-offerenti filwaqt li l-kummenti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni huma spiss inkonsistenti mar-riżultati mogħtija lill-offerenti differenti. In-nuqqasijiet tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jimpedixxu stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata, u b’hekk hemm ksur tal-prinċipju għal dritt ta’ rimedju effettiv.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu li jintużaw kriterji ċari għall-għoti ta’ kuntratti, li abbażi tagħhom il-kuntratt jista’ oġġettivament jingħata; ksur tad-distinzjoni bejn kriterju ta’ għażla u kriterju ta’ għoti;

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jikkonsistu f’ammont kunsiderevoli ta’ sottokriterji vagi. Għalhekk, offerenti informati tajjeb u diliġenti ma jistgħux jinterpretaw il-kriterju speċifiku tal-għoti ta’ kuntratt. Ma hemm l-ebda indikazzjoni ċara dwar x’ jikkostitwixxi approċċ tajjeb jew inqas tajjeb u ma hemmx element kwalitattiv li juri liema indikaturi jistgħu jwasslu għal riżultat aħjar jew agħar. Barra minn hekk, ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni jinkludi riferiment għall-kriterji tal-għażla, li ntużaw sabiex tiġi evalwata l-proposta teknika tal-offerenti.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerta. Ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba – ksur tal-istruzzjonijiet tas-sejħa għal offerti – riferiment tal-prezz fi ħdan l-offerta teknika;

wieħed mill-offerenti li ngħata kuntratt żvela elementi finanzjarji importanti fit-taqsima teknika tas-sejħa għal offerti, u dan iwassal biex din tal-aħħar hija inammissibbli, peress li tikser dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal Offerti kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-Linji Gwida għall-Għoti Pubbliku tad-DIGIT li japplikaw f’dan il-każ.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1a) tar-Regolament Finanzjarju u Taqsima 5.2.3.2 tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal Offerti - kunflitt ta’ interess;

skont l-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju, il-konvenuta għandha tevalwa jekk l-offerenti humiex suġġetta għal kunflitt ta’ interess matul il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt qafas u mhux, kif hija tippreferi, abbażi ta’ evawlazzjoni każ b’każ matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt qafas. Kull offerent li kellu kunflitt ta’ interess, kif deskritt matul il-proċedura ta’ għoti, kellu jiġi eskluż qabel l-għoti tal-kuntratt qafas u mhux, kif il-konvenuta tippreferi f’dan il-każ, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. It-Taqsima 5.2.3.2 tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal Offerti hija rekwiżit iktar strett mill-kunflitt ta’ interess kif iddefinit fl-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju. Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-konvenuta kellha tiċħad xi wħud mill-offerenti magħżula.