Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Anwaltsgerichtshof (il-Ġermanja) fid-9 ta’ Mejju 2023 – Halmer Rechtsanwaltsgesellschaft UG vs Rechtsanwaltskammer München

(Kawża C-295/23, Halmer Rechtsanwaltsgesellschaft)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bayerischer Anwaltsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Halmer Rechtsanwaltsgesellschaft UG

Konvenut: Rechtsanwaltskammer München

Intervenjenti: SIVE Beratung und Beteiligung GmbH, l-avukat Dr. Daniel Halmer

Domandi preliminari

L-obbligu, previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li kumpannija ta’ avukati titħassar mir-reġistru tal-avukati jikkostitwixxi restrizzjoni inammissibbli għad-dritt għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE f’sitwazzjoni fejn:

sehem fil-kumpannija ta’ avukati jiġi ttrasferit lil persuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti professjonali partikolari marbuta mal-akkwist ta’ sehem skont id-dritt tal-Istat Membru? Skont dawn ir-rekwiżiti, sehem f’kumpannija ta’ avukati jista’ jiġi akkwistat biss minn avukat jew minn membru ieħor ta’ kamra tal-avukati, minn avukat konsulent fil-qasam tal-privattivi, minn konsulent fiskali, minn mandatarju fiskali, minn awditur uffiċjali jew minn kontabbilist iċċertifikat, minn membru tal-professjoni ta’ avukat ta’ Stat ieħor awtorizzat jeżerċita l-attività ta’ konsulent legali fit-territorju nazzjonali, jew minn avukat konsulent fil-qasam tal-privattivi, minn konsulent fiskali, minn mandatarju fiskali, minn awditur uffiċjali jew minn kontabbilist iċċertifikat ta’ Stat ieħor awtorizzat jeżerċita din l-attività fit-territorju nazzjonali, jew minn tabib jew spiżjar,

membru jissodisfa r-rekwiżiti partikolari msemmija fil-punt 1.1 iżda ma jeżerċitax attività professjonali fil-kumpannija ta’ avukati?

minħabba t-trasferiment ta’ sehem wieħed jew iktar jew ta’ dritt ta’ vot wieħed jew iktar, il-maġġoranza tagħhom ma jibqgħux miżmuma minn avukati?

Il-fatt li membru li ma jkunx awtorizzat jeżerċita professjoni fis-sens tal-punt 1.1 ma jkollux dritt ta’ vot jikkostitwixxi restrizzjoni inammissibbli għad-dritt tal-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE f’sitwazzjoni fejn l-istatut tal-kumpannija jinkludi klawżoli maħsuba li jipproteġu l-indipendenza tal-avukati u tal-attività ta’ avukat tal-kumpannija, billi jiggarantixxu li l-kumpannija tkun irrappreżentata esklużivament minn avukati bħala diretturi jew mandatarji, fejn il-membri u l-assemblea tal-membri jkunu pprojbiti milli jeżerċitaw influwenza fuq il-ġestjoni tal-kumpannija permezz ta’ istruzzjonijiet jew indirettament permezz tat-theddida ta’ riperkussjonijiet, fejn id-deċiżjonijiet tal-membri li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr effett u fejn l-obbligu tas-sigriet professjonali tal-avukati huwa estiż għall-membri u għall-persuni mogħtija mandat minnhom?

Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(3)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 1 sabiex jiġu kkunsidrati li huma restrizzjonijiet ammissibbli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dritt tar-rikorrenti għal-libertà ta’ moviment tal-kapital (fis-sens tal-ewwel u tat-tieni domanda) ma huwiex affettwat u li ma hemmx ksur tad-Direttiva 2006/123 (it-tielet domanda):

Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda jiksru d-dritt tal-intervenjenti, SIVE Beratung und Beteiligung GmbH, għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE?

____________

1     ĠU 2006, L 376, p. 36.