Language of document : ECLI:EU:C:2024:448

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑30 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawża C297/23 P

Harley-Davidson Europe Ltd.

u

Neovia Logistics Services International

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali – Kunflitti kummerċjali bejn Stati – Determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali ta’ ċerti muturi – Kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ħidma ekonomikament iġġustifikati – Regolament Delegat (EU) 2015/2446 – Evitar jew evażjoni ta’ dazju doganali – Manipulazzjoni tal-oriġini – Setgħat delegati”






I.      Introduzzjoni

1.        Minn tal-inqas minn meta ħareġ il-film “Easy Rider”, Harley-Davidson huwa l-mutur tipiku Amerikan. Madankollu, Harley-Davidson mit-Tajlandja għadu mutur Amerikan? Jista’ jkun sorprendenti iżda din hija fl-aħħar mill-aħħar il-fehma tal-Kummissjoni Ewropea, li Harley-Davidson tikkontesta bil-qawwa fil-kawża ineżami. Fil-kuntest ta’ tilwima kummerċjali bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea, iż-żewġ partijiet kienu imponew dazji doganali addizzjonali projbittivi fuq ċerti prodotti tal-parti l-oħra, bl-Unjoni timponi tali dazji, b’mod partikolari, fuq l-imsemmija muturi. Sussegwentement, Harley-Davidson ittrasferixxiet il-produzzjoni tagħha għas-suq Ewropew mill-Istati Uniti lejn it-Tajlandja. Madankollu, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża (2), il-Kummissjoni rrifjutat li tirrikonoxxi lil dan il-pajjiż bħala l-post ta’ oriġini.

2.        Permezz tas-sentenza appellata (3), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Harley-Davidson kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża. F’dan l-appell, għandu jiġi ċċarat b’mod partikolari jekk il-Kummissjoni tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi trasferiment ta’ produzzjoni għar-raġuni biss li dan it-trasferiment għandu l-għan li jevita dazji doganali imposti fil-kuntest ta’ tilwima kummerċjali bejn Stati.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Kodiċi Doganali

3.        L-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali (4) jippermetti lill-awtoritajiet doganali jieħdu deċiżjonijiet dwar informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini. Skont l-Artikolu 34(11), il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri biex jirtiraw tali deċiżjonijiet “sabiex tiżgura l-klassifikazzjoni tariffarja jew id-determinazzjoni tal-oriġini korretti u uniformi tal-merkanzija”.

4.        L-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali jiddefinixxi d-dispożizzjonijiet li għalihom japplikaw ir-regoli dwar l-oriġini tal-merkanzija:

“L-Artikoli 60 u 61 [tal-Kodiċi Doganali] jistabbilixxu r-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-għanijiet tal-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

(a)      it-Tariffa Doganali Komuni minbarra l-miżuri msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 56(2);

(b)      miżuri, barra l-miżuri tariffarji, stabbiliti permezz tal-provvedimenti tal-Unjoni li jirregolaw oqsma speċifiċi marbutin mal-kummerċ tal-merkanzija; u

(c)      miżuri oħrajn tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija.”

5.        L-Artikolu 56(2)(d) u (e) tal-Kodiċi Doganali jsemmi l-miżuri tariffarji preferenzjali.

6.        L-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali jirregola l-oriġini tal-merkanzija għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tariffa doganali:

“1.      Merkanzija ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina minn dak il-pajjiż jew territorju.

2.      Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.”

7.        L-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li “tadotta atti delegati [...] li jistabbilixxu r-regoli li abbażi tagħhom il-merkanzija, li d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tagħha hi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 59, tkun ikkunsidrata bħala ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew f’territorju wieħed jew li għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, tagħha, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura f'pajjiż jew territorju, skont l-Artikolu 60.”

B.      IrRegolament Delegat 2015/2446, li jissupplimenta l-Kodiċi Doganali

8.        L-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 (5) jippreċiża meta operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ħidma ma għandhomx jitqiesu li huma ekonomikament iġġustifikati fis-sens tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali:

“Kull operat ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa f’pajjiż jew territorju ieħor għandu jitqies mhux iġġustifikat ekonomikament jekk jiġi stabbilit, abbażi tal-fatti disponibbli, li l-iskop tat-tali operat kien li tiġi evitata [fil-verżjoni bil-Ġermaniż: li tiġi evaża] l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 59 tal-Kodiċi.

Għall-oġġetti koperti mill-Anness 22-01, għandhom japplikaw ir-regoli residwali tal-Kapitolu għal dik il-merkanzija.

Għall-oġġetti mhux koperti mill-Anness 22-01, fejn l-aħħar operat ta’ pproċessar jew ħidma ma jitqiesx iġġustifikat ekonomikament, għandu jitqies li l-oġġetti jkun sarilhom l-aħħar operat sostanzjali ġġustifikat ekonomikament ta’ pproċessar jew ta’ ħidma, li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura, fil-pajjiż jew territorju fejn oriġinat il-parti l-kbira tas-sehem tal-materjali, kif stabbilit fuq il-bażi tal-valur tal-materjali.”

9.        Il-premessa 21 tar-Regolament Delegat 2015/2446 tispjega l-Artikolu 33 kif ġej:

“Sabiex tiġi evitata l-manipulazzjoni tal-oriġini ta’ merkanzija importata bil-għan li tiġi evitata [fil-verżjoni bil-Ġermaniż: li tiġi evaża] l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali, f’ċerti każijiet l-aħħar ipproċessar jew xogħol sostanzjali għandu jitqies li ma jkunx ekonomikament ġustifikat.”

10.      Il-muturi inkwistjoni ma humiex imsemmija fl-Anness 22‑01 tar-Regolament Delegat 2015/2446.

C.      Ir-regoli dwar il-kunflitti kummerċjali bejn Stati

1.      IrRegolament Nru 654/2014

11.      Il-bażi għad-dazji doganali inkwistjoni hija r-Regolament (UE) Nru 654/2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali (6). Il-premessi 2 u 3 jispjegaw l-għan ta’ dawn il-miżuri:

“(2)      Huwa essenzjali li l-Unjoni jkollha strumenti xierqa li jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali biex jissalvagwardjaw l-interessi ekonomiċi tagħha. Dan huwa partikolarment il-każ f’sitwazzjonijiet fejn pajjiżi terzi jdaħħlu fis-seħħ miżuri restrittivi kummerċjali li jnaqqsu l-benefiċċji dovuti lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali. L-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tirreaġixxi malajr u b’mod flessibbli fil-kuntest tal-proċeduri u l-iskadenzi stabbiliti minn ftehimiet kummerċjali internazzjonali li hija kkonkludiet. Għalhekk hemm il-ħtieġa għal regoli li jiddefinixxu l-qafas għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-Unjoni f'ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi.

(3)      Il-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li twaqqfu bil-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u u ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħrajn, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, għandhom l-għan li jsibu soluzzjoni pożittiva għal kwalunkwe tilwima li tinqala’ bejn l-Unjoni u l-parti jew il-partijiet l-oħra għal dawk il-ftehimiet. L-Unjoni għandha, madankollu, tkun tista’ tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra, skont dawk il-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, meta mezzi oħra biex tinstab soluzzjoni pożittiva għal tilwima ma jkunu ta’ ebda suċċess. L-azzjoni mill-Unjoni f’dawn il-każijiet għandha sservi l-għan li twassal lill-pajjiż terz ikkonċernat biex jikkonforma mar-regoli kummerċjali internazzjonali rilevanti biex terġa’ tinħoloq sitwazzjoni ta’ benefiċċji reċiproċi.”

12.      Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 654/2014 tirregola t-tfassil ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali:

“Il-miżuri ta’ politika kummerċjali adottati skont dan ir-Regolament għandhom jintgħażlu u jiġu mfassla abbażi ta' kriterji oġġettivi inkluż l-effettività tal-miżuri li jwasslu għall-konformità ta’ pajjiżi terzi ma’ regoli kummerċjali internazzjonali, il-potenzjal tagħhom li jipprovdu għajnuna lil operaturi ekonomiċi fl-Unjoni affettwati minn miżuri ta’ pajjiż terz, u l-objettiv li jiġu minimizzati l-impatti ekonomiċi negattivi fuq l-Unjoni, inkluż fir-rigward ta’ materja prima essenzjali.”

13.      L-għan tar-Regolament Nru 654/2014 huwa ddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistipula regoli u proċeduri sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv u f’waqtu tad-drittijiet tal-Unjoni li tissospendi jew tirtira konċessjonijiet jew obbligi oħra skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali, bil-ħsieb li:

(a)      jkun hemm reazzjoni għal ksur minn pajjiżi terzi ta’ regoli kummerċjali internazzjonali li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti li tirrestawra l-benefiċċji għall-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni.

(b)      jiġu riekwilibrati l-konċessjonijiet jew obbligi oħra fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi, meta t-trattament tal-importazzjoni mogħti lill-merkanzija mill-Unjoni jinbidel b’mod li jaffettwa l-interessi tal-Unjoni.”

2.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/724

14.      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (7), il-Kummissjoni ħabbret id-dazji doganali inkwistjoni u pprovdiet ġustifikazzjoni b’mod partikolari fil-premessi 1 sa 3 u 6:

“(1)      Fit‑8 ta’ Marzu 2018, l-Istati Uniti tal-Amerka (‘l-Istati Uniti’) adottaw miżuri ta’ salvagwardja fl-għamla ta’ żieda fit-tariffa fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar u tal-aluminju, effettiva mit‑23 ta’ Marzu 2018 u b’durata illimitata. Fit‑22 ta’ Marzu, id-data effettiva taż-żieda fit-tariffa fir-rigward tal-Unjoni Ewropea ġiet differita għall‑1 ta’ Mejju 2018.

(2)      Minkejja li l-Istati Uniti kkaratterizzaw dawn il-miżuri bħala miżuri ta’ sigurtà, essenzjalment dawn huma miżuri ta’ salvagwardja. Jikkonsistu f’azzjoni korrettiva li tfixkel il-bilanċ tal-konċessjonijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u jirrestrinġu l-importazzjonijiet għall-fini tal-protezzjoni tal-industrija domestika kontra l-kompetizzjoni barranija, f’ġieħ il-prosperità kummerċjali ta’ dik l-industrija. L-eċċezzjonijiet tas-sigurtà tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 (‘il-GATT tal‑1994’) la japplikaw u lanqas jiġġustifikaw tali miżuri ta’ salvagwardja, u ma għandhom l-ebda rilevanza fuq id-dritt tal-ibbilanċjar mill-ġdid skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tad-WTO.

(3)      Il-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji jipprevedi d-dritt ta’ kull Membru esportatur milqut minn miżura ta’ salvagwardja li jissospendi l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti jew ta’ obbligi oħra għall-kummerċ tal-Membru tad-WTO li japplika l-miżura ta’ salvagwardja, dment li ma tintlaħaq ebda soluzzjoni sodisfaċenti matul il-konsultazzjonijiet u li l-Kunsill tad-WTO għall-Kummerċ fil-Merkanzija ma jkunx kontra dan.

[…]

(6)      Il-Kummissjoni teżerċita d-dritt li tissospendi l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti jew ta’ obbligi oħra bl-intenzjoni ta’ bbilanċjar mill-ġdid tal-konċessjonijiet jew ta’ obbligi oħra fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 654/2014. L-azzjoni adattata hija f'għamla ta' miżuri tal-politika kummerċjali li jistgħu jkunu jikkonsistu minn, fost l-oħrajn, is-sospensjoni tal-konċessjonijiet għat-tariffi u l-impożizzjoni ta' dazji doganali ġodda jew miżjuda.”

D.      Ir-rati ta’ dazju doganali applikabbli

15.      Il-muturi inkwistjoni jaqgħu taħt l-intestatura 8711 50 00 tan-Nomenklatura Magħquda (8), li tinkludi l-“[m]uturi (inkluż mopeds) u roti mgħammrin b’mutur awżiljarju, bis-sidecars jew le; side-cars: [b’]magna tal-kombustjoni interna bil-pistuni b’ċilindrata ta’ iktar minn 800 cm3”. Għal dawn il-prodotti, it-tariffa doganali komuni tipprevedi dazju doganali ta’ 6 %.

16.      Il-Kummissjoni ffissat id-dazji addizzjonali inkwistjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (9):

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tapplika dazji doganali addizzjonali dwar l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness I u fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (‘l-Istati Uniti’).

Artikolu 2

L-applikazzjoni tad-dazji doganali addizzjonali fuq dawn il-prodotti għandha tkun kif ġej:

(a)      Fl-ewwel stadju, dazju ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 10 % u 25 % għandu jiġi applikat fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness I, kif speċifikat fih, mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

b)      Fit-tieni stadju, dazju ad valorem addizzjonali ulterjuri ta’ rata ta' 10 %, 25 %, 35 % u 50 % għandu jiġi applikat fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness II kif speċifikat fih:

— mill‑1 ta’ Ġunju 2021 […]”

17.      Skont l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886, il-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi 8711 50 00 huma suġġetti għal dazju doganali addizzjonali ta’ 25 % fl-ewwel fażi u għal dazju doganali addizzjonali ta’ 25 % skont l-Anness II fit-tieni fażi. Sussegwentement, il-muturi tal-appellanti Harley-Davidson importati fl-Ewropa mill-Istati Uniti ġew suġġetti, minflok għar-rata tad-dazju doganali normali ta’ 6 %, għal dazju doganali globali ta’ 31 % mit‑22 ta’ Ġunju 2018 u għal rata ta’ dazju doganali globali ta’ 56 % mill‑1 ta’ Ġunju 2021.

18.      Madankollu, l-Unjoni għadha ma applikatx id-dazji doganali tat-tieni fażi, iżda ssospendiethom qabel ma saru applikabbli (10). Mill‑1 ta’ Jannar 2022, hija ssospendiet ukoll id-dazji doganali tal-ewwel fażi (11).

III. Il-fatti preċedenti għall-appell

19.      Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u l-appellanti, Harley-Davidson Europe Ltd, tagħmel parti mill-grupp Harley-Davidson. Din hija kumpannija Amerikana magħrufa, speċjalizzata fil-produzzjoni ta’ muturi. Ir-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza u appellanti wkoll, Neovia Logistics Services International, hija l-aġent tad-dwana ta’ Harley-Davidson.

A.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

20.      Il-fatti li taw lok għal din il-kawża, kif esposti fil-punti 20 sa 38 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

21.      Bi tweġiba għall-impożizzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-azzar u l-aluminju mill-Istati Uniti, il-Kummissjoni introduċiet, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886, adottat fil‑20 ta’ Ġunju 2018, dazji doganali addizzjonali ta’ 25 % u mbagħad ta’ 50 % fuq il-prodotti “tipiċi” mill-Istati Uniti, li kienu japplikaw ukoll għall-muturi prodotti minn Harley-Davidson.

22.      Fil‑25 ta’ Ġunju 2018, Harley-Davidson informat lill-azzjonisti tagħha bl-effetti ta’ dawn id-dazji doganali addizzjonali fuq l-attività ekonomika tagħha permezz tal-hekk imsejjaħ “Form 8‑K Current Report” (iktar ’il quddiem il-“Formola 8‑K”) li hija ppreżentat lill-U. S. Security and Exchange Commisison (il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti). F’din il-formola, Harley-Davidson ħabbret li, “[s]abiex tindirizza l-ispiża sostanzjali ta’ dan il-piż tariffarju [...] [hija kienet] ser timplimenta pjan intiż sabiex iċċaqlaq il-produzzjoni ta’ muturi intiżi għall-[Unjoni] mill-Istati Uniti lejn il-faċilitajiet internazzjonali tagħha sabiex tevita [bil-Ġermaniż: tevadi] l-piż tariffarju” (12). Harley-Davidson imbagħad ittrasferixxiet il-produzzjoni tal-muturi tagħha għas-suq tal-Unjoni lejn fabbrika fit-Tajlandja.

23.      Fil‑25 ta’ Jannar 2019, l-appellanti ressqu quddiem l-awtoritajiet Belġjani żewġ applikazzjonijiet formali għal deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini għall-muturi minn tnejn mill-familji ta’ muturi prodotti fit-Tajlandja. Għalkemm il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar ir-rikonoxximent tal-oriġini Tajlandiża, fl‑24 ta’ Ġunju 2019 l-awtoritajiet Belġjani ħarġu żewġ deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini, fejn stabbilixxew lit-Tajlandja bħala l-pajjiż ta’ oriġini tal-muturi miż-żewġ familji ta’ muturi ta’ Harley-Davidson.

24.      Il-Kummissjoni saret taf b’dan fil‑21 ta’ Awwissu 2019 u adottat, fil‑31 ta’ Marzu 2021, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża (13). Permezz tagħha, hija ordnat lill-awtoritajiet Belġjani jirrevokaw id-deċiżjonijiet tagħhom. L-awtoritajiet Belġjani kkonformaw ruħhom ma’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni u rtiraw iż-żewġ deċiżjonijiet permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2021.

B.      Is-sentenza appellata

25.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fil‑11 ta’ Ġunju 2021, l-appellanti talbu l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża.

26.      Insostenn tar-rikors tagħhom, huma invokaw ħames motivi. L-ewwel, il-Kummissjoni kienet kisret regoli proċedurali essenzjali, b’mod partikolari billi tat motivazzjoni insuffiċjenti għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża u permezz ta’ ksur tal-proċedura tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni. It-tieni, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża kienet ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti min-naħa tal-Kummissjoni. It-tielet, il-Kummissjoni kienet abbużat mis-setgħa tagħha ta’ revoka skont l-Artikolu 34(11) tal-Kodiċi Doganali, sa fejn hija interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446. Ir-raba’, ir-Regolament Delegat 2015/2446 kien inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ delega skont l-Artikolu 290 TFUE. Il-ħames, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża kienet tmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

27.      Permezz tas-sentenza appellata tal‑1 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28.      L-appellanti ppreżentaw dan l-appell fil‑11 ta’ Mejju 2023 u jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża; u,

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem din il-qorti u quddiem il-Qorti Ġenerali.

29.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

30.      Il-partijiet fil-kawża ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, peress li qieset li kellha biżżejjed informazzjoni.

V.      L-analiżi legali

31.      Din il-kawża toriġina mir-rifjut tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi lit-Tajlandja bħala l-pajjiż tal-oriġini tal-muturi li Harley-Davidson issuġġettat hemmhekk għall-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma.

32.      Skont l-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali, merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi iktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma sostanzjali, ekonomikament iġġustifikata, f’impriża mgħammra għal dak l-għan u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.

33.      Sabiex jiġi evitat kull nuqqas ta’ ftehim, għandu jiġi ppreċiżat li t-tilwima bejn il-partijiet ma hijiex dwar jekk Harley-Davidson twettaqx operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma reali fit-Tajlandja, jiġifieri jekk dawn l-operazzjonijiet humiex daqstant sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali, li jistgħu, bħala prinċipju, jiġġustifikaw l-ipoteżi tal-oriġini Tajlandiża. L-awtoritajiet Belġjani jindikaw, fil-fatt, li huma vverifikaw dan qabel ma ddeterminaw din l-oriġini (14). Madankollu, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma esprimew ruħhom fuq din il-kwistjoni.

34.      Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa fit-Tajlandja ma kinux ekonomikament iġġustifikati fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446.

35.      Skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446, l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa f’pajjiż ieħor jew f’territorju ieħor ma għandhomx jitqiesu li huma ekonomikament iġġustifikati meta jiġi stabbilit, abbażi tal-elementi disponibbli, li l-għan ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma huwa li tiġi evitata [bil-Ġermaniż: evaża] l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali (15).

36.      Jekk wieħed joqgħod fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Harley-Davidson stess, l-opinjoni tal-Kummissjoni tidher li hija ġġustifikata mal-ewwel daqqa ta’ għajn, minħabba li, skont il-punt 26 tas-sentenza appellata, il-kumpannija ħabbret b’mod espliċitu fil-Formola 8‑K li l-għan li l-produzzjoni tiġi ttrasferita lejn it-Tajlandja kien li “tevita [fil-verżjoni bil-Ġermaniż: tevadi] l-piż tariffarju”.

37.      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li hija biss il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża kif ukoll tas-sentenza appellata li titkellem dwar l-“evażjoni” (“zu umgehen”) ta’ dazju doganali. Dan it-terminu jista’ jiġi tradott, fl-Ingliż, bħala ’“to circumvent” jew, fil-Franċiż, bħala “contourner”.

38.      Ma jkunx jista jiġi kkritikat li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jinftiehem, fis-sens tal-verżjoni Ġermaniża, bħala projbizzjoni ta’ evażjoni (16). Madankollu, ikun hemm evażjoni ta’ dispożizzjoni biss jekk, skont l-għan tagħha, din id-dispożizzjoni tkun applikabbli, iżda l-applikazzjoni tagħha tkun prekluża (17). Iktar ’il quddiem ser nuri li rikonoxximent tat-trasferiment tal-produzzjoni lejn it-Tajlandja ma jmurx kontra l-għan tad-dazji doganali inkwistjoni.

39.      Madankollu, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tat-tliet testi, l-ewwel il-Kummissjoni u mbagħad il-Qorti Ġenerali jużaw termini bħalma huma “to avoid” bl-Ingliż (18) jew “éviter” bil-Franċiż (19), li għandhom pjuttost jiġu tradotti bil-Ġermaniż bħala “zu vermeiden” [normalment tradotta bħala “prevenzjoni”, iżda għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet ser tintuża “evitar”]. Harley-Davidson użat ukoll il-kliem “to avoid the tariff burden” (“sabiex tevita l-piż tariffarju”) fil-Formola 8‑K.

40.      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali u l-Kummissjoni jqisu li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jikkostitwixxi projbizzjoni ta’ evitar. Din għandha kamp ta’ applikazzjoni li b’mod ċar huwa usa’ meta mqabbel ma’ dak tal-projbizzjoni ta’ evażjoni: hija tkopri, mingħajr eċċezzjoni, kull miżura intiża sabiex tevita d-dazju doganali, indipendentement mill-għan tad-dazju doganali.

41.      L-aċċettazzjoni ta’ tali projbizzjoni hija sorprendenti, b’mod partikolari fil-formulazzjoni tagħha bħala preċiżjoni tal-ġustifikazzjoni ekonomika, peress li l-fatt li jiġu evitati 25 %, jew saħansitra 50 %, tal-piżijiet tariffarji huwa, prima facie, għan ekonomiku leġittimu.

42.      Iktar ’il quddiem ser nesponi li għalhekk l-appellanti ġustament jargumentaw li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma għandux jiġi interpretat bħala projbizzjoni ta’ evitar. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod differenti (l-ewwel aggravju) jew inkella l-Kummissjoni ma kellhiex tadottaha (it-tieni aggravju). Għall-kuntrarju, it-tielet aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti jallegaw ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi, iwiegħed inqas suċċess.

A.      L-ewwel aggravju – interpretazzjoni tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446

43.      Fil-fatt, permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkritikaw diversi konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali (20) dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446. Madankollu, dawn huma kollha bbażati fuq il-kunsiderazzjoni ċentrali, espressa fil-punt 62, iżda wkoll fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li tgħid li, skont din id-dispożizzjoni, l-għan li jiġi evitat dazju doganali huwa diġà suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-miżura inkwistjoni. Għaldaqstant, f’din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tara projbizzjoni ta’ evitar.

44.      Il-fatt li l-verżjoni Ġermaniża tas-sentenza appellata tuża l-kelma “umgehen” [tradotta, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, bħala “evażjoni”] ma jbiddel xejn, peress li l-verżjoni awtentika tas-sentenza fil-lingwa tal-kawża, l-Ingliż, tuża t-terminu “to avoid” u, fil-verżjoni Franċiża, jiġifieri fil-lingwa ta’ ħidma tal-Qorti Ġenerali, it-terminu “éviter”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk Harley-Davidson kellhiex l-intenzjoni li tevadi d-dazju, iżda sempliċement tistabbilixxi l-għan ta’ evitar.

45.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-għan u l-kuntest tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446. Permezz tat-tieni parti, huma jikkontestaw ir-riżultat tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li reazzjoni ekonomikament motivata għal dazji doganali addizzjonali hija prattikament eskluża. It-tielet parti hija intiża kontra l-konsegwenzi fil-qasam tal-oneru tal-prova li jimplikaw li l-impriża kkonċernata għandha turi għan kompletament differenti meta trasferiment tal-produzzjoni jkun marbut maż-żmien mal-impożizzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali.

46.      Dawn l-argumenti huma konvinċenti, kif jirriżulta minn analiżi tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 fid-dawl tal-metodi klassiċi ta’ interpretazzjoni.

1.      Il-formulazzjoni

47.      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446, għandhom jiġu enfasizzati d-differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi diġà msemmija u l-kunċett ta’ ġustifikazzjoni ekonomika.

a)      Ilverżjonijiet lingwistiċi differenti

48.      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446, diġà spjegajt li l-verżjoni Ġermaniża hija fformulata bħala projbizzjoni ta’ evażjoni, filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha jitkellmu dwar projbizzjoni ta’ evitar (21).

49.      Għalkemm il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 hija iżolata, din ma tistax tiġi sempliċement eskluża mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, peress li ebda verżjoni lingwistika ma tipprevali fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (22). Għall-kuntrarju, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (23). Huwa għalhekk li, f’tali każijiet, l-istruttura ġenerali u l-għan tad-dispożizzjoni (24), kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (25), għandhom importanza partikolari.

b)      Il-ġustifikazzjoni ekonomika

50.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jiddeduċi mill-għan ta’ evitar jew ta’ evażjoni li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma kkonċernati ma għandhomx jitqiesu li huma ekonomikament iġġustifikati.

51.      Huwa minnu li mhux kull interess ekonomiku jista’ jiġġustifika miżura. Fil-fatt, il-kunċett ta’ ġustifikazzjoni jimplika l-eżistenza ta’ interess superjuri legalment irrikonoxxut. Ġeneralment tali interess ma jeżistix fil-każ ta’ miżuri illegali jew fil-każ ta’ evażjoni mhux xierqa ta’ regolamenti (26), u b’mod partikolari ta’ dazji doganali.

52.      B’kuntrast ma’ dan, is-sempliċi evitar ta’ piżijiet tariffarji la huwa, bħala tali, illegali u lanqas ma jista’ jiġi kkritikat għal raġunijiet oħra. Għall-kuntrarju, kif jenfasizzaw l-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT, li l-persuna taxxabbli għandha, bħala prinċipju, id-dritt li tagħżel l-istruttura tal-attività tagħha b’mod li tillimita d-dejn fiskali tagħha (27). Għalhekk, il-persuni taxxabbli huma ġeneralment ħielsa li jagħżlu l-istrutturi organizzazzjonali u l-metodi tranżazzjonali li huma jqisu li huma l-iktar adatti għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u għall-finijiet li jillimitaw il-piżijiet ta’ taxxa tagħhom (28).

53.      Fil-kawża ineżami, l-applikazzjoni ta’ projbizzjoni ta’ evitar tkun tikkostitwixxi ndħil sostanzjali fil-pożizzjoni kompetittiva ta’ Harley-Davidson. Dazju doganali addizzjonali ta’ 25 %, jew saħansitra ta’ 50 %, inaqqas b’mod kunsiderevoli l-possibbiltajiet ta’ bejgħ. Fil-Formola 8‑K, Harley-Davidson stmat il-piż medju relatat mad-dazji doganali addizzjonali ta’ 25 % għal 2 200 dollaru Amerikan (USD) għal kull mutur u l-piż annwali fuq il-kumpannija għal madwar USD 90 sa 100 miljun. Huwa dubjuż ħafna li miżuri oħra għajr l-evitar ta’ dan id-dazju doganali jista’ jkollhom impatt komparabbli fuq il-prezz u l-pożizzjoni kompetittiva tal-prodotti kkonċernati. Għaldaqstant, tali piż jista’, minn perspettiva ekonomika, jiġġustifika sforz kunsiderevoli għall-evitar tiegħu.

54.      Il-ġustifikazzjoni ekonomika, bħala prinċipju, għat-trasferiment tal-produzzjoni turi wkoll it-tqabbil bejn kumpannija li, b’reazzjoni diretta għall-impożizzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali, tittrasferixxi l-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma sostanzjali tal-prodotti mill-pajjiż affettwat lejn pajjiż ieħor, ma’ impriżi oħra li għandhom tali produzzjoni hemmhekk. Fil-fatt, kemm jekk dawn l-impriżi jkunu diġà għamlu dan qabel u kemm jekk ikunu stabbilixxew għall-ewwel darba produzzjoni identika f’mument sussegwenti, possibbilment b’mod impliċitu taħt l-istennija ta’ dazji doganali addizzjonali, l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446, anki jekk interpretat bħala projbizzjoni ta’ evitar, ma jistax jintuża kontrihom. Madankollu, mil-lat ekonomiku, dawn l-impriżi ma humiex differenti.

55.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 bħala projbizzjoni ta’ evitar ma għandhiex l-effett li tippreċiża b’dan il-mod il-kunċett ta’ ġustifikazzjoni ekonomika, iżda tillimitah ħafna, kuntrarjament għas-sens tiegħu.

2.      L-għan

56.      Anki l-għan stabbilit fil-premessa 21 tar-Regolament Delegat 2015/2446 jimmilita kontra interpretazzjoni tal-Artikolu 33(1) tiegħu bħala projbizzjoni ta’ evitar. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprevjeni li l-oriġini tal-merkanzija importata tiġi mmanipulata bl-għan li tiġi evaża l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ politika kummerċjali.

57.      Dak li japplika fir-rigward tal-kunċett ta’ “evażjoni” użat fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-premessa 21 tar-Regolament Delegat 2015/2446 (“Umgehung”), japplika wkoll fir-rigward tal-użu ta’ dan il-kunċett fl-Artikolu 33(1) (29).

58.      Madankollu, skont il-premessa 21 tar-Regolament Delegat 2015/2446, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha (30), l-Artikolu 33 huwa intiż biss sabiex tiġi evitata l-manipulazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija importata.

59.      Mil-lat etimoloġiku, il-terminu “manipulazzjoni” jirreferi għall-użu tal-id, bil-Latin manus, fis-sens wiesa’, għall-immaniġġjar jew għat-trattament ta’ oġġett, li huwa espress ukoll, f’xi lingwi, fl-użu prattiku (31). Madankollu, jidher li huwa eskluż li t-terminu li jinsab fil-premessa 21 tar-Regolament Delegat 2015/2446 għandu dan is-sinjifikat, peress li hawnhekk ma aħniex qegħdin nitkellmu dwar immaniġġjar jew ipproċessar tal-post tal-oriġini u wisq inqas dwar l-użu tal-idejn.

60.      Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li, skont l-iktar użu frekwenti tiegħu, dan it-terminu għandu jinftiehem fis-sens ta’ influwenza, ta’ spiss permezz ta’ qerq (32). F’dan is-sens, l-Artikolu 12 u l-Anness I tar-Regolament dwar l-abbuż tas-suq (33) jippreċiżaw il-kunċett ta’ manipulazzjoni (ipprojbita) tas-swieq finanzjarji fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ xenarji, b’mod partikolari l-għoti ta’ sinjali foloz jew qarrieqa (l-Artikolu 12(1)(a)(i) u (c)), il-pretenzjoni tal-użu ta’ tagħmir fittizju jew kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew sotterfuġju (Artikolu 12(1)(a) u (b)). Anki f’leġiżlazzjonijiet oħra tal-Unjoni, il-kunċett ta’ manipulazzjoni huwa marbut mal-kunċett ta’ qerq (34). Finalment, l-allegazzjonijiet ta’ akkordji ta’ spiss jinvolvu wkoll manipulazzjoni, ġeneralment fir-rigward tal-prezzijiet (35).

61.      Il-premessa 21 tar-Regolament Delegat 2015/2446 turi għalhekk li l-Artikolu 33(1) ma għandux l-għan li jeskludi l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma sostanzjali biss abbażi tas-sempliċi prevenzjoni tad-dazji doganali, iżda biss meta dan jintlaħaq permezz ta’ manipulazzjoni tal-oriġini.

3.      Kuntest sistematiku

62.      Minn perspettiva sistematika, għandhom jiġu analizzati l-fatt li l-Kummissjoni adottat l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 fl-eżerċizzju ta’ setgħa ddelegata, kif ukoll is-suġġett u l-għan tad-dazji doganali inkwistjoni fil-kawża ineżami, u r-regola dwar l-oriġini li tapplika sussidjarjament prevista fl-Artikolu 33(3).

a)      Limiti tas-setgħa ddelegata

63.      Meta adottat ir-Regolament Delegat 2015/2446, il-Kummissjoni eżerċitat setgħa ddelegata. Peress li din is-setgħa hija limitata, skont l-Artikolu 290(1) TFUE, sabiex tikkompleta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali, l-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 għandu jiġi interpretat b’mod li jiġi evitat li l-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali jiġi emendat b’mod sostanzjali. Altrimenti, l-Artikolu 33 ikun invalidu.

64.      Mill-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-Unjoni ma tirrikonoxxix kull operazzjoni finali ta’ pproċessar jew ta’ ħidma sostanzjali bħala bażi għall-post tal-oriġini. Għall-kuntrarju, din l-operazzjoni għandha tkun miżura ekonomikament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-Artikolu 62 jawtorizza espressament lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli li skonthom il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 60(2) għandha titqies li tkun għaddiet minn tali operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma f’pajjiż jew territorju.

65.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tippreċiża, permezz tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446, x’għandu jinftiehem b’“iġġustifikati ekonomikament”. Madankollu, skont l-Artikolu 290(1) TFUE, hija ma setgħetx tagħti tifsira ġdida lill-kunċett ta’ ġustifikazzjoni ekonomika, għaliex, b’dan il-mod, hija setgħet tibdel jew anki tnaqqas kunsiderevolment il-portata tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali.

66.      Jekk l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jitqies li jipprekludi l-evitar tad-dazji doganali, jista’ jkun hemm dubju dwar jekk il-Kummissjoni osservatx din il-limitazzjoni tas-setgħa tagħha. Fil-fatt, kif diġà ġie espost (36), jista’ jkun ekonomikament razzjonali u leġittimu li jiġu evitati d-dazji doganali.

67.      Għall-kuntrarju, jekk din id-dispożizzjoni tipprojbixxi biss l-evażjoni tad-dazji doganali jew il-manipulazzjoni tal-oriġini, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li nqabżu s-setgħat iddelegati. La l-evażjoni u lanqas il-manipulazzjoni ma jistgħu jiġu ġġustifikati minn interess ekonomiku.

b)      Issuġġett u lgħan tad-dazji doganali addizzjonali

68.      Is-suġġett u l-għan tad-dazji doganali inkwistjoni jimmilitaw ukoll favur l-argument li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma għandux jinftiehem bħala projbizzjoni komprensiva ta’ evitar iżda għandu jiġi limitat għal projbizzjoni ta’ evażjoni.

69.      Id-dazji doganali inkwistjoni ma għandhomx l-għan li jitfgħu piż fuq produtturi individwali. B’mod partikolari, huma ma humiex intiżi li jolqtu lill-impriżi stabbiliti fl-Istati Uniti.

70.      Għall-kuntrarju, skont ir-Regolament Nru 654/2014, l-Unjoni imponiet id-dazji doganali inkwistjoni sabiex tirreaġixxi għar-restrizzjonijiet kummerċjali imposti minn pajjiż ieħor, fil-kawża ineżami l-Istati Uniti (37). Dazji doganali addizzjonali bħal dawn huma intiżi li joħolqu żvantaġġ għall-pajjiż l-ieħor billi jiddeterjoraw il-pożizzjoni kompetittiva tal-prodotti mmanifatturati hemmhekk. Dawn huma intiżi, skont il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, li jwasslu lill-pajjiż ikkonċernat sabiex josserva r-regoli kummerċjali internazzjonali rilevanti sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid sitwazzjoni li tippreżenta vantaġġ reċiproku. F’dan ir-rigward, l-iżvantaġġi għall-pożizzjoni fis-suq tal-prodotti jew tal-impriżi suġġetti għad-dazji doganali huma intiżi biss sa fejn jaffettwaw il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

71.      Id-dazji doganali addizzjonali huma għalhekk intiżi qabel kollox sabiex inaqqsu l-attività ekonomika fil-pajjiż li lejh huma mmirati d-dazji doganali. Il-fatt li din l-attività tonqos minħabba t-tnaqqis fil-bejgħ ta’ prodotti fl-Unjoni jew minħabba l-fatt li l-impriżi kkonċernati jittrasferixxu attivitajiet ekonomiċi lejn Stati oħra ma jaffettwax l-effett mixtieq tad-dazji doganali addizzjonali.

72.      Fi kliem ieħor, meta ttrasferiet il-produzzjoni lejn pajjiż ieħor, Harley-Davidson għamlet eżattament dak li d-dazji doganali addizzjonali kellhom jipproduċu.

73.      Ċertament, il-Kummissjoni ġustament sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li d-dazji doganali inkwistjoni kienu kkalkolati b’mod li jkollhom bejn wieħed u ieħor l-istess portata bħad-dazji doganali addizzjonali tal-Istati Uniti fuq il-prodotti tal-Unjoni. Il-Kummissjoni argumentat li dan il-bilanċ jiġi affettwat jekk Harley-Davidson tevita l-applikazzjoni ta’ dawn id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet tagħha fl-Unjoni billi ma tibqax tforni s-suq tal-Unjoni mill-Istati Uniti iżda mit-Tajlandja. F’dan il-każ, l-azzjoni tal-Unjoni jkollha, prima facie, inqas importanza mill-miżuri meħuda mill-Istati Uniti. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li Harley-Davidson naqqset l-attivitajiet ekonomiċi tagħha fl-Istati Uniti minħabba d-dazji doganali addizzjonali. Fil-kawża ineżami, ma hemmx lok li jiġi deċiż jekk b’dan il-mod il-bilanċ kienx effettivament kompromess u jekk il-Kummissjoni tistax tistabbilixxi dan il-bilanċ mill-ġdid permezz ta’ dazji doganali oħra, kif isostnu l-appellanti.

74.      B’kuntrast ma’ dan, l-għan ta’ dazju doganali skont ir-Regolament Nru 654/2014 ma jistax ikun li joħloq żvantaġġ għall-ekonomija ta’ pajjiżi oħra li ma humiex parti fit-tilwima kummerċjali u li lejhom kumpannija tittrasferixxi l-produzzjoni tagħha sabiex tevita d-dazji doganali addizzjonali. Għall-kuntrarju, tali żvantaġġi jistgħu jagħtu lok għal kunflitti kummerċjali ġodda u jiksru l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

c)      Ebda kumpens permezz tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament Delegat 2015/2446

75.      Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li hija pprevediet, fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament Delegat 2015/2446, dispożizzjoni għad-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija applikabbli sussidjarjament, li tapplika meta l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma sostanzjali jkollha tiġi rrifjutata. Tali dispożizzjoni tista’, bħala prinċipju, tiggarantixxi li d-dazji doganali jiġu applikati biss sa fejn ikunu neċessarji abbażi tal-għanijiet rispettivi tagħhom, fil-kawża ineżami l-kunflitt kummerċjali.

76.      Madankollu, l-Artikolu 33(3) tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma jistax jissodisfa din il-funzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-merkanzija toriġina mill-pajjiż jew mit-territorju fejn oriġinat il-parti l-kbira tas-sehem tal-materjali, stabbilita fuq il-bażi tal-valur tal-materjali. F’dan ir-rigward, huwa rilevanti biss il-valur tal-materjali bħala sehem mill-materjali kollha, u mhux fir-rigward tal-valur totali tal-prodott.

77.      Fil-prattika, tali dispożizzjoni twassal ta’ spiss, fil-każ tat-trasferiment tal-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma, għar-riżultat li l-oriġini tal-merkanzija tibqa’ fil-pajjiż fejn dan l-istadju ta’ produzzjoni kien jitwettaq qabel it-trasferiment. Fil-fatt, huwa improbabbli li l-produzzjoni tirriorganizza kompletament ukoll il-ktajjen tal-provvista. Għalhekk, il-materjali ħafna drabi jibqgħu jiġu prinċipalment mill-pajjiż li fih preċedentement kienet titwettaq l-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma.

78.      Madankollu, jekk huwa determinanti biss il-valur tal-materjali, is-sehem tal-valur miżjud ikun totalment injorat mill-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma sostanzjali tal-merkanzija.

79.      Ċertament, fil-każ ta’ valur miżjud dgħajjef ħafna matul dan l-aħħar stadju, dan ma jkunx oġġezzjonabbli. Madankollu, id-dispożizzjoni dwar l-oriġini prevista fl-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali teħtieġ, fi kwalunkwe każ, li l-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma tikkostitwixxi parti sostanzjali tal-valur inkorporat fil-merkanzija, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja (38) konformement mal-prassi internazzjonali (39). Għalhekk, fl-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat 2015/2446, il-Kummissjoni elenkat ukoll l-hekk imsejħa operazzjonijiet minimi li ma humiex irrikonoxxuti bħala pproċessar jew ħidma sostanzjali. Il-ġustifikazzjoni ekonomika u, għaldaqstant, l-Artikolu 33(1), għandhom importanza deċiżiva biss jekk l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma inkwistjoni jimplikaw valur miżjud sostanzjali.

80.      Il-kriterju tal-valur miżjud sostanzjali huwa wkoll rilevanti għad-determinazzjoni tal-għan tad-dazji doganali fil-każ ta’ kunflitt kummerċjali. Fil-fatt, dan il-kriterju jippermetti li jiġi evalwat jekk it-trasferiment tal-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma jnaqqasx suffiċjentement l-attività ekonomika fil-pajjiż li kontrih l-Unjoni tapplika d-dazju doganali sabiex jiġġustifika bidla fl-oriġini tal-merkanzija.

81.      Peress li l-Artikolu 33(3) tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma jippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur miżjud mill-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma, din id-dispożizzjoni ma tistax tikkumpensa l-effett eċċessiv tal-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 33(1) adottata mill-Qorti Ġenerali bħala projbizzjoni ta’ evitar.

d)      Konklużjoni intermedja tal-interpretazzjoni sistematika

82.      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kuntest sistematiku tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 lanqas ma jippermetti li mill-għan li jiġi evitat dazju doganali jiġi dedott li l-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma sostanzjali ma hijiex ekonomikament iġġustifikata.

4.      L-oriġini u l-leġiżlazzjoni preċedenti

83.      Peress li r-Regolament Delegat 2015/2446 ma ġiex adottat permezz ta’ proċedura leġiżlattiva li tinvolvi lill-Kunsill u lill-Parlament, ma hemm l-ebda dokumenti pubbliċi dwar l-oriġini tiegħu. Madankollu, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni spjegat li l-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 issostitwixxa dispożizzjonijiet preċedenti li ma għadhomx inklużi fil-Kodiċi Doganali l-ġdid.

84.      Dawn kienu l-Artikolu 25 tal-Kodiċi Doganali l-antik (40) u d-dispożizzjoni preċedenti tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 802/68 (41). Iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu jipprovdu li operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma li fir-rigward tagħha jiġi stabbilit, jew li fir-rigward tagħha l-fatti kif ikkonfermati jiġġustifikaw il-preżunzjoni, li l-għan uniku tagħha kien li tevadi d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-Komunità għal merkanzija ta’ pajjiżi speċifiċi, taħt l-ebda ċirkustanza ma kellha titqies li tagħti lill-merkanzija hekk prodotta l-istatus ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż fejn titwettaq l-operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma. Fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dawn id-dispożizzjonijiet – kuntrarjament għal kważi l-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 (42) – intużaw termini li jikkorrispondu mal-kunċett Ġermaniż ta’ “Umgehung” [tradott bħala “evażjoni” għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet].

85.      Il-Kummissjoni indikat li l-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 kienet intiża sabiex jiġu evitati diffikultajiet fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet preċedentement fis-seħħ. Din l-intenzjoni tinftiehem peress li l-prova ta’ intenzjoni ta’ evażjoni ma hijiex faċli.

86.      Madankollu, tali diffikultajiet ma jippermettux li l-kunċett ta’ ġustifikazzjoni ekonomika jiġi ristrett b’mod eċċessiv u li l-applikazzjoni tad-dazji doganali imposti fil-kuntest ta’ kunflitti kummerċjali bejn Stati tiġi estiża ferm lil hinn mill-għan tagħhom. Fil-fatt, dan ma jissuġġettax biss lill-atturi in mala fide msemmija mill-Kummissjoni għad-dazji doganali.

87.      Għandu jingħad ukoll li, f’dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tindika wkoll li l-għan tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 huwa biss il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-oriġini, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 21. Madankollu, l-Artikolu 33(1) ma għandux jinftiehem fis-sens ta’ projbizzjoni komprensiva ta’ evitar.

5.      Konklużjoni intermedja dwar l-ewwel aggravju

88.      Għaldaqstant, għandu jitqies, bħalma għamlu l-appellanti, li s-sentenza appellata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446. Kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari fil-punt 62 (iżda wkoll fil-punt 57) tas-sentenza appellata, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem fis-sens li l-għan ta’ sempliċi evitar tad-dazji doganali inkwistjoni huwa biżżejjed sabiex jeskludi l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma sostanzjali.

89.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi li l-ġustifikazzjoni ekonomika ta’ operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma ma tapplikax biss jekk l-għan tagħha jkun l-evażjoni tal-applikazzjoni tad-dazji doganali permezz tal-manipulazzjoni tal-oriġini. Tali evażjoni timplika, kif diġà indikajt, li d-dazju doganali inkwistjoni ma jiġix applikat, b’mod li jmur kontra l-għan tiegħu (43).

90.      Konsegwentement, fil-każ ta’ dazju doganali addizzjonali marbut ma’ kunflitt kummerċjali bejn Stati, il-fattur importanti huwa jekk l-operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma inkwistjoni f’pajjiż jew f’territorju partikolari tkunx intiża li tqarraq billi taħbi l-fatt li l-prodott ikkonċernat – u mhux il-produttur – effettivament ġej minn pajjiż jew territorju ieħor, li kontrih l-Unjoni imponiet dazju doganali addizzjonali minħabba kunflitt kummerċjali. B’kuntrast ma’ dan, operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma li l-għan tagħha jkun li jiġu evitati dazji doganali oħra, bħalma huma pereżempju dazji antidumping, jew li tibbenefika, pereżempju, minn dazji preferenzjali, l-evażjoni tista’ tiġi evalwata b’mod differenti.

91.      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandhom jintlaqgħu.

92.      Peress li dan l-iżball ta’ liġi jinkludi wkoll il-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali tislet mill-fatti kkonstatati, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’ wkoll. Din tal-aħħar tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonkludiet, b’mod partikolari fil-punti 66, 68 sa 71 u 74 tas-sentenza appellata, fid-dawl tar-rabta temporali eżistenti bejn l-impożizzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni u t-tħabbir tat-trasferiment tal-produzzjoni minn Harley-Davidson, li dan it-trasferiment kellu bħala għan l-evitar [bil-Ġermaniż: l-evażjoni] tad-dazji doganali inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446.

93.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeduċiet minn tali rabta temporali li huwa l-operatur ekonomiku kkonċernat li għandu jipprova li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ seħħew fil-pajjiż li minnu l-merkanzija ġiet esportata għal raġuni valida u mhux bl-għan li jiġu evitati l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (44). Madankollu, din il-konstatazzjoni kienet tikkonċerna dazji doganali li kellhom għan ieħor, jiġifieri dazji antidumping, u hija spjegata wkoll mill-fatt li, f’dak il-każ, kienet inkwistjoni t-tkomplija ta’ prattika li kienet diġà teżisti qabel l-impożizzjoni tad-dazju doganali inkwistjoni (45).

94.      Fi kwalunkwe każ, din il-preżunzjoni, madankollu, ma tistax tiġi trasposta għall-kawża ineżami ta’ dazju doganali li jirriżulta minn kunflitt kummerċjali, peress li t-trasferiment tal-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma sostanzjali lejn pajjiż ieħor huwa konformi mal-għanijiet tad-dazju doganali (46).

95.      Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’ wkoll.

96.      Is-sentenza appellata hija għalhekk ibbażata fuq żbalji ta’ liġi bbażati wieħed fuq l-ieħor u għalhekk għandha tiġi annullata.

97.      Għal din ir-raġuni, inqis li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar iż-żewġ aggravji l-oħra tal-appell. Għalhekk ser nindirizzahom biss fil-qosor ħafna.

B.      Sussidjarjament: it-tieni aggravju – legalità tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446

98.      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata l-illegalità tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 minħabba li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa tagħha li tippreċiża l-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali.

99.      Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446, din id-dispożizzjoni tibqa’ fil-kuntest tas-setgħat iddelegati tal-Kummissjoni.

100. Jekk, għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Kummissjoni effettivament kellha l-intenzjoni li tadotta projbizzjoni wiesgħa ta’ evitar, u għalhekk tiċħad l-interpretazzjoni li qiegħda nipproponi, il-Kummissjoni tikser effettivament is-setgħa tagħha ta’ preċiżazzjoni ta’ kunċett legali skont l-Artikolu 290 TFUE. Fil-fatt, il-kunċett ta’ ġustifikazzjoni ekonomika u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali ġew għalhekk ristretti wisq mill-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 (47). F’dan il-każ, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali jkollha tiġi annullata għaliex ma kkonstatatx l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni.

C.      Sussidjarjament: it-tielet aggravju – drittijiet tad-difiża, iċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi

101. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi. Madankollu, dawn l-argumenti tal-appellanti ma jistgħux jirnexxu jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix l-opinjoni tiegħi u tinterpreta l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 bħala projbizzjoni ta’ evitar.

102. Ċertament, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni naqset milli tisma’ lil Harley-Davidson qabel ma adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti, xi ħaġa li hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova (48). L-appellanti ma humiex f’pożizzjoni li jressqu din il-prova, peress li abbażi tal-Formola 8‑K huwa stabbilit li Harley-Davidson, bit-trasferiment tal-produzzjoni, riedet b’xi mod jew ieħor tevita l-applikazzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni. Għaldaqstant, jekk l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jinftiehem bħala projbizzjoni ta’ evitar, ebda deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni ma tkun possibbli.

103. F’dak li jirrigwarda ċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi, l-appellanti jsostnu li huma setgħu leġittimament jibbażaw ruħhom fuq informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini pprovduta mill-awtoritajiet Belġjani. Mill-inqas, il-proċedura ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża, li ħadet 16-il xahar, damet iżżejjed u dan juri li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Belġjani ma kinux manifestament illegali.

104. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini tal-awtoritajiet nazzjonali maħruġa skont l-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali, ma tistax tiggarantixxi b’mod definittiv lill-operatur ekonomiku l-oriġini ġeografika tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, skont l-Artikolu 34(11), il-Kummissjoni tista’ tordna r-revoka ta’ din id-deċiżjoni b’effett għall-futur jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunu ddeterminaw b’mod żbaljat l-oriġini.

105. L-appellanti ma setgħux, bħala prinċipju, ikollhom aspettattivi leġittimi li l-Kummissjoni ma kinitx ser teżerċita din is-setgħa. Għaldaqstant, il-motivazzjoni addizzjonali tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Belġjani kisru dispożizzjoni ċara tad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex rilevanti. Madankollu, jekk dan ikun determinanti, jista’ jkun dubjuż, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar l-ewwel aggravju, li din id-dispożizzjoni hija suffiċjentement ċara.

VI.    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

106. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

107. Ir-rikors huwa fi stat li jiġi deċiż, peress li huwa paċifiku li l-Kummissjoni bbażat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża fuq l-istess interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 bħall-Qorti Ġenerali. L-unika raġuni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni tat fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża tinsab fid-dikjarazzjoni fil-Formola 8‑K li Harley-Davidson xtaqet tevita l-applikazzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni. B’kuntrast ma’ dan, il-Kummissjoni ma tikkonstatax l-evażjoni abbużiva tad-dazju doganali permezz ta’ manipulazzjoni tal-oriġini.

108. Ċertament, il-Kummissjoni pprovat turi quddiem il-Qorti Ġenerali li Harley-Davidson kellha tiġi kkritikata wkoll b’evażjoni jew bi prattika abbużiva. Madankollu, f’dan ir-rigward, hija rreferiet biss għall-fatt li t-trasferiment tal-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma kien jirriżulta mir-rieda tal-impriża u kien intiż essenzjalment sabiex jiġi evitat id-dazju doganali. Madankollu, hija ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk dan jippreġudikax l-għan tad-dazju doganali. Għaldaqstant, dan l-argument lanqas ma jista’ jservi ta’ bażi għaċ-ċaħda tal-ġustifikazzjoni ekonomika.

109. Konsegwentement, it-talbiet tal-appellanti għandhom jintlaqgħu u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.

VII. Spejjeż

110. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

111. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

112. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti kif ukoll l-ispejjeż tagħha.

VIII. Konklużjoni

113. Fid-dawl ta’ dak hawn fuq espost, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Marzu 2023, Harley-Davidson Europe u Neovia Logistics Services International vs Il‑Kummissjoni (T‑324/21, EU:T:2023:101), hija annullata.

2)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/563 tal‑31 ta’ Marzu 2021 dwar il-validità ta’ ċerti deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn Harley-Davidson Europe Ltd u minn Neovia Logistics Services International kif ukoll minnha stess quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/563 tal‑31 ta’ Marzu 2021 dwar il-validità ta’ ċerti deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (ĠU 2021, L 119, p. 117, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).


3      Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2023, Harley-Davidson Europe u Neovia Logistics Services International vs Il‑Kummissjoni (T‑324/21, EU:T:2023:101).


4      Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, fil-ĠU 2016, L 267, p. 2), fil-verżjoni tar-Regolament (EU) 2019/632 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 (ĠU 2019 L 111, p. 54) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).


5      Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41, fil-ĠU 2021, L 382, p. 60), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2020 (ĠU 2021, L 63, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat 2015/2446”).


6      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU 2014, L 189, p. 50, rettifika fil-ĠU 2015, L 243, p. 14), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 272, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 654/2014”).


7      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Mejju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2018, L 122, p. 14).


8      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/507 tas‑26 ta’ Marzu 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 (ĠU 2018, L 83, p. 11).


9      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU 2018, L 158, p. 5).


10      L-ewwel, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/866 tat‑28 ta’ Mejju 2021 li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (ĠU 2021, L 190, p. 94), u sussegwentement permezz tar-regoli msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 11.


11      L-ewwel permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2083 tas‑26 ta’ Novembru 2021 li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 (ĠU 2021, L 426, p. 41), issa permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2882 tat‑18 ta’ Diċembru 2023 li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 (ĠU L, 2023/2882)


12      Riproduzzjoni fil-punt 26 tas-sentenza appellata.


13      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


14      Informazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani tat‑13 ta’ Novembru 2020, Anness E.3 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Lulju 2022 għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.


15      Peress li d-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni jagħmlu parti mit-tariffa doganali komuni, dawn huma miżuri fis-sens tal-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali.


16      F’dan is-sens Schumann, G., f’Krenzler, H. G., Herrmann, C., Niestedt, M., EU-Außenwirtschafts- und Zollrecht, 22. Aufl., edizzjoni ta’ Diċembru 2023, C. H. Beck, München, fil-punt 9 dwar l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali, jifhem l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Delegat 2015/2446 bħala klawżola dwar l-abbuż.


17      Ara dwar l-użu tat-terminu “evażjoni”, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 113); tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 76); tas‑26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings (C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 47); u tal‑11 ta’ April 2024, Triferto, (C‑654/22, EU:C:2024:298, punt 51).


      Ara wkoll il-ġurisprudenza dwar l-element oġġettiv ta’ aġir abbużiv: sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 52); tat‑28 ta’ Jannar 2015, Starjakob (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 56); tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 97); kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 70). Fil-qasam fiskali, ara l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat‑12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016, L 193, p. 1).


18      Għandu jiġi preżunt li, matul il-proċeduri ta’ adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/2446 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet ħadmet prinċipalment b’din il-lingwa u li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali wkoll tmexxiet b’din il-lingwa.


19      Lingwa ta’ ħidma tal-Qorti Ġenerali.


20      Huma jikkritikaw b’mod iktar partikolari l-punti 58, 60, 62 sa 63, 66, 68 sa 71 kif ukoll 74 tas-sentenza appellata.


21      Ara l-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq.


22      Sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 18), u tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65).


23      Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 13 u 14); tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 19); u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 43).


24      Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 13 u 14), u tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 42).


25      Sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 57); tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 135); tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 31).


26      Ara l-punt 38 iktar ’il fuq.


27      Sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 73), u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 42).


28      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, RBS Deutschland Holdings (C‑277/09, EU:C:2010:810, punt 53).


29      Ara l-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq.


30      It-terminu “manipulazzjoni” jintuża kważi fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha abbażi tal-istess għerq. Huwa biss bil-Grieg u bil-Finlandiż li jintużaw termini oħra, iżda t-terminu Grieg “χειραγώγηση” jidher li għandu l-istess tifsira bħal manipulazzjoni u t-terminu Finlandiż “vilpillisesti” jidher li jxaqleb iktar lejn imġiba frawdolenti.


31      F’dan is-sens, pereżempju, il-verżjonijiet Franċiżi tas-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service (C‑259/05, EU:C:2007:363, punti 33 u 37), u tas‑27 ta’ Settembru 2007, Medion (C‑208/06 u C‑209/06, EU:C:2007:553, punti 40 sa 42), kif ukoll il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349).


32      Bħala eżempju, ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2010, R. (C‑285/09, EU:C:2010:742, punt 48), u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation (C‑343/19, EU:C:2020:534, punti  24, 29 u 35).


33      Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320), kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2003 (ĠU L 2023/2869). Id-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-suq li tinsab fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU 2011, L 326, p. 1) hija simili.


34      Ara, pereżempju, l-Artikolu 47a tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2022/642 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ April 2022 (ĠU 2022, L 118, p. 4); l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU 2011, L 306, p. 1); l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom (ĠU 2014, L 127, p. 51, rettifika fil-ĠU 2019, L 219, p. 25); l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57); l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1); u l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (ĠU 2023, L 238, p. 1).


35      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 48), dwar il-manipulazzjoni tal-offerti; tal‑14 ta’ Jannar 2021, Kilpailu- ja kuluttajavirasto (C‑450/19, EU:C:2021:10, punt 35), dwar il-manipulazzjoni ta’ sejħiet għal offerti; u tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11, b’mod partikolari l-punt 108 et seq), dwar il-manipulazzjoni tar-rati ta’ riferiment interbankarji tal-Euribor.


36      Ara l-punti 50 sa 53 iktar ’il fuq.


37      Premessi 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/724.


38      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International (C‑26/88, EU:C:1989:637, punti 20 sa 23, b’mod partikolari l-punt 22); tat‑8 ta’ Marzu 2007, Thomson u Vestel France (C‑447/05 u C‑448/05, EU:C:2007:151, punti 27, 28, 31 u 45); u tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Asda Stores (C‑372/06, EU:C:2007:787, punti 37, 38 u 41).


39      Dak iż-żmien, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali, konkluża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 75/199/KEE tat‑18 ta’ Marzu 1975 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 26), illum l-Anness Speċifiku K tal-Konvenzjoni riveduta; l-Unjoni, madankollu, ma rratifikatx dan l-anness. Ara wkoll l-Artikolu 2(a) u (c) tal-ftehim adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Ftehim dwar ir-regoli ta’ l-oriġini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 231).


40      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).


41      Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 1968 dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett tal-oriġini tal-merkanzija (ĠU 1968, L 148, p. 1).


42      Ara l-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq.


43      Ara l-punt 38 iktar ’il fuq.


44      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International (C‑26/88, EU:C:1989:637, punt 28).


45      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International (C‑26/88, EU:C:1989:637, punti 3 u 6).


46      Ara l-punti 68 sa 74 iktar ’il fuq.


47      Ara l-punti 62 sa 65 iktar ’il fuq.


48      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, SKW Stahl-Metallurgie u SKW Stahl-Metallurgie Holding vs Il-Kummissjoni (C‑154/14 P, EU:C:2016:445, punt 69 b’riferimenti oħra).