Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Frar 2012 - Henkel u Henkel France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-64/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Henkel AG & Co. KGaA (Düsseldorf, il-Ġermanja) u Henkel France (Boulogne-Billancourt, Franza) (rappreżentanti: R. Polley, T. Kuhn, F. Brunet u E. Paroche, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2011 fil-Każ "COMP/39579 - Deterġenti għall-Konsumatur", li biha l-konvenuta ċaħdet it-talba tar-rikorrenti sabiex tittrasferixxi lill-Autorité de la Concurrence Franċiża d-dokumenti ppreżentati fil-Każ COMP/39579 f'dak li jirrigwarda l-Każ tagħha 09/0007F, rigward is-settur tad-deterġenti Franċiżi;

tordna lill-konvenuta tħalli lir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq id-dokumenti mitluba fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Appell f'Pariġi, li fiha r-rikorrenti kkontestaw id-deċiżjoni tal-Autorité de la Concurrence Franċiża tat-8 ta' Diċembru 2011 (jew fil-proċeduri quddiem l-Autorité de la Concurrence, kemm-il darba din tal-aħħar tiddeċiedi li terġa tiftaħ il-każ);

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti l-ispejjeż legali u spejjeż oħra marbuta ma' din il-kwistjoni; u

tieħu dawk il-miżuri l-oħra li l-Qorti Ġenerali jidhriha xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, billi jallegaw li, b'mod illegali, il-konvenuta ċaħdet it-talba tar-rikorrenti li jintbagħtu d-dokumenti mitluba jew li tippermetti lir-rikorrenti l-użu tad-dokumenti mitluba fil-proċeduri Franċiżi, u b'hekk kisret id-drittijiet fundamentali tad-difiża tar-rikorrenti, kif ukoll l-obbligi tagħha stess skont l-Artikolu 4(3) TUE.

____________