Rikors ippreżentat fit-12 ta' April 2012 - AX vs Il-Kunsill
(Kawża T-196/11)
Lingwa tar-rikors: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: AX (Polotsk, il-Bjelorussja) (rappreżentant: M. Michalauskas, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/69/PESK, tal-31 ta' Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, sa fejn hija tikkonċerna lir-rikorrent;
tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 84/2011, tal-31 ta' Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, sa fejn huwa jikkonċerna lir-rikorrent;
tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/174/PESK, tal-21 ta' Marzu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, sa fejn hija tikkonċerna lir-rikorrent;
tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 271/2011, tal-21 ta' Marzu 2011, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, sa fejn huwa jikkonċerna lir-rikorrent;
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1. L-ewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u ksur tad-dritt tad-difiża, peress li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma tippermettix lir-rikorrent li jikkontesta l-validità tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali u ma tippermettix lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-imsemmija atti.
2. It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta' evalwazzjoni peress li, fid-dawl tal-fatti, l-atti kkontestati ma huma bl-ebda mod iġġustifikati.
3. It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna d-dħul u l-passaġġ fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.
____________