Language of document : ECLI:EU:T:2014:186

Kawża T‑319/11

ABN Amro Group NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Settur finanzjarju — Għajnuna ddestinata li tirrimedja għal taħwid gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Artikolu 107(3)(b) TFUE — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna — Projbizzjoni li jsiru akkwisti — Konformità mal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dritt għall-proprjetà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ April 2014

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Possibbiltà li jiġu adottati linji gwida – Effett vinkolanti – Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2008/C 270/02, 2009/C 10/03, 2009/C 72/01 u 2009/C 195/04)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja – Limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għal dak li huwa strettament minimu neċessarju – Projbizzjoni ta’ akkwist ta’ impriżi – Portata u tul

(Artikolu 107(3) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2009/C 195/04)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna fis-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja – Setgħa ta’ tħassir jew ta’ emenda ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 7; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2009/C 195/04)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna fis-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja – Projbizzjoni ta’ akkwisti ta’ impriżi – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2008/C 270/02, 2009/C 10/03, 2009/C 72/01 u 2009/C 195/04)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Eżami tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni pprospettati mill-impriża benefiċjarja tal-għajnuna – Komparazzjoni mal-miżuri adottati minn impriżi oħra fl-istess settur – Oneru tal-prova

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2009/C 195/04)

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Trattament diliġenti u imparzjali tal-fajlijiet – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikolu 107(3)(b) TFUE)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Motivazzjoni sommarja – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2008/C 270/02, 2009/C 10/03, 2009/C 72/01 u 2009/C 195/04)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li taqa’ f’kuntest magħruf mill-interessat li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(Artikolu 296 TFUE)

9.      Unjoni Ewropea – Skemi ta’ proprjetà – Prinċipju ta’ newtralità – Applikazzjoni tar-regoli fundamentali tat-Trattat – Artikolazzjoni mad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikoli 107(1) TFUE u 345 TFUE)

1.      Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali, li għandhom isiru fil-kuntest tal-Unjoni. Hija tista’ tadotta, sabiex teżerċita din id-diskrezzjoni, regoli ta’ gwida permezz ta’ atti, bħal ma huma l-komunikazzjonijiet, sa fejn dawn ir-regoli ma jiddevjawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat. F’dan ir-rigward, meta tadotta regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir tagħhom, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija tkun ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita hija nnifisha l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. B’hekk, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-limiti u bil-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u sa fejn jiġu aċċettati mill-Istati Membri. Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika li l-Kummissjoni tkun osservat ir-regoli li hija tkun tat lilha nnifisha.

(ara l-punti 27-29)

2.      Il-Kummissjoni ma tiksirx il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jekk tqis li l-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, mogħti lil impriża li topera fis-settur bankarju sabiex tirrimedja għal taħwid gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru, bħala minimu neċessarju jippermettilha li timponi projbizzjoni fuq l-akkwisti ta’ ishma ta’ iktar minn 5 %, imposta għal tul ta’ mhux inqas minn ħames snin, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija hawn taħt.

L-ewwel nett, il-projbizzjoni li jsiru akkwisti ma tikkonċernax biss ishma f’impriżi attivi fis-settur finanzjarju jew fl-Istat Membru fejn tinsab l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, iżda tista’ potenzjalment tikkonċerna kull akkwist, peress li l-għan huwa li jiġi żgurat li l-flus tal-bank li jibbenefika mill-għajnuna jintuża għar-rimbors ta’ din l-għajnuna qabel ma tagħmel akkwisti. Fil-fatt, l-akkwisti għandhom ikollhom l-għan li jiżguraw il-vijabbiltà tal-entità megħjuna. Għaldaqstant, kull akkwist mhux relatat mal-proċess ta’ ristrutturazzjoni fih innifsu jista’ jikkawża distorsjonijiet fis-suq. Dan ikun il-każ ta’ akkwisti, iffinanzjati permezz tal-għajnuna mill-Istat, li ma jkunux strettament neċessarji sabiex jiżgura r-ritorn għall-vijabbiltà tal-kumpannija benefiċjarja u li, għaldaqstant, jikser il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju.

It-tieni nett, il-projbizzjoni li jittieħdu ishma minn impriżi oħrajn jew li jsiru investimenti ġodda ma hijiex limitata għal ishma ta’ kontroll.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tul tal-projbizzjoni, minkejja li l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni ma tiddefinixxix b’mod konkret tul għall-projbizzjonijiet ta’ akkwisti imposti sabiex tiġi żgurata l-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju, ladarba l-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni jirreferi għar-ristrutturazzjoni tal-benefiċjarju, jista’ jiġi dedott li tali miżura tista’ titqies li hija fondata sakemm tali kuntest jeżisti.

(ara l-punti 40, 42-46, 54, 63, 169, 177)

3.      Is-setgħa tal-Kummissjoni li tawtorizza akkwisti, wara deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, mogħtija lil impriża li topera fis-settur bankarju sabiex tirrimedja għal taħwid gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru, u li tinkludi projbizzjoni fuq l-akkwisti, tirriżulta mis-setgħat ġenerali tagħha ta’ awtorità amministrattiva, li, bħala l-awtur ta’ deċiżjoni f’dan il-qasam, hija kompetenti li tħassarha jew temendaha. L-assenza ta’ indikazzjoni speċifika ta’ din il-possibbiltà f’deċiżjoni bħal din għaldaqstant ma tistax tiġi kklassifikata bħala ksur tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni.

(ara l-punt 66)

4.      Bħala prinċipju ġenerali tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa kriterju ta’ legalità ta’ kull att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta bħala awtorità tal-kompetizzjoni.

Il-legalità tal-projbizzjoni li jsiru akkwisti, imposta fuq impriża li topera fis-settur bankarju bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat sabiex tirrimedja għal taħwid gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru, ma tistax tiġi evalwata billi din il-miżura tiġi iżolata mill-kuntest tagħha, iżda għandha neċessarjament tiġi evalwata fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni sottomessi mill-Istat Membru kkonċernat.

Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat Membru kkonċernat mas-suq intern, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta tiġi biex tevalwa, b’mod partikolari, jekk numru ta’ miżuri jippermettulha tqis li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern, b’mod li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huwa neċessarjament limitat.

(ara l-punti 75, 80, 81)

5.      Sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-każ ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw għajnuna mill-Istat fis-settur bankarju abbażi ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, u li jkunu suġġetti għal diversi kundizzjonijiet, anki jekk ma jistax jiġi eskluż li wieħed jista’ jqabbel il-miżuri speċifiċi ta’ ristrutturazzjoni u l-kundizzjonijiet previsti mid-deċiżjonijiet varji in abstracto, xorta jibqa’ l-fatt li r-ristrutturazzjoni ta’ impriża u l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata l-għajnuna għandhom jiffokaw fuq il-problemi intrinsiċi tagħha u li l-esperjenzi ta’ impriżi oħra, f’kuntesti differenti, jistgħu ma jkunux rilevanti. Fi kwalunkwe każ, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tista’ tissejjaħ teżamina l-komparabbiltà, mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, ta’ sitwazzjonijiet inkwistjoni f’deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni, l-oneru tal-prova tal-komparabbiltà tagħhom taqa’ fuq ir-rikorrenti.

(ara l-punti 113, 114, 184, 185)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 128, 213, 214)

7.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, motivazzjoni relattivament qasira u li tikkonsisti, fil-parti kbira, fi tfakkira tal-prinċipji tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturazzjoni hija ammissibbli, sakemm din il-motivazzjoni turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, b’mod partikolari jekk tkun applikat prinċipju ddikjarat fl-imsemmija komunikazzjoni. Barra minn hekk, l-assenza ta’ miżuri alternattivi proposti mir-rikorrenti tkun ġustifikata jekk jirriżulta li kien hemm bżonn ta’ applikazzjoni stretta tal-prinċipji msemmija, li jeskludi, għaldaqstant, soluzzjonijiet alternattivi iktar flessibbli.

Barra minn hekk, minkejja li l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna fis-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja wasslu għall-formulazzjoni ta’ politika ġdida, il-Kummissjoni b’danakollu ma hijiex marbuta tagħti motivazzjoni ikbar.

Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, il-portata tal-motivazzjoni f’deċiżjoni oħra ftit għandha rilevanza sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tevalwa jekk id-deċiżjoni kkontestata tkunx motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

(ara l-punti 135, 136, 139, 141)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 138)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 147, 148, 153)