Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Lulju 2009 - Kavaklidere-Europe vs UASI - Yakult Honsha (Yakut)

(Kawża T-276/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Kavaklidere-Europe N.V. (Antwerp, il-Belġju) (rappreżentanti: I.D. Tygat u J.A. Vercraeye, lawyers)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Kabushiki Kaisha Yakult Honsha (Tokjo, il-Ġappun)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) tat-8 ta' Mejju 2009 fil-Każ R 1396/2008-4;

tiddikjara li hemm lok għar-reġistrazzjoni tat-trade mark "Yakut" bħala trade mark Komunitarja; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark verbali "Yakut" għal prodotti fil-klassi 33

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: It-trade mark figurattiva Komunitarja "Yakult" għal prodotti fil-klassijiet 29 u 32; it-trade mark preċedenti "YAKULT" li hija allegatament magħrufa sew fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea għal prodotti fil-klassijiet 29 u 32; it-trade mark preċedenti mhux irreġistrata "YAKULT" li hija allegatament protetta fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea għal prodotti fil-klassijiet 29 u 32.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikoli 8(1)(b) u 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill 40/94 (li saru l-Artikoli 8(1)(b) u 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill 207/2009) peress li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonstatata li l-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni kellhom jitqiesu li jixxiebħu u li hemm livell għoli ta' xebh viżwali u fonetiku bejn it-trade marks ikkonċernati; ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill 40/94 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill 207/2009) peress li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b'mod żbaljat li t-trade mark Komunitarja kkonċernata tieħu vantaġġ indebitu minn, jew tkun ta' dannu għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark invokata fil-proċedimenti tal-oppożizzjoni.

____________