Language of document : ECLI:EU:T:2013:431

Kawża T‑383/11

Eyad Makhlouf

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Restrizzjonijiet tad-dħul u l-passaġġ fit-territorju tal-Unjoni — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Drittijiet fundamentali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla)
tat-13 ta’ Settembru 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li tissostitwixxi pendente lite l-att ikkontestat — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ smigħ — Dritt għal rimedju ekwu u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li timplementa deċiżjoni li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Projbizzjoni tad-dħul u l-passaġġ kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni jew entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Assenza ta’ komunikazzjoni ta’ elementi kontra u assenza ta’ smigħ tal-imsemmija persuni u entitajiet — Ammissibbiltà

(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2), u 47; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/273/PESK, Artikoli 3 u 4 u l-Anness u 2011/302/PESK, Artikolu 1 u l-Anness)

3.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Projbizzjoni tad-dħul u l-passaġġ kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni jew entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tal-provi kontra — Deċiżjoni sussegwenti li żammet l-isem tar-rikorrenti fil-lista tal-persuni indirizzati minn dawn il-miżuri — Ksur tad-dritt għal smigħ — Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK)

4.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Projbizzjoni tad-dħul u l-passaġġ kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni jew entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Obbligu ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw tali miżuri — Portata

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, Artikolu 27(2))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Projbizzjoni tad-dħul u l-passaġġ kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni jew entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Deċiżjoni li taqa’ f’kuntest magħruf tal-persuna kkonċernata — Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK)

6.      Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Projbizzjoni tad-dħul u l-passaġġ kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni jew entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Portata tal-istħarriġ

7.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Projbizzjoni tad-dħul u l-passaġġ kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni jew entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Restrizzjoni tad-dritt tal-proprjetà u tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 17; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/273/PESK, Artikoli 3(6) sa (8), 4(3)(a), u 25(3), u 2012/739/PESK, Artikoli 24(6), u 25(3)(e))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 20)

2.      Fir-rigward tal-miżuri restrittivi ta’ projbizzjoni tad-dħul u l-passaġġ fit-territorju bi tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri ta’ persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll ta’ iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ dawn il-persuni, inkonnessjoni mad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, id-dritt li jinstemgħu dawn il-persuni, l-awtoritajiet tal-Unjoni ma jistgħux jintalbu li jikkomunikaw il-motivi tad-deċiżjonijiet li stabbilixxew tali miżuri qabel l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew entità fil-lista li timponi dawn il-miżuri. Fil-fatt, tali komunikazzjoni anteċedenti, tkun tali li tikkomprometti l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti minn dawn id-deċiżjonijiet.

Sabiex jintlaħaq l-għan intiż mid-deċiżjonijiet li stabbilixxew tali miżuri għandhom, dawn tal-aħħar għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat. F’dawn il-kundizzjonijiet, fir-rigward tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/302, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, li inkludiet l-isem tar-rikorrent fil-lista li tidher fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/273, għal raġunijiet relatati wkoll mal-għan tagħha u l-effettività tal-miżuri previsti minnha, l-awtoritajiet tal-Unjoni ma kinux obbligati jisimgħu lir-rikorrent qabel l-inklużjoni inizjali ta’ ismu fuq il-lista li tidher fl-anness.

(ara l-punti 38-41)

3.      Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti bħad-Deċiżjoni 2012/739, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, li żżomm isem ir-rikorrent fuq il-lista li tinkludi ismijiet ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi kontra s-Sirja, l-argument tal-effett ta’ sorpriża tal-imsemmija miżuri ma jistax jiġi validament invokat.

Peress li, fl-ewwel lok, l-Kunsill ma ġab l-ebda prova ġdida, jiġifieri prova li ma ġietx ikkomunikata diġà lir-rikorrent wara l-inklużjoni inizjali tiegħu fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, fil-mument meta ismu kien inżamm fil-lista ta’ persuni suġġetti għal tali miżuri, li, fit-tieni lok, ir-rikorrent jista’, f’kull mument, fuq inizjattiva tiegħu, jinstema’ mill-Kunsill mingħajr il-ħtieġa speċifika ta’ invit mill-ġdid li jkun mibgħut qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni sussegwenti, fin-nuqqas ta’ provi ġodda kkunsidrati fil-konfront tiegħu, u li, fit-tielet lok, ir-rikorrenti kellu l-okkażjoni matul numru ta’ xhur sabiex jikkontesta l-provi li jiġġustifikaw l-inklużjoni u ż-żamma tiegħu fil-lista u li fl-aħħar, il-Kunsill ipproċeda bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali jiġifieri l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739, ma jista’ jiġi stabbilit l-ebda ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

(ara l-punti 42, 44-46)

4.      Għalkemm komunikazzjoni individwali tad-deċiżjonijiet li jimponu ċerti miżuri restrittivi fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni hija, fil-prinċipju, meħtieġa, u s-sempliċi pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ma hijiex biżżejjed, madankollu għandu jkun l-imħallef li jeżamina, f’kull każ, jekk il-fatt li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma nġabux individwalment għall-konoxxenza tar-rikorrent kellhiex bħala konsegwenza li ċċaħħad lil dan tal-aħħar mill-possibbiltà li jkun jaf, fi żmien utli, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li jevalwa l-fondatezza tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi adottati fir-rigward tiegħu. Din il-kundizzjoni ma tkunx sodisfatta meta mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent tpoġġa f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu b’mod effettiv kontra l-atti kkontestati wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali u dan anki jekk il-Kunsill kellu jwettaq notifika individwali tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fuq il-lista ta’ persuni kkonċernati minn tali miżuri restrittivi.

(ara l-punti 48, 50)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 60-66, 71, 72)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 80)

7.      L-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni kontra ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana tikkostitwixxi miżura kawtelatorja li ma hijiex maħsuba sabiex iċċaħħad lill-persuni kkonċernati mill-proprjetà tagħhom jew mid-dritt fir-rigward ta’ rispett tal-ħajja privata. Madankollu, dawn il-miżuri restrittivi jwasslu b’mod inkontestabbli għal restrizzjoni tal-użu tad-dritt tal-proprjetà u jaffettwaw il-ħajja privata.

Fir-rigward tan-natura adegwata ta’ dawn il-miżuri fid-dawl ta’ għan ta’ interess ġenerali li huwa wkoll fundamentali għall-komunità internazzjonali u għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, jirriżulta li l-iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra kif ukoll il-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni fir-rigward ta’ persuni identifikati bħala li huma implikati fis-sostenn tar-reġim Sirjan, ma jistgħux, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala inadegwati.

Fir-rigward tan-natura meħtieġa ta’ dawn il-miżuri, il-miżuri alternattivi u inqas vinkolanti, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu ta’ fondi ttrasferiti, ma jippermettux b’mod daqstant effettiv li jintlaħaq l-għan segwit, jiġifieri l-eżerċitar ta’ pressjoni fuq is-sostenn tar-reġim Sirjan li jippersegwixxi l-popolazzjoni ċivili, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti.

Iktar minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2011/273 u l-Artikolu 25(3) sa (11) tad-Deċiżjoni 2012/739, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, jipprevedu l-possibbiltà minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali jew jiġu ssodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra. Rigward it-trattament mediku, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu u l-użu ta’ fondi ffriżati għal finijiet mediċi u umanitarji.

Fl-aħħar, iż-żamma tal-isem tal-persuna kkonċernata fl-Anness tad-deċiżjonijiet inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala sproporzjonata minħabba allegata natura potenzjalment illimitata safejn din iż-żamma hija suġġetta għal kunsiderazzjoni mill-ġdid perjodika sabiex jiġi żgurat li l-persuni u entitajiet li ma jissodisfawx iktar il-kriterji sabiex jidhru fil-lista inkwistjoni jitħassru mil-lista.

(ara l-punti 99-102, 104, 105)