Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2024 minn Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ, İskenderun Demir ve Çelik AŞ, Erdemir Çelik Servis Merkezi Sanayi ve Ticaret AŞ mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla Estiża) fit-8 ta’ Mejju 2024 fil-Kawża T-629/21, Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları et

(Kawża C-499/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ, İskenderun Demir ve Çelik AŞ, Erdemir Çelik Servis Merkezi Sanayi ve Ticaret AŞ (rappreżentanti: J. Cornelis, F. Graafsma, advocaten)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tat-8 ta’ Mejju 2024 fil-Kawża T-629/21, Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ et vs Il-Kummissjoni;

tannulla Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 1 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-appellanti relatati ma’ dan l-appell kif ukoll dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-629/21.

Sussidjarjament:

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali; u,

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tmien aggravji.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi raġunijiet u applikat ħażin l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament (UE) 2016/1036 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“Regolament bażiku”) billi interpretat ħażin it-talba tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-neċessità tal-konverżjoni tal-munita.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali applikat ħażin l-istandard legali għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-Ftehimiet tad-WTO għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali injorat l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku billi kkonkludiet li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jistabbilixxix obbligu li tintuża rata tal-kambju partikolari.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi kkonkludiet li l-appellanti talbu u laqgħu konverżjoni ta’ kull xahar u kienu applikaw huma stess tali konverżjoni.

Il-ħames, il-Qorti Ġenerali imponiet oneru tal-prova mhux raġonevoli billi talbet li tiġi pprovduta informazzjoni ġdida dwar l-ispejjeż f'Lira Torka.

Is-sitt, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku fir-rigward tat-trattament tal-operazzjonijiet ta' ħħeġġjar.

Is-seba’, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti raġunijiet billi naqset milli tindirizza parti mill-argumenti tal-appellanti fir-rigward tal-għadd doppju tal-ispejjeż spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra (l-“ispejjeż BAĠ”).

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-ġurisprudenza rilevanti u tirriskja li xxejjen l-obbligu ta’ diliġenza dovuta u amministrazzjoni tajba.

____________

1 ĠU 2021, L 238, p. 32 u rettifika fil-ĠU 20121, L 410, p. 199.

1 ĠU 2016, L 176, p. 21, rettifika fil-ĠU 2023, L, 2023/90208.