Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrazhen sad – Sliven (il-Bulgarija) fil-25 ta’ April 2023 – Proċeduri kriminali kontra DM, AV, WO, AQ

(Kawża C-265/23, Volieva 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Okrazhen sad – Sliven

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

DM,

AV,

WO,

AQ

Domandi preliminari

F’sitwazzjoni li tikkonċerna kawża kriminali dwar atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 52 u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata 1 u [it-tieni subparagrafu] tal-Artikolu 19(1) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux dispożizzjoni legali nazzjonali, bħalma hija dik prevista fil-Kapitolu XXVI tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi Proċedurali Kriminali), kif emendata bid- Darzhaven vestnik (il-Ġurnal Uffiċjali) Nru 63/2017 u li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Novembru 2017, li permezz tagħha l-persuna mixlija tiġi mċaħħda mid-dritt li titwaqqaf il-proċedura kriminali kontriha f’sitwazzjoni fejn dan id-dritt ikun tnissel f’perijodu li matulu kienet fis-seħħ liġi li kienet tipprevedi din il-possibbiltà iżda, minħabba żball ġudizzjarju, dan id-dritt ikun ġie kkonfermat biss wara r-revoka ta’ din il-liġi?

X’jistgħu jkunu l-miżuri legali effettivi għall-protezzjoni ta’ tali persuna mixlija fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, b’mod partikolari, il-qorti nazzjonali għandha twaqqaf kompletament il-proċedura kriminali kontra tali persuna mixlija f’sitwazzjoni fejn kulleġġ ġudikanti preċedenti naqas milli jagħmel dan minkejja li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha sabiex titwaqqaf il-proċedura skont il-liġi nazzjonali li kienet fis-seħħ dak iż-żmien?

____________

1     Dan huwa isem fittizju u ma jirreferi għall-isem ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

1     ĠU 2008, L 300, p. 42.