Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta Marzu 2014 – ANKO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-154/14)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: ANKO Anonymos Etairia Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li l-ammont totali ta’ EUR 185 664.10 li l-Kummissjoni diġà ħalset lir-rikorrenti għall-proġett OASIS kif ukoll l-ammont totali ta’ EUR 465 062.84 li l-Kummissjoni diġà ħallset għall-proġett PERFORM jikkostitwixxu spejjeż eliġibbli;

tikkonstata li l-ammont ta’ EUR 1 824.05 li l-Kummissjoni ma ħallsitx għall-proġett OASIS u l-ammont ta’ EUR 637 117.17 li l-Kummissjoni ma ħallsitx bħala għajnuna finanzjarja għall-proġett PERFORM jikkostitwixxu spejjez eliġibbli li l-Kummissjoni għandha konsegwentement tħallas lil ANKO;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż esposti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jittratta r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, inkonnessjoni mal-kuntratti a) Nru 215754 u b) Nru 215952 maħsuba rispettivament sabiex jeżegwixxu l-proġetti a) OASIS u b) PERFORM.B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm eżegwiet l-obbligi kuntrattwali tagħha, il-Kummissjoni, bi ksur tal-kuntratti ċċitati iktar ʼil fuq, tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, tal-projbizzjoni tal-abbuż mid-dritt u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, talbet ir-rimbors tal-ammonti mħallsa lil ANKO, abbażi tal-allegazzjoni li dawn ma humiex spejjeż eliġibbli, u rrifjutat li tħallas l-għajnuna finanzjarja rimanenti. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni

qiegħda tonqos mill-obbligi kuntrattwali tagħha applikabbli fil-konfront ta’ ANKO billi tiċħad in-natura eliġibbli fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja kważi kollha tal-Kummissjoni għall-proġetti OASIS u PERFORM. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-irkupru tal-ammonti kollha huwa sproporzjonat u abbużiv.