Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-318/23)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Ondrůšek, M. Escobar Gómez, U. Babovič u A. Kraner, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-140/14, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja fil-parti li tikkonċerna l-Plott Nru 115/1 tal-Komun ta’ Teharje (Bukovžlak), ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja tħallas lill-Kummissjoni penalità ta’ kuljum mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-proċedura sal-jum li fih ir-Repubblika tas-Slovenja teżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C-140/14 fil-parti dwar il-Plott Nru 115/1 fil-Komun ta’ Teharje (Bukovžlak);

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja tħallas lill-Kummissjoni s-somma f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 500, immultiplikata bin-numru ta’ jiem mill-għoti tas-sentenza fil-Kawża C-140/14 sal-jum li fih ir-Repubblika tas-Slovenja teżegwixxi din is-sentenza sa fejn tikkonċerna l-Plott Nru 115/1 tal-Komun ta’ Teharje (Bukovžlak) jew sal-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, liema jseħħ l-ewwel, u s-somma f’daqqa minima hija ta’ EUR 280 000;

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza C-140/14 li r-rimi ta’ skart fuq il-Plott Nru 115/1 tal-Komun ta’ Teharje (Bukovžlak) għandu jitqies bħala illegali u li s-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 u l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi 1 , l-Artikolu 5(3)(e) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill 2 ikkunsidrata flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/33/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi l-kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’ terraferma artifiċjali skond l-Artikolu 16 ta’ u l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE 2003/33/KE 3 u l-Artikoli 7 sa 9, 11 u 12 kif ukoll l-Annessi I sa III tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE billi l-ewwel ippermettiet li skart mhux awtorizzat jintrema f’dan il-post ta’ rimi mhux awtorizzat u met naqset milli tieħu xi azzjoni sabiex tarmihom.

Ir-Repubblika tas-Slovenja kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea l-miżuri individwali maħsuba sabiex tagħżel l-aħjar metodu ta’ rimi tal-iskart u sabiex twettaq ix-xogħlijiet li bihom teżegwixxi s-sentenza fil-Kawża C-140/14 fil-parti li tikkonċerna l-Plott Nru 115/1 fil-Komun ta’ Teharje (Bukovžlak). Għal dan il-għan, ir-Repubblika tas-Slovenja bagħtet lill-Kummissjoni Ewropea skeda li skontha l-implimentazzjoni finali tar-riabilitazzjoni ser issir bejn l-ewwel nofs tal-2020 u t-3 ta’ Novembru 2021.

Peress li t-termini stabbiliti fl-iskeda ma ġewx osservati, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tas-Slovenja ittra ta’ intimazzjoni fit-8 ta’ Ġunju 2018. Ir-Repubblika tas-Slovenja, fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, espliċitament assigurat lill-Kummissjoni li x-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni ser isiru fit-terminu inizjali stabbilit fl-iskeda, iżda dan ma seħħx. Il-miżbla illegali, maħluqa u miżmuma bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, għadha teżisti minkejja s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha ġie stabbilit li hemm dak il-ksur u tikkostitwixxi riskju għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk iddeċidiet li tippreżenta rikors abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE.

____________

1     ĠU 2008, L 312, p. 3.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228, rettifika fil-ĠU 2018, L 91, p. 30.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 7, p. 314.