Language of document : ECLI:EU:C:2009:18

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Jannar 2009 (*)

“Kundizzjonijiet tax-xogħol – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali bil-ħlas – Leave tal-mard – Leave annwali li jaħbat ma’ leave tal-mard – Kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li ma jkunx ittieħed qabel tmiem il-kuntratt minħabba mard”

Fil-Kawżi magħquda C-350/06 u C‑520/06,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) (C-350/06) u mill-House of Lords (ir-Renju Unit) (C‑520/06), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-2 ta’ Awwissu u tat-13 ta’ Diċembru 2006, li waslu rispettivament fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Awwissu u fl-20 ta’ Diċembru 2006, fil-proċeduri

Gerhard Schultz-Hoff (C-350/06)

vs

Deutsche Rentenversicherung Bund,

u

Stringer et (C-520/06)

vs

Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Ó Caoimh, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, E. Levits (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsche Rentenversicherung Bund, minn J. Littig, Rechtsanwalt,

–        għal Stringer et, minn C. Jeans, QC, u M. Ford, barrister, bħala rappreżentanti ta’ V. Phillips, solicitor,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Bryanston-Cross, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

–        għall-Gvern Sloven, minn M. Remic, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpetazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, p. 9).

2        Din it-talbiet ġew imressqa fil-kuntest ta’ żewġ kawżi, waħda bejn G. Schultz-Hoff u min kien iħaddmu, Deutsche Rentenversicherung Bund (iktar ‘il quddiem “DRB”), u l-oħra bejn diversi impjegati, li uħud minnhom ġew imkeċċija u min iħaddimhom jew kien iħaddimhom, Her Majesty’s Revenue and Customs, fuq kwistjonijiet dwar jekk ħaddiem assenti minħabba leave tal-mard għandux dritt li jieħu leave annwali bil-ħlas matul it-tul taż-żmien ta’ dan il-leave tal-mard u jekk dan ikun il-każ, sa fejn ħaddiem li jkun assenti bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew il-perijodu għall-ġarr tal-leave kollu jew parti minnu huwa intitolat għall-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens tal-leave annwali bil-ħlas li ma jkunx ittieħed mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi dan li ġej:

“Għan u skop

1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

a)      il-perjodi minimi […] [ta’] leave annwali […]

[…]”

4        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Leave annwali

1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

5        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ebda deroga m’hija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C-520/06

6        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji.

7        L-ewwel kategorija tikkonċerna ħaddiem assenti mix-xogħol tiegħu għal diversi xhur fuq leave tal-mard għal perijodu indeterminat. Matul dan il-leave tal-mard, huwa informa lil min iħaddmu bl-intenzjoni tiegħu li jieħu, fiż-żewġ xhur wara t-talba tiegħu, ġranet ta’ leave annwali bil-ħlas.

8        Il-ħaddiema li jagħmlu parti mit-tieni kategorija kienu, qabel it-tkeċċija tagħhom, bil-leave tal-mard ta’ perijodu ta’ żmien twil. Peress li ma ħadux il-leave annwali bil-ħlas tagħhom matul il-perijodu ta’ referenza, l-uniku perijodu li matulu l-leave annwali bil-ħlas jista’ jittieħed skont il-liġi Brittantika, huma talbu kumpens.

9        L-Employment Tribunal iddeċieda favur il-ħaddiema li jagħmlu parti minn dawn iż-żewġ kategoriji. L-Employment Appeal Tribunal ċaħdat l-appelli ta’ dak li ħaddimhom iżda awtorizza l-appell quddiem il-Qorti tal-Appell (England & Wales) (Civil Division) li laqgħet it-talbiet ta’ dak li ħaddimhom.

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem il-House of Lords li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem li jieħu leave tal-mard għal perijodu indeterminat għandu d-dritt (i) li jagħżel perijodu fil-futur bħala leave annwali bil-ħlas u (ii) jieħu leave annwali bil-ħlas, fiż-żewġ każijiet matul perijodu li altrimenti kien ikun inkluż fil-leave tal-mard?

2)       Jekk Stat Membru jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu biex jissostitwixxi l-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma jittiħidx mat-terminazzjoni ta’ impjieg skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 [...], f’ċirkustanzi fejn ħaddiem ikun ilu bil-leave tal mard għas-sena ta’ leave kollha jew għal parti mis-sena ta’ leave li fiha r-relazzjoni tal-impjieg tkun ġiet itterminata, l-Artikolu 7(2) jimponi xi obbligi jew jistabbilixxi xi kriterji dwar jekk il-benefiċċju għandux jitħallas jew dwar kif għandu jiġi kkalkulat?”

 Kawża C-350/06

11      G. Schultz-Hoff, rikorrent fil-kawża prinċipali, kien ilu impjegat mill-1 ta’ April 1971 minn DRB. Mis-sena 1995, G. Schultz-Hoff, li huwa klassifikat bħala persuna b’diżabbiltà gravi, esperjenza daqqa perijodi ta’ inkapaċità minħabba mard u daqqa perijodi li fihom seta’ jaħdem. Fl-2004, huwa kien fiżikament kapaċi għax-xogħol sal-bidu tax-xahar ta’ Settembru. Wara, huwa ħareġ bil-leave tal-mard mingħajr waqfien sat-30 ta’ Settembru 2005, data li fiha r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu ġiet itterminata.

12      B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2005 G. Schultz-Hoff talab lil DRB sabiex tagħih, mill-1 ta’ Ġunju 2005, il-leave annwali bil-ħlas għas-sena kalendarja 2004, perijodu ta’ referenza. Fil-25 ta’ Mejju 2005, it-talba nċaħdet minħabba li s-servizz mediku tal-impriża kellu qabel kollox jikkonstata li l-interessat kien kapaċi għax-xogħol. F’Settembru 2005, DRB ikkonstatat l-inkapaċità għax-xogħol ta’ G. Schultz-Hoff u tagħtu, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità tal-pensjonijiet, pensjoni għal żmien indefinit b’effett retroattiv mill-1 ta’ Marzu 2005.

13      G. Schultz-Hoff ressaq quddiem l-Arbeitsgericht Düsseldorf talba intiża sabiex jikseb il-pagament ta’ benefiċċju għal-leave annwali bil-ħlas li ma tteħidx għas-snin kalendarji 2004 u 2005, perijodi ta’ referenza.

14      DRB issostni li l-inkapaċità għax-xogħol tal-interessat għadha tippersisti s’issa, u għaldaqstant oltre l-perijodu għall-ġarr tal-leave mogħti skont l-Artikolu 7(3) tal-Liġi Federali fuq il-leave (Bundesurlaubsgesetz) tat-8 ta’ Jannar 1963, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali, lill-ħaddiem li ma setax jieħu l-leave annwali tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza minħabba raġunijiet urġenti konnessi mal-impriża jew mal-ħaddiem innifsu. Konsegwentement, skont il-liġi Ġermaniża, id-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas spiċċaw u G. Schultz-Hoff m’għandu dritt għal ebda pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens ta’ leave annwali bil-ħlas li ma tteħidx.

15      L-Arbeitsgericht Düsseldorf ċaħdet ir-rikors ta’ G. Schultz-Hoff u dan tal-aħħar appella quddiem il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf.

16      Il-qorti tar-rinviju tesponi li skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, hekk kif interpretati mill-Bundesarbeitsgericht, id-dritt tal-ħaddiem għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens ta’ leave annwali bil-ħlas li ma tteħidx jispiċċa fl-aħħar tas-sena kalendarja kkonċernata u l-iktar tard fl-aħħar ta’ perijodu għall-ġarr tal-leave li, ħlief fil-każ ta’ deroga favur il-ħaddiem stabbilita mill-ftehim kollettiv, huwa ta’ perijodu ta’ tliet xhur. Jekk il-ħaddiem ma kienx kapaċi jaħdem sal-aħħar ta’ dan il-perijodu għall-ġarr tal-leave, il-leave annwali bil-ħlas li ma ttiħidx m’għandux jiġi kkumpensat, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, minn pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens.

17      Il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf, li tiddubita jekk din il-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht hijiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tal-Direttiva 2003/88, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema għandhom f’kull każ jibbenefikaw mil-leave annwali bil-ħlas ta’ almenu erba’ ġimgħat, u li l-leave li ma jittiħidx matul is-sena ta’ referenza minħabba mard għandu jingħata wara, jew huwa possibbli li liġijiet u/jew prattiki nazzjonali jipprovdu li d-dritt għal-leave bil-ħlas jispiċċa meta l-ħaddiema jkunu inkapaċi li jaħdmu matul is-sena ta’ referenza qabel l-għoti tal-leave u fejn huma ma jirkuprawx il-kapaċità li jaħdmu qabel l-aħħar tas-sena ta’ referenza u/jew il-perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi, bi ftehim kollettiv jew b’kuntratt individwali?

2)       L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema, f’każ li tiġi terminata r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, għandhom f’kull każ dritt għall-ħlas kumpensatorju għal-leave dovut iżda li ma tteħidx (ħlas kumpensatorju għal-leave li ma jittiħidx), jew huwa possibbli li l-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali jipprovdu li l-ħaddiema m’għandhomx dritt għall-ħlas kumpensatorju għal-leave li ma jittiħidx jekk huma jkunu inkapaċi li jaħdmu minħabba mard qabel l-aħħar tas-sena ta’ referenza u/jew tal-perijodu għall-ġarr tal-leave ulterjuri u/jew wara li tiġi tterminata r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, huma jibbenefikaw minn pensjoni minħabba tnaqqis fil-kapaċità tagħhom li jaħdmu jew minħabba invalidità?

3)       F’każ ta’ risposti pożittivi għad-domandi 1 u 2:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal-leave jew għall-ħlas kumpensatorju jeħtieġ li l-ħaddiem ikun effettivament ħadem matul il-perijodu ta’ referenza, jew jekk dan id-dritt jitnissel ukoll f’każ ta’ nuqqas ġustifikata (minħabba mard) jew f’każ ta’ nuqqas mhux ġustifikata matul is-sena ta’ referenza kollha kemm hi?”

18      Minħabba l-konnessjoni ta’ dawn iż-żewġ kawżi prinċipali, ikkonfermata waqt il-proċedura orali, huma għandhom jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

19      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li t-tul taż-żmien tal-leave tal-mard inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma qabiżx it-tul taż-żmien tal-perijodi ta’ referenza applikabbli, fl-qasam tal-leave annwali bil-ħlas, skont id-dritt nazzjonali rispettiv f’kull kawża.

 Fuq id-dritt li jittieħed leave annwali bil-ħlas matul perijodu inkluż fil-leave tal-mard

20      Permezz tal-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-520/06, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li ħaddiem bil-leave tal-mard m’għandux dritt li jieħu leave annwali bil-ħlas matul perijodu inkluż f’leave tal-mard.

21      Il-gvernijiet kollha u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet tagħhom qiesu li din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ta’ kull ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju tad-dritt soċjali Komunitarju, ta’ importanza partikolari, li ma jistax isir deroga minnu u li implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 94/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18), stess (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99 , Ġabra p. I‑4881, punt 43; tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C-342/01. Ġabra p. I-2605, punt 29, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C-257/04, Ġabra p. I-2531, punt 48).

23      Il-ħaddiem għandu normalment jibbenefika minn serħan effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effettiva tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu, billi huwa biss fil-każ fejn l-impjieg ikun ġie tterminat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti li d-dritt tal-leave annwali bil-ħlas jiġi msarraf f’pagament ta’ benefiċċju (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BECTU, punt 44, u Merino Gómez, punt 30).

24      Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 mhuwiex fost id-dispożizzjonijiet li espressament jippermettu deroga.

25      Huwa paċifiku li l-għan tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji. Dan l-għan huwa differenti minn dak tad-dritt għal-leave tal-mard. Dan tal-aħħar jingħata lill-ħaddiem sabiex hu jkun jista’ jfiq minn marda.

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leave ggarantit bid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor iggarantit b’dan id-dritt (ara s-sentenzi Merino Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 33; tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-519/03, Ġabra p. I-3067, punt 33, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C-116/06, Ġabra p. I-7643, punt 56). Fir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza Merino Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, hija ddeċidiet li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ koinċidenza bejn id-dati ta’ leave għall-maternità ta’ ħaddiema u dawk tal-leave annwali ffissati b’mod ġenerali għall-persunal kollu, permezz ta’ ftehim kollettiv, l-eżiġenzi tal-imsemmija direttiva dwar il-leave annwali bil-ħlas ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sodisfatti.

27      Madankollu, għall-kuntrarju tad-drittijiet għal-leave ta’ maternità jew għal-leave parentali inkwistjoni fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, id-dritt għal-leave tal-mard u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-imsemmi dritt mhumiex, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, irregolati minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/104 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Merino Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, kienet neċessarja, fid-dawl ta’ direttivi Komunitarji oħra inkwistjoni fl-imsemmija kawża, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiema fil-każ ta’ leave tal-maternità.

28      Għal dak li jikkonċerna d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, hekk kif jirriżulta mit-termini tad-Direttiva 2003/88 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni ta’ dan id-dritt, billi jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu mill-imsemmi dritt, filwaqt li ma jissuġġettawx għal xi kundizzjoni l-kostituzzjoni stess tal-istess dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

29      Minn dan isegwi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, fil-prinċipju, id-dispożizzjonijiet jew il-prattiki nazzjonali li skonthom ħaddiem bil-leave tal-mard mhuwiex intitolat li jieħu leave annwali bil-ħlas matul perijodu inkluż fil-leave tal-mard, sakemm, mandankollu, l-imsemmi ħaddiem ikollu l-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti minn din id-direttiva matul perijodu distint ieħor.

30      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-effett pożittiv ta’ dan il-leave annwali bil-ħlas għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem huwa kollu kemm hu applikat jekk jittieħed fis-sena prevista għal dan il-għan, jiġifieri matul is-sena kurrenti, dan iż-żmien ta’ serħan ma jitlifx l-interess tiegħu f’dan ir-rigward jekk jittieħed matul perijodu sussegwenti (sentenza tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C-124/05, Ġabra p. I-3423, punt 30).

31      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2003/88 lanqas ma tipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jippermettu ħaddiem bil-leave tal-mard li jieħu leave annwali bil-ħlas matul tali perijodu.

32      Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-520/06 għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li skont dawn ħaddiem bil-leave tal-mard mhuwiex intitolat li jieħu leave annwali bil-ħlas matul perijodu inkluż fil-leave tal-mard.

 Fuq id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas fil-każ ta’ leave tal-mard matul il-perijodu kollu ta’ referenza jew parti minnu meta l-inkapaċità għal xogħol tippersisti mat-terminazzjoni tal-imsemmi perijodu u/jew tal-perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi nazzjonali

33      Permzz tal-ewwel domanda tagħha u, sussidjarjment, permezz tat-tielet domanda sa fejn din tirrigwarda d-dritt għal-leave u mhux għall-pagement ta’ benefiċċju bħala kumpens ta’ leave annwali bil-ħlas li ma ttiħidx, magħmula fil-Kawża C‑350/06, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li skont dawn id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jispiċċa mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ referenza u/jew perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi nazzjonali anki meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u li l-inkapaċità tiegħu għal xogħol ippersistiet sat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu.

34      Hekk kif josserva b’mod partikolari l-Gvern Ġermaniż matul is-seduta, billi jirreferi għall-punt 53 tas-sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas fl-Istati Membri differenti huma rregolati mil-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali. Minn dan l-imsemmi gvern jikkonkludi li l-kwistjoni tal-ġarr tal-leave u għaldaqstant tal-ispeċifikazzjoni ta’ perijodu li matulu ħaddiem li ma jistax jieħu l-leave annwali bil-ħlas tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza jista’ xorta jibbenefika mill-imsemmi leave annwali taqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas u hija għaldaqstant irregolata mil-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali.

35      Filwaqt li din il-konklużjoni tista’ tiġi aċċettata fil-prinċipju, din hija madankollu suġġetta għal ċerti limiti.

36      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat liema huma l-limiti għal dan il-prinċipju fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Kawża C-350/06.

–       Leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu li jippersisti mat-terminazzjoni tal-imsemmi perijodu u/jew tal-perijodu għall-ġarr tal-leave

37      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skont il-Premessa 6 tagħha, id-Direttiva 2003/88 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, tal-24 ta’ Ġunju 1970, dwar l-leave annwali bil-ħlas (reveduta), fejn jingħad li “[…]l-assenzi mix-xogħol minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-persuna impjegata kkonċernata, bħalma huma l-assenzi dovuti għal mard, […] għandhom jingħaddu fil-perijodu tas-servizz” .

39      Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet dwar il-perijodi minimi ta’ serħan li jinsabu fil-Kapitolu 2 tad-Direttiva 2003/88, huma jirreferu fil-biċċa l-kbira għal “kull ħaddiem”, hekk kif jagħmel ukoll l-Artikolu 7(1) tagħha għad-dritt tal-leave annwali bil-ħlas (sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

40      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dan l-aħħar dritt, id-Direttiva 2003/88 ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-ħaddiema li huma assenti mix-xogħol minħabba leave tal-mard, għal terminu qasir jew twil, matul il-perijodu ta’ referenza u dawk li effettivament ħadmu matul l-imsemmi perijodu.

41      Minn dan jirriżulta li, fir-rigward ta’ ħaddiema bil-leave tal-mard li ngħatalhom kif suppost, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas mogħti mid-Direttiva 2003/88 stess lill-ħaddiema kollha (sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53) ma jistax jiġi suġġettat minn Stat Membru għall-obbligu li huma jkunu effettivament ħadmu matul il-perijodu ta’ referenza stabbilit mill-imsemmi Stat.

42      Dispożizzjoni nazzjonali, li tipprevedi perijodu għall-ġarr tal-leave għal-leave annwali li ma ttiħidx mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ referenza, hija intiża, fil-prinċipju, li tagħti lill-ħaddiem li ma setax jieħu l-leave annwali tiegħu, possibbiltà addizzjonali li jibbenifika mill-imsemmi leave. L-istabbiliment ta’ tali perijodu jagħmel parti mill-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-leave annwali bil-ħlas, u jaqa’ għaldaqstant, fil-prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

43      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt tal-leave annwali bil-ħlas espressament mogħti minn din id-direttiva, inkluż ukoll it-telf tal-imsemmi dritt fl-aħħar tal-perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu għall-ġarr tal-leave, sakemm, madankollu, il-ħaddiem li tilef id-dritt tal-leave annwali bil-ħlas tiegħu, kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mid-direttiva.

44      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li ħaddiem li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-350/06 għal dak li jikkonċerna s-sena 2005, huwa bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu u wara li jgħaddi l-perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi nazzjonali, huwa mċaħħad minn kull perijodu li jagħtih il-possibbiltà li jibbenefika mil-leave annwali bil-ħlas tiegħu.

45      Li jiġi aċċettat li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ inkapaċità għax-xogħol deskritti fil-punt preċedenti, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, u b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu l-perijodu għall-ġarr tal-leave, jistgħu jipprevedu l-estinzjoni tad-dritt tal-ħaddiem għal-leave annwali bil-ħlas iggarantit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, mingħajr ma l-ħaddiem kellu l-possibbiltà effettivament li jeżerċita d-dritt mogħti lilu minn din id-direttiva, ikun ifisser li l-imsemmija dispożizzjonijiet qed jippreġudikaw id-dritt soċjali direttament mogħti mill-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva lil kull ħaddiem.

46      B’hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, hija madankollu speċifikat li l-Istati Membri ma jistgħux madankollu jissuġġettaw għal xi kundizzjoni kwalunkwe l-kostituzzjoni stess ta’ dan id-dritt li jirriżulta direttament mid-Direttiva 93/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

47      Skont din l-istess ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ applikazzjoni neċessarji għall-implementazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/104 jistgħu jinvolvu ċerti diverġenzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, iżda li din id-direttiva ma tippermettix lill-Istati Membri li jeskludu l-ħolqien stess ta’ dritt espressament mogħti lill-ħaddiema kollha (sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

48      Minn dan jirriżulta li jekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, iggarantit lill-ħaddiem mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jitqiegħed inkwistjoni mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-esklużjoni tal-konstituzzjoni jew il-ħolqien ta’ dan id-dritt, ma jistax jingħad li ser ikun hemm riżulat differenti għal dak li jikkonċerna dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-estinzjoni tal-imsemmi dritt, fil-każ ta’ ħaddiem bil-leave tal-mard matul il-perijodu kollu ta’ referenza u/ jew lil hinn mill-perijodu tal-ġarr tal-leave, bħal G. Schultz-Hoff, li ma kienx f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas. Fil-fatt, bħaċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu l-ħolqien tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ G. Schultz-Hoff, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu l-estenzjoni ta’ dan id-dritt.

49      Minn dan kollu jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jiġi estint mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali anki meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu kollu ta’ referenza u li l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol ippersistiet sat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu, raġuni li għaliha hu ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas.

–       Leave tal-mard matul parti mill-perijodu ta’ referenza u li jippersisti sat-terminazzjoni tal-imsemmi perijodu u/jew perijodu għall-ġarr tal-leave

50      Fid-dawl tar-raġunament magħmul fil-punt 37 sa 49 ta’ din is-sentenza, il-konklużjoni li għandha ssir fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas minn ħaddiem li ħadem, bħal G. Schultz-Hoff għal dak li jikkonċerna s-sena 2004, matul parti mill-perijodu ta’ referenza qabel ma ħareġ bil-leave tal-mard, għandha tkun l-istess bħal dik li saret fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

51      Fil-fatt, kull ħaddiem imċaħħad mill-benefiċċju ta’ perijodu ta’ leave annwali bil-ħlas minħabba leave tal-mard għal perijodu ta’ żmien twil jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 44 ta’ din is-sentenza sa fejn l-inkapaċità għax-xogħol minħabba mard mhijiex prevedibbli.

52      Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi, sa fejn din tal-aħħar tirrigwarda d-dritt għal-leave u mhux il-pagament ta’ benefiċċju tal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud, imressqa fil-Kawża C‑350/06 għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jiġi estint mat-terminazzjoni tail-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi nazzjonali anki meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol ippersistiet sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu, raġuni li għaliha huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas.

 Fuq id-dritt għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg għal-leave annwali bil-ħlas li ma ttiħidx matul il-perijodu ta’ referenza u/jew perijodu għall-ġarr ta’ leave minħabba inkapaċità ta’ xogħol matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew il-perijodu għall-ġarr tal-leave kollu jew parti minnu.

53      Peremezz tat-tieni domanda u, sussidjarjament, permezz tat-tielet domanda sa fejn din tirrigwarda l-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens ta’ leave annwali mhux meħud, magħmula fil-Kawża C-350/06, kif ukoll mit-tieni domanda magħmula fil-Kawża C-520/06, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, ebda pagament ta’ benefiċċju ta’ leave annwali mhux meħud m’huwa mħallas meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew il-perijodu għall-ġarr tal-leave kollu jew parti minnu. Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑520/06 tixtieq tkun taf il-kriterji li fuqhom il-pagament ta’ benefiċċju għandu jiġi kkalkulat.

54      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi mfakkar qabel kollox li, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li fuqha din id-direttiva ma tippermettix deroga, kull ħaddiem għandu jibbenefika minn leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Dan id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, li skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ta’ dritt soċjali Komunitarju li għandu importanza partikolari, huwa għaldaqstant mogħti lil kull ħaddiem, irrispettivament mill-istat ta’ saħħa tiegħu.

55      Sussegwentement, hekk kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas mhuwiex estint mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi nazzjonali meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u ma kellux effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mid-Direttiva 2003/88.

56      Meta r-relazzjoni ta’ xogħol tispiċċa, it-teħid effettiv tal-leave annwali bil-ħlas mhuwiex iktar possibbli. Sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, kull tgawdija mill-ħaddiem ta’ dan id-dritt, anki taħt forma ta’ flus, ikun eskluż, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/08 jipprevedi li l-ħaddiem għandu dritt għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens.

57      Ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/88 ma tiffissa espressament il-mod kif il-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens li jissostitwixxi l-perijodu jew perijodi minimi ta’ leave annwali bil-ħlas fil-każ tat-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol għandu jiġi kkalkulat.

58      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-frażi “leave annwali bil-ħlas” li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 tfisser li, tul il-perijodu ta’ leave annwali fis-sens ta’ din id-direttiva, ir-remunerazzjoni għandha tibqa’ titħallas u li fi kliem ieħor il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ serħan (ara, is-sentenza Robinson-Steele et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

59      Meta jkunu qed jiffissaw il-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens dovut lill-ħaddiem skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni nazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti li jirriżultaw mill-istess direttiva.

60      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal-leave annwali u li jinkiseb ħlas f’dan ir-rigward bħala li jikkostitwixxu żewġ aspetti ta’ dritt wieħed. L-għan tan-neċessità li dan il-leave jiġi mħallas huwa li jqiegħed lill-ħaddiem, matul dan il-leave, f’sitwazzjoni li hija, f’dak li jikkonċerna s-salarju, paragunabbli mal-perijodi ta’ xogħol. (ara s-sentenza Robinson-Steele et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

61      Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ ħaddiem li mhuwiex f’pożizzjoni, minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens li għalih huwa intitolat għandu jiġi kkalkolat b’mod li l-imsemmi ħaddiem ikun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li huwa kien ikun kieku eżerċita l-imsemmi dritt matul il-perijodu tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu. Minn dan isegwi li r-remunerazzjoni normali tal-ħaddiem, li hija dik li għandha titħallas matul il-perijodu ta’ serħan li tikkorrispondi għal-leave annwali bil-ħlas, hija wkoll determinanti għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens tal-leave annwali mhux meħud sat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

62      Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domanda, sa fejn din tal-aħħar tirrigwarda l-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens ta’ leave annwali bil-ħlas mhux meħud, magħmula fil-Kawża C-350/06, kif ukoll għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C-520/06 għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, ebda pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens ta’ leave annwali bil-ħlas mhux meħud ma jitħallas lill-ħaddiem li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew perijodu għall-ġarr tal-leave kollu jew parti minnu, raġuni li għaliha huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas. Għall-kalkolu tal-imsemmi pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens, ir-remunerazzjoni normali tal-ħaddiem, li hija dik li għandha tibqa’ titħallas matul il-perijodu ta’ serħan li tikkorrispondi għal-leave annwali bil-ħlas, hija wkoll determinanti.

Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li skont dawn ħaddiem bil-leave tal-mard mhuwiex intitolat li jieħu leave annwali bil-ħlas matul perijodu inkluż fil-leave tal-mard.

2)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jiġi estint mat-terminazzjoni tail-perijodu ta’ referenza u/jew il-perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi nazzjonali anki meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol ippersistiet sat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu, raġuni li għaliha huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas.

3)      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, ebda pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens ta’ leave annwali bil-ħlas mhux meħud ma jitħallas lill-ħaddiem li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew perijodu għall-ġarr tal-leave kollu jew parti minnu, raġuni li għaliha huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas. Għall-kalkolu tal-imsemmi pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens, ir-remunerazzjoni normali tal-ħaddiem, li hija dik li għandha tibqa’ titħallas matul il-perijodu ta’ serħan li tikkorrispondi għal-leave annwali bil-ħlas, hija wkoll determinanti.

Firem


* Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Ingliż.