Language of document : ECLI:EU:C:2018:881

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Novembru 2018 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2006/123/KE – Artikoli 15 sa 17 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli – Monopolju”

Fil-Kawża C‑171/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-5 ta’ April 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u H. Tserepa‑Lacombe, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bin-nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló 2011. évi CC. törvény (Magyar Közlöny 2011/164) (il-Liġi Nru CC tal-2011 dwar is-Sistema Nazzjonali ta’ Ħlas Mobbli, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru CC”) u bit-356/2012. (XII. 13.) Korm. rendelet a nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló törvény végrehajtásáról (id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li jimplimenta l-Liġi dwar is-Sistema Nazzjonali ta’ Ħlas Mobbli, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 356/2012), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu l5(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll, sussidjarjament, taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

2        Il-premessi 8, 17, 70 u 72 tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxu:

“(8)      Huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi għandu japplika biss sakemm l-attivitajiet trattati huma miftuħa għal kompetizzjoni, sabiex dawn ma jobbligawx lill-Istati Membri jew biex jilliberalizzaw servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku jew biex jipprivatizzaw entitajiet pubbliċi li jipprovdu tali servizzi jew li jabolixxu monopolji eżistenti għal attivitajiet oħra jew ċerti servizzi ta’ distribuzzjoni.

[…]

(17)      Din id-Direttiva tkopri biss is-servizzi li huma mwettqa għal kunsiderazzjoni ekonomika. Servizzi ta’ interess ġenerali mhumiex koperti bid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu [57 TFUE] u għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huma servizzi mwettqa għal konsiderazzjoni ekonomika u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Iżda ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħal dawk li jistgħu jeżistu fil-qasam tat-trasport, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ċerti servizzi oħrajn ta’ interess ekonomiku ġenerali, per eżempju, li jistgħu jeżistu fil-qasam tas-servizzi postali, huma suġġetti għal deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà għall-provvista ta’ servizzi mniżżla f’din id-Direttiva. […]

[…]

(70)      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu [14 TFUE], is-servizzi jistgħu jitqiesu lu huma servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, biss jekk jiġu pprovduti fl-applikazzjoni ta’ ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat. Din il-ħidma għandha titwettaq permezz ta’ att wieħed jew aktar, li l-forma tiegħu għandha tkun iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat, u għandu jispeċifika n-natura preċiża tal-kompitu speċjali.

[…]

(72)      Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali […] huma fdati b’kompiti importanti marbutin ma’ koeżjoni soċjali u territorjali. It-twettiq ta’ dawn il-kompiti m’għandux ikun ostakolat bħala riżultat tal-proċess ta’ evalwazzjoni previst f’din id-Direttiva. Ħtiġijiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ tali kompiti ma għandhomx ikunu affettwati b’dan il-proċess waqt li, fl-istess ħin, jeħtieġ li jkunu indirizzati restrizzjonijiet inġustifikati għal-libertà ta’ stabbiliment.”

3        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jistipula:

“[…]

2.      Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas [il‑]privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi.

3.      Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi lanqas l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli [tal-Unjoni] dwar il-kompetizzjoni.

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mal-liġi [tal-Unjoni], x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skond ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom.

[…]”

4        L-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

a)      servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

[…]

i)      attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu [51 TFUE];

[…]”

5        Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rekwiżit” bħala “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom”.

6        L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[…]

d)      rekwiżiti, għajr dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 2005/36/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28, u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115,] jew previsti fi strumenti [tal-Unjoni] oħrajn, li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi skond in-natura speċifika ta’ l-attività;

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

b)      bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

[…]”

7        L-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

b)      bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.”

8        Il-punt 1 tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Artikolu 16 ta’ din tal-aħħar ma għandux japplika għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”) li huma pprovduti fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari fl-oqsma msemmija f’dan il-punt 1 tal-Artikolu 17.

B.      Id-dritt Ungeriż

1.      Il-Liġi Nru CC

9        Il-Liġi Nru CC emendat il-qafas legali tas-servizzi ta’ ħlas mobbli b’effett mill-1 ta’ April 2013, iżda b’effett obbligatorju biss mit-2 ta’ Lulju 2014.

10      L-Artikolu 1(d) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din il-liġi, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[…]

d)      sistema ta’ ħlas mobbli: kull sistema li biha l-klijent jixtri s-servizz permezz tal-intermedjarju ta’ sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni elettronika aċċessibbli mingħajr konnessjoni ma’ punt fiss, bl-għajnuna ta’ mezz ta’ telekomunikazzjoni, ta’ tagħmir diġitali jew xi għodda tal-informatika oħra”.

11      L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Jitqies li huwa servizz suġġett għal kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli

a)      is-servizz pubbliku tal-ipparkjar (parking) skont il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Triq;

b)      il-provvista tan-netwerk tat-toroq għall-iskopijiet ta’ vjaġġar bil-korrispettiv ta’ tariffa għall-użu jew ta’ pedaġġ;

c)      is-servizz ta’ trasport ta’ vjaġġaturi pprovdut minn fornitur li fil-parti l-kbira huwa kkontrollat mill-Istat jew minn amministrazzjoni lokali, fil-forma ta’ servizz pubbliku,

[…]

d)      kull servizz li ma jaqax taħt il-kategoriji elenkati fil-punti (a) sa (c) hawn fuq, ipprovdut minn organu li huwa fil-parti l-kbira kkontrollat mill-Istat jew minn amministrazzjoni lokali, fil-forma ta’ servizz pubbliku.”

12      L-Artikolu 3 tal-istess liġi jipprevedi:

“(1)      Il-fornitur huwa obbligat li jiggarantixxi l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli – ħlief għas-servizz ikkontemplat fl-Artikolu 2(d) – permezz ta’ sistema ta’ ħlas mobbli.

(2)      Il-fornitur jissodisfa l-obbligu li għandu taħt il-paragrafu 1 billi juża s-sistema nazzjonali uniformi (iktar ’il quddiem is-‘sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli’) użata mill-organu nnominat mill-gvern (iktar ’il quddiem l-‘organu nazzjonali ta’ ħlas mobbli’)

a)      100 % proprjetà tal-Istat, jew

b)      100 % proprjetà ta’ organu li min-naħa tiegħu huwa kkontrollat 100 % mill-Istat.

(3)      Jekk il-fornitur jikkummerċjalizza s-servizz imsemmi fl-Artikolu 2(d) permezz ta’ sistema ta’ ħlas mobbli, huwa jista’ jipproċedi b’dik il-kummerċjalizzazzjoni biss billi jirrikorri għas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli.

(4)      It-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli huwa servizz pubbliku li fuqu l-Ministru għall-Informatika u l-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli jikkonkludu bejniethom ftehim ta’ servizz pubbliku.

(5)      It-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli huwa attività ekonomika esklużiva tal-Istat, li l-organu nazzjonali ta’ ħlas mobbli jmexxi mingħajr ma jiġi konkluż kuntratt ta’ konċessjoni.

[…]”

2.      Id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012

13      Id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2013, jinkludi d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru CC.

14      L-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“(1)      Ħlief jekk jiġi pprovdut mod ieħor, it-tariffa li għandu jħallas il-klijent bħala tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli tikkorrispondi għat-tariffa li l-klijent ikollu jħallas kieku jkun xtara s-servizz mingħajr ma juża s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli. Il-fornitur jista’ jinkoraġġixxi l-akkwist tal-provvista bħala prodott ta’ ħlas mobbli permezz ta’ tnaqqis fil-prezz.

(2)      Barra mit-tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli skont il-paragrafu 1, il-klijent iħallas lill-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli tariffa għall-kumdità fl-ammont indikat iktar ’l isfel, għas-servizzi indikati:

a)      50 forint [Ungeriż (HUF)] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz pubbliku ta’ pparkjar (parking),

b)      50 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt għall-użu kkontemplat fl-Artikolu 33/A tal-Liġi Nru I tal-1988 dwar it-Traffiku fit-Triq,

[…]

(3)      L-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli jitlob it-tariffa għall-kumdità – jekk iseħħ l-akkwist tas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli – lill-klijent fl-istess żmien bħat-tariffa li tikkorrispondi għas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli.

[…]”

15      L-Artikolu 24/A(1) tal-imsemmi digriet jipprevedi:

“Barra mit-tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli skont l-Artikolu 8(1), min jagħmel bejgħ mill-ġdid għandu jħallas lill-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli tariffa għall-kumdità fl-ammont indikat hawn isfel, għas-servizzi indikati:

a)      40 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz pubbliku ta’ pparkjar (parking),

b)      0 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt ta’ użu tat-toroq skont l-Artikolu 33/A tal-Liġi Nru I tal-1988 dwar it-Traffiku fit-Toroq,

c)      0 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt ta’ użu tat-toroq skont il-Liġi dwar il-Pedaġġ;

d)      0 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ biljett tat-trasport pubbliku,

e)      75 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(d) tal-Liġi Nru CC.”

16      L-Artikolu 31 tal-istess digriet jikkonċerna t-tariffa għall-bejgħ mill-ġdid. Il-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“It-tariffa għall-bejgħ mill-ġdid hija kkalkolata abbażi tal-ammont eskluża [t-taxxa fuq il-valur miżjud] tat-tariffa li għandu jħallas klijent skont l-Artikolu 8(1) u ffissata fir-rata ta’:

a)      10 % fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz pubbliku ta’ pparkjar (parking),

b)      5 % fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt għall-użu ta’ toroq skont l-Artikolu 33/A tal-Liġi Nru I tal-1988 dwar it-Traffiku fit-Toroq,

c)      5 % fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ biljett tat-trasport,

d)      5 % fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt għall-użu ta’ toroq skont il-Liġi dwar il-Pedaġġ.”

II.    Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17      Fl-14 ta’ Diċembru 2012, filwaqt li kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Liġi Nru CC u tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 kienet se twassal għat-tħaddim, minn impriża unika, ikkontrollata mill-Istat, ta’ sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, li l-użu tagħha huwa obbligatorju, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura “EU Pilot” Nru 4372/12/MARK, li fil-kuntest tagħha hija bagħtet lill-Ungerija talba għal informazzjoni. L-awtoritajiet Ungeriżi wieġbu għal din it-talba fit-22 ta’ Frar 2013.

18      Wara li qieset din it-tweġiba bħala insuffiċjenti u wara li kkunsidrat li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 3(2) sa (5) tal-Liġi Nru CC, l-Ungerija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll taħt l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Novembru 2013, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dak l-Istat Membru.

19      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Jannar 2014, l-Ungerija wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni. L-ewwel nett hija sostniet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fid-definizzjoni tas-SIEĠ, li l-Kummissjoni tista’ tikkontesta biss f’każ ta’ żball manifest. Is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni hija SIEĠ peress li hija għandha ċerti karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma’ attivitajiet ekonomiċi ordinarji, peress li hija aċċessibbli għal kulħadd u peress li l-forzi tas-suq waħedhom ma kinux waslu sabiex jipprovdu dan is-servizz b’mod sodisfaċenti. It-tieni nett, bis-saħħa ta’ standardizzazzjoni li tippermetti l-uniformizzazzjoni, l-individwalizzazzjoni u l-interoperabbiltà, l-Ungerija tissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tas-sistemi ta’ ħlas mobbli, li ġew iddefiniti b’mod partikolari mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha intitolata “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl”. [KUMM(2011) 941 finali]. It-tielet nett, huwa fl-interess ġenerali, u mhux għal raġunijiet ekonomiċi, li dak l-Istat Membru eskluda s-servizzi offruti mill-pjattaforma inkwistjoni mill-kompetizzjoni. Il-ħlas mobbli fil-post tal-parkeġġ għaldaqstant huwa l-uniku mod ta’ ħlas li jippermetti kalkolu tat-tariffa li tikkorrispondi għat-tul reali ta’ pparkjar. Ir-raba’ nett, il-fornituri privati li kienu joffru dan is-servizz qabel ma ġarrbu ebda telf li dak l-Istat Membru huwa obbligat li jikkumpensa, billi dawn jistgħu jkomplu joperaw bl-istess mod, bħala bejjiegħa mill-ġdid, l-imsemmija pjattaforma u l-infrastruttura li huma kienu stabbilixxew. Il-ħames nett, huwa biss permezz ta’ pjattaforma ċentrali, nazzjonali u bbażata fuq dritt esklużiv li huwa possibbli li jiġi offrut servizz uniformi u ggarantit lill-klijenti. Is-sitt nett, l-Ungerija ssostni li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni topera bħala monopolju li jipprovdi servizzi. Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2006/123, tali monopolju ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

20      Fil-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li fiha hija żammet ferma l-pożizzjoni espressa fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. L-Ungerija wieġbet għal din l-opinjoni motivata b’ittra datata 19 ta’ Settembru 2014, billi tenniet, essenzjalment, l-osservazzjonijiet li hija kienet ressqet fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Jannar 2014.

21      Peress li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba tal-awtoritajiet Ungeriżi, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

III. Fuq ir-rikors

A.      Osservazzjonijiet preliminari

22      Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, mill-1 ta’ Lulju 2014, Nemzeti Mobilfizetési Zrt., li hija kompletament proprjetà ta’ Magyar Fejlesztési Bank, u permezz tagħha, hija kompletament proprjetà tal-Istat Ungeriż, hija responsabbli mit-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, li l-użu tagħha hija obbligatorja f’diversi oqsma ta’ applikazzjoni, jiġifieri l-parkeġġi pubbliċi, il-provvista ta’ netwerk ta’ toroq għal finijiet ta’ trasport, it-trasport ta’ persuni minn impriża Statali u s-servizzi l-oħra offruti minn organu Statali.

23      Il-Kummissjoni tispjega li l-Liġi Nru CC ħolqot monopolju nazzjonali għas-servizzi ta’ ħlas mobbli, sa fejn Nemzeti Mobilfizetési Zrt. tgawdi dritt esklużiv sabiex tikkonkludi kuntratti mal-operaturi ta’ parkeġġi kif ukoll sabiex tbigħ id-dritt għall-użu tan-netwerk ta’ toroq. Minn dan jirriżulta ostakolu għad-dħul fis-suq bl-ingrossa tal-ħlasijiet mobbli, li qabel kien miftuħ għall-kompetizzjoni.

24      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li minħabba din in-natura restrittiva, il-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li jistabbilixxu sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli jiksru l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123. Sussidjarjament, hija tqis li din l-istess leġiżlazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

B.      Fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli

1.      L-argumenti tal-partijiet

25      Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123, il-Kummissjoni tiċħad il-pożizzjoni sostnuta mill-Ungerija matul il-proċedura prekontenzjuża, li tgħid li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni saret SIEĠ li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 1(2) u (3) tagħha.

26      L-ewwel nett, l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123, moqri flimkien mal-premessa 8 tagħha, teskludi minn din id-direttiva biss is-SIEĠ u l-monopolji diġà eżistenti. Madankollu, il-Liġi Nru CC tat dritt esklużiv lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt. wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva.

27      It-tieni nett, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-opinjoni tal-Ungerija li tgħid li s-servizz ikkonċernat jista’ jiġi kklassifikat bħala SIEĠ. Madankollu, anki fil-każ li dan is-servizz jista’ jkun hekk ikklassifikat, id-Direttiva 2006/123 tkun applikabbli, kif jikkonferma l-fatt li hija tipprevedi ħafna salvagwardji u eċċezzjonijiet għas-SIEĠ li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. B’hekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva ma japplikax għas-SIEĠ ipprovduti fi Stat Membru ieħor, skont il-punt 1 tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva. Konsegwentement, jekk jiġi stabbilit li servizz, bħal dak inkwistjoni, huwa SIEĠ, l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 jibqa’ applikabbli għalih, bħalma jibqgħu applikabbli għalih l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

28      It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2006/123 teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, permezz tal-Artikolu 2(a) u (i) tagħha, “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” u “attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali”. Madankollu, l-Ungerija ma ċaħditx li s-servizz inkwistjoni jikkostitwixxi attività ekonomika u lanqas ma kkunsidrat li dan is-servizz jaqa’ fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

29      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, anki jekk is-servizz ikkonċernat, għal kwalunkwe raġuni, kellu effettivament jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni jkollha madankollu tosserva l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

30      L-Ungerija ssostni li la d-Direttiva 2006/123 u lanqas l-Artikoli 49 u 56 TFUE ma japplikaw f’dan il-każ.

31      Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni jikkostitwixxi SIEĠ. L-Ungerija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali kif ukoll l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2006/123, id-definizzjoni tal-attivitajiet li huma kkunsidrati li jikkostitwixxu SIEĠ taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. L-Ungerija tfakkar, barra minn hekk, b’riferiment għal ċerti komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li l-eżistenza ta’ SIEĠ tirrikjedi l-preżenza ta’ tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li s-servizz għandu jkun fih karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla mal-attivitajiet ekonomiċi l-oħra li jippermettulu li jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi SIEĠ, li s-servizz ikunu aċċessibbli għal kulħadd, u li l-forzi tas-suq waħedhom ma jirriżultawx fi provvista sodisfaċenti ta’ dan is-servizz.

32      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax li t-tieni minn dawn il-kundizzjonijiet hija ssodisfatta.

33      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-Ungerija tindika li s-servizz ta’ ħlas mobbli inkwistjoni huwa marbut mal-użu ta’ servizzi pubbliċi, u l-Istat għandu r-responsabbiltà li jiżgura li l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw dawn is-servizzi b’mod uniformi, komdu, immedjat u affordabbli, irrispettivament mill-post tal-użu. Huwa għalhekk għal raġunijiet ta’ interess ġenerali u mhux għal kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li l-Ungerija ħolqot sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli.

34      L-Ungerija ssostni wkoll li l-ħlas mobbli tat-tariffi tal-parkeġġ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala servizz “ta’ kumdità”, kif issostni l-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, huwa jikkostitwixxi l-unika soluzzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-utenti, sa fejn dan il-mezz ta’ ħlas jippermetti l-kalkolu tal-ammont tat-tariffa korrispondenti għat-tul reali ta’ pparkjar. Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 188), jirriżulta li l-provvisti “ta’ lussu” jistgħu jiġu ddefiniti bħala SIEĠ.

35      Fl-aħħar nett, rigward it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-Ungerija ssostni li s-sistema preċedenti ma kinitx tippermetti funzjonament sodisfaċenti tas-suq għall-konsumaturi u għall-bejjiegħa mill-ġdid, kemm f’termini ta’ kundizzjonijiet tas-suq jew ta’ kopertura ġeografika. Għalhekk, dan l-Istat Membru jindika, b’mod partikolari, li, qabel l-implimentazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, 23 operatur ta’ parkeġġi ma kinux joffru l-ħlas mobbli, tant li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ikbar operatur tas-suq, EME Zrt., kien preżenti matul is-sena 2012 f’90 % tal-parkeġġi pubbliċi, hija ineżatta.

36      Is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli hija maħsuba biex timla l-lakuni tal-funzjonament preċedenti tas-suq. Il-mira tagħha hija, minn naħa, l-implimentazzjoni ta’ kopertura tat-territorju nazzjonali sħiħ u, min-naħa l-oħra, il-ġestjoni tal-pjattaforma teknika mill-Istat Ungeriż, bl-aħjar mod mill-aspett ta’ spejjeż u bl-iktar mod uniformi possibbli. Il-funzjonament tajjeb ta’ sistema uniformi u interoperabbli jkun jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ pjattaforma unika li l-ħolqien tagħha jkun possibbli biss b’mod iċċentralizzat, peress li l-operaturi ma jistgħux jimplimentaw pjattaforma bħal din u ma għandhomx interess li jagħmlu dan.

37      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 għal SIEĠ, l-Ungerija tosserva li din id-direttiva sempliċement tipprovdi li hija ma tobbligax lill-Istati Membri jilliberalizzaw is-SIEĠ. Hija ma tipprovdix li hija ma tobbligax lill-Istati Membri li jilliberalizzaw is-SIEĠ “eżistenti”. L-argument tal-Kummissjoni invokat f’dan ir-rigward iġib fix-xejn id-dritt tal-Istati Membri li joħolqu xi SIEĠ.

38      Għaldaqstant, l-Ungerija żżomm il-pożizzjoni tagħha li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, is-servizzi inkwistjoni f’din il-kawża ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Raġuni oħra li għaliha l-imsemmija direttiva ma hijiex applikabbli hija bbażata fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 1(3) tagħha, din ma tindirizzax l-abolizzjoni tal-monopolji ta’ servizzi.

39      Fi kwalunkwe każ, anki li kieku d-Direttiva 2006/123 hija applikabbli, sa fejn is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni hija SIEĠ, ikun meħtieġ li, skont l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 15(2)(d) tagħha, invokat mill-Kummissjoni, u dan peress li l-applikazzjoni tiegħu tfixkel it-twettiq tal-kompitu li ġie fdat lil din is-sistema nazzjonali.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Sa fejn ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat, prinċipalment, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hemm lok li, fl-ewwel lok, tingħata risposta għall-argument tal-Ungerija li jgħid li din id-direttiva ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 1(2) u (3) tal-imsemmija direttiva, sabiex, fit-tieni lok, jiġi evalwat jekk l-Artikoli 15 u 16 tagħha humiex applikabbli għas-servizz ta’ ħlas mobbli inkwistjoni.

a)      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123

41      Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/123, din tal-aħħar ma tkoprix il-liberalizzazzjoni tas-SIEĠ, irriżervati għal entitajiet pubbliċi jew privati, u lanqas ma tkopri l-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu s-servizzi. Mill-Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta wkoll li din ma tkoprix l-abolizzjoni tal-monopolji li jipprovdu servizzi u lanqas ma tkopri l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

42      F’dan ir-rigward, il-premessa 8 tad-Direttiva 2006/123 tippreċiża li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw biss sa fejn l-attivitajiet inkwistjoni huma miftuħa għall-kompetizzjoni, b’mod illi dawn ma jobbligawx lill-Istati Membri jilliberalizzaw is-SIEĠ jew jipprivatizzaw entitajiet pubbliċi li joffru tali servizzi, jew jabolixxu monopolji eżistenti għal attivitajiet oħra jew ċerti servizzi ta’ distribuzzjoni.

43      Minn dan isegwi li, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandu l-għan li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss is-SIEĠ, irriżervati għal entitajiet pubbliċi jew privati, jew il-monopolji li, kuntrarjament għal dawk stabbiliti bil-Liġi Nru CC u bid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, kienu jeżistu fid-data li fiha l-imsemmija direttiva daħlet fis-seħħ.

44      Barra minn hekk, jekk huwa minnu li l-Artikolu 2(2)(a) u (i) tal-istess direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet relatati mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, huwa paċifiku li s-servizz inkwistjoni ma jaqa’ taħt ebda waħda minn dawn il-kategoriji.

45      Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Ungerija, ibbażati fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123, il-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

b)      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123

46      Sa fejn il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bil-Liġi Nru CC u bid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 tmur kontra l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, kif issostni l-Ungerija, is-servizz ta’ ħlas mobbli inkwistjoni jistax jiġi kklassifikat bħala SIEĠ.

47      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2006/123 tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għas-SIEĠ, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 15(4) tagħha, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17 tagħha.

48      Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-SIEĠ b’mod li jkun qrib kemm jista’ jkun tal-ħtiġijiet tal-utenti.

49      Għalhekk, l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-SIEĠ tagħhom b’kont meħud b’mod partikolari tal-għanijiet speċifiċi għall-politika nazzjonali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 69 u 70).

50      B’mod partikolari, fil-kuntest tad-Direttiva 2006/123, din is-setgħa diskrezzjonali ġiet ikkonfermata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, li jgħid li l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mad-dritt tal-Unjoni, x’jikkunsidraw bħala SIEĠ, il-mod ta’ kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu suġġetti għalihom.

51      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, servizz jista’ jkun ta’ interess ekonomiku ġenerali meta dan l-interess ikollu karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma’ dak ta’ attivitajiet oħra tal-ħajja ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27; tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 45; tat-23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus, C‑209/98, EU:C:2000:279, punt 75, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punti 71 u 72).

52      Barra minn hekk, il-premessa 70 tad-Direttiva 2006/123 tippreċiża li, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala SIEĠ, servizz għandu jiġi pprovdut fl-applikazzjoni ta’ ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat.

53      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat is-servizz ta’ ħlas mobbli inkwistjoni bħala SIEĠ. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi li fuqhom din l-istituzzjoni tibbaża ruħha ma humiex biżżejjed biex iċaħħdu din il-klassifikazzjoni mill-plawżibbiltà tagħha.

54      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni essenzjalment issostni li, qabel il-ħolqien ta’ monopolju nazzjonali għas-servizzi ta’ ħlas mobbli, dawn is-servizzi kienu diġà offruti minn operaturi attivi fis-suq. Hija tqis li dan is-suq kien qed jaħdem b’mod sodisfaċenti, filwaqt li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċerti problemi, b’mod partikolari fir-rigward tal-assenza ta’ pjattaforma standardizzata u assenza ta’ interoperabbiltà.

55      Madankollu, is-sempliċi fatt li servizz ikklassifikat bħala SIEĠ minn Stat Membru diġà huwa pprovdut minn operaturi preżenti fis-suq ikkonċernat ma huwiex biżżejjed sabiex juri li din il-klassifikazzjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

56      Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni stess billi tirreferi għall-punt 48 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4), il-fatt li servizz ikun diġà pprovdut mis-suq, iżda f’kundizzjonijiet mhux sodisfaċenti u inkompatibbli mal-interess pubbliku, kif iddefinit mill-Istat Membru kkonċernat, jista’ jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ dan is-servizz bħala SIEĠ.

57      Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, fil-kuntest tal-marġni diskrezzjonali tiegħu, dan l-Istat Membru jqis li s-suq ma jippermettix li jintlaħqu l-għanijiet ta’ kontinwità u ta’ aċċess għas-servizz kif iddefiniti minnu.

58      Issa, f’dan il-każ, l-Ungerija ssostni li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, li hija tikklassifika bħala SIEĠ, għandha l-għan li jirrimedja l-inkapaċità tas-suq li jiżgura l-kopertura ta’ dan is-servizz fit-territorju nazzjonali kollu, f’kundizzjonijiet uniformi għal dawk kollha li jużaw dan is-servizz. Billi jkopri t-territorju nazzjonali kollu, is-servizz ta’ ħlas mobbli għandu t-tendenza li jkun aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha Ungeriża indipendentement mill-profittabbiltà marbuta mar-reġjun li jopera fih. Barra minn hekk, din is-sistema hija intiża sabiex tiżgura l-ħlas mobbli ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħall-parkeġġ pubbliku u t-trasport pubbliku ta’ persuni, u għalhekk jikkontribwixxi għall-issodisfar ta’ interess ekonomiku ġenerali.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement issostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, dan is-suq kien jaħdem b’mod sodisfaċenti u li x’aktarx ser jiżviluppa, mingħajr madankollu ma tipprovdi elementi ta’ natura li jsostnu dawn l-affermazzjonijiet.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma ressqet ebda element li jista’ juri li dan l-Istat Membru kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kklassifika lill-imsemmi servizz ta’ ħlas mobbli bħala SIEĠ.

61      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-libertà ta’ stabbiliment, il-konformità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża kkonċernata mad-Direttiva 2006/123 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva.

62      F’dan ir-rigward, hemm lok, madankollu, li jiġi ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Ungerija, din id-dispożizzjoni ma teskludix awtomatikament is-SIEĠ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, dan l-Artikolu 15(4) jipprovdi li l-paragrafi 1, 2 u 3 tal-imsemmi artikolu japplikaw għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-SIEĠ biss sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi u fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

63      It-tieni nett, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/123, l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva ma għandux japplika għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma pprovduti fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, hekk kif titlob il-Kummissjoni sussidjarjament, il-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE.

3.      Fuq l-ilmenti invokati

a)      L-argumenti tal-partijiet

64      Il-Kummissjoni tqis li l-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, b’applikazzjoni tal-Liġi Nru CC u tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, jiksru l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 56 TFUE.

65      L-ewwel nett, fir-rigward tal-effett restrittiv tal-Liġi Nru CC u tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tħaddim ta’ din is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli saret monopolju tal-Istat, u jeskludi l-possibbiltà għall-fornituri l-oħrajn ta’ ħlas mobbli u ta’ telefonija mobbli milli jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq ikkonċernat. L-introduzzjoni ta’ din is-sistema għaldaqstant ixxekkel l-aċċess għas-suq bl-ingrossa tal-ħlas mobbli, indipendentement mill-modalitajiet ta’ provvista tas-servizz.

66      It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li wħud mill-elementi mressqa mill-Ungerija matul il-proċedura prekontenzjuża sabiex tiġġustifika l-introduzzjoni tal-imsemmija sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-destinatarji ta’ servizzi kif ukoll il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u l-ġlieda kontra l-frodi, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Il-Kummissjoni tqis, madankollu, li dawn ir-raġunijiet ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-Liġi Nru CC, għaliex dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti f’termini ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità.

67      It-tielet nett, fir-rigward tal-bżonn u tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni ssostni li l-intervent tal-Istat Ungeriż ma kienx meħtieġ. Fil-fatt, in-natura mhux sodisfaċenti tal-funzjonament preċedenti tas-suq, kemm fil-qasam tal-parkeġġ pubbliku kif ukoll fil-qasam tal-provvista tan-netwerk tat-toroq għal skopijiet ta’ vjaġġar, bl-ebda mod ma ġiet ippruvata. Għalkemm il-Kummissjoni ma tiċħadx li l-istandardizzazzjoni jista’ jkollha ċerti vantaġġi għall-estensjoni tas-servizzi ta’ ħlas mobbli, hija madankollu ssostni li l-ħolqien ta’ monopolju tal-Istat ma kienx l-uniku u lanqas l-aħjar mod li bih seta’ jintlaħaq dan l-għan.

68      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-intervent tal-Istat Ungeriż huwa sproporzjonat. Fil-fatt, miżuri oħra inqas restrittivi kienu ta’ natura li jsolvu l-problemi rrappurtati mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward tal-funzjonament tas-suq. B’hekk, b’mod partikolari, l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà setgħu jintlaħqu permezz tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li tinżamm l-istruttura eżistenti tas-suq. Bl-istess mod, korp ġdid tal-Istat seta’ jiġi stabbilit, mingħajr ma jkollu drittijiet esklużivi. Kien ukoll possibbli li tiġi stabbilita sistema ta’ konċessjonijiet għall-operat tal-pjattaforma tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni jew inkella li jinħoloq monopolju għal perijodu limitat biss.

69      L-Ungerija ssostni li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-Artikoli 49 u 56 TFUE ma japplikawx. Barra minn hekk, is-sistema ta’ ħlas mobbli kkonċernata hija monopolju tal-Istat li għandu jiġi eżaminat fuq il-bażi tal-Artikolu 37 TFUE, u mhux fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat FUE. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE huma applikabbli, l-Ungerija ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx miksura.

70      Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-regoli dwar is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli ma humiex diskriminatorji, peress li l-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 jinkludu regoli uniformi għall-fornituri kollha li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli. L-Ungerija tispeċifika, f’dan ir-rigward, li huwa possibbli li l-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet tiġi invokata biss jekk l-impriżi huma suġġetti għal regoli differenti skont il-postijiet tal-oriġini tagħhom jew ta’ stabbiliment jew skont l-oriġini nazzjonali jew barranija.

71      It-tieni nett, il-motivi mressqa mill-Ungerija bħala għan u ġustifikazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli inkwistjoni, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumaturi u t-tranżazzjonijiet kummerċjali ġusti jew il-ġlieda kontra l-frodi, ġew irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja inkwantu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

72      It-tielet nett, l-implimentazzjoni u ż-żamma tal-imsemmija sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli kienu meħtieġa u jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

73      L-ewwel nett, l-Ungerija ssostni li, qabel l-1 ta’ Lulju 2014, is-suq ikkonċernat ma kienx qed jaħdem b’mod sodisfaċenti. It-territorju nazzjonali kollu ma kienx kopert u la kien hemm interoperabbiltà u lanqas operat f’forma ta’ pjattaforma. B’hekk, is-suq kien magħmul minn sistemi fframmentati u magħluqa.

74      Barra minn hekk, skont l-Ungerija, l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli hija ta’ natura li tistimula l-kompetizzjoni u li tippermetti l-forniment ta’ servizzi sodisfaċenti.

75      Fl-aħħar nett, l-Ungerija tirrifjuta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sistemi fframmentati li kienu jeżistu preċedentement jistgħu jiġu integrati permezz ta’ obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni, tal-kooperazzjoni jew tal-kompetizzjoni fis-suq, billi tindika li din is-suppożizzjoni ma hija kkorroborata minn ebda eżempju fuq il-livell internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, dan l-Istat Membru jenfasizza li, peress li s-servizz ikkonċernat jaqa’ taħt l-awtoritajiet lokali, kien ikollu jsir użu minn proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dan kien ikollu bħala effett, minn naħa, li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ħlas mobbli tal-ipparkjar kienet isseħħ biss f’postijiet fejn il-fornitur seta’ jistenna li jikseb dħul kbir, b’tali mod li l-kopertura tat-territorju nazzjonali kollu ma kinitx tkun tista’ tiġi assigurata, u, min-naħa l-oħra, li l-fornituri differenti kienu jingħataw il-kuntratti mid-diversi awtoritajiet lokali, li kien iwassal għal assenza totali ta’ interoperabbiltà.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

1)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123

76      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri huma obbligati jeżaminaw jekk is-sistema ġuridika tagħhom tipprevedix rekwiżit wieħed jew uħud mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva u, jekk dan ikun il-każ, jiżguraw li dawn ikunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità previsti fl-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawn il-kundizzjonijiet (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 129).

77      Fl-ewwel lok, skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “rekwiżit”, li jinsab fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123, għandu jinftiehem bħala li jkopri, b’mod partikolari “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 119).

78      Fost ir-rekwiżiti li għaldaqstant għandhom jiġu evalwati hemm, b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, dawk li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi minħabba n-natura speċifika tal-attività kkonċernata u li la huma relatati mal-kwistjonijiet koperti bid-Direttiva 2005/36 u lanqas previsti fi strumenti tal-Unjoni oħrajn.

79      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bil-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 tikkostitwixxi rekwiżit, fis-sens tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, huwa paċifiku li din is-sistema tirriżerva l-aċċess għall-attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħlas mobbli lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt., permezz tal-istabbiliment ta’ monopolju għall-benefiċċju ta’ din l-impriża pubblika, mingħajr ma dan il-monopolju jkun jikkostitwixxi rekwiżit relatat mal-kwistjonijiet koperti bid-Direttiva 2005/36 jew rekwiżit previst fi strumenti tal-Unjoni oħrajn.

80      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjonijiet kumulattivi elenkati fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, dawn jirrigwardaw, l-ewwel nett, in-natura nondiskriminatorja tar-rekwiżiti kkonċernati, liema rekwiżiti ma jistgħux ikunu diskriminatorji direttament jew indirettament skont in-nazzjonalità jew, fil-każ tal-kumpanniji, skont il-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom, it-tieni nett, in-natura neċessarja tagħhom, jiġifieri li għandhom ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u, it-tielet nett, il-proporzjonalità tagħhom, peress li l-imsemmija rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw it-twettiq tal-għan mixtieq u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dak l-għan jintlaħaq, u miżuri oħrajn inqas vinkolanti ma għandhomx ikunu jistgħu jwasslu għall-istess riżultat.

81      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rekwiżit stabbilit bil-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 ma huwiex ta’ natura li jissodisfa l-kundizzjoni relatata mal-assenza ta’ miżuri inqas vinkolanti biex jintlaħaq l-għan imfittex.

82      Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Ungerija rrikonoxxiet li kien hemm miżuri inqas vinkolanti u restrittivi għal-libertà ta’ stabbiliment minn dawk li jirriżultaw mil-Liġi Nru CC u mid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet invokati mill-Gvern Ungeriż bħal, pereżempju, sistema ta’ konċessjonijiet ibbażata fuq proċedura miftuħa għall-kompetizzjoni minflok il-monopolju mogħti lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt..

83      Peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123 huma kumulattivi, din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 69 u 90).

84      Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/123, il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu japplikaw għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-SIEĠ biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

85      F’dan il-kuntest, l-imsemmi Artikolu 15 għaldaqstant għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi rekwiżit, fis-sens tal-paragrafu (2)(d) tiegħu, sakemm l-imsemmi rekwiżit huwa neċessarju għat-twettiq, f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli, tal-kompitu partikolari ta’ servizz pubbliku inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punt 76, u tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 29).

86      Issa, f’dan ir-rigward, għalkemm il-Gvern Ungeriż jinvoka l-fatt li s-servizz nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolat bil-Liġi Nru CC u bid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 jikkostitwixxi SIEĠ, dan il-gvern ma indikax ir-raġunijiet li għalihom huwa kien jikkunsidra li t-twettiq tal-kompitu partikolari li dan is-servizz kien responsabbli għalih kien jeħtieġ il-ħolqien ta’ monopolju li jagħti drittijiet esklużivi lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt., minkejja li huwa ammetta li kienu jeżistu miżuri inqas restrittivi milli l-istabbiliment ta’ dan il-monopolju, ta’ natura li jippermettu t-twettiq ta’ dan il-kompitu, u b’hekk irrenda impossibbli l-istħarriġ, anki wieħed marġinali, mill-Qorti tal-Ġustizzja.

87      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandu jintlaqa’. Għalhekk, ma hemmx lok li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE jiġi eżaminat.

2)      Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 56 TFUE

88      L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi Nru CC u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed pubbliku jew privat, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali li tkun trid tilħaq u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      F’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi mressqa mill-Gvern Ungeriż sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-għoti ta’ monopolju lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt., hemm lok li jiġi kkonstatat li, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, il-miżura kkonċernata tidher, fi kwalunkwe każ, sproporzjonata, peress li huwa paċifiku li kien hemm miżuri inqas vinkolanti u restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn dawk li jirriżultaw mil-Liġi Nru CC u mid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

91      Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li jgħid li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-istabbiliment tas-sistema ta’ ħlas mobbli inkwistjoni ma jaqax taħt l-Artikolu 56 TFUE minħabba li din is-sistema tikkostitwixxi SIEĠ, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ SIEĠ huma suġġetti għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-kompitu partikolari mogħti lilhom.

92      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 106(2) TFUE li għandu juri li l-kundizzjonijiet kollha ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti (sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, il-Gvern Ungeriż ma indikax ir-raġunijiet li għalihom huwa kien jikkunsidra li t-twettiq tal-kompitu partikolari li s-servizz ikkonċernat huwa responsabbli għalih kien jeħtieġ il-ħolqien ta’ monopolju permezz tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt., minkejja li huwa ammetta li kienu jeżistu miżuri inqas restrittivi milli l-istabbiliment ta’ dan il-monopolju, ta’ natura li jippermettu t-twettiq ta’ dan il-kompitu.

94      B’hekk jirriżulta li l-argument tal-Ungerija bbażat fuq l-Artikolu 106(2) TFUE għandu jiġi miċħud.

95      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-Ungerija bbażat fuq l-applikabbiltà, f’dan il-każ, tal-Artikolu 37 TFUE, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan l-artikolu jkopri l-kummerċ fil-merkanzija u għaldaqstant ma jistax jikkonċerna monopolju ta’ provvista ta’ servizzi li ma għandux effett fuq il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Sacchi, 155/73, EU:C:1974:40, punt 10, u tal-4 ta’ Mejju 1988, Bodson, 30/87, EU:C:1988:225, punt 10).

96      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE jintlaqa’.

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bil-Liġi Nru CC u bid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 u taħt l-Artikolu 56 TFUE.

98      Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li l-Kummissjoni u l-Ungerija tilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, għandu jiġi deċiż li dawn għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli rregolata bin-nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló 2011. évi CC. törvény (il-Liġi Nru CC tal-2011 dwar is-Sistema Nazzjonali ta’ Ħlas Mobbli) u bit-356/2012. (XII. 13.) Korm. rendelet a nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló törvény végrehajtásáról (id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li jimplimenta l-Liġi dwar is-Sistema Nazzjonali ta’ Ħlas Mobbli), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu l5(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, u taħt l-Artikolu 56 TFUE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u l-Ungerija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.