Language of document : ECLI:EU:C:2018:881

Kawża C171/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2006/123/KE – Artikoli 15 sa 17 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli – Monopolju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Novembru 2018

1.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u monopolji stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2006/123 – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 1(2) u (3))

2.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Portata – Servizz diġà pprovdut minn operaturi preżenti fis-suq ikkonċernat – Fatt insuffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikoli 15(4), u 17)

3.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati – Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – Esklużjoni – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 15)

4.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli obbligatorja mħaddma minn impriża pubblika – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 15(2)(d) u (3))

5.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli obbligatorja mħaddma minn impriża pubblika – Ġustifikazzjoni – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità – Assenza

(Artikolu 56 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 41 sa 43)

2.      Id-Direttiva 2006/123 dwar is-servizzi fis-suq intern tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 15(4) tagħha, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17 tagħha.

F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tagħhom b’kont meħud b’mod partikolari tal-għanijiet speċifiċi għall-politika nazzjonali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest.

Madankollu, is-sempliċi fatt li servizz ikklassifikat bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali minn Stat Membru diġà huwa pprovdut minn operaturi preżenti fis-suq ikkonċernat ma huwiex biżżejjed sabiex juri li din il-klassifikazzjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li servizz ikun diġà pprovdut fis-suq, iżda f’kundizzjonijiet mhux sodisfaċenti u inkompatibbli mal-interess pubbliku, kif iddefinit mill-Istat Membru kkonċernat, jista’ jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ dan is-servizz bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(ara l-punti 47, 49, 55, 56)

3.      L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, ma jeskludix awtomatikament is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 15(4) jipprovdi li l-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 15 japplikaw għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi u fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

Minn dan isegwi li l-Artikolu 15 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi rekwiżit, fis-sens tal-paragrafu (2)(d) tiegħu, sakemm l-imsemmi rekwiżit huwa neċessarju għat-twettiq, f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli, tal-kompitu partikolari ta’ servizz pubbliku inkwistjoni.

(ara l-punti 62, 85)

4.      Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, l-Istat Membru li jintroduċi u jżomm fis-seħħ sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli mħaddma minn impriża unika, ikkontrollata mill-Istat, li l-użu tagħha huwa obbligatorju għall-ħlas mobbli f’diversi oqsma ta’ applikazzjoni, jiġifieri l-parkeġġi pubbliċi, il-provvista ta’ netwerk ta’ toroq għal finijiet ta’ trasport, it-trasport ta’ persuni minn impriża Statali u s-servizzi l-oħra offruti minn organu Statali.

Fil-fatt, sistema li tirriżerva l-aċċess għall-attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħlas mobbli lil impriża pubblika permezz tal-istabbiliment ta’ monopolju tikkostitwixxi rekwiżit fis-sens tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 li l-Istati Membri huma obbligati jivverifikaw li huwa kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità previsti fl-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva. Issa, tali rekwiżit ma huwiex ta’ natura li jissodisfa l-kundizzjoni relatata mal-assenza ta’ miżuri inqas vinkolanti biex jintlaħaq l-għan imfittex, peress li hemm miżuri inqas vinkolanti u restrittivi għal-libertà ta’ stabbiliment li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet invokati, bħal, pereżempju, sistema ta’ konċessjonijiet ibbażata fuq proċedura miftuħa għall-kompetizzjoni. Peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123 huma kumulattivi, din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 76, 79, 81 sa 83, 87, u d-dispożittiv 1)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 88 sa 92, 96, u d-dispożittiv 1)