Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Ġunju 2009 - Insula vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-246/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Conseil scientifique international pour le développement des îles (Insula) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Marsal u J.-D. Simonet, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tiddikjara li t-talba tal-Kummissjoni li tingħata lura s-somma ta' EUR 189 241.64 hija infondata u, għaldaqstant, tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex toħroġ nota ta' kreditu għall-ammont ta' EUR 189 241.64;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-danni ta' EUR 212 597;

sussidjarjament, tiddikjara li r-rikorrent għandu dritt għal kumpens ta' EUR 230 025;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors preżenti, ibbażat fuq klawżola ta' arbitraġġ, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tikkonstata n-nonkonformità tan-noti ta' debitu tal-25 ta' Settembru 2008, tas-26 ta' Marzu 2009 u tas-26 ta' Mejju 2009, li bihom il-Kummissjoni titlob, wara r-rapport ta' verifika tal-OLAF, il-ġbir lura tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija lir-rikorrent, skont il-klawżoli tal-kuntratti IST-2001-35077 DIAS.NET u IST-1999-20896 MEDIS, konklużi fil-kuntest ta' programm speċifiku għal azzjonijiet Komunitarji ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni fis-settur tas-soċjetà tal-informatika (1998-2002). Sussidjarjament, ir-rikorrent iressaq talba għad-danni.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem erba' motivi.

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, huwa jikkontesta li d-dejn mitlub mill-Kummissjoni huwa dovut u jqis li l-ispejjeż kollha li huwa ddikjara lill-Kummissjoni għandhom jitqiesu bħala eliġibbli.

Permezz tat-tieni motiv tiegħu, huwa jsostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' kooperazzjoni leali u ta' bona fide waqt l-eżekuzzjoni ta' kuntratt fis-sens li hija ma wettqitx kif suppost l-obbligi kuntrattwali tagħha, b'mod partikolari billi ħalliet ħafna żmien jgħaddi mingħajr ma tat risposta lir-rikorrent għall-proposta tiegħu ta' azzjoni kumplementarja u billi tterminat b'mod żbaljat il-kuntratt MEDIS minħabba nuqqas ta' riżultati minkejja li dan in-nuqqas qatt ma tqajjem qabel u li dan, skont ir-rikorrent, seta' jiġi imputat biss fuq il-Kummissjoni.

Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jinvoka n-natura sproporzjonata tas-sanzjoni pekunarja imposta mill-Kummissjoni għall-allegata nonosservanza ta' ċerti obbligi finanzjarji li, anki li kieku ġew stabbiliti, ma jagħtux, skont il-prinċipji tad-dritt amministrattiv u tad-dritt ċivili Belġjan, dritt għall-rimbors ta' kważi l-ħlasijiet bil-quddiem kollha awtorizzati. B'hekk, ir-rikorrent jinvoka d-dritt għal kumpens għas-servizzi mwettqa.

Permezz tar-raba' motiv, ir-rikorrent jinvoka n-nonosservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża fl-amministrazzjoni tal-proċess ta' kontroll u ta' verifika.

____________