Language of document : ECLI:EU:T:2021:632

Kawża T116/20

Società agricola Vivai Maiorana Ss et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tad-29 ta’ Settembru 2021

“Agrikoltura – Regolament (UE) 2016/2031 – Miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti – Lista ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni – Livell limitu li minnu l-preżenza ta’ pest irregolat mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni fil-pjanti intiżi għat-tħawwil għandha impatt ekonomiku inaċċettabbli – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 – Assoċjazzjonijiet professjonali – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-lista ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni – Regolament li jistabbilixxi wkoll livelli limiti tal-preżenza ta’ tali pesti fil-pjanti intiżi għat-tħawwil – Rikors ta’ kumpannija li topera mixtla u ta’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw operaturi li joperaw f’diversi attivitajiet agrikoli – Inċidenza diretta fuq kull waħda mir-rikorrenti mid-diversi partijiet tal-Anness IV tar-Regolament ikkontestat

(Artikolu 263(4) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2019/2072, Anness IV, Partijiet A, B, C, F, I u J)

(ara l-punti 32, 34 sa 39, 41, 42, 45 sa 50, 54)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Rikors li għandu jkun jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 56)

3.      Agrikoltura – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Sistema fitosanitarja – Miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti – Regolament 2016/2031 – Implimentazzjoni tar-Regolament 2016/2031 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/2072 – Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-lista tal-pesti rregolati mhux ta’ kwarantina tal-Unjoni – Regolament li jistabbilixxi wkoll livelli limiti ta’ preżenza ta’ tali pesti fil-pjanti intiżi għat-tħawwil – Obbligu, impost fuq l-operaturi professjonisti, li jwettqu risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika tal-pjanti intiżi għat-tħawwil – Assenza

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/2031, Artikoli 36(e) u (f), u 37(8); Regolament tal-Kummissjoni 2019/2072, Anness IV, Partijiet A, B, C, F, I u J; Direttiva tal-Kunsill 2000/29; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869)

(ara l-punti 81, 85 sa 92, 94, 96 sa 98, 101, 103, 104, 109 sa 111, 113 sa 121, 123 sa 130, 141 sa 143)

4.      Agrikoltura – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Sistema fitosanitarja – Miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti – Regolament 2016/2031 – Implimentazzjoni tar-Regolament 2016/2031 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/2072 – Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-lista tal-pesti rregolati mhux ta’ kwarantina tal-Unjoni – Regolament li jistabbilixxi wkoll livelli limiti ta’ preżenza ta’ tali pesti fil-pjanti intiżi għat-tħawwil – Ksur tar-Regolament Nru 2018/848 – Assenza

(Artikolu 263 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/2031, Artikoli 36(e) u (f), u 37(8), u 2018/848, Artikolu 13; Regolament tal-Kummissjoni 2019/2072, Anness IV, Partijiet A, B, C, F, I u J)

(ara l-punti 132 sa 139)

Sunt

Il-pesti rregolati mhux ta’ kwarantina tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“PRMK”) huma organiżmi ta’ ħsara (dawn huma b’mod partikolari insetti, fungi u batterji), imxerrda prinċipalment permezz ta’ ċerti pjanti u li l-preżenza tagħhom fuq l-imsemmija pjanti għandha impatt ekonomiku negattiv fuq l-użu tagħhom. Kif jipprevedi b’mod partikolari r-Regolament dwar is-saħħa tal-pjanti (1), l-introduzzjoni u ċ-ċirkulazzjoni ta’ dawn il-PRMK huma pprojbiti fit-territorju tal-Unjoni, fuq il-pjanti maħsuba għat-tħawwil ikkonċernati, meta l-inċidenza ta’ dawn il-pesti taqbeż ċertu livell limitu. Fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/2072 (2), il-Kummissjoni stabbilixxiet il-lista tal-PRMK kif ukoll il-livelli limiti ta’ preżenza massima ta’ tali pesti.

Kumpannija li topera mixtla tad-dwieli u żewġ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw operaturi li joperaw f’diversi attivitajiet agrikoli (3) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”) iqisu b’mod partikolari li l-istabbiliment tal-limiti ta’ preżenza tal-PRMK fil-livell ta’ 0 % fil-pjanti kkonċernati mill-Partijiet A, B, C, F, I u J (4) ta’ dan l-Anness IV jinvolvi obbligi ta’ risanament tal-pjanti tal-varjetajiet ikkonċernati, u dan iwassal għal konsegwenzi negattivi għall-bijodiversità u joħloq spejjeż ta’ risanament eċċessivi għall-operaturi professjonisti.

Filwaqt li tirrikonoxxi li kull waħda minnhom għandha locus standi għall-annullament ta’ partijiet differenti tal-Anness IV iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti intiż għall-annullament ta’ dan l-anness, u b’hekk ippronunzjat ruħha, għall-ewwel darba, fuq il-problemi legali mqajma.

Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti sostnew li l-fatt, għall-Kummissjoni, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt negattiv tal-livelli limiti stabbiliti fuq il-bijodiversità u l-ispejjeż imposti fuq l-operaturi professjonisti kkonċernati kien iwassal, prinċipalment, għal ksur tar-Regolament dwar is-saħħa tal-pjanti. Sabiex tiċħad dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali tinnota qabelxejn l-eżami mill-ġdid tal-pesti u l-livelli limiti li wasslu għall-adozzjoni tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Wara li kkunsidrat li l-istabbiliment tal-livelli limiti kkontestati wassal għal perċezzjoni żbaljata tal-obbligi imposti fuq l-operaturi professjonisti kkonċernati, hija qieset bil-kontra, b’mod partikolari, li l-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ikkontestat ma timponix fuq l-operaturi professjonisti l-obbligu li jimplimentaw metodi ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika bħal dawk issuġġeriti mir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li diversi direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil jinkludu dispożizzjonijiet derogatorji li għandhom l-għan li jippromwovu d-diversità ġenetika.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti qiesu li l-istabbiliment ta’ limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % fil-varjetajiet indiġeni tal-pjanti kien jikser it-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (5). Fil-fehma tagħhom, is-selezzjoni ġenetika imposta mill-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat għall-finijiet tar-risanament meħtieġ kienet twassal għat-tneħħija tas-sustanza tad-drittijiet tal-bdiewa, previsti minn dan it-trattat, ta’ konservazzjoni, ta’ użu, ta’ skambju u ta’ bejgħ ta’ żrieragħ tar-razzett jew ta’ materjal ta’ propagazzjoni. Filwaqt li tikkonstata b’mod partikolari li dan il-motiv huwa bbażat fuq l-istess premessa żbaljata tal-ewwel wieħed, fejn ikkonkludiet li ma kienx hemm obbligu ta’ risanament impost fuq l-operaturi kkonċernati, il-Qorti Ġenerali tiċħad dan it-tieni motiv.

Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tqis, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament 2018/848 (6), li, pjuttost milli jqiegħed fid-dubju l-legalità tal-istabbiliment tal-livelli limiti kkontestati, l-Artikolu 13 tar-Regolament 2018/848 jippermetti, bħala eċċezzjoni u f’kuntest strettament iddefinit, li jiġi kkummerċjalizzat materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju bijoloġiku mingħajr ma jiġu osservati ir-rekwiżiti stipulati fid-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-livelli limiti msemmija iktar ’il fuq, u għalhekk dan it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.


1      Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU 2016, L 317, p. 4).


2      Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU 2019, L 319, p. 1).


3      Senjatament, jidher li l-ewwel assoċjazzjoni tgħodd 584 842 membru, li fosthom tmienja huma operaturi professjonisti attivi fis-setturi taż-żrieragħ ta’ pjanti tal-għalf, taż-żrieragħ ta’ ċereali, tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli, taż-żrieragħ tal-ħxejjex, tal-pjanti tal-ħxejjex u tal-pjanti tal-frott. It-tieni assoċjazzjoni għandha bħala membri operaturi professjonisti attivi fis-setturi tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli, tal-pjanti tal-ħxejjex u tal-pjanti tal-frott.


4      Dawn il-partijiet jirrigwardaw, rispettivament, iż-żrieragħ ta’ pjanti tal-għalf (Parti A), ta’ ċereali (B), il-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli (C), iż-żrieragħ tal-ħxejjex (F), il-materjal tal-propagazzjoni ta’ ħxejjex u ta’ pjanti tal-ħxejjex (I), kif ukoll il-materjal tal-propagazzjoni ta’ frott u l-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (J).


5      Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, li l-konklużjoni tiegħu ġiet approvata, f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE tal-24 ta’ Frar 2004 (ĠU 2004, L 378, p. 1).


6      Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1).