Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

(Kawża C-275/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Hottiaux, I. Zaloguin, M. Wasmeier, aġenti)

Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, meta ttraspona b’mod inkorrett,

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (4) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1),

kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (4) tal-istess direttiva flimkien mal-Artikolu 10(3) tagħha, fir-rigward tal-proċeduri dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

tikkundanna lill-Gran Dukat għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors għanda bħala suġġett t-traspożizzjoni żbaljata mil-Lussemburgu tal-Artikolu 5(2) u (4), meħuda separatament u flimkien mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/48. Din id-direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet li jgawdu minnhom persuni suspettati u akkużati fi proċeduri kriminali, kif ukoll persuni suġġetti għal proċeduri skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, li jkollhom aċċess għal avukat u li jinformaw lil terz biċ-ċaħda tal-libertà, u d-dritt ta’ persuni mċaħħda mil-libertà li jikkomunikaw ma’ terzi u ma’ awtoritajiet konsulari.

Wara li eżaminat il-konformità tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali kkomunikati mil-Lussemburgu fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/48 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-test tal-loi du 10 août 1992 relative à la protection de la jeunesse (il-Liġi tal-10 ta’ Awwissu 1992 dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ), kif ikkomunikat mil-Lussemburgu taħt it-traspożizzjoni tad-direttiva, u li jirregola l-applikazzjoni ta’ miżuri meħuda fir-rigward ta’ minorenni fil-kuntest ta’ proċeduri legali fil-Lussemburgu, ma jirriflettix l-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 5(2) u (4) ta’ din id-direttiva (flimkien mal-Artikolu 10(3) tad-direttiva fir-rigward tal-proċeduri relatata mal-mandat ta’ arrest Ewropew).

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ ksur kontra l-Lussemburgu f’Novembru 2021, u bagħtitilha opinjoni motivata f’Ġunju 2023. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposti mogħtija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

____________