Language of document : ECLI:EU:T:2007:114



SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

tal-25 ta' April 2007(*)

"Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet relatati mal-ħarsien ta' l-interess pubbliku – Aċċess parzjali"

Fil-kawża T‑264/04,

WWF European Policy Programme, stabbilita fi Brussell (Il-Belġju), irrappreżentata minn R. Haynes, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u M. Bauer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Montaguti u P. Aalto, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tat-30 ta' April, li tiċħad l-aċċess lir-rikorrenti għal ċerti dokumenti relatati mal-laqgħa tal-kumitat tal-Kunsill imsejjaħ il-"Kumitat ta' l-Artikolu 133" tad-19 ta' Diċembru 2003,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), li jiddefinixxi l-prinċipji, l-kundizzjonijiet u l-limiti li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti ta' dawn l-istituzzjonijiet, adottat b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 255 KE, jipprovdi li:

"1. Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, għandu dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kundizzjonijiet u limiti stipulati f'dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandu jgħodd [għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f'kull qasam ta' attività ta' l-Unjoni Ewropea."

2        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li:

"L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw [l-]aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

(a)      l-interess pubbliku fir-rigward ta':

–        […]

–        […]

–        relazzjonijiet internazzjonali,

–        il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta' Stat Membru;

(b)      il-privatezza u l-integrità ta' l-individwu, b'mod partikolari skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta' data personali.

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

–        interessi kummerċjali ta' persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        […]

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu.

3. Aċċess għa[l] dokument, miktub minn istituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn istituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rrifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjoni, jekk m'hemmx interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għa[l] dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminari fl-istituzzjoni kkonċernata għandu jiġi rrifjutat anki wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-istituzzjoni, jekk m'hemmx interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu.

4. Fir-rigward ta' dokumenti ta' partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplikax eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, [sakemm ma jkunx] ċar li d-dokument għandu jew m'għandux jiġi żvelat.

[…]

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati."

3        Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001:

"1. Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi pproċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta' l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta' l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f'dak il-perijodu jew, f'tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża lill-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel applikazzjoni konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2. Fil-każ ta' rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista', sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa' tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha."

4        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/682/KE, tat-22 ta' Lulju 2002, li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 230, p. 7, iktar 'il quddiem ir-"Regoli tal-Proċedura"), fl-Artikolu 19 tagħha, tipprovdi li:

"1. Il-[Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper)] għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kunsill u biex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu mill-Kunsill. Huwa għandu fi kwalunkwe każ jiżgura l-konsistenza tal-politika u l-azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u jara li l-prinċipji u r-regoli li ġejjin ikunu osservati:

[…]

(d)      ir-regoli dwar il-proċedura, it-trasparenza u l-kwalità ta' l-abbozzar.

[…]

3. Jistgħu jiġu stabbiliti kumitati u korpi ta' ħidma minn, jew bl-approvazzjoni ta', Coreper bil-ħsieb li jitwettaq ċertu xogħol preparatorju jew studji definiti minn qabel.

Is-Segretarjat Ġenerali għandu jaġġorna u jippubblika l-lista ta' korpi preparatorji. Il-kumitati u l-korpi ta' ħidma li jkunu fuq din il-lista biss jistgħu jiltaqgħu bħala korpi preparatorji tal-Kunsill."

5        Skond l-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Proċedura:

"Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-Presidenza għandha torganizza l-laqgħat tal-varji kumitati u korpi ta' ħidma sabiex ir-rapporti tagħhom ikunu disponibbli qabel il-laqgħat tal-Coreper li fihom dawk ir-rapporti għandhom jiġu eżaminati.

[…]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        B'ittra tat-23 ta' Frar 2004, WWF European Policy Programme, assoċjazzjoni Belġjana mingħajr skop ta' qligħ, ippreżentat applikazzjoni lill-Kunsill, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tikseb l-aċċess għad-dokumenti relatati ma' l-ewwel punt fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-membri supplenti tal-kumitat imsejjaħ "Kumitat ta' l-Artikolu 133" (iktar 'il quddiem il-"Kumitat") tad-19 ta' Diċembru 2003. Dan il-punt kien intitolat "WTO-Żvilupp Sostenibbli u Kummerċ wara Cancun". L-informazzjoni mitluba kienet, minn naħa, dokumenti preparatorji u informazzjoni oħra, ipprovduti lill-membri supplenti tal-Kumitat mill-Kummissjoni, fir-rigward ta' dan il-punt ta' l-aġenda, u li kienu jinkludu, b'mod partikolari, il-pożizzjonijiet adottati mill-Istati l-oħra, l-evalwazzjonijiet tar-riżultati ta' l-approċċ attwali ta' l-Unjoni Ewropea u d-deskrizzjoni ta' ideat ġenerali bl-għan ta' strateġija ġdida, u, min-naħa l-oħra, il-minuti, ir-riżoluzzjonijiet jew is-suġġerimenti magħmula dwar dan il-punt ta' l-aġenda wara l-laqgħa.

7        Wara li rċieva din l-applikazzjoni, il-Kunsill, bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, ikkonsulta lis-servizzi tal-Kummissjoni u, b'ittra tas-17 ta' Marzu 2004, wieġeb għall-applikazzjoni tar-rikorrenti.

8        Fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' din l-applikazzjoni, il-Kunsill indika, qabel kollox, li huwa kien identifika nota li kienet tkopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet rigward dak li seħħ wara l-konferenza ta' Cancun u li ssemmi l-mod kif għandhom jiġu ttrattati l-kwistjonijiet fil-qasam tal-kummerċ waqt in-negozjati multilaterali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Din in-nota, bin-numru MD 578/03 u intitolata "Żvilupp Sostenibbli u Kummerċ wara Cancun", kienet saret għall-attenzjoni tal-kumitat mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-10 ta' Diċembru 2003 (iktar 'il quddiem in-"Nota"). Il-Kunsill speċifika mbagħad li, fid-dawl tan-natura u tal-kontenut tan-Nota, l-aċċess għaliha kellu jiġi rrifjutat skond it-tielet u r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex l-iżvelar tagħha jippreġudika l-interessi kummerċjali ta' l-Unjoni Ewropea u jippreġudika wkoll ir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha mal-pajjiżi terzi msemmija fin-Nota. Fl-aħħar nett, il-Kunsill irrifjuta l-aċċess parzjali għan-Nota għaliex l-eċċezzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq ma kinux applikabbli għad-dokument kollu. Madankollu, il-Kunsill ipprovda lir-rikorrenti b'komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata "Sena wara s-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli: Implementazzjoni ta' l-Impenji Tagħna" [COM(2003) 829 finali] u l-anness tagħha, id-dokument ta' xogħol tal-Kummissjoni [SEC(2003)1471], li diġà kienu disponibbli għall-pubbliku.

9        Fir-rigward tat-tieni parti ta' l-applikazzjoni tar-rikorrenti, il-Kunsill indika li ma kinux inżammu minuti mis-servizzi tiegħu tal-laqgħat tal-membri supplenti tal-Kumitat.

10      B'ittra tal-5 ta' April 2004, ir-rikorrenti, bis-saħħa ta' l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ippreżentat applikazzjoni konfermatorja, li fiha talbet lill-Kunsill jerġa' jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta' l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, u b'mod partikolari tal-partijiet tan-Nota relatati ma' l-iżvilupp sostenibbli u mal-kummerċ. Barra minn hekk, hija talbet kjarifiki dwar l-istituzzjoni li żżomm il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat.

11      B'deċiżjoni tat-30 ta' April 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Kunsill ikkonferma r-rifjut tiegħu li jiżvela n-Nota bil-kliem li ġej:

"L-iżvelar tad-dokument in kwistjoni jippreġudika serjament ir-relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali ta' l-UE mal-pajjiżi terzi msemmija fid-dokument u jmur ukoll kontra l-interessi kummerċjali ta' l-UE. In-Nota tal-Kummissjoni tirrigwarda, prinċipalment, l-isforzi ta' l-UE sabiex tindirizza l-bżonnijiet u l-objettivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jiġi mkabbar it-tisħiħ reċiproku bejn l-ambjent u l-iżvilupp, billi jiġi żviluppat l-aċċess għas-suq, billi jintużaw bl-aħjar mod possibbli t-teknoloġiji kummerċjali u billi jiġu inkoraġġuti l-investimenti. Id-dokument jevalwa mill-ġdid kwistjonijiet importanti ta' kummerċ u ta' l-ambjent, kif ukoll jeżamina fid-dettall il-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jikkontribwixxi għal tmexxija tajba f'dan il-kuntest. F'dan ir-rigward, dan id-dokument jinkludi elementi ta' analiżi u osservazzjonijiet sensittivi rigward id-direzzjoni segwita mill-UE sabiex issaħħaħ il-governanza internazzjonali u sabiex tiżviluppa d-direzzjoni tal-politika ġenerali ta' l-UE kif ukoll azzjonijiet konkreti fl-oqsma essenzjali tar-relazzjoni mal-WTO. L-iżvelar ta' dawn l-elementi u ta' dawn l-osservazzjonijiet jippreġudika r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi kkonċernati u jippreġudika serjament n-negozjati li għaddejjin li huma involuti fihom il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u, fl-aħħar nett, il-politika ekonomika kollha tagħhom.

Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, il-Kunsill iqis li l-aċċess għad-dokument in kwistjoni għandu jiġi rrifjutat fuq il-bażi tat-tielet u r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament [Nru 1049/2001]. Lanqas ma huwa possibbli li jingħata aċċess parzjali għad-dokument billi jiġi invokat l-Artikolu 4(6) [tar-Regolament Nru 1049/2001], peress li l-eċċezzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq ma japplikawx għat-test tad-dokument kollu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ikkonferma wkoll li ma kinux jeżistu minuti tal-laqgħat tal-membri supplenti tal-Kumitat. Huwa josserva li, skond prattika komuni, fin-nuqqas ta' minuti, il-progress magħmul fuq kwistjoni partikolari kien rifless, jekk ikun il-każ, direttament fin-noti, rapporti jew dokumenti simili, miktuba wara l-laqgħat ikkonċernati. Madankollu, il-Kunsill jenfasizza li huwa ma kellux, f'dan il-każ, tali dokumenti dwar l-eżitu tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003 fir-rigward ta' l-ewwel punt fuq l-aġenda.

13      Fl-1 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni, f'ittra lill-Kunsill, spjegat il-pożizzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-rikorrenti. Fiha, il-Kummissjoni indikat li, fl-opinjoni tagħha, in-Nota ma kellhiex tiġi żvelata fuq il-bażi ta' l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, rigward il-ħarsien ta' l-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni invokat ukoll, bħala motiv addizzjonali ta' rifjut, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni ta' l-istituzzjonijiet.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Ġunju 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

15      Permezz ta' att imressaq fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Novembru 2004, Friends of the Earth Ltd, kumpannija b'responsabbiltà limitata stabbilita f'Londra (Ir-Renju Unit), talbet sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

16      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

17      B'digriet tal-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni ġiet ammessa bħala intervenjenti.

18      B'digriet tal-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Marzu 2005, it-talba għal intervent ippreżentata minn Friends of the Earth ġiet miċħuda.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-8 ta' Novembru 2006.

20      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

21      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-Kummissjoni.

 Id-dritt

23      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu l-Kunsill, meta rrifjuta l-aċċess għan-Nota, ma mmotivax suffiċjentement ir-rifjut tiegħu u żbalja fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sensittività ta' l-informazzjoni rilevanti; it-tieni nett, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu l-Kunsill, billi rrifjuta l-possibbilta' ta' żvelar parzjali tan-Nota, ma applikax korrettament il-prinċipju ta' proporzjonalità; u, it-tielet nett, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu l-Kunsill kiser id-dritt tagħha għal aċċess għad-dokumenti billi ma tahiex l-aċċess għall-minuti fir-rigward ta' l-ewwel punt fuq l-aġenda tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003 jew, fin-nuqqas ta' minuti, għal informazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li saru matul din il-laqgħa kif ukoll għan-noti tal-parteċipanti fl-imsemmija laqgħa.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill, minn naħa, ma mmotivax suffiċjentement ir-rifjut tiegħu ta' l-aċċess għan-Nota u, min-naħa l-oħra, għamel evalwazzjoni żbaljata tan-natura kunfidenzjali ta' din in-Nota.

25      Fir-rigward ta' l-eżiġenza ta' motivazzjoni suffiċjenti, ir-rikorrenti tesponi li, safejn in-Nota tirrigwarda l-WTO, u b'mod partikolari l-iżvilupp sostenibbli u l-kummerċ, il-Kunsill ma indikax b'liema mod l-iżvelar ta' kontenut daqstant ġenerali seta' ġenwinament jippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika tal-Komunità.

26      Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni allegatament żbaljata tan-natura kunfidenzjali tan-Nota, ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar ir-regoli preċedenti tal-Kunsill relatati ma' l-aċċess għad-dokumenti, billi tenfasizza li din il-ġurisprudenza tibqa' rilevanti fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-regoli interni ta' proċedura li jissostitwixxuhom. Jirriżulta, b'mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Ottubru 1995, Carvel u Guardian Newspapers vs Il-Kunsill (T-194/94, Ġabra p. II-2765), li kull tweġiba għal applikazzjoni għal informazzjoni għandha twieżen, fuq bażi individwali, minn naħa, l-interess taċ-ċittadin li jikseb aċċess għad-dokumenti u, min-naħa l-oħra, l-interess li l-Kunsill jista' jkollu li jżomm dawn id-dokumenti sigrieti. Bl-istess mod, kull eċċezzjoni invokata għandha tiġi interpretata strettament u r-rifjut ta' żvelar għandu jiġi debitament immotivat. Barra minn hekk, il-Kunsill ma stabbilixxiex rabta bejn is-suġġett tan-Nota u l-konsegwenzi negattivi potenzjalment marbuta ma' l-iżvelar tagħha.

27      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Kunsill żbalja meta ma evalwax korrettament l-interessi involuti fl-evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni għal aċċess għan-Nota, u billi ma tax il-kunsiderazzjoni xierqa lid-dritt fundamentali ta' aċċess għad-dokumenti rikonoxxut mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001.

28      Fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li huwa mmotiva d-deċiżjoni tiegħu bl-iktar mod komplet possibbli, mingħajr ma jiżvela l-kontenut tan-Nota. Sabiex ikun mill-iktar trasparenti fir-rigward ta' l-objettivi tan-negozjati, huwa bagħat lir-rikorrenti żewġ dokumenti tal-Kummissjoni li jagħtu iktar informazzjoni dwar l-objettivi in kwistjoni.

29      F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill iddeskriva l-kontenut tan-Nota b'mod xieraq u suffiċjentement iddettaljat, billi spjega għalfejn l-aċċess għal dan il-kontenut kien kopert minn deroga. B'mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita f'dan il-qasam, tali motivazzjoni hija suffiċjentement ċara sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ma tahiex aċċess għan-Nota u sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Prim'Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

30      Fit-tieni lok, il-Kunsill jippreċiża li n-Nota tirrigwarda l-mod kif il-Komunità għandha tmexxi n-negozjati tagħha fi ħdan il-WTO fil-qasam tal-kummerċ u ta' l-ambjent fl-ambitu taċ-ċiklu ta' Doha. B'mod iktar speċifiku, in-Nota tinkludi elementi ta' analiżi u osservazzjonijiet kunfidenzjali rigward id-direzzjoni segwita mill-Komunità sabiex issaħħaħ it-tmexxija internazzjonali, fosthom elementi rigward soluzzjoni għall-bżonnijiet u għall-oġġettivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Hija tiddefinixxi wkoll il-linja ta' politika ġenerali tal-Komunità kif ukoll azzjonijiet konkreti rigward l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni tagħha mal-WTO. Fis-seduta l-Kunsill ippreċiża li din hija nota ta' informazzjoni dwar l-istat ta' żvilupp tan-negozjati, li tinkludi, minn naħa, il-pożizzjonijiet adottati mill-pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltajiet li għandha l-Komunità.

31      L-iżvelar tan-Nota jippreġudika r-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi li huma msemmijin fiha u jippreġudika serjament il-pożizzjonijiet tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha fil-kuntest tan-negozjati mmexxija fi ħdan il-WTO u, minħabba f'hekk, il-politika ekonomika kollha tagħhom.

32      Il-Kunsill jenfasizza l-kuntest delikat ta' dawn in-negozjati, l-oppożizzjonijiet li jinqalgħu u d-diffikultajiet sabiex jintlaħaq ftehim, kif muri mill-falliment tan-negozjati waqt il-konferenza ministerjali tal-WTO f'Cancun, f'Settembru 2003. F'dan il-kuntest, l-iżvelar tan-Nota, li tiddeskrivi d-diversi possibbiltajiet li għandha l-Komunità, billi tipproproni l-approċċ li din għandha tadotta waqt dawn in-negozjati, u li tevalwa l-pożizzjonijiet tal-partijiet l-oħra fin-negozjati, jippreġudika serjament il-marġni ta' negozjar li l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom bżonn sabiex itemmu b'suċċess in-negozjati kumplessi fi ħdan il-WTO. F'dan is-sens, ir-rikorrenti nnifisha ammettiet li tattika ta' negozjar, min-natura tagħha, m'għandhiex tiġi kkomunikata lill-pubbliku.

33      Minn dan, il-Kunsill jikkonkludi li l-aċċess għan-Nota għandu jiġi rrifjutat fuq il-bażi tat-tielet u r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex jiġi mħares l-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali kif ukoll tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità.

34      Fl-aħħar nett, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li, f'dan il-każ, ma kienx hemm lok li jiġu mwieżna l-bżonn li tiġi miżmuma l-kunfidenzjalità tan-Nota, minn naħa, u l-interess tar-rikorrenti li tikseb l-aċċess għan-Nota, min-naħa l-oħra. Minkejja li l-paragrafi 2 sa 4 ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jinvolvu tweżin b'mod konformi mal-ġurisprudenza fil-qasam, madankollu dan mhuwiex il-każ tal-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu. Ma jistax jiġi preżunt li din hija sempliċi ommissjoni min-naħa tal-leġiżlatur. Hija pjuttost għażla espliċita, iġġustifikata mill-importanza ta' l-interessi li għandhom jiġu mħarsa. Dan l-argument huwa kkonfermat bl-inklużjoni, fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, ta' l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-ħajja privata u ta' l-integrità ta' l-individwu, b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien tad-data personali.

35      Barra minn hekk, skond il-Kunsill, anki jekk wieħed jassumi li l-eċċezzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati b'mod strett, dan ma jfissirx madankollu li huma għandhom jiġu interpretati b'tali mod li ma jkunux effettivi. Jekk il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġu sodisfatti, il-Kunsill huwa marbut li japplika din id-dispożizzjoni u li jirrifjuta l-aċċess għan-Nota.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

36      Fir-rigward ta' l-allegata insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta' istituzzjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha ta' rifjut ta' aċċess għal dokument għandu l-iskop, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b'indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b'difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validita ta' l-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-Imħallef Komunitarju li jeżerċita l-istħarriġ tiegħu dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta' dan l-obbligu tiddependi min-natura ta' l-att in kwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Marzu 2005, Scippacercola vs Il-Kummissjoni, T-187/03, Ġabra p. II-1029, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F'dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kunsill ippreżenta, b'mod dettaljat, il-motivi tar-rifjut tiegħu billi pprovda elementi li jippermettu li jiġu mifhuma s-suġġett tan-Nota u r-raġunijiet li għalihom l-iżvelar tagħha seta' jippreġudika l-ħarsien ta' l-interess pubbliku f'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità. Bħalma josserva ġustament il-Kunsill, mhuwiex possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha li tiġġustifika n-natura kunfidenzjali tan-Nota mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut tagħha u konsegwentement, mingħajr ma l-eċċezzjoni tiġi pprivata mill-iskop essenzjali tagħha. Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma mmotivax suffiċjentement ir-rifjut tiegħu ma jistax jintlaqa', peress li l-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata hija ċara biżżejjed sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ma tahiex aċċess għan-Nota, u b'hekk tkun tista' tikkontesta b'mod effettiv dan ir-rifjut quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u din ta' l-aħħar tkun tista' teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

38      Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali tan-Nota u tar-rifjut ta' aċċess għaliha fuq il-bażi ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 essenzjalment jirrepetu l-kontenut tal-leġiżlazzjoni preċedenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-portata ta' l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti.

39      Skond il-ġurisprudenza relatata ma' din il-leġiżlazzjoni, l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet jikkostitwixxi prinċipju u r-rifjut ta' aċċess jikkostitwixxi l-eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. Għaldaqstant, il-każijiet ta' rifjut għandhom jiġu interpretati u applikati b'mod restrittiv, sabiex l-applikazzjoni tal-prinċipju ma tiġix imfixkla. Barra minn hekk, istituzzjoni hija marbuta li teżamina, għal kull dokument li għalih huwa mitlub l-aċċess, jekk, fid-dawl ta' l-informazzjoni li għandha din l-istituzzjoni, l-iżvelar tad-dokument effettivament għandux mnejn jippreġudika xi wieħed mill-aspetti ta' l-interess pubbliku mħares permezz ta' l-eċċezzjonijiet li jippermettu rifjut ta' aċċess. Sabiex dawn l-eċċezzjonijiet ikunu applikabbli, ir-riskju ta' preġudizzju għall-interess pubbliku għandu għaldaqstant ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T-211/00, Ġabra p. II-485, punti 55 u 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-istituzzjonijiet għandhom diskrezzjoni wiesgħa meta jeżaminaw jekk l-aċċess għal dokument jistax jippreġudika l-interess pubbliku u li, konsegwentement, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet ta' l-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokumenti fuq il-bażi ta' l-eċċezzjonijiet obbligatorji relatati ma' l-interess pubbliku għandu jkun limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli ta' proċedura u ta' motivazzjoni, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta' żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti u tan-nuqqas ta' abbuż ta' poter (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T-14/98, Ġabra p. II-2489, punti 71 u 72, u Kuijer vs Il-Kunsill, punt 39 iktar 'il fuq, punt 53).

41      Fir-rigward ta' l-iżball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti, li tinvoka essenzjalment ir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill irrifjuta l-aċċess għan-Nota sabiex ma jkunx hemm riskju li jiġu mfixkla negozjati li kienu għaddejjin f'dak iż-żmien f'kuntest delikat, ikkaratterizzat minn reżistenza min-naħa kemm ta' l-Istati li qed jiżviluppaw kif ukoll ta' l-Istati żviluppati u minn diffikultajiet sabiex jintlaħaq ftehim, kif muri mill-falliment tan-negozjati waqt il-konferenza ministerjali tal-WTO f'Cancun f'Settembru 2003. B'hekk, peress li qies li l-iżvelar ta' din in-Nota seta' jippreġudika r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi li huma msemmija fiha kif ukoll il-marġni ta' negozjar tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, meħtieġ sabiex dawn in-negozjati jiġu mitmuma b'suċċess, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta' evalwazzjoni u seta' jikkunsidra li l-komunikazzjoni tan-Nota tinvolvi riskju ta' preġudizzju għall-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità li kien raġjonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

42      Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Kunsill, minn naħa, immotiva suffiċjentement ir-rifjut tiegħu ta' aċċess għan-Nota u, min-naħa l-oħra, ma kisirx il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-eċċezzjonijiet ta' l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti previsti fit-tielet u r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

43      Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu mwaqqa' bl-argumenti tar-rikorrenti rigward il-ħtieġa ta' tweżin ta' l-interess tagħha li jkollha aċċess għan-Nota u dak tal-Kunsill li ma jikkomunikalhiex l-imsemmija Nota.

44      L-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma fformulati f'termini mandatorji, u konsegwentement l-istituzzjonijiet huma obbligati li jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet meta tinġab prova taċ-ċirkustanzi indikati (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T-105/95, Ġabra p. II-313, punt 58). Għalhekk, dawn huma differenti mill-eċċezzjonijiet relatati ma' l-interess ta' l-istituzzjonijiet li jżommu s-sigriet tad-deliberazzjonijiet tagħhom, previsti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li għall-applikazzjoni tagħhom l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom iwieżnu, minn naħa, l-interess tagħhom li jżommu s-sigriet tad-deliberazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-interess taċ-ċittadin li jikseb aċċess għad-dokumenti (ara, b'analoġija, is-sentenza Carvel u Guardian Newspapers vs Il-Kunsill, punt 26 iktar 'il fuq, punti 64 u 65).

45      Peress li l-eċċezzjonijiet in kwistjoni fil-kawża jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kunsill ma kienx meħtieġ, f'din il-kawża, li jwieżen il-ħarsien ta' l-interess pubbliku u l-interess tar-rikorrenti li tikseb aċċess għan-Nota.

46      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

47      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kunsill ma applikax korrettament il-prinċipju ta' proporzjonalità meta evalwa l-possibbiltà ta' żvelar parzjali tan-Nota.

48      Il-Kunsill jallega li huwa eżamina l-possibbiltà ta' żvelar parzjali tan-Nota, b'mod konformi ma' l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u mal-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam, billi dwar dan il-punt ikkonsulta wkoll lill-Kummissjoni, li kienet abbozzat in-Nota. Wara dan l-eżami, il-Kunsill ikkonkluda li l-eċċezzjonijiet imsemmija fit-tielet u r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienu japplikaaw għan-Nota kollha u li, għaldaqstant, ma setax jingħata aċċess parzjali għan-Nota. Barra minn hekk, kien diffiċli għalih li jipprovdi iktar kjarifiki mingħajr ma jiżvela l-kontenut tan-Nota.

49      Waqt is-seduta, il-Kunsill spjega li d-dokument huwa kumpatt, u li huwa intiż sabiex jinforma esperti fil-qasam dwar punti speċifiċi rigward in-negozjati li kienu għaddejjin u ma jinkludix punti ġenerali li setgħu jiġu separati u żvelati. B'hekk, kemm l-elementi ta' analażi kif ukoll l-osservazzjonijiet li jinsabu fin-Nota huma ta' natura sensittiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50      Mill-kliem innifsu ta' l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li istituzzjoni hija marbuta li teżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti koperti minn talba għal aċċess, billi tillimita rifjut eventwali biss għall-informazzjoni koperta mill-imsemmija eċċezzjonijiet. L-istituzzjoni għandha tagħti tali aċċess parzjali jekk l-għan ta' din l-istituzzjoni, meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, ikun jista' jintlaħaq fil-każ li din l-istituzzjoni tillimita ruħha li tgħatti s-siltiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku mħares (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C-353/99 P, Ġabra, p. I-9565, punt 29).

51      F'dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, u dan ġie kkonfermat waqt is-seduta, li l-Kunsill eżamina l-possibbiltà ta' żvelar parzjali tan-Nota, possibbiltà li dwarha huwa kkonsulta wkoll lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 1049/2001. Wara dan l-eżami, il-Kunsill ikkonkluda li tali żvelar parzjali, fis-sens ta' l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kienx possibbli għaliex l-eċċezzjonijiet imsemmija mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienu japplikaw għan-Nota kollha. Din l-evalwazzjoni ġiet magħmula wkoll mill-Kummissjoni, awtriċi tan-Nota, fil-korrispondenza tagħha mal-Kunsill, b'mod partikolari fl-ittra tagħha ta' l-1 ta' Ġunju 2004.

52      Il-Kunsill iġġustifika r-rifjut tiegħu għal aċċess parzjali għan-Nota bil-fatt li din kienet magħmula għal kollox minn elementi ta' analiżi u osservazzjonijiet rigward il-pożizzjonijiet tad-diversi msieħba tal-Komunità fin-negozjati fi ħdan il-WTO u dwar il-possibbiltajiet ta' negozjati miftuħa għan-negozjaturi Komunitarji, li l-iżvelar tagħhom jippreġudika serjament it-tmexxija tan-negozjati li għaddejjin. Huwa ppreċiża wkoll li n-Nota kienet intiża sabiex tinforma esperti bħalma huma l-membri tal-Kumitat.

53      B'hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li l-ewwel punt ta' l-aġenda tal-laqgħa tal-kumitat kien jikkonċerna l-analiżi ta' l-istat tan-negozjati fi ħdan il-WTO u tal-fatt li huwa għal dan l-iskop li n-Nota kienet ġiet imqassma minn qabel lill-membri tal-Kumitat, il-kontenut kollu tan-Nota kellu jitqies li huwa ta' natura sensittiva u, għaldaqstant, kien kollu jirrigwarda l-interess pubbliku għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika tal-Komunità, imħares mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet u r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

54      Minn dan jirriżulta li, billi rrifjuta lir-rikorrenti aċċess parzjali għan-Nota, il-Kunsill ma applikax l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 b'mod inkorrett.

55      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001

56      Dan il-motiv fih tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ir-rifjut tal-Kunsill li jagħti l-aċċess għall-minuti fir-rigward ta' l-ewwel punt fuq l-aġenda tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003 minħabba l-ineżistenza ta' tali minuti. It-tieni parti hija bbażata fuq ir-rifjut tal-Kunsill, fin-nuqqas ta' minuti, li jipprovdi lir-rikorrenti informazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet rigward l-ewwel punt fuq l-aġenda tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003 f'għamla li tista' tiġi żvelata. It-tielet parti hija bbażata fuq ir-rifjut tal-Kunsill li jagħti l-aċċess għan-noti tal-parteċipanti f'din il-laqgħa.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ir-rifjut tal-Kunsill li jagħti l-aċċess għall-minuti ta' l-ewwel punt fuq l-aġenda tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003 minħabba l-ineżistenza ta' tali minuti

–       L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti tqis li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa applikabbli għad-dokumenti stabbiliti u miżmuma mill-kumitat. Skond l-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jkun hemm minuti tal-laqgħat ta' dan il-kumitat, indipendentament mill-fatt li huwa magħmul mill-membri supplenti, jew mill-membri prinċipali, minħabba l-istatus tiegħu bħala kumitat ta' tħejjija tal-Kunsill.

58      In-nuqqas ta' żamma ta' minuti ta' laqgħa tal-kumitat imur kontra l-prinċipju ta' trasparenza, imsemmi fil-preambolu tar-Regolament Nru 1049/2001 u fl-Artikolu 19 tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll kontra l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, hekk kif imħares mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jkollux sens jekk l-istituzzjonijiet ma jirreġistrawx l-informazzjoni f'għamla li tippermetti l-iżvelar tagħha lill-pubbliku. L-istituzzjonijiet huma marbuta li jirreġistraw l-informazzjoni, b'mod partikolari, meta din tikkonsisti fid-deliberazzjonijiet ta' wieħed mill-kumitati li l-eżistenza tiegħu għandha l-għan li tikkjarifika l-proċedura ta' teħid ta' deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

59      Il-Kunsill jirribatti li ma ġew meħuda l-ebda minuti ta' din il-laqgħa u li ma jeżistux regoli li jeħtieġu li jsir tali dokument. Fid-dawl tan-numru ta' laqgħat organizzati fil-Kunsill, obbligu bħal dan ikollu manifestament konsegwenzi inaċċettabli u ma jkunx possibbli li jiġi osservat.

60      Il-Kunsill jirreferi għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-ineżistenza ta' dokument li għalih ġie mitlub l-aċċess hija preżunta meta affermazzjoni f'dan is-sens hija magħmula mill-istituzzjoni kkonċernata u meta din il-preżunzjoni sempliċi tista' tiġi ribattuta bil-mezzi kollha fuq il-bażi ta' indizji rilevanti u konsistenti. F'dan il-każ, id-dubji li r-rikorrenti esprimiet rigward l-ineżistenza ta' minuti tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003 huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regoli tal-Proċedura.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

61      Ikun kontra l-eżiġenza ta' trasparenza li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 li l-istituzzjonijiet jibbażaw ruħhom fuq l-ineżistenza ta' dokumenti biex jevitaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti jimplika li l-istituzzjonijiet ikkonċernati, safejn huwa possibbli u b'mod prevedibbli u li ma jkunx arbitrarju, għandhom jistabbilixxu u jżommu dokumentazzjoni dwar l-attivatijiet tagħhom.

62      Mit-titolu ta' l-ewwel punt ta' l-aġenda tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003 jirriżulta, u dan ġie kkonfermat waqt is-seduta, li dan il-punt kien intiż sabiex jinforma lill-membri tal-kumitat dwar l-istat tan-negozjati fi ħdan il-WTO. In-natura purament informattiva ta' dan il-punt tal-laqgħa u l-fatt li huwa ma jsejjaħ għal ebda miżura partikolari ta' implementazzjoni jispjegaw għaliex ma ġiex meqjus neċessarju li jittieħdu minuti dwaru u għalfejn dan il-punt ma wassalx sabiex isir dokument ta' sinteżi jew ta' att ieħor ulterjuri tal-kumitat.

63      F'dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista' jitqies li l-Kunsill aġixxa b'mod arbitrarju jew imprevedibbli meta ma ħax minuti rigward dan il-punt tal-laqgħa. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-Kunsill, meta allega l-ineżistenza ta' tali minuti, kiser id-dritt tar-rikorrenti li jkollha aċċess għad-dokumenti, hekk kif rikonoxxut mir-Regolament Nru 1049/2001.

64      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ir-rifjut tal-Kunsill, fin-nuqqas ta' minuti, li jipprovdi lir-rikorrenti informazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet rigward l-ewwel punt ta' l-aġenda tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003

–       L-argumenti tal-partijiet

65      Ir-rikorrenti tenfasizza li, anki jekk, skond il-Kunsill, ma kinux jeżistu minuti tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003, fis-sens intiż mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha ta' l-1 ta' Ġunju 2004, il-Kunsill kellu jagħtiha aċċess għall-informazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet miżmuma waqt din il-laqgħa.

66      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet tal-laqgħa kellha tiġi rreġistrata f'għamla li tkun tista' tiġi żvelata sabiex tingħata sustanza lid-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, li għandu jiġi interpretat bħala dritt għall-informazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta' trasparenza u tas-sentenza Il-Kunsill vs Hautala, punt 50 iktar 'il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat espliċitament l-argument tal-Kunsill li dan id-dritt huwa intiż biss għall-aċċess għad-dokumenti u mhux għall-elementi ta' informazzjoni li jinsabu f'dawn id-dokumenti.

67      Id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, interpretat bħala dritt ta' aċċess għall-informazzjoni, japplika iktar u iktar fil-qasam tal-ħarsien ta' l-ambjent, skond il-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, li ġiet iffirmata mill-Komunità. Il-proposta ta' regolament dwar l-applikazzjoni tagħha għall-istituzzjonijiet Komunitarji li, kif ġie ppreċiżat waqt is-seduta, sussegwentement saret ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1367/2006, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13), tirreferi għar-Regolament Nru 1049/2001 għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent li hija definita bħala "kwalunkwe informazzjoni f'għamla miktuba, viżwali, li tinstema', elettronika jew fi kwalunkwe forma materjali oħra". Għaldaqstant huwa ċar li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika b'mod ġenerali għall-informazzjoni, u mhux sempliċement għad-dokumenti.

68      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li sabiex jingħata effett sħiħ lid-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni mħares mid-dritt Komunitarju, l-informazzjoni li għaliha persuna għandha dritt ta' aċċess għandha tiġi pprovduta taħt għamla xierqa u, anki jekk id-dokument li fih l-informazzjoni hija rreġistrata ma jistax jiġi pprovdut, hija għandha tiġi miktuba, estratta, mqassra jew mqiegħda fi kliem ieħor minn dan id-dokument oriġinali.

69      Fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li ma jeżistix obbligu li tingħata informazzjoni, bħall-kontenut tad-diskussjonijiet tal-laqgħat tal-kumitat, għall-finijiet tat-trażmissjoni tagħha. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti bħala dritt għall-informazzjoni hija bbażata fuq qari żbaljat tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-ġurisprudenza.

70      B'hekk, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, b'mod partikolari mit-titolu tiegħu, mill-Artikolu 2(3), mill-Artikolu 3, mill-Artikolu 10(3), u mill-Artikoli 11 u 14 tiegħu, jirriżulta li dan ir-Regolament japplika għal dokumenti eżistenti, jiġifieri għal dokumenti magħmula jew irċevuti minn istituzzjoni u li huma fil-pussess tagħha.

71      Bl-istess mod, is-sentenza Il-Kunsill vs Hautala, punt 50 iktar 'il fuq, twieġeb biss għall-kwistjoni dwar jekk għandux jingħata aċċess parzjali għal dokument li diġà jeżisti. Xejn fil-ġurisprudenza ma jindika li l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu minuti tal-laqgħat kollha li jorganizzaw.

72      Din il-konklużjoni mhijiex imwaqqa' mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta' l-aċċess għall-informazzjoni fil-qasam ta' l-ambjent allegata mir-rikorrenti fuq il-bażi tal-konvenzjoni ta' Århus, għaliex, f'dak iż-żmien meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, la l-Konvenzjoni ta' Århus u lanqas ir-Regolament rigward l-applikazzjoni tagħha ma kienu fis-seħħ. Barra minn hekk, il-kunċett ta' informazzjoni dwar l-ambjent li huwa stabbilit fihom ma jinkludix id-dibattiti tal-kumitat, peress li huma ta' natura orali, u l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ atti ġuridiċi ma jobbliga lill-kumitat jieħu minuti tal-laqgħat tiegħu.

73      Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet ta' l-Ombudsman Ewropew jirriżulta li istituzzjoni mhijiex marbuta li tipproduċi dokumenti skond ir-Regolament Nru 1049/2001 meta ma jeżisti l-ebda dokument li għalih jista' jingħata l-aċċess.

74      Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni, li l-minuti mhumiex, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dokumenti li jipprovdu s-sunt ta' oħrajn, iżda huma pjuttost dokumenti li jipprovdu s-sunt ta' dibattitu orali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tafferma żbaljatament li l-mezzi meħtieġa sabiex jittieħdu l-minuti huma faċilment disponibbli għall-Kunsill.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

75      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, li, skond l-Artikolu 2(3) tiegħu, japplika biss għal "kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha".

76      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta' dokument u dak ta' informazzjoni. Id-dritt ta' aċċess tal-pubbliku għal dokument ta' l-istituzzjonijiet jirreferi biss għal dokumenti u mhux għal informazzjoni mifhuma b'mod iktar ġenerali u ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom id-dmir li jwieġbu għal kull talba ta' informazzjoni ta' individwu (ara, b'analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Ottubru 1999, Meyer vs Il-Kummissjoni, T-106/99, Ġabra p. II-3273, punti 35 u 36). Huwa minnu li mis-sentenza Il-Kunsill vs Hautala, punt 50 iktar 'il fuq, jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 340, p. 43), li ġiet qabel ir-Regolament Nru 1049/2001, ma kinitx tirreferi biss għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet bħala tali, iżda wkoll għall-elementi ta' informazzjoni li jinsabu f'dawn id-dokumenti (punt 23 tas-sentenza). Madankollu, l-aċċess għall-elementi ta' informazzjoni, fis-sens ta' din is-sentenza, jista' jiġi assigurat biss jekk dawn l-elementi jinsabu f'dokumenti, li jimplika l-eżistenza ta' dawn id-dokumenti.

77      F'dan il-każ, fin-nuqqas ta' minuti jew ta' dokument ieħor rigward l-ewwel punt ta' l-aġenda tal-laqgħa tal-kumitat tad-19 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill mhuwiex obbligat li jipprovdi lir-rikorrenti informazzjoni dwar il-kontenut ta' dan il-punt tal-laqgħa.

78      Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ma kisirx id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tar-rikorrenti, hekk kif rikonoxxut mir-Regolament Nru 1049/2001, billi rrifjuta li jipprovdilha informazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet rigward l-ewwel punt ta' l-aġenda tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003, meta dawn ma kinux jeżistu taħt l-għamla ta' dokument li jista' jiġi żvelat.

79      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-Konvenzjoni ta' Århus jew mal-proposta ta' regolament dwar l-applikazzjoni tagħha, peress li, bħalma jenfassizza ġustament il-Kunsill, fiż-żmien meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, la l-Konvenzjoni ta' Århus u lanqas ir-regolament rigward l-applikazzjoni tagħha ma kienu fis-seħħ.

80      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ir-rifjut tal-Kunsill li jagħti l-aċċess għan-noti tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-kumitat tad-19 ta' Diċembru 2003

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tenfasizza li n-noti tal-membri tal-kumitat u tal-Kummissjoni rigward id-diskussjonijiet fi ħdan il-kumitat mhumiex esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u għandhom, għal din ir-raġuni, jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, sakemm l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, rigward id-deliberazzjonijiet interni, ma tkunx applikabbli.

82      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-talba tagħha għal informazzjoni kienet wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi n-noti rigward id-diskussjonijiet tal-kumitat u li l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta' "minuti", mogħtija mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija ġġustifikata. Għaldaqstant, in-noti tal-membri tal-Kumitat u tal-Kummissjoni għandhom jiġu żvelati, u l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, bħala eċċezzjoni għal obbligu ġenerali, għandha tkun is-suġġett ta' interpretazzjoni stretta. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ċaħdet l-argument li jgħid li l-iżvelar tad-deliberazzjonijiet interni tal-kumitati neċessarjament jikkomprometti l-iżvolġiment korrett u l-effikaċità tagħhom.

83      Il-Kunsill jafferma li huwa ma jafx jekk id-delegazzjonijiet nazzjonali jew il-Kummissjoni ħejjewx noti interni u taħt liema għamla. Dawn in-noti, peress li huma intiżi esklużivament għall-użu intern ta' l-Istat Membru kkonċernat jew tal-Kummissjoni, ma ġewx mibgħuta lill-Kunsill. Konsegwentement, peress li mhumiex miżmuma mill-Kunsill, dawn in-noti ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament 1049/2001.

84      Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li r-rikorrenti, fir-risposta tagħha, biddlet kunsiderevolment l-argument tagħha għal dak li jikkonċerna l-ilment relatat mad-domanda tagħha għal aċċess għall-minuti tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003, billi allegat li l-Kunsill kiser ir-Regolament Nru 1049/2001 għaliex ma tahiex l-aċċess għan-noti interni tal-Kummissjoni u tad-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri. F'dan ir-rigward, il-Kunsill jenfasizza li, skond il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni mogħtija dwar l-applikazzjoni konfermatorja tistabbilixxi l-limiti ta' l-iskop tal-proċedura ġurisdizzjonali. Mill-applikazzjoni konfermatorja jirriżulta li r-rikorrenti ma talbitx lill-Kunsill aċċess għal dawn in-noti interni tal-Kummissjoni u tad-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri. Peress li ma rrifjutax l-aċċess għal dawn id-dokumenti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill mhuwiex obbligat li jesprimi ruħu fuq l-argumenti tar-rikorrenti dwar dan il-punt.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

85      Għandu jiġi kkonstatat li l-aċċess għan-noti tal-parteċipanti fil-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003 ma ġiex mitlub lill-Kunsill mir-rikorrenti fiż-żewġ ittri li taw lok għad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax l-aċċess għan-noti tal-parteċipanti fil-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2003. Peress li, minn naħa, meta jiġi adit b'rikors għal annullament ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti, l-imħallef Komunitarju jeżerċita, b'mod konformi ma' l-Artikolu 230 KE, kontroll fuq il-legalità ta' din id-deċiżjoni biss u, min-naħa l-oħra, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma rriżultatx minn talba għal aċċess għan-noti interni tal-Kummissjoni u tad-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri, l-argumenti tar-rikorrenti rigward l-aċċess għal dawn in-noti ma jistgħux jiġu milqugħa.

86      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li t-talba tar-rikorrenti kellha tiġi interpretata bħala waħda li tinkludi wkoll l-aċċess għan-noti interni tal-Kummissjoni u tad-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri, dawn, peress li mhumiex miżmuma u lanqas ġew irċevuti mill-Kunsill, ma jistgħux jiġu kkomunikati lilha skond ir-Regolament Nru 1049/2001, b'mod konformi ma' l-Artikolu 2(3) tiegħu.

87      Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda l-istess bħal dan il-motiv kollu kemm hu.

88      Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż li hija għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kunsill, skond it-talbiet ta' dan ta' l-aħħar.

90      Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi mill-Kunsill.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta' April 2007.

E. Coulon

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.