Language of document : ECLI:EU:T:2007:100

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

29 ta' Marzu 2007 (*)

“Għajnuniet mill-Istat – Prezz ta’ bejgħ ta’ art – Deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq komuni – Valur materjali ta’ l-għajnuna – Rata ta’ imgħax kompost – Motivazzjoni”

Fil-kawża T‑369/00,

Département du Loiret (Franza), irrappreżentat minn A. Carnelutti, avocat,

rikorrent,

sostnut minn

Scott SA, stabbilita f'Saint-Cloud (Franza), irrappreżentata minn Sir Jeremy Lever, QC, J. Gardner, G. Peretz, barristers, R. Griffith u M. Papadakis, solicitors,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u J. Flett, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/14/CE, tat-12 ta' Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark (ĠU L 12, 2002, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (l-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President ta’ l-Awla, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1969, il-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Amerikan, Scott Paper Company, akkwistat il-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Franċiż, Bouton Brochard, u ħolqot kumpannija distinta, Bouton Brochard Scott SA (aktar ’il quddiem “Bouton Brochard Scott”), li ħadet kontroll ta’ l-attivitajiet ta’ Bouton Brochard. Bouton Brochard Scott saret “Scott SA” (iktar ’il quddiem “Scott”) f’Novembru 1987. Din ta’ l-aħħar kienet teżerċita bħala attività l-produzzjoni ta’ karta għall-użu sanitarju u domestiku matul il-perijodu rilevanti għall-preżenti kawża.

2        Fil-31 ta’ Awwissu 1987, il-belt ta’ Orléans (Franza), id-département du Loiret (Franza) u Scott laħqu ftehim fuq il-bejgħ lil din ta’ l-aħħar ta’ art ta’ 48 ettaru fiż-żona industrijali ta’ La Saussaye u fuq il-levy tat-trattament ta' l-ilma li kellu jiġi kkalkulat b’rata preferenzjali (iktar ‘il quddiem il-“ftehim Scott”). Dan il-ftehim kien jipprevedi li r-rikorrent u l-belt ta’ Orléans jikkontribwixxu mhux inqas minn 80 miljun Frank Franċiż (FRF) (12.2 Miljun EUR) għax-xogħlijiet ta’ żvilupp tas-sit favur Scott.

3        It-twettiq ta’ l-istudji u tax-xogħlijiet neċessarji għall-iżvilupp ta’ l-art in kwistjoni ġie fdat lil Société d’économie mixte pour l’équipement du Loiret (iktar ‘il quddiem “Sempel”). Jirriżulta minn ftehim tat-12 ta’ Settembru 1987, konkluż bejn ir-rikorrent, il-belt ta’ Orléans u Sempel (iktar ‘il quddiem il-“ftehim Sempel”) li l-belt ta’ Orléans ttrasferixxiet 68 ettaru lil Sempel għall-prezz simboliku ta’ Frank Franċiż. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-ftehim Scott, kif ukoll mill-Artikolu 12 tal-ftehim Sempel, li din ta’ l-aħħar biegħet it-48 ettaru u fabbrika-depożitu lil Scott għal 31 miljun FRF (4.7 miljun EUR), jew prezz ta’ 65 FRF għal kull metru kwadru.

4        F’Novembru F’Novembru 1996, il-Qorti ta’ l-Awdituri Franċiża ħarġet rapport pubbliku bl-isem “L-interventi tal-kollettivitajiet territorjali favur l-impriżi”. B’dan ir-rapport, hija riedet tiġbed l-attenzjoni fuq ċertu numru ta’ għajnuniet eventwali maħruġa mill-kollettivitajiet territorjali Franċiżi favur ċerti impriżi, u b’mod partikolari fuq it-trasferiment ta’ art ta’ 48 ettaru taż-żona industrijali ta’ La Saussaye lil Scott.

5        Wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni rċeviet ilment, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kundizzjonijiet preferenzjali li bihom il-belt ta’ Orléans u d-département du Loiret biegħu din l-art ta’ 48 ettaru lil Scott u r-rata li minnha din ta’ l-aħħar ibbenefikat għal dak li għandu x’jaqsam il-levy tat-trattament ta' l-ilma.

6        B’ittra tas-17 ta’ Jannar 1997, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Franċiżi. Segwa skambju ta’ korrispondenza bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-Kummissjoni, bejn Jannar 1997 u April 1998, dwar l-informazzjoni u l-preċiżazzjonijiet mitluba.

7        L-ishma ta’ Scott ġew akkwistati minn Kimberly-Clark Corp. f’Jannar 1996. Din ta’ l-aħħar ħabbret l-għeluq tal-fabbrika f’Jannar 1998. L-assi tal-fabbrika, jiġifieri l-art u l-karti, ġew akkwistati minn Procter & Gamble (iktar ‘il quddiem “P & G”) f’Ġunju 1998.

8        B’ittra ta’ l-10 ta’ Lulju 1998, il-Kummissjoni informat l-awtoritajiet Franċiżi bid-deċiżjoni tagħha ta’ l-20 ta’ Mejju 1998 li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u talbithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet interessati ġew informati bil-ftuħ tal-proċedura u ntalbu jressqu l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq il-miżuri in kwistjoni, bil-pubblikazzjoni ta’ l-ittra msemmija iktar ‘il fuq fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Settembru 1998 (ĠU C 301, p. 4).

 Id-deċiżjoni kkontestata

9        Fit-tmiem tal-proċedura formali, il-Kummissjoni adottat, fit-12 ta’ Lulju 2000, id-deċiżjoni 2002/14/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark (ĠU L 12, 2002, p. 1, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Wara li ressqet dan ir-rikors (ara l-punt 13 iktar ‘il quddiem), il-Kummissjoni nnotifikat, fit-2 ta’ Marzu 2001, corrigendum għad-deċiżjoni kkontestata lir-Repubblika Franċiża. L-ewwel Artikolu u l-premessi 172, 217 u l-premessa 239(b)(a) tad-deċiżjoni kkontestata b’hekk ġew emendati. 

10      Id-deċiżjoni kkontestata, fil-verżjoni emendata tagħha, tipprevedi :

“L-ewwel Artikolu

L-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art u ta’ rata preferenzjali tal-levy tat-trattament ta' l-ilma, li Franza implementat favur Scott, f’ammont ta’ 39.58 miljun FRF (6.03 miljun EUR) jew, f’valur materjali, ta’ 80.77 miljun FRF (12.3 miljun EUR), għal dak li jirrigwarda l-prezz preferenzjali ta’ l-art […], hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. Franza għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mill-benefiċjarja tagħha l-għajnuna indikata fl-ewwel Artikolu u li diġà tqegħdet għad-dispożizzjoni tagħha illegalment.

2. L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-preżenti deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha tinkludi l-imgħax mid-data li fiha tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja, sad-data ta’ l-irkupru tagħha. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat abbażi tar-rati ta’ riferiment użati għall-kalkolu tas-sussidji ekwivalenti fil-kuntest ta’ l-għajnuniet b’finalitajiet reġjunali.”

11      Għal dak li jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ l-imgħax, il-Kummissjoni qieset (premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Sabiex jiġu ristabbiliti l-kundizzjonijiet ekonomiċi li l-impriża kien ikollha taffaċċa kieku l-għajnuna inkompatibbli ma kinitx tingħata lilha, l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex ineħħu l-vantaġġi li joħorġu mill-għajnuna u biex tirkuprahom mill-benefiċjarja.

L-għajnuna għandha tiġi rkuprata skond il-proċeduri tad-dritt Franċiż. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-imgħax li jibda mid-data li fiha l-għajnuna ngħatat sad-data tar-rimbors effettiv tagħha, ikkalkulata abbażi tar-rati ta’ riferiment użati għall-kalkolu tas-sussidji ekwivalenti netti fil-kuntest ta’ l-għajnuniet b’finalità reġjunali fi Franza.”

12      B’hekk, il-valur materjali ta’ l-għajnuna li trid tiġi rkuprata kkalkulata mill-Kummissjoni, jiġifieri 80.77 miljun FRF (ara l-punt 10 iktar ‘il fuq), jieħu in kunsiderazzjoni l-applikazzjoni ta’ rati ta’ imgħax mid-data ta’ ħruġ ta’ l-għajnuna illegali sad-data tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn ir-rati ta’ imgħax jikkorrispondu għar-rati ta’ riferiment użati mill-Kummissjoni biex iqisu l-element ta’ għajnuna fis-sussidji pubbliċi fi Franza, jiġifieri “5.7 % mill-1 ta’ Jannar 2000” (premessi 172 u 239 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Diċembru 2000, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru fit-30 ta’ Novembru 2000, irreġistrat bir-referenza T‑366/00, rikors li huwa wkoll intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata tressaq minn Scott.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru fid-19 ta’ Marzu 2001, Scott talbet li tintervjeni fil-preżenti proċedura in sostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

16      B’digriet tal-President tal-Ħames Awla Estiża ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Scott ġiet ammessa biex tintervjeni fil-preżenti kawża in sostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

17      Fuq talba ta’ Scott, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tippronunzja ruħha l-ewwel fuq il-kwistjoni tal-preskrizzjoni mqajma minn Scott fil-kawża T-366/00 b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), qabel kull diskussjoni fuq il-mertu.

18      B’sentenzi ta’ l-10 ta’ April 2003, Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi mressqa mir-rikorrent u Scott sa fejn kienu bbażati fuq il-ksur mill-Kummissjoni ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, u l-ispejjeż tagħhom ġew irriżervati (sentenzi ta’ l-10 ta’ April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, T‑366/00, Ġabra p. II-1763 u Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, T‑369/00, Ġabra p. II-1789). Ġie deċiż li jitkomplu l-proċeduri għall-bqija.

19      Fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-appell imressaq minn Scott kontra s-sentenza Scott vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssospendiet il-proċedura fil-preżenti kawża kif ukoll fil-kawża T‑366/00.

20      B’sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni (C‑276/03 P, Ġabra p. I-8437), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell imressaq minn Scott kontra s-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq.

21      B’ittra ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tkomplija tal-proċedura fid-dawl tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ‘il fuq. Fir-risposta tiegħu ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrent ikkonferma li kien ser itenni l-motivi fuq il-mertu in sostenn tar-rikors tiegħu.

22      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal serje ta’ mistoqsijiet. Din it-talba ġiet osservata.

23      Instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti li taw għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2006.

24      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tiddikjara illegali l-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art u tordna l-ħlas lura tas-somma ta’ 39.58 miljun FRF (6.03 miljun EUR) jew, f’valur materjali, ta’ 80.77 miljun FRF (12.3 miljun EUR);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

26      Scott, intervenjenti in sostenn tat-talbiet tar-rikorrent, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors fondat ;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

27      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ non retroattività tad-dritt komunitarju u ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ l-Artikoli 87 u 253 KE sa fejn il-Kummissjoni applikat il-komunikazzjoni tagħha 97/C 209/03 dwar l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat li jinsabu fil-bejgħ ta’ artijiet u ta’ bini mis-setgħat pubbliċi (ĠU C 209, 1997, p. 3). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE kif ukoll ta’ l-Artikolu 253 KE. Dan it-tieni motiv huwa maqsum f’ħames partijiet, li jirrigwardaw l-aspetti tad-deċiżjoni kkontestata li ġejjin:

–        il-pubbliċità relattiva għall-bejgħ ta’ l-art in kwistjoni;

–        id-dħul fiskali ġġenerat mill-istabbiliment ta’ Scott;

–        l-ispejjeż ikkawżati fl-interess ġenerali;

–        l-iżball fil-kalkolu ta’ l-għajnuna;

–        il-kapitalizzazzjoni ta’ l-imgħax.

28      Għandha l-ewwel nett tiġi ttrattata l-ħames parti tat-tieni motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

29      Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 253 KE meta kkapitalizzat l-imgħax fid-deċiżjoni kkontestata. Huwa jirrileva, f’dan ir-rigward, li r-ristabbiliment statu quo ante ma jimplikax il-kapitalizzazzjoni ta’ l-imgħax, imma l-ġbir ta’ l-imgħax annwali stabbilit. Fil-fatt, il-kapitalizzazzjoni ta’ l-imgħax mhijiex prassi kostanti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx l-użu tal-kapitalizzazzjoni ta’ l-imgħax, u b’hekk kisret l-Artikolu 253 KE.

30      Scott tammetti li jista’ jkun approprjat, f’ċerti każijiet, li jiġu imposti imgħax komposti sabiex jiġi eliminat il-vantaġġ li l-benefiċjarja tkun gawdiet minnu, per eżempju fil-każ fejn din ta’ l-aħħar tkun iddepożitat l-ammont tas-self bla imgħax li jkun ikkonċedielha Stat membru u tkun għamlet profitt nett billi tkun issospendiet inġunzjoni ta’ rkupru li ma jimponix imgħax kompost. Dan il-każ partikolari madankollu ma jikkorrispondix għall-każ preżenti u d-deċiżjoni kkontestata ma ssostnix il-kontra.

31      Scott iżżid li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, billi jipprevedi li l-irkupru għandu jseħħ skond ir-regoli nazzjonali, għandu bħala konsegwenza li l-imgħax relattiv għall-perijodu li jmur mid-data tad-deċiżjoni kkontestata sa dik ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna jiġi kkalkulat b’rati sempliċi. Issa, jekk huwa ġġustifikat li jiġi kkalkulat b’dan il-mod l-imgħax relattiv għal dan il-perijodu, ikun iktar iġġustifikat li jiġu kkalkulati b’rati sempliċi għall-perijodu li jmur mid-data tal-ħruġ ta’ l-għajnuna sa dik tad-deċiżjoni kkontestata.

32      Il-Kummissjoni tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-każ ta’ għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, trid tiġi ristabbilita kompetizzjoni effettiva (premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dan il-għan, il-vantaġġ li minnu l-benefiċjarja tkun verament ibbenefikat għandu jiġi mħassar kollu kemm hu. Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata, billi mmaterjalizzat il-valur nominali ta’ l-għajnuna (ara l-premessa 172), ħadet in kunsiderazzjoni l-vantaġġ reali, li jixbah ħruġ ta’ self bla imgħax, li minnu l-benefiċjarja kienet gawdiet matul il-perijodu kkonċernat. Il-valur materjali jirrappreżenta l-ekwivalenti tal-vantaġġ finanzjarju tat-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xejn ta’ kapitali għal ċertu perijodu u jirrifletti l-ispiża li Scott tkun sostniet kieku kienet isselfet dan l-ammont minn bank fl-1987 sa’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tirrileva li l-approċċ li segwiet fid-deċiżjoni kkontestata isegwi dak indikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni (T-459/93, Ġabra p. II-1675, punt 97), u li, barra minn hekk, id-deċiżjoni hija suffiċjentement motivata.

33      Il-Kummissjoni tosserva li l-valur materjali indikat fid-deċiżjoni kkontestata jinkludi diġà l-vantaġġ li minnu l-benefiċarja bbenefikat bejn il-ħruġ ta’ l-għajnuna, fl-1987, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni, b’mod li jifdal biss x’jittieħed in kunsiderazzjoni l-imgħax għall-perijodu inkluż bejn id-data tad-deċiżjoni u dik ta’ l-irkupru effettiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha li timmaterjalizza l-valur ta’ l-għajnuna billi imponiet imgħax komposti.

35      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b'mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta' motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari l-kontenut ta' l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta' fatt u ta' dritt, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-imsemmi Artikolu 253 KE tkun trid tiġi evalwata mhux biss b'riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sutraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra p. I-9919, punt 87).

36      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tapplika rati ta’ imgħax ta’ 5.7% mingħajr ma tippreċiża li huma rati komposti. Huwa biss billi jsir il-kalkolu b’relazzjoni mas-somma ta’ 80.77 miljun FRF indikat bħala “valur materjali” ta’ l-għajnuna stmata ta’ 39.58 miljun FRF mill-ħruġ tagħhom fl-1987 li l-qarrej jista’ jiddeduċi li ġew applikati rati komposti. Il-Kummissjoni ma indikat bl-ebda mod il-motivi għaliex hija imponiet rata komposta pjuttost milli rata sempliċi. Barra minn hekk, hija ma tindikax kif l-impożizzjoni ta’ rata ta’ imgħax tippermetti li jiġi mmaterjalizzat fl-2000 il-valur ta’ għajnuna taħt il-forma ta’ bejgħ ta’ art bi prezz preferenzjali fl-1987.

37      Ir-rikorrent, sostnut minn Scott, isostni li peress li l-kapitalizzazzjoni ta’ l-imgħax tikkostitwixxi novità fil-prassi tal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar kellha timmotiva d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward.

38      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda regola ma kienet tippreċiża li r-rati ta’ imgħax previsti mill-ordnijiet ta’ rkupru kellhom ikunu komposti u li l-Kummissjoni ma ppratikatx impożizzjoni ta’ imgħax kompost fl-ordnijiet ta’ rkupru tagħha.

39      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ dawn ir-regoli, għandu jiġi mfakkar li s-setgħa, ikkonferita lill-Kummissjoni, li tieħu deċiżjonijiet li jordnaw l-irkupru ta’ għajnuniet illegali hija fil-preżent irregolata mir-Regolament Nru 659/1999 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq, punti 50 u 51). Mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta, li "l-għajnuna li ser tkun irkuprata skond deċiżjoni ta' rkupru għandha tinkludi l-imgħax f'rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni.” Il-Kummissjoni kkonfermat fir-risposti tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li din l-aħħar dispożizzjoni ma tagħti ebda preċiżazzjoni fuq l-applikazzjoni ta’ rati ta’ imgħax sempliċi jew komposti.

40      Fil-fatt, fil-komunikazzjoni tagħha fuq ir-rati ta’ interess applikabbli fil-każ ta’ rkupru ta’ għajnuniet illegali ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Mejju 2003 (ĠU C 110, p. 21), jiġifieri tliet snin wara d-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li kienet qamet il-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-imgħaxijiet applikabbli fil-każ ta’ rkupru ta’ għajnuniet illegali kellhomx ikunu sempliċi jew komposti u hija qieset li kien “urġenti li tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward”. Hija b’hekk informat lill-Istati Membri u l-partijiet interessati li, f’kull deċiżjoni li tordna rkupru ta’ għajnuna illegali li hija kienet ser tadotta fil-futur, kienet ser tapplika r-rati ta’ riferiment fuq bażi komposta. Isegwi bil-kontra li, qabel l-adozzjoni tal-komunikazzjoni, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ rati ta’ imgħax komposti fl-ordnijiet ta’ rkupru ma kinitx issegwi dan is-sens.

41      L-applikazzjoni ta’ rati ta’ imgħax komposti hija biss indikata fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004, dwar l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 (ĠU L 140, p. 1), li jgħid li “ir-rata ta' mgħax għandha tiġi applikata fuq bażi kompost sad-data ta' rkupru ta' l-għajnuna”.

42      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma wriet bl-ebda mod li hija kienet tipprattika l-impożizzjoni ta’ l-imgħaxijiet komposti fl-ordnijiet tagħha ta’ rkupru fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, hija ma tinvoka l-ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, b’risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza intiża li tistabbilixxi l-prassi f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma setgħet tinvoka l-ebda deċiżjoni, preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, li timponi imgħax kompost.

43      Jirriżulta minn dan li l-impożizzjoni ta’ imgħax kompost f’dan il-każ kienet l-ewwel manifestazzjoni ta’ politika ġdida u sinjifikattiva tal-Kummissjoni, li hija ma mmotivat bl-ebda mod. Il-Kummissjoni kellha, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, tindika li hija kienet iddeċidiet li tikkapitalizza l-imgħax u, min-naħa l-oħra, tiġġustifika l-approċċ tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Fabricants de papiers peints vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punti 31 sa 34). Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 32 iktar ‘il fuq), l-invokazzjoni tas-sentenza Siemens, li tirrigwarda b’mod ġenerali l-importanza ta’ l-impożizzjoni ta’ l-imgħax, ma tagħtix il-preċiżazzjonijiet neċessarji f’dan il-każ.

44      Għandu jingħad ukoll li, fid-dawl taż-żmien li għadda bejn id-data tal-bejgħ kontrovers u d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri tlettax-il sena, l-impożizzjoni ta’ imgħax kompost kellha konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi fuq l-ammont ta’ l-għajnuna li trid tiġi rkuprata (ara l-punt 10 iktar ‘il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrent u l-intervenjenti kellhom interess partikolari li jkunu jafu r-raġunament li wassal għall-impożizzjoni ta’ l-imgħax kompost. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni kkontestata żdied.

45      Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-użu tar-rati ta’ imgħax ta’ 5.7 %. Il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sempliċement tiddeskrivihom bħala rati ta’ riferiment użati sabiex iqisu l-element ta’ għajnuna fis-sussidji pubbliċi fi Franza wara l-1 ta’ Jannar 2000 u tinvoka, f’nota f’qiegħ tal-paġna, tabella fformulata minnha, użata biex tqis is-“sussidju ekwivalenti” ta’ għajnuna, u li tindika r-rati ta’ riferiment u ta’ skont iffissati għall-Istati Membri (premessi 172 u 239).

46      Skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1997 fuq il-metodu tat-twaqqif tar-referenza u r-rati ta' skont (ĠU  273, p. 3), ir-“rat[a] tar-referenza, […] [hija ddefinita bħala waħda] bbażata fuq interbank swap rates fuq ħames snin, flimkien ma' premium”. Jidher li r-rata ta’ 5.7 % applikabbli għall-2000 kienet tirrifletti rata ta’ riferiment għall-perijodu ta’ ħames snin. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tiġġustifika bl-ebda mod l-użu ta’ din ir-rata għal perijodu ta’ tlettax-il sena, li jiddekorri mid-data ta’ bejgħ kontrovers, fl-1987, sad-data tad-deċiżjoni kkontestata, fl-2000.

47      Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ta’ l-1997 ma tagħti l-ebda indikazzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rati kellhomx ikunu sempliċi jew komposti. Sad-data tad-deċiżjoni kkontestata, it-tabella in kwistjoni ġiet użata għall-applikazzjoni ta’ rati ta’ imgħax sempliċi. L-ebda motivazzjoni ma ngħatat fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn ir-rati kinux ġew adottati għall-kalkolu ta’ l-imgħax kompost.

48      Il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni ta’ rata komposta, sabiex timmaterjalizza l-valur inizjali tas-sussidju, hija ġġustifikata bin-neċessità li tiġi ristabbilita kompetizzjoni effettiva mit-tneħħija tal-vantaġġ li minnu gawdiet il-benefiċarja (ara l-punt 32 iktar ‘il fuq).

49      Issa, din il-ġustifikazzjoni tippresupponi, minn naħa, li l-benefiċjarja għad għandha dan il-vantaġġ f’din id-data u, min-naħa l-oħra, li l-forma ta l-għajnuna kontroversa hija assimilabbli għal self bla interess ta’ somma ekwivalenti għall-valur tas-sussidju inizjali. Id-deċiżjoni kkontestata ma għandha l-ebda spjegazzjoni fuq dan il-punt.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond id-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna mogħtija fl-1987 lil Scott ħadet il-forma ta’ trasferiment ta’ art amministrata bi prezz preferenzjali, jiġifieri prezz inferjuri għal dak tas-suq ta’ dak iż-żmien. Ma huwa għal xejn evidenti li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-materjalizzazzjoni tal-valur stmat tas-sussidju inizjali, mill-applikazzjoni ta’ rati b’imgħax kompost ta’ 5.7% matul il-perijodu in kwistjoni kienet twassal għal ċifra li tikkorrispondi għall-valur tal-vantaġġ li minnu gawdiet il-benefiċjarja bħala proprjetarja tal-beni fl-2000. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat li l-vantaġġ mogħti fl-1987 kien jikkonsisti fit-trasferiment ta’ proprjetà ta’ art amministrata ssussidjata għal madwar 56% (39.58 miljun FRF fuq valur stmat ta’ 70,588 miljun FRF). Id-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax kif Scott kien għad kellha dan il-vantaġġ fil-mument ta’ l-adozzjoni tagħha.

51      Barra minn hekk, huwa paċifiku li Scott waqqfet l-operazzjonijiet tagħha fiż-żona industrijali ta’ La Saussaye u li l-art u l-fabbrika nbiegħu lil P & G fl-1998 (ara l-punt 7 iktar ‘il fuq), għall-prezz ta’ 27.6 miljun FRF skond l-awtoritajiet Franċiżi (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Minkejja li hija ma qisietx li kien neċessarju li tivverifika dawn iċ-ċifri, il-Kummissjoni ma tikkontestax li dan il-bejgħ seħħ f’kundizzjonijiet normali tas-suq u hija tanalizza dan il-bejgħ fid-deċiżjoni kkontestata filwaqt li taċċetta l-possibbiltà li l-art kienet nbiegħet għal 27.6 miljun FRF (premessi 163 sa 166). Issa, dan il-prezz kien inferjuri mhux biss għall-valur li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet fl-1987 (70.588 miljun FRF), imma wkoll għall-prezz ta’ 31 miljun FRF imħallas minn Scott lil Sempel.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ kull motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rabta bejn il-vantaġġ preżunt miżmum minn Scott fl-2000 u s-somma ta’ 80.77 miljun FRF, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinsab fl-impossibbiltà li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-użu ta’ rati ta’ imgħax komposti jwassalx għal valur materjali ekwivalenti għall-valur tal-vantaġġ li jrid jitneħħa.

53      Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata, hemm inkoerenza evidenti li ma ġietx spjegata mill-Kummissjoni. Minkejja li din ta’ l-aħħar kienet ikkalkulat il-valur materjali ta’ l-għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata billi użat rati komposti, l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, billi jipprevedi li l-irkupru għandu jseħħ skond ir-regoli nazzjonali (ara l-punt 10 iktar ‘il fuq), għandu bħala konsegwenza li l-imgħaxijiet relattivi għall-perijodu li jmur mid-data tad-deċiżjoni kkontestata sa dik ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna ser jiġu kkalkulati b’rati sempliċi. Il-Kummissjoni ma ġġustifikat bl-ebda mod l-applikazzjoni ta’ l-imgħaxijiet fuq bażi komposta sad-data tad-deċiżjoni kkontestata, u wara ta’ l-imgħax fuq bażi sempliċi sa l-irkupru ta’ l-għajnuna. Barra minn hekk, minkejja li Scott kienet irrilevat din l-inkoerenza (ara l-punt 31 iktar ‘il fuq), il-Kummissjoni xorta ma ppruvatx tiġġustifika l-approċċ tagħha f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-preżenti proċedura.

54      Konsegwentement id-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed. Hemm lok għaldaqstant li tintlaqa’ l-ħames parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tirrigwarda l-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ l-art kontroversa, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra in sostenn tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

55      Fis-sentenza tagħha Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet irriżervat l-ispejjeż.

56      Għaldaqstant hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi, fil-preżenti sentenza, fuq l-ispejjeż kollha relattivi għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

57      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenuta tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-rikorrent u minn Scott, skond it-talbiet ta' dawn ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/14/KE, tat-12 ta’ Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark, hija annullata sa fejn tirrigwarda l-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art indikata fl-ewwel Artikolu tagħha.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrent u ta’ Scott.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Marzu 2007.

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.