Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia nº 6 de Ceuta (Spanja) fil-15 ta’ Jannar 2024 – Justa vs Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA

(Kawża C-39/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia nº 6 de Ceuta

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Justa.

Konvenut: Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA

Domandi preliminari

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprekludi l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fir-rigward tal-kummissjoni ta’ ftuħ, li tgħid li s-sempliċi indikazzjoni fl-att ipotekarju tal-ammont tal-klawżola u l-fatt li dan l-ammont ma jaqbiżx il-limitu stabbilit huma suffiċjenti sabiex ikun jista’ jitqies li din il-klawżola ma hijiex ta’ natura inġusta minħabba nuqqas ta’ trasparenza, fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE 1 tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, anki jekk din il-klawżola ma tkun tinkludi ebda indikazzjoni dwar il-kontenut u dwar id-data?

Jekk il-konsumatur jiġi informat minn qabel dwar il-klawżola inkwistjoni u jekk din il-klawżola ma titqiesx li taqa’ taħt l-attività ta’ self bankarju, kif indikat fid-Direttiva 2014/17/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u jekk jitqies li din ma hijiex relatata mal-interessi ordinarji nnifishom, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti fatturi u li jiġu speċifikati, fl-aħħar mill-aħħar, is-servizzi relatati magħhom qabel ma dawn l-ispejjeż jingħaddew lill-konsumatur, u l-fatt li l-imsemmija fatturi ma jinħarġux u li l-imsemmija servizzi ma jiġux speċifikati imur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, sa fejn dan jaffettwa it-trasparenza fis-sens materjali tal-klawżola msemmija iktar ’il fuq?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

1     ĠU 2014, L 60, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11.