Language of document : ECLI:EU:C:2024:612

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2024 (1)

Kawża C369/23

Vivacom Bulgaria EAD

vs

Varhoven administrativen sad,

Natsionalna agentsia za prihodite

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lil individwi bħala riżultat ta’ ksur tad-dritt tal‑Unjoni attribwibbli għal qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza – Regoli nazzjonali li jipprevedu l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza biex tisma’ rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli għal din il-qorti – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Qorti indipendenti u imparzjali – Eżami oġġettiv ta’ imparzjalità”






I.      Introduzzjoni

1.        L-imparzjalità hija karatteristika ta’ qorti. Sa mit‑399 Q.K.., Socrates qal: “Erba’ affarijiet jappartjenu lil imħallef: li jisma’ b’korteżija, li jwieġeb b’għerf, li jikkunsidra b’diliġenza u li jiddeċiedi b’imparzjalità (2)” [traduzzjoni libera].

2.        Qorti li hija mitluba tiddeċiedi dwar il-ksur tagħha stess tad-dritt tal-Unjoni hija imparzjali?

3.        Din il-kwistjoni tqum fil-kawża ineżami fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mressaq minn kumpannija, liema rikors huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali tal-aħħar istanza.

II.    Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.        Vivacom Bulgaria EAD (iktar ’il quddiem “Vivacom”) hija kumpannija Bulgara li tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet.

5.        Matul l‑2007 u l‑2008, hija bagħtet fatturi lil żewġ kumpanniji Rumeni fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ kards imħallsa minn qabel u ta’ vawċers għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li juru t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) bħala 0 %.

6.        Waqt awditu fiskali, in-Natsionalna agentsia za prihodite (l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem in-“NAP”) qieset li ma setax jiġi ppruvat li dawn il-kards u vawċers kienu ġew irċevuti minn persuni li jirrappreżentaw dawn il-kumpanniji Rumeni. Għalhekk, in-NAP ikkunsidrat it-tranżazzjonijiet bħala provvista ta’ servizzi li l-post tal-provvista tagħhom kien fil-Bulgarija, fejn Vivacom kienet teżerċita l-attività tagħha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT” (3)).

7.        Konsegwentement, fl‑20 ta’ Ġunju 2012, in-NAP bagħtet lil Vivacom avviż ta’ aġġustament , li stabbilixxa obbligi addizzjonali tal-VAT fl-ammont totali ta’ 760 183.15 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 388 485).

8.        Vivacom ħallset l-ammont dovut u bdiet proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv kontra dan l-avviż, li ma rnexxewx.

9.        Għalhekk Vivacom ippreżentat rikors kontra dan l-avviż quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem l-“ASSG”), li ġie parzjalment miċħud. Skont dik il-qorti, Vivacom kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT peress li t-tranżazzjonijiet involuti kienu kkaratterizzati bħala kunsinna ta’ oġġetti, iżda, peress li l-kards u l-vawċers ma kinux telqu mill-maħżen ta’ Vivacom, il-post tal-kunsinna kien jinsab fit-territorju Bulgaru.

10.      Vivacom ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem il-“VAS”). Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2014, dik il-qorti kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza. B’mod partikolari, il-VAS qablet mal-konstatazzjonijiet tal-ASSG li t-tranżazzjonijiet kienu kunsinna ta’ oġġetti, u sabet li r-regoli nazzjonali rilevanti kienu ġew applikati b’mod korrett. Peress li l-VAS hija l-qorti tal-aħħar istanza, is-sentenza tagħha hija definittiva.

11.      Sussegwentement, fit‑12 ta’ Diċembru 2019, Vivacom ippreżentat rikors għad-danni fuq il-bażi tar-responsabbiltà tal-Istat kif żviluppata fid-dritt tal-Unjoni kontra n-NAP u l-VAS quddiem l-ASSG. Vivacom sostniet li n-NAP u l-VAS kienu applikaw b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-VAT, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.

12.      Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ April 2022, l-ASSG ċaħdet ir-rikors ta’ Vivacom. B’mod partikolari, dik il-qorti ddeċidiet li ma kienx hemm ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni min-NAP jew mill-VAS.

13.      F’dan ir-rigward, l-ASSG iddeċidiet li n-NAP kienet applikat korrettament id-dritt applikabbli. Dik il-qorti qieset ukoll li, minkejja li l-VAS kienet ikklassifikat b’mod żbaljat it-tranżazzjonijiet bħala kunsinni ta’ oġġetti u mhux bħala servizzi, it-trattament ġuridiku korrett ta’ dawn il-kunsinni ma kienx iwassal għal riżultat differenti, peress li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT ma kinux issodisfatti, u li l-VAS kienet korrettament ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda bażi għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata minn Vivacom.

14.      Vivacom appellat minn din is-sentenza quddiem il-VAS, il-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami. Vivacom issostni, inter alia, li r-rwol simultanju tal-VAS bħala l-qorti tal-aħħar istanza u parti fit-tilwima ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq minn qorti indipendenti u imparzjali skont id-dritt tal-Unjoni, anki jekk l-awla hija differenti minn dik li tat id-deċiżjoni definittiva fit-tilwima fiskali.

15.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża.

16.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru (4), ir-rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lill-VAS jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi. Bħala regola ġenerali, il-proċeduri amministrattivi jiġu deċiżi mill-qrati f’żewġ istanzi. Il-VAS hija l-qorti tal-aħħar istanza, u għalhekk tali rikorsi għad-danni għandhom jiġu eżaminati mill-VAS fl-aħħar istanza.

17.      Dik il-qorti għalhekk tistaqsi jekk ir-regoli nazzjonali li jippermettu lill-istess qorti tkun kemm imħallef u konvenuta fl-istess kawża jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għal qorti indipendenti u imparzjali.

18.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li Vivacom ma tipprovdi ebda prova konkreta ta’ ċirkustanzi li jqajmu mistoqsijiet dwar l-imparzjalità suġġettiva tal-imħallfin tal-awla tal-VAS, iżda tqis li l-VAS hija parzjali minħabba l-kwalità tagħha ta’ konvenuta, u li s-sempliċi fatt li r-rikors kontra l-VAS qiegħed jinstema’ fl-aħħar istanza quddiem l-istess qorti, minkejja li quddiem awla totalment differenti, huwa biżżejjed sabiex jitqajmu dubji serji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ kull awla ta’ dik il-qorti. L-istess qorti tirrileva wkoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ma tipprovdix tweġiba definittiva għall-mistoqsija jekk qorti partikolari tistax tieħu konjizzjoni ta’ rikors li fiha hija konvenuta (5).

19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 2в(1) taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 203(3) u mal-punt 6 tal-Artikolu 128(1) tal-Administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva), li tipprovdi li kawża għall-kumpens tad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li fiha l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tkun il-konvenuta, għandha tinstema’ fl-aħħar istanza minn din l-istess qorti?”

20.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Vivacom Bugaria, mill-VAS, mill-Gvern Bulgaru u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammet l-ebda seduta.

III. Analiżi

A.      Il-kwistjoni mqajma minn din il-kawża

21.      Fis-sentenza prinċipali Köbler (6), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni japplika wkoll meta dan il-ksur jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza (iktar ’il quddiem ir-“responsabbiltà Köbler”) (7).

22.      F’dik is-sentenza, b’risposta għall-argumenti ta’ ċerti Stati Membri li l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza kienet prekluża minħabba diffikultajiet sabiex tiġi indikata l-qorti kompetenti (8), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-“implementazzjoni ta’ l-imsemmi prinċipju ma tistax tiġi kompromessa min-nuqqas ta’ qorti kompetenti” (9).

23.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet lill-Istati Membri, fl-osservanza tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, il-kompitu li jipprevedu l-modalitajiet proċedurali li skonthom l-individwi jistgħu jressqu quddiem il-qrati talbiet għar-responsabbiltà Köbler, filwaqt li fakkret li dawn ir-regoli għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (10).

24.      Il-kawża ineżami tikkontesta tali regoli stabbiliti minn Stat Membru sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà Köbler minħabba l-kompatibbiltà tagħhom mal-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

25.      Dan ir-rekwiżit, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni (11) llum jinsab stabbilit kemm fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti tar-rinviju talbet interpretazzjoni tiegħu.

26.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu l-istess kontenut matul l-applikazzjoni tiegħu fid-dritt tal-Unjoni (12). Huwa jeżiġi b’mod partikolari li l-qorti adita bit-talba li tallega ksur ta’ dritt ibbażat fl-Unjoni Ewropea, bħal fil-kawża ineżami, tkun indipendenti u imparzjali (13).

27.      Skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ żewġ aspetti tal-indipendenza ġudizzjarja: dak estern u dak intern. L-aspett estern jeżiġi li l-qorti teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda restrizzjoni ġerarkika jew issubordinata għal xi korp ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’hekk tkun protetta kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw il-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. L-aspett intern, ukoll ikklassifikat bħala imparzjalità ġudizzjarja, huwa intiż li jiżgura li l-imħallfin li jiddeċiedu jżommu distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fil-proċeduri u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħhom. Dan jeżiġi l-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tal-proċeduri lil hinn mill-applikazzjoni stretta tal-Istat tad-dritt (14).

28.      Id-domanda magħmula fil-kawża ineżami tikkonċerna r-rekwiżit ta’ imparzjalità, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli Bulgari applikabbli jiżgurawx li l-VAS, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha bħala konvenuta, ma għandha ebda interess fl-eżitu tal-azzjoni għad-danni minbarra l-applikazzjoni tal-liġi. Fil-qosor, tali sitwazzjoni tista’ tkun f’kunflitt mal-massima nemo judex in causa sua, li skontha ħadd ma għandu jkun imħallef fil-kawża tiegħu stess.

29.      La Köbler u lanqas ġurisprudenza sussegwenti (15) ma ttrattaw din il-kwistjoni.

30.      Il-problema potenzjali bl-imparzjalità ġiet irrikonoxxuta mill-istudjużi (16). Madankollu, bi ftit eċċezzjonijiet (17), huma ma ddiskutewhiex iktar.

31.      Qabel ma nispjega l-pożizzjoni tiegħi dwar il-kwistjoni ta’ imparzjalità mqajma fil-kawża ineżami, ser nerġa’ nirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Qorti EDB li jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza.

B.      Ħarsa millġdid lejn il-ġurisprudenza

1.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

32.      Fil-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li l-osservanza tal-imparzjalità tista’ tiġi eżaminata b’żewġ modi. L-eżami suġġettiv jieħu inkunsiderazzjoni l-konvinzjonijiet personali u l-aġir ta’ mħallef partikolari, filwaqt li l-eżami oġġettiv jistaqsi jekk jeżistux, lil hinn mill-aġir tal-imħallef, fatti verifikabbli li jistgħu jqajmu dubji dwar l-imparzjalità tiegħu jew tagħha. Fl-evalwazzjoni tal-imparzjalità fir-rigward tal-eżami oġġettiv, anki l-apparenzi jistgħu jkunu ta’ ċerta importanza (18).

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat ir-rekwiżit tal-imparzjalità fir-rigward tal-qrati u ta’ korpi oħra (19). Jeżistu tliet linji prinċipali ta’ ġurisprudenza li jistgħu jkunu ta’ interess fil-kawża ineżami. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kawżi ma ttrattat is-sitwazzjoni partikolari tal-kawża ineżami.

34.      L-ewwel, teżisti ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat jekk il-korp tar-rinviju kienx qiegħed jaġixxi bħala terz fir-rigward tal-interessi inkwistjoni. Madankollu, din l-evalwazzjoni tal-imparzjalità saret sabiex issir distinzjoni bejn il-funzjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi (20), li ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami. Ma hemm l-ebda dubju li l-VAS hija qorti; l-unika kwistjoni hija jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, dik il-qorti tistax titqies li hija suffiċjentement imparzjali.

35.      It-tieni, teżisti ġurisprudenza dwar l-imparzjalità kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni li jirriżultaw mill-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżit li tagħti ġudizzju fi żmien raġonevoli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (21). Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza ma tidhirx li tista’ tiġi trasposta għall-kawża ineżami għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, hija relatata ma’ rikorsi għad-danni attribwibbli lill-Qorti Ġenerali u għalhekk ma tikkonċernax sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti tal-aħħar istanza tkun qiegħda tiddeċiedi dwar allegat ksur tad-dritt tal‑Unjoni attribwibbli lilha (22). It-tieni, din il-ġurisprudenza hija relatata mal-ksur tar-rekwiżit taż-żmien raġonevoli, jiġifieri ma hijiex relatata mal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u allegati żbalji fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, kif huwa l-każ bir-responsabbiltà Köbler.

36.      It-tielet, teżisti ġurisprudenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-imparzjalità tal-Qorti Ġenerali minħabba l-kompożizzjoni tal-awla li tiddeċiedi. Grupp ta’ kawżi jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom uħud mill-istess imħallfin kienu sedenti f’kulleġġi suċċessivi qabel u wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell (23). Grupp ieħor jikkonċerna l-istess imħallfin sedenti f’kawżi relatati (24). Barra minn hekk, qamet il-kwistjoni dwar allegat kunflitt ta’ interessi fuq il-bażi tal-impjieg preċedenti ta’ mħallef (25). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabet l-ebda problema ta’ imparzjalità fl-ebda waħda minn dawn il-kawżi. Madankollu, dawn il-kawżi huma differenti mill-kawża ineżami peress li ma jikkonċernawx sitwazzjoni fejn l-imħallfin iddeċidew dwar il-ksur tagħhom stess tad-dritt tal-Unjoni.

2.      Ilġurisprudenza talQorti EDB

37.      Bħalma l-Qorti EDB irrikonoxxiet fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6(1) KEDB, fil-parti l-kbira ħafna ta’ kawżi li jirriżultaw minn kwistjonijiet ta’ imparzjalità, hija ffukat fuq l-eżami oġġettiv (26).

38.      Il-Qorti EDB għadha ma ddeċidietx dwar kawża relatata ma’ sitwazzjoni komparabbli li tinvolvi qorti tal-aħħar istanza (27). Madankollu, hemm kawżi li jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza għall-kawża ineżami.

39.      Pereżempju, ċerti kawżi qajmu l-kwistjoni tal-imparzjalità tal-mħallfin li jiddeċiedu jekk kinux wettqu żbalji ta’ interpretazzjoni ġuridika jew ta’ applikazzjoni legali fid-deċiżjoni preċedenti tagħhom. Il-Qorti EDB qieset li dan seta’ jqajjem tħassib iġġustifikat ta’ imparzjalità. Madankollu, f’dawn il-kawżi, huma l-istess imħallfin li ġew mitluba jiddeċiedu jekk wettqux huma stess dawn l-iżbalji, u għalhekk il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB (28). Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, huma mħallfin differenti li għandhom jiddeċiedu dwar it-talba għar-responsabbiltà, minkejja li din hija l-istess qorti.

40.      Barra minn hekk, il-kawżi ta’ Mihalkov vs  Il‑Bulgarija (29), u Boyan Gospodinov vs  Il‑Bulgarija (30), invokati mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kienu jinvolvu talbiet għad-danni minħabba l-kundanna żbaljata tar-rikorrenti. Minbarra x-xejriet fattwali kumplessi f’dawn iż-żewġ kawżi, il-kwistjoni tal-imparzjalità kienet teżisti fil-livell tal-qrati inferjuri li d-deċiżjonijiet tagħhom setgħu jkunu s-suġġett ta’ appell. Il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB peress li, minn naħa, ċerti elementi kienu jqajmu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità fir-rigward tal-qrati ta’ livell inferjuri u, min-naħa l-oħra, il-qrati ta’ livell għoli ma neħħewx dawn id-dubji. Dak li jista’ jkun rilevanti għall-kawża ineżami huwa li l-elementi li wasslu lill-Qorti EDB sabiex tqis bħala fondati d-dubji leġittimi ta’ imparzjalità kienu li l-qrati inferjuri inkwistjoni kienu konvenuti fil-kawżi għad-danni li huma kienu qegħdin jiddeċiedu u li l-kumpens kellu jitħallas mill-baġit ta’ dawn il-qrati.

41.      Fil-qosor, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB ma tagħtix tweġiba ċara fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità jwassalx għall-konklużjoni li qorti tal-aħħar istanza li tiddeċiedi fil-kawża tagħha stess għandhiex dejjem tinftiehem bħala parzjali.

42.      Għaldaqstant, sabiex jiġi applikat l-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità fil-kawża ineżami, huwa importanti li l-ewwelnett jinftiehem fiex jikkonsisti dan l-eżami.

C.      Fiex jikkonsisti leżami oġġettiv ta’ imparzjalità

43.      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, l-imparzjalità suġġettiva tal-imħallfin fil-kulleġġ ġudikanti u li jifformaw il-VAS fil-kawża ineżami ma ġietx ikkontestata.

44.      Din il-kawża pjuttost tirrigwarda l-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità. Hija tistaqsi jekk, mill-perspettiva esterna, il-fatt li l-istess qorti tal-aħħar istanza hija kemm imħallef kif ukoll parti fil-kawża joħloqx il-perċezzjoni ta’ parzjalità.

45.      Għaliex huwa importanti dan?

46.      Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “[d]an [...] huwa marbut mal-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fl-individwi” (31).

47.      L-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità jikkonċerna għalhekk il-funzjoni pubblika tal-prinċipju ta’ imparzjalità ġudizzjarja, minbarra l-garanzija tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq tal-partijiet f’tilwima (32). F’dan is-sens, dan l-eżami jirrigwarda l-apparenzi, jiġifieri jekk dubji raġonevoli dwar l-imparzjalità ġewx eliminati biżżejjed f’għajnejn il-pubbliku (33).

48.      Is-sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami, li fiha qorti tal-aħħar istanza tiddeċiedi dwar rikors ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil dik l-istess qorti, tidher, prima facie, li tista’ tqajjem dubji leġittimi dwar l-imparzjalità ta’ dik il-qorti. Jidher li l-VAS hija judex in causa sua.

49.      Madankollu, mill-pożizzjoni tal-partijiet fil-kawża ineżami jirriżulta li ċerti elementi li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għall-VAS fis-sitwazzjoni inkwistjoni jimmitigaw jew isaħħu din l-apparenza ta’ parzjalità.

50.      Għalhekk jidhirli li jeżistu gradi ta’ probabbiltà li l-imħallfin li jiddeċiedu kawża jkunu parzjali fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ waħda mill-partijiet.

51.      Pereżempju, ir-riskju ta’ parzjalità huwa ogħla jekk l-istess imħallfin jiddeċiedu dwar talba għad-danni li jirriżultaw mid-deċiżjoni tagħhom stess milli jekk din it-talba tiġi deċiża minn awla ta’ mħallfin differenti tal-istess qorti. Ir-riskju ta’ parzjalità huwa saħansitra iktar baxx jekk din it-talba tiġi deċiża minn qorti totalment differenti. Biex nagħmlu pass ieħor, il-probabbiltà ta’ parzjalità hija saħansitra iktar baxxa jekk tkun parti oħra tal-gvern li tiddeċiedi. B’xi mod, kull wieħed minn dawn l-istadji jagħmel it-talba inqas causa sua tal-imħallfin li jiddeċiedu f’għajnejn il-pubbliku.

52.      Jekk jiġi aċċettat li l-imparzjalità ma hijiex assoluta, iżda għandha intensità varjabbli , dan ifisser li l-kwistjoni dwar jekk tneħħewx dubji dwar l-imparzjalità hija wkoll waħda ta’ intensità varjabbli. Il-kwistjoni ssir li nistaqsu f’liema livell ta’ probabbiltà u f’liema kundizzjonijiet huwa possibbli li jiġi konkluż li l-apparenza ta’ imparzjalità f’għajnejn il-pubbliku ġiet issodisfatta b’mod suffiċjenti.

53.      Din il-kwistjoni, kif issuġġerit mill-Kummissjoni, tiddependi fuq elementi differenti fl-ordinament ġuridiku partikolari. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din ma tistax tingħata risposta b’mod ġenerali għall-Istati Membri kollha. Pereżempju, xi Stati Membri jista’ jkollhom biss qorti waħda tal-aħħar istanza fil-ġerarkija ġudizzjarja, filwaqt li oħrajn jista’ jkollhom tnejn jew iktar (34). L-Istati Membri jista’ jkollhom raġunijiet differenti għalfejn jorganizzaw il-ġudikatura tagħhom b’ċertu mod.

54.      Fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull ordinament ġuridiku, is-soluzzjoni aċċettabbli tiddependi minn eżerċizzju ta’ bbilanċjar li, sabiex iwieġeb jekk huwiex possibbli li jintlaħaq livell iktar baxx ta’ probabbiltà ta’ parzjalità, jieħu inkunsiderazzjoni interessi oħra ta’ dan l-ordinament (35). Fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità ġudizzjarja, l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali għandhom jagħtu piż kunsiderevoli lil dan il-prinċipju fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar.

55.      Għaldaqstant, il-mistoqsija li għandha tiġi mwieġba f’kull każ hija jekk ir-regola kif applikata tissodisfax l-iktar livell baxx ta’ probabbiltà ta’ parzjalità possibbli fil-kuntest ta’ ordinament ġuridiku partikolari. Il-qorti li twieġeb din il-mistoqsija għandha tivverifika jekk in-nuqqas ta’ elementi addizzjonali li jippermettu li jiġi ssodisfatt livell ta’ probabbiltà ta’ parzjalità saħansitra iktar baxx huwiex iġġustifikat minn interessi oħra ta’ dan l-ordinament.

56.      Tali rekwiżit ta’ bbilanċjar ma huwiex ġdid fid-dritt tal-Unjoni. Imsejjaħ mill-istudjużi bħala r-regola proċedurali tar-raġuni (36), tali rekwiżit ġie elaborat f’kawżi li jqajmu mistoqsijiet dwar l-effettività tar-regoli nazzjonali fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali nazzjonali (37).

D.      Leżami oġġettiv ta’ imparzjalità filkawża ineżami

57.      Isegwi li r-risposta għad-domanda magħmula hija, finalment, f’idejn il-qorti tar-rinviju. Hija dik il-qorti, pjuttost milli l-Qorti tal-Ġustizzja, li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni interessi oħra tal-ordinament ġuridiku Bulgaru biex tevalwa jekk regola li tippermetti lill-VAS tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tagħha hijiex fil-fatt l-iktar livell baxx ta’ probabbiltà ta’ parzjalità possibbli.

58.      Xi jrid jiġi evalwat?

59.       Fuq il-bażi tal-informazzjoni mqiegħda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li hemm diversi elementi li jistgħu jkunu kapaċi jneħħu dubji dwar l-imparzjalità tal-VAS fil-kawża preżenti. Dawn l-elementi jikkonċernaw ir-rikors quddiem awla differenti jew anki qorti differenti, l-identità tal-konvenut u r-regoli baġitarji rilevanti.

1.      Ilkawża hija deċiża minn awla differenti

60.      L-ewwel, kif indikat mill-Gvern Bulgaru u mill-VAS, rikorsi għad-danni fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tal‑Unjoni attribwibbli għall-VAS jinstemgħu minn awla differenti tal-VAS komposta minn imħallfin differenti minn dawk li taw id-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (38).

61.      Dan l-element jidher li jista’ jimmitiga dubji leġittimi dwar l-imparzjalità ta’ din il-qorti sa ċertu punt.

62.      F’dan ir-rigward, minn analiżi komparattiva sommarja jirriżulta li dan huwa konformi mal-prattika ta’ ċerti qrati oħra tal-Istati Membri. F’diversi sitwazzjonijiet fejn il-qrati tal-aħħar istanza ddeċidew dwar talbiet għar-responsabbiltà Köbler li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lilhom, ma tqajmet l-ebda kwistjoni ta’ imparzjalità la mill-partijiet u lanqas mill-imħallfin stess (39). Ċerti qrati nazzjonali kkunsidraw li ma hemm l-ebda problema ta’ imparzjalità meta l-qorti tiddeċiedi f’kompożizzjoni differenti (40).

63.      Kwistjoni relatata li tista’ tkun importanti, u li ġiet diskussa fl-osservazzjonijiet tal-partijiet, hija l-mod kif jiġu assenjati l-kawżi. Jekk l-awla li tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà fil-kawża partikolari tintgħażel b’mod każwali, dan jista’ jimmitiga d-dubji leġittimi dwar in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-awla tal-VAS li tiddeċiedi l-kawża.

2.      Il-kawża hija deċiża minn qorti oħra

64.      Awla oħra diġà żżid id-distanza bejn il-qorti bħala mħallef u l-qorti bħala parti. Madankollu, jekk ir-rikors jiġi deċiż minn qorti oħra, kif issostni Vivacom, dan ikun jista’ jneħħi, iktar u iktar, id-dubji dwar parzjalità potenzjali.

65.      Bi tweġiba għall-argument ta’ Vivacom, il-Gvern Bulgaru u l-VAS jispjegaw li ma hemm l-ebda mekkaniżmu previst mid-dritt Bulgaru li jippermetti lil qrati oħra jisimgħu rikorsi għad-danni fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lill-VAS.

66.      Fl-applikazzjoni tal-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa għalhekk jekk l-impossibbiltà, skont id-dritt nazzjonali, li tittrasferixxi l-kawża lil qorti oħra tistax tiġi ġġustifikata.

67.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Bulgaru u l-VAS isostnu li dan id-dritt nazzjonali jirrifletti l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jallinja r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi u l-kompetenzi fil-qasam amministrattiv sabiex tiġi stabbilita sistema koerenti ta’ ġustizzja amministrattiva. Il-fatt li jkun hemm qrati differenti li jiddeċiedu rikorsi li jinvolvu kwistjonijiet amministrattivi ma jieħux inkunsiderazzjoni s-sistema ġudizzjarja kif stabbilita mill-Kostituzzjoni Bulgara u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, li skonthom il-qrati amministrattivi għandhom il-ġurisdizzjoni tagħhom stess fi kwistjonijiet amministrattivi.

68.      Naturalment, wieħed jista’ jimmaġina sistema ġudizzjarja differenti minn dik fil-Bulgarija. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-obbligu impost fuq il-qrati nazzjonali li jikkonstataw il-livell ta’ probabbiltà l-iktar baxx possibbli ta’ parzjalità ma jeħtieġx reviżjoni tas-sistemi ġudizzjarji eżistenti tal-Istati Membri. Dan huwa partikolarment il-każ meta tali sistema ġudizzjarja jkollha garanziji strutturali oħra ta’ imparzjalità. Fil-kawża ineżami, ma tqajmu l-ebda kwistjonijiet sistemiċi dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-qrati fil-Bulgarija.

69.      Konsegwentement, jiena nqis li l-argumenti mressqa mill-Gvern Bulgaru u mill-VAS huma aċċettabbli sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni li tinżamm il-ġurisdizzjoni fuq talbiet għar-responsabbiltà fi ħdan is-sistema tal-qrati amministrattivi, anki jekk dan ifisser li l-istess qorti, f’każ ta’ appell, tiddeċiedi fuq ir-responsabbiltà tagħha stess.

3.      Fuq lidentità talkonvenut

70.      Fis-sentenza Köbler, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ir-responsabbiltà tal-Istat għal ksur imwettaq mill-qrati tal-aħħar istanza. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi li l-Istat huwa konvenut, u mhux neċessarjament il-qorti li l-allegat ksur tagħha tad-dritt tal-Unjoni huwa inkwistjoni.

71.      Il-fatt li l-Istat ikun formalment il-konvenut, u mhux il-qorti stess, jidher li jtejjeb l-apparenza ta’ imparzjalità. Dan għaliex il-pubbliku x’aktarx jipperċepixxi bħala distint ir-rwol tal-Istat bħala parti minn dak tal-qorti li taġixxi bħala qorti f’din il-kawża.

72.      Fil-kawża ineżami, dan l-element ma huwiex kompletament ċar. Skont l-argumenti ta’ Vivacom, il-VAS hija l-konvenuta fil-kawża prinċipali, li fiha hija diġà esprimiet il-pożizzjoni tagħha (41). Għall-kuntrarju, skont l-argumenti tal-VAS, skont id-dritt Bulgaru, f’rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà taqa’ fuq l-Istat, u mhux fuq il-qorti li kkawżat id-dannu lil individwu permezz tad-deċiżjoni tagħha. Konsegwentement, il-VAS issostni wkoll li, fil-kawża ineżami, il-VAS bħala entità ġuridika indikata bħala konvenuta mil-liġi applikabbli hija s-sostitut proċedurali tal-Istat (42).

73.      Fil-fehma tiegħi, anki jekk sempliċi kwistjoni formali, l-indikazzjoni tal-Istat Bulgaru bħala konvenut minflok il-VAS tkun iktar probabbli li tneħħi d-dubji dwar il-parzjalità tal-VAS f’din it-tilwima. L-importanza li għandha tingħata lil din ir-regola partikolari fl-eżerċizzju tal-ibbilanċjar taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali.

4.      Regoli baġitarji

74.      Kwistjoni marbuta mill-qrib mal-identità tal-konvenut hija l-kwistjoni tal-finanzi. Il-kwistjoni hawnhekk hija dwar min iħallas id-danni jekk tiġi stabbilita r-responsabbiltà Köbler. Ir-regoli baġitarji applikabbli għalhekk jistgħu jimmitigaw jew isaħħu d-dubji dwar l-imparzjalità.

75.      Il-ħlas tad-danni mill-baġit tal-Istat minflok mill-baġit tal-qorti kkonċernata jista’ iktar ineħħi d-dubji dwar l-imparzjalità ta’ din il-qorti.

76.      Madankollu, fil-kawża ineżami, jidher li, jekk ir-rikors għad-danni jintlaqa’, l-ammonti li jingħataw jitnaqqsu mill-baġit tal-VAS.

77.      Dan ma għandux, fih innifsu, iwassal għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ problema ta’ imparzjalità. Kif indikat mill-VAS u l-Gvern Bulgaru, u mhux kontradett minn Vivacom, l-għoti tad-danni ma jaffettwax ir-remunerazzjoni jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-imħallfin. L-eżistenza ta’ linja distinta fil-baġit tal-qorti kienet fattur meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti EDB sabiex tiddistingwi s-sentenza tagħha f’Mihalkov  vs Il‑Bulgarija u tikkonkludi f’kawża differenti li ma kienx hemm problema ta’ imparzjalità (43).

78.      Id-dikjarazzjoni li l-Istat huwa l-vera konvenut hija diffiċilment konċiljabbli mal-fatt li d-danni jitħallsu mill-baġit tal-VAS. Madankollu, għalkemm din l-aħħar regola baġitarja għandha ġustifikazzjoni, pereżempju, fl-organizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Bulgarija, ir-regola inkwistjoni tista’ xorta waħda tgħaddi mill-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità. Din hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali.

79.      Fil-qosor, id-deċiżjoni dwar l-imparzjalità f’kawża konkreta tiddependi fuq elementi differenti tal-ordinament ġuridiku nazzjonali meħuda flimkien u fuq il-mod kif dawn jirrelataw ma’ xulxin.

80.      Jidhirli li l-elementi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami, dwar l-eżistenza ta’ awla differenti, l-identità tal-konvenut u r-regoli baġitarji rilevanti, ineħħu b’mod suffiċjenti d-dubji leġittimi dwar in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-VAS fid-deċiżjoni dwar rikors għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lilha.

IV.    Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija):

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

ma jipprekludux regoli nazzjonali li skonthom rikors għad-danni bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil qorti tal-aħħar istanza għandu jiġi eżaminat minn dik il-qorti, u li fih dik l-istess qorti hija konvenuta, meta dawn ir-regoli jissodisfaw l-iktar livell baxx ta’ probabbiltà ta’ parzjalità possibbli fil-kuntest ta’ ordinament ġuridiku partikolari.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina din il-kwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi interessi mfittxija fis-sistema ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istat Membru inkwistjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara Geyh, C.G., “The Dimensions of Judicial Impartiality”, Florida Law Review, Vol. 65, Nru 2, 2014, p. 493, b’mod partikolari p. 498.


3      ĠU 2006, L 347, p.1, rettifika fil-ĠU 2007.


4      Il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2c(1)(1) taz-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni; iktar ’il quddiem iż-“ZODOV”), li tirregola l-proċedura relatata ma’ rikorsi għad-danni fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni kontra l-Istat, u tindika li, fil-każ ta’ danni li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-qrati amministrattivi u tal-VAS, dawn il-proċeduri huma suġġetti għall-Administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva; iktar ’il quddiem l-“APK”). Skont l-Artikolu 128(1)(6) tal-APK, rikorsi għad-danni li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-qrati amministrattivi u l-VAS jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi, u taħt l-Artikolu 203(3) tiegħu, dan jinkludi rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.


5      Il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’dan ir-rigward, li l-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB fis-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Boyan Mihalkov vs  Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2008:0410JUD006771901), u tal‑10 ta’ Settembru 2018, Gospodinov vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2018:0405JUD002841707), iżda mhux fid-deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Valcheva u Abrashev vs  Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2013:0618DEC000619411) u tat‑18 ta’ Ġunju 2023, Balakchiev et vs  Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2013:0618DEC006518710).


6      Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003 (C‑224/01, EU:C:2003:513, b’mod partikolari l-punti 30 sa 50). Din is-sentenza bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza preċedenti, inklużi s-sentenzi seminali tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, b’mod partikolari l-punt 35), u tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, b’mod partikolari l-punt 31), li stabbilixxew li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għat-telf u d-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lill-Istat huwa inerenti fis-sistema tat-Trattati. Ara, iktar reċentement, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 92), u tal‑24 ta’ Novembru 2022, Varhoven administrativen sad (Tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata) (C‑289/21, EU:C:2022:920, punt 35).


7      Għal diskussjoni ġenerali, ara, pereżempju, Granger, M.-P. F., “Francovich liability before national courts: 25 years on, has anything changed?’, f’Giliker, P. (editur), Research Handbook on EU Tort Law, Edward Elgar, Cheltenham u Northampton, 2017, p. 93; Varga, Z., The Effectiveness of the Köbler Liability in National Courts, Hart, Oxford, 2020.


8      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, b’mod partikolari l-punti 21, 28 u 44). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:207, b’mod partikolari l-punti 18 u 21).


9      Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler(C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 45). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:207, punti 107 sa 114).


10      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 47).


11      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35), u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 69).


12      L-Avukat Ġenerali Emiliou rrileva fil-konklużjonijiet tiegħu f’Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (C‑216/21, EU:C:2023:116, punt 26) li huwa ċar li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jeżisti prinċipju wieħed ta’ indipendenza ġudizzjarja u li kemm il-kontenut tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa essenzjalment l-istess f’termini ta’ indipendenza ġudizzjarja.


13      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 57 u 58), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 93 u 94).


14      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 121 u 122), u tat‑18 ta’ April 2024, OT et (Tneħħija ta’ Qorti) (C‑634/22, EU:C:2024:340, punt 35).


15      F’kawżi sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur ġudizzjarju tad-dritt tal-Unjoni stabbilit f’Köbler, iżda fl-ebda waħda minn dawn il-kawżi ma qamet din il-kwistjoni ta’ imparzjalità ġudizzjarja. Fil-fatt, sal-lum, il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fihom hija inkwistjoni r-responsabbiltà Köbler, ġeneralment joriġinaw minn rinviji mressqa minn qrati inferjuri jew b’mod ieħor differenti li jiddeċiedu dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil qrati tal-aħħar istanza. Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513) (qorti tal-ewwel istanza); tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391) (qorti tal-ewwel istanza); tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565) (qorti tal-ewwel istanza); tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602) (l-istatus tal-qorti bħala qorti tal-aħħar istanza ma huwiex ċar); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630) (qorti differenti). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll dwar azzjonijiet dwar ksur kontra Stati Membri fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn qrati tal-aħħar istanza, li lanqas ma qajmu din il-kwistjoni. Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, EU:C:2003:656); tat‑12 ta’ Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja  (C‑154/08, EU:C:2009:695); tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811); u tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema) (C‑516/22, EU:C:2024:231); ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑379/10, EU:C:2011:775) (nuqqas ta’ implimentazzjoni tas-sentenza  Traghetti ċċitata iktar ’il fuq).


16      Għal selezzjoni, ara, pereżempju, Toner, H., “Thinking the Unthinkable? State Liability for Judicial Acts after Factortame (III)”, Yearbook of European Law, Vol. 17, No 1, 1997, p. 165, b’mod partikolari p. 187 u 188; Anagnostaras, G., “The Principle of State Liability for Judicial Breaches: The Impact of European Community Law”, European Public Law, Vol. 7, No 2, 2001, p. 281, b’mod partikolari p. 295 u 296; Garde, A., “Member States’ liability for judicial acts or omissions: much ado about nothing?”, Cambridge Law Journal, Vol. 63, No 3, 2004, p. 564, b’mod partikolari p. 566 u 567; van Dam, C., European Tort Law, Second edition, Oxford University Press, Oxford, 2013, p. 47; Demark, A., “Contemporary Issues regarding Member State Liability for Infringements of EU Law by National Courts”, EU and Comparative Law Issues and Challenges Series, Vol. 4, 2020, p. 352, b’mod partikolari p. 372.


17      Xi studjużi ddiskutew l-istabbiliment ta’ proċeduri speċjali jew qrati speċjali għat-talbiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà Köbler. Ara, pereżempju, Wattel, P. J., “Köbler, CILFIT and Welthgrove: We Can’t Go On Meeting Like This”, Common Market Law Review, Vol. 41, No 1, 2004, p. 177, b’mod partikolari p. 180. Studjużi oħra kkontemplaw li jafdaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-ġurisdizzjoni fuq tali talbiet. Ara, pereżempju, Hofstötter, B., Non-Compliance of National Courts – Remedies in European Community Law and Beyond, TMC Asser Press, The Hague, 2005, b’mod partikolari p. 165 sa 175.


18      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 128) (b’riferiment għall-Qorti EDB, s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs  Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:2003:0506JUD003934398), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs  Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113)).


19      Għal sommarju tal-ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Il‑Parlament vs UZ (C‑894/19 P, EU:C:2021:497, punti 54 sa 118).


20      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium (C‑517/09, EU:C:2010:821, b’mod partikolari l-punti 41 sa 47); tal‑31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, b’mod partikolari l-punti 45 sa 51); tad‑9 ta’ Ottubru 2014, TDC  (C‑222/13, EU:C:2014:2265, b’mod partikolari l-punt 37); tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, b’mod partikolari l-punti 72 sa 74); u tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail (C‑453/20, EU:C:2003:341, b’mod partikolari l-punti 63 sa 71).


21      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion (C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punti 27 sa 40).


22      F’dan ir-rigward, nirrileva li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punti 74 sa 85), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-responsabbiltà Köbler hija trasponibbli għas-sistema li tirregola r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi assimilata ma’ qorti ta’ Stat Membru li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza, b’tali mod li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistax jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni; minflok, il-preżentata ta’ appell hija l-mezz xieraq sabiex jiġu kkorreġuti l-iżbalji mwettqa fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.


23      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 44 sa 61), u tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il‑Kunsill (C‑413/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1044, punti 45 sa 63).


24      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament (C‑308/07 P, EU:C:2009:103, punti 41 sa 50).


25      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni (C‑130/21 P, EU:C:2022:226, punti 15 sa 25).


26      Il-Qorti EDB żiedet li ma hemmx diviżjoni ċara bejn l-imparzjalità suġġettiva u oġġettiva, peress li l-aġir ta’ mħallef mhux biss jista’ jqajjem dubji oġġettivi dwar l-imparzjalità mill-perspettiva tal-osservatur estern (eżami oġġettiv), iżda jista’ wkoll jidħol fil-kwistjoni tal-konvinzjonijiet personali tiegħu jew tagħha (eżami suġġettiv). Ara, pereżempju, Qorti EDB, 23 ta’ April 2015, Morice vs  Franza (CE:ECHR:2015:0423JUD002936910, punt 75), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs  Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 146).


27      Bħalissa hemm kawża pendenti quddiem il-Qorti EDB dwar kwistjoni simili għall-kawża ineżami. Ara Qorti EDB, Doynov vs  Il‑Bulgarija (Rikors Nru 27455/22), Sommarju Legali, Mejju 2023, li tinvolvi rikors ippreżentat skont l-Artikolu 6(1) KEDB ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-VAS biex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tagħha stess dwar allegat ksur tad-dritt tal‑Unjoni.


28      Ara Qorti EDB, s-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2004, San Leondard Band Club vs  Malta (CE:ECHR:2004:0729JUD007756201, punti 61 sa 66), u tas‑7 ta’ Lulju 2020, Scerri vs Malta (CE:ECHR:2020:0707JUD003631818, punti 75 sa 81.).


29      Ara Qorti EDB, sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008 (CE:ECHR:2008:0410JUD006771901, punti 46 sa 51).


30      Ara Qorti EDB, sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2018 (CE:ECHR:2018:0405JUD002841707, punti 54 sa 60).


31      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 128) (li tirreferi għall-Qorti EDB, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:2003:0506JUD003934398), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs  Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113)).


32      Qabbel ma’ Geyh, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jiddistingwi bejn id-dimensjonijiet proċedurali, politiċi u etiċi tal-imparzjalità.


33      Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-perspettiva ta’ parti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni iżda ma għandhiex rwol deċiżiv. L-element determinanti huwa jekk it-tħassib inkwistjoni jistax jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat.” Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 129).


34      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑385/07 P, EU:C:2009:210, punt 337), li fiha huwa qies li kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbiltà għad-danni fis-sistema ġudizzjarja fil-livell tal-Unjoni huwa li din is-sistema hija komposta biss minn żewġ qrati.


35      Dwar l-ibbilanċjar ta’ interessi oħra mal-prinċipju ta’ nemo judex in causa sua, ara Vermeule, A., “Contra Nemo Iudex in sua Causa: The Limits of Impartiality”, Yale Law Journal, Vol. 122, Nru 2, 2012, p. 384.


36      Ara Prechal, S., “Community Law in National Courts: The Lessons from Van Schijndel”, Common Market Law Review, Vol. 35, No 3, 1998, p. 681, b’mod partikolari p. 690.


37      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14), u tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 19). Ara wkoll, iktar reċentement, pereżempju, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 63), u tat‑23 ta’ Novembru 2023, Provident Polska (C‑321/22, EU:C:2023:911, punt 63).


38      Kif tindika wkoll il-VAS, l-attività ġudizzjarja ta’ dik il-qorti hija eżerċitata fil-forma ta’ kulleġġi ta’ tliet jew ħames membri u kull kulleġġ kulleġġjali huwa awtonoma, mingħajr ebda forma ta’ interazzjoni mal-kulleġġi kulleġġjali l-oħra jew mal-imħallfin l-oħra tal-VAS.


39      Pereżempju, f’żewġ kawżi, ir-responsabbiltà ġiet ikkonstatata minn qrati ta’ istanza inferjuri, iżda dawn is-sentenzi ġew annullati fl-appell mill-qrati tal-aħħar istanza li l-applikazzjoni żbaljata tagħhom tad-dritt tal-Unjoni kienet inkwistjoni u ma tqajmet l-ebda kwistjoni ta’ imparzjalità. Ara l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2016 (15-21.438; FR:CCASS:2016:AP00630); Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, Il-Portugall), sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2009 (9180/07.3TBBRG.G1.S1). Dawn iż-żewġ kawżi huma diskussi minn Varga, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 57 u 58. Ara wkoll Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2022 (3-20-1684).


40      Ara, pereżempju, Grondwettelijk Hof vs Cour constitutionnelle, (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), sentenza tat‑23 ta’ Frar 2017 (29/2017); Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), sentenza tal‑1 ta’ April 2022 (443882; FR:CECHR:2022:443882.20220401); Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2018 (17/00424; NL:HR:2018:2396).


41      Jista’ wkoll jiġi implikat li l-VAS hija formalment konvenuta fil-kawża ineżami mill-ewwel paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tiddeskrivi l-kawża ineżami bħala Vivacom Bulgaria EAD vs Varhoven administrativen sad u Natsionalna agentsia za prihodite, kif ukoll il-fatt li hija ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.


42      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-VAS tindika li, fil-każijiet kollha ta’ responsabbiltà koperti miż-ZODOV u fuq kollox fir-rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà taqa’ fuq l-Istat, u mhux fuq il-qorti li kkawżat id-dannu lil individwu permezz tad-deċiżjoni tagħha, kif jindikaw il-kawżi interpretattivi 5/2013 u 7/2014 tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija).


43       Ara Qorti EDB, deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Valcheva and Abrashev vs  Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2013:0618DEC000619411, punt 100), u tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Balakchiev et vs  Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2013:0618DEC006518710, punt 61).