Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Settembru 2008 - Bank Melli Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-390/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Bank Melli Iran (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: L. Defalque, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE tat-23 ta' Ġunju 2008, fil-paragrafu 4 tal-parti B tal-Anness dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, safejn huma applikabbli għal Melli Bank Iran, u l-fergħat u s-sussidjarji tagħha;

sussidjarjament, tiddikjara l-inapplikabbiltà, għall-preżenti kawża bis-saħħa tal-Artikolu 241 KE, tal-Artikoli 15.2 u 7.2 tar-Regolament 423/2007 tal-Kunsill tad-19 ta' April 2007;

f'kull każ, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-preżenti kawża, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2008/475/KE tal-Kunsill, tat-23 ta' Ġunju 2008, li timplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran 1, safejn ir-rikorrenti tinsab inkluża fil-lista tal-persuni fiżiċi u tal-persuni, entitajiet u korpi legali li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom jinsabu ffriżati b'applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi bbażati fuq:

ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali tat-Trattat KE, tar-regoli tad-dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, ta' abbuż ta' poter, kif ukoll ta' non-osservanza tal-Artikolu 7(2) tal-pożizzjoni komuni 2007/140/PESC 2, peress li d-deċiżjoni ġiet adottata minkejja r-regola tal-unanimità prevista fl-Artikolu 7(2) tal-pożizzjoni komuni 2007/140/PESC;

b'mod inċidentali, eċċezzjoni ta' illegalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 3, li jipprevedi vot b'maġġoranza kwalifikata;

ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, sa fejn il-Kunsill impona l-iffiżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti mingħajr ma applika din il-miżura għal banek Iranjani oħra li jinsabu f'kundizzjonijet identiċi;

ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li l-Kunsill impona l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti meta r-Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kienet sempliċement talbet lill-Istati sabiex josservaw viġilanza fil-konfront tal-attivitajiet imwettqa mill-istituti finanzjarji stabbiliti fit-territorju tagħhom mal-banek stabbiliti fl-Iran, inkluża r-rikorrenti;

ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt ta' smiegħ xieraq u tad-dritt ta' rimedju ġudizzjarju effettiv, sa fejn i) intalab biss lill-Istati, fir-Riżoluzzjoni 1803 (2003), li josservaw viġilanza u ii) ir-rikorrenti ma kinitx issemmiet fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti [riżoluzzjonijiet 1737 (2006) u 1747 (2007)]; barra minn hekk, l-elementi li r-rikorrenti tqieset responsabbli għalihom ma ġewx innotifikati lilha;

ksur tad-dritt fundamentali tar-rispett tal-proprjetà;

ksur tal-Artikolu 15(3) tar-regolament Nru 423/2007, sa fejn il-Kunsill kellu jagħti motivazzjonijiet individwali u speċifiċi għad-deċiżjoni tiegħu fil-konfront tas-sempliċi obbligu ta' viġilanza msemmi fir-Riżoluzzjoni 1803 (2008), u fil-konfront tat-trattament irriżervat lill-banek Iranjani l-oħra;

ksur tal-kompetenzi tal-Komunità, peress li l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti jikkostiwixxi sanzjoni kważi kriminali u dan iktar u iktar meta mhijiex f'dan il-każ traspożizzjoni ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, peress li r-Riżoluzzjoni 1803 (2008) ma tipprovdi għal l-ebda miżura ta' ffriżar.

____________

1 - ĠU L 163, p.29.

2 - Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESC tal-Kunsill, tas-27 ta' Frar 2007, dwar l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 61, p. 49).

3 - Regolament (KE) Nru 423/2007 tal-Kunsill, tad-19 ta' April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 103, p. 1).