Language of document : ECLI:EU:T:2007:121

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Mejju 2007 (*)

“Sajd – Żvilupp tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd ta’ l-Istat Membri − Skema ta’ dħul u ta’ ħruġ – Kumitat għas-Sajd u l-Akwakultura – Sistema lingwistika”

Fil-kawża T‑219/04,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. van Rijn u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003, tat-12 ta’ Awwissu 2003, li jippreskrivi regoli ta’ implementazzjoni dwar il-Politika tal-Komunità dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (ĠU L 204, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikoli 11 sa 13 tal-Kapitolu III u l-Artikoli 30 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, p. 59) jipprovdu li:

Artikolu 11

Aġġustament tal-kapaċità għas-sajd

1. L-Istati Membri għandhom iwettqu miżuri li jaġġustaw il-kapaċità għas-sajd tal-flotot tagħhom biex jiksbu bilanċ stabbli u kontinwu bejn dik il-kapaċità għas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livelli ta’ referenza espressi f’[GT] u kW tal-kapaċità għas-sajd imsemmija fl-Artikolu 12 u l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu ma jinqabżux.

[…]

4. Meta tingħata għajnuna pubblika għall-irtirar mill-kapaċità għas-sajd li tmur lilhinn mit-tnaqqis ta’ kapaċità meħtieġa għall-konformità mal-livelli ta’ referenza skond l-Artikolu 12(1), l-ammont ta’ kapaċità irtirata għandu jitnaqqas awtomatikament mil-livelli ta’ referenza. Il-livelli ta’ referenza li jirriżultaw għandhom ikunu l-livelli ta’ referenza ġodda.

5. Fuq bastimenti tas-sajd ta’ 5 snin jew aktar, il-modernizzazzjoni ’l fuq mill-gverta prinċipali biex ittejjeb is-sigurtà ta’ abbord, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene, u l-kwalità tal-prodott tista’ żżid it-tunnellaġġ tal-bastiment, basta li din il-modernizzazzjoni ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut. Il-livelli ta’ referenza skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12 għandhom jiġu adattati skond dan. Il-kapaċità korrispondenti m’hemmx għalfejn tittieħed f’konsiderazzjoni għall-istabbiliment tal-bilanċ ta’ dħul u ħruġ minn Stati Membri skond l-Artikolu 13.

Ir-regoli dettaljati u l-kondizzjonijiet għal dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2).

Artikolu 12

Livelli ta’ referenza għall-flotot tas-sajd

1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi għal kull Stat Membru livelli ta’ referenza espressi f’[GT] u kW tal-kapaċità għas-sajd totali tal-bastimenti tal-Komunità li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2).

Il-livelli ta’ referenza għandhom ikunu t-total ta’ l-għanijiet tal-Programm ta’ Gwida għal Numru ta’ Snin 1997-2002 għal kull segment kif iffissat għall-31 ta’ Diċembru 2002 skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE.

2. Regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2).

Artikolu 13

Skema ta’ Dħul/Ħruġ u tnaqqis ta’ kapaċità totali

1. L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw dħul fil-flotta u ħruġ mill-flotta b’mod illi, mill-1 ta’ Jannar 2003:

(a)      id-dħul ta’ kapaċità ġdida fil-flotta mingħajr għajnuna pubblika ikun kumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika ta’ mill-inqas l-istess ammont ta’ kapaċità;

(b)      id-dħul ta’ kapaċità ġdida fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-1 ta’ Jannar 2003 ikun kumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika ta’ :

(i)      mill-inqas l-istess ammont ta’ kapaċità, għad-dħul ta’ bastimenti ġodda ta’ 100 [GT] jew inqas, jew

(ii)      mill-inqas 1.35 darbiet l-ammont ta’ dik il-kapaċità, għad-dħul ta’ bastimenti ġodda ta’ aktar minn 100 [GT].

2.      Mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2004 kull Stat Membru li jagħżel li jidħol għal impenji ġodda ta’ għajnuna pubblika għal tiġdid tal-flotta wara l-31 ta’ Diċembru 2002 għandu jikseb tnaqqis mill-kapaċità totali tal-flotta tiegħu ta’ 3 % għall-perjodu kollu f’paragun mal-livelli ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 12.

3.      Regoli ta’ implementazzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu adot[t]ati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2).

[…]

Artikolu 30

Kumitat għas-sajd u l-akwakultura

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat għas-Sajd u l-Akwakultura.

2. Meta ssir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ 20 jum ta’ xogħol.

[…]

4.      Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

[…]

Artikolu 36

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003.”

2        L-Artikoli 6, 7 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003, tat-12 ta’ Awwissu 2003, li jippreskrivi regoli ta’ implementazzjoni dwar il-Politika tal-Komunità dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (ĠU L 204, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), jistabbilixxi li :

Artikolu 6

Kapaċità tal-flotta fl-1 ta’ Jannar 2003

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7 il-kapaċità għas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ (GT03) u potenza (kW03) fl-1 ta’ Jannar 2003 għandha tkun determinata waqt li jitqies, skond l-Anness II, id-dħul ta’ bastimenti li jkun bażat fuq deċiżjoni amministrattiva mill-Istat Membru konċernat li tkun ittieħdet bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002 bi qbil mal-leġislazzjoni applikabbli f’dak iż-żmien, u partikolarment skond is-sistema ta’ dħul/ħruġ notifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 97/413/KE, u li jseħħ mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-deċiżjoni amministrattiva. 

Artikolu 7

Monitoraġġ ta’ dħul u ħruġ

1. Biex jitħares l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 kull Stat Membru għandu jiżgura li f’kull ħin il-kapaċità għas-sajd f’tunnellaġġ (GTt) hi ugwali jew inqas mill-kapaċità għas-sajd fl-1 ta’ Jannar 2003 (GT03), kif aġġustata:

(a) billi jitnaqqsu: 

(i)       it-total ta’ tunnellaġġ ta’ bastimenti li joħorġu mill-flotta b’għajnuna pubblika wara l-31 ta’ Diċembru 2002 (GTa);

(ii)      35 % tat-total ta’ tunnellaġġ ta’ bastimenti b’aktar minn 100 GT li jidħlu fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l-31 ta’ Diċembru 2002 (GT100);

(b)      billi jiżdiedu :

(i)      iż-żidiet fit-total ta’ tunnellaġġ skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (GTS);

(ii)      ir-riżultat tal-kejl mill-ġdid tal-flotta [Δ (GT ‑ GRT)].

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-formola li ġejja tkun imħarsa :

GTt ≤ GT03 - GTa – 0.35 GT100 + GTS + Δ (GT - GRT)

[…] 

Artikolu 14

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2003.”

3        L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1997, dwar l-għanijiet u r-regoli dettaljati intiżi għar-ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd Komunitarju għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001, bil-għan li jintlaħaq ekwilibriju sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-isfruttament tagħhom (ĠU L 175, p. 27), li ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi sistema Komunitarja tas-sajd u ta’ l-akwakultura (ĠU L 389, p. 1), jipprovdi li:

“Fost il-mezzi sabiex jitnaqqas l-isforz tas-sajd, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, fil-programm tiegħu, it-tnaqqis tal-kapaċità ta’ kull taqsima tal-flotta li jippermettilu jikseb l-għanijiet mixtieqa. Dan it-taqqis tal-kapaċità huwa assigurat mill-implementazzjoni, f’kull Stat Membru, ta’ skema permanenti ta’ kontroll tat-tiġdid tal-flotta. Din l-iskema tistabbilixxi, taqsima b’taqisma, ir-rapport dħul/ħruġ tal-bastimenti li jassigura, għall-perijodu kkonċernat, li l-kapaċità tas-sajd skond it-tip ta’ bastiment titnaqqas sal-livelli stabbiliti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 1958, p. 385) jipprovdi li :

“Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta’ dak l-Istat.”

5        L-Artikolu 6 ta’ l-istess regolament jipprovdi li :

“L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

6        L-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23), jistabbilixxu li :

Artikolu 4

Proċedura ta’ l-amministrazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat ta’ l-amministrazzjoni magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f’limitu ta’ żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, tadotta miżuri li għandhom ikunu jgħoddu minnufih. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F’dak il-każ, il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi l-applikazz[j]oni tal-miżuri li tkun iddeċidiet fuqhom għal perjodu li għandu jiġi stabbilit f’kull strument bażiku iżda li fl-ebda każ ma jkun jeċċedi t-tliet xhur mid-data ta’ komunikazzjoni ta’ dik ix-xorta.

4. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fil-perjodu previst fil-paragrafu 3.

[…]

Artikolu 7

1. Kull kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura fuq proposta mill-president tiegħu, fuq il-bażi tar-regoli standard tal-proċedura li għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Safejn ikun meħtieġ il-kumitati eżistenti għandhom jadattaw ir-regoli tagħhom ta’ proċedura skond ir-regoli standard ta’ proċedura.

[…]”.

7        Fl-aħħar nett, l-Artikoli 3, 4 u 9 tar-regoli tal-proċedura tal-Kumitat tas-Sajd u ta’ l-Akwakultura, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fiż-żmien tal-fatti, jipprovdu li :

Artikolu 3

L-istedina għal-laqgħat, l-aġenda kif ukoll l-proposti ta’ miżuri li fir-rigward tagħhom tkun mitluba l-opinjoni tal-kumitat u kull dokument ieħor ta’ xogħol għandhom jintbagħtu mill-president lir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri tal-Kumitat skond il-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9.

Dawn id-dokumenti għandhom jaslu għand ir-rappreżentanzi permanenti ta’ l-Istati Membri mhux aktar tard minn tmint ijiem qabel id-data tal-laqgħa […]

Artikolu 4

Fil-każ li tintalab opinjoni, jekk isiru tibdiliet sostanzjali tal-proposta, jew jekk proposta, li s-suġġett tagħha jkun inkluż fl-aġenda, tkun ġiet ippreżentata fil-laqgħa, jew jekk kwistjoni ġdida tkun ġiet inkluża fl-aġenda, il-president, fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru, għandu jħalli l-vot għall-aħħar tal-laqgħa; f’każ ta’ diffikultajiet partikolari, huwa għandu jipposponi l-laqgħa għall-għada.

[…]

Artikolu 9

[…]

Il-korrispondenza mibgħuta lir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-kumitat għandha tiġi indirizzata lir-rappreżentanzi permanenti; għandha tinbagħat kopja direttament lil uffiċjal appuntat għal dan il-għan mill-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Permezz ta’ faks tat-13 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri, fil-lingwa uffiċjali tagħhom, abbozz tar-regolament li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Politika tal-Komunità dwar il-Flotta definita fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2371/2002. L-ewwel darba li l-Kumitat tas-Sajd u ta’ l-Akwakultura (iktar ’il quddiem il-“kumitat”) iddiskuta dan il-proġett kien fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta’ Ġunju 2003.

9        Fl-1 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni laqqgħet lir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri għal laqgħa tal-kumitat fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2003. Din l-istedina kienet miktuba bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Ġermaniż. Skond din l-istedina, l-abbozz tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq kellu jkun diskuss u suġġett għal vot fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 2003.

10      Fis-7 ta’ Lulju 2003, ir-rappreżentant permanenti tar-Renju ta’ Spanja għall-Unjoni Ewropea indirizza ittra lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Sajd” tal-Kummissjoni, li fiha huwa ddikjara li r-Renju ta’ Spanja ma kkunsidrax ruħu bħala uffiċjalment mistieden għall-imsemmija laqgħa, peress li l-istedina ma kinitx intbagħtitlu bl-Ispanjol. Permezz ta’ l-istess ittra, ir-rappreżentant permanenti talab il-konferma tad-disponibbiltà ta’ l-interpretazzjoni attiva u passiva ta’ l-Ispanjol fil-laqgħa in kwistjoni.

11      L-abbozz tar-regolament, ippreżentat mill-Kummissjoni, ġie diskuss fil-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2003, li fiha pparteċipat id-delegazzjoni Spanjola. Fil-laqgħa, il-Kummissjoni ppreżentat serje ta’ modifiki għall-abbozz tagħha u lill-membri tal-kumitat qassmitilhom dokument li kien jinkludi l-modifiki proposti u li kien miktub bl-Ingliż biss.

12      Wara din il-laqgħa, ir-rappreżentant permanenti tar-Renju ta’ Spanja indirizza ittra lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Sajd”, bid-data tas-17 ta’ Lulju 2003. Permezz ta’ din l-ittra, huwa, fl-ewwel lok, fakkar l-oġġezzjonijiet tiegħu dwar il-lingwa li fiha kienet ġiet miktuba l-istedina indirizzata lir-Renju ta’ Spanja (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Fit-tieni lok, huwa kkundanna l-preżentazzjoni, mill-Kummissjoni, bl-Ingliż biss, ta’ modifika sostanzjali ta’ l-abbozz inizjali tagħha mibgħut bl-Ispanjol, u lmenta li minkejja r-riżervi tad-delegazzjoni Spanjola, il-Kummissjoni kienet ġegħlet lill-kumitat jivvota sabiex tikseb l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz in kwistjoni. Ir-rappreżentant permanenti semma wkoll il-fatt li d-delegazzjoni Spanjola kienet talbet li l-oġġezzjonijiet tagħha jkunu mniżżla fil-minuti tal-laqgħa tal-kumitat u talbet lid-direttur ġenerali sabiex jagħtiha kopja ta’ l-imsemmija minuti, sabiex tkun tista’ tivverifika li l-imsemmija oġġezzjonijiet kienu ġew inklużi b’mod adegwat.

13      Fit-12 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat. Il-premessa 13 ta’ l-imsemmi regolament tistabbilixxi li l-Kumitat ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti fit-termini pevisti mill-president tiegħu.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2003, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors, li ġie irreġistrat taħt ir-referenza C‑464/03.

15      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 132, p. 5).

16      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, talbet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni aġixxiet skond din it-talba fit-terminu stabbilit.

17      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex :

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex :

–        tiddikjara r-raba’ motiv tar-rikors manifestament inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja qajjem ħames motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-forom sostanzjali tal-proċedura ta’ l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-Komunità kif stabbilita mir-Regolament Nru 1, fuq ksur tal-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi, safejn l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat allegatament jikser id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, fuq ksur ta’ l-istess prinċipju safejn l-istess artikolu tar-regolament ikkontestat allegatament jikser id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, u tal-karattru allegatament arbitrarju tar-regolament ikkontestat.

 Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq ksur tal-forom sostanzjali tal-proċedura ta’ l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat

 L-argumenti tal-partijiet

20      Ir-Renju ta’ Spanja sostna li, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 u l-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑263/95, Ġabra p. I‑441, punt 32), in-notifiki indirizzati lil Stat Membru għandhom isiru fil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat, fit-termini previsti għal kull kumitat ta’ ġestjoni.

21      Konsegwentement, ir-regolament ikkontestat huwa null, safejn, minn naħa, l-istedina għal-laqgħa tal-kumitat tal-15 u tas-16 ta’ Lulju 2003 ma kinitx indirizzata lir-Renju ta’ Spanja bl-Ispanjol u, min-naħa l-oħra, emenda importanti li ġiet ippreżentata f’din il-laqgħa kienet miktuba bl-Ingliż biss.

22      Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-modifiki li jinsabu fil-verżjoni ġdida ta’ l-abbozz, ippreżentata fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 2003, ma kinux żgħar, iżda kienu sostanzjali. Peress li dan huwa regolament tekniku ħafna, b’formoli matematiċi, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta tad-difiża tagħha ma jistgħux jiġu aċċettati. L-ispjegazzjoni tal-formoli u ta’ l-ispjegazzjonijiet mogħtija jaffettwaw in-norma kollha, li setgħet tiġi inklużi biss mill-awtur u mhux mid-delegazzjonijiet li ma kellhomx il-possibbiltà li janalizzaw dan id-dokument waqt il-laqgħa teknika bil-kwiet u bl-attenzjoni meħtieġa għal dan it-tip ta’ regolament.

23      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq id-dewmien li jirriżulta mit-traduzzjoni, fil-lingwi uffiċjali kollha, tad-dokumenti ppreżentati lill-kumitati, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-allegata effikaċità ma tistax tipprevali fuq il-garanziji ġuridiċi ta’ l-Istati Membri.

24      Fl-aħħar nett, fis-seduta, ir-Renju ta’ Spanja żied jgħid li l-fatt li l-modifiki in kwistjoni ma ġewx ippreżentati bl-Ispanjol kellu jwassal sabiex il-vot fuq l-abbozz tar-regolament ikkonċernat jiġi pospost għal laqgħa oħra tal-kumitat, kif kien talab ir-Renju ta’ Spanja fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2003.

25      Il-Kummissjoni tirrispondi li f’dan il-każ ma kienx hemm ksur tal-forom sostanzjali tal-proċedura ta’ l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat li jista’ jwassal għall-annullament tiegħu. F’dan ir-rigward, hija tinvoka l-ġurisprudenza li tistabbilixxi li irregolarità fil-proċedura ma twassalx għall-annullament ta’ l-att leġiżlattiv kollu jew ta’ parti minnu ħlief jekk ikun stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-imsemmi att seta’ jkollu kontenut differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, Ġabra p. 1375).

26      Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-istedina għal-laqgħa tal-kumitat tal-15 u s-16 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni tfakkar li l-kumitat, kif ukoll il-kumitati l-oħra kollha li jintervjenu fil-proċeduri ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi tal-Kummissjoni. Peress li din l-istituzzjoni għandha tliet lingwi li taħdem bihom, jiġifieri l-Franċiż, l-Ingliż u l-Ġermaniż, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa leġittimu li l-istediniet għal-laqgħat tal-kumitat ikunu miktubin f’dawn it-tliet lingwi. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 jirreferi għad-“dokumenti” li l-istituzzjonijiet jibagħtu lil “Stat Membru” u ma japplikax għar-relazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-kumitati, bħal dak in kwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, skond l-Artikolu 6 ta’ l-istess regolament, il-Kummissjoni, fir-regoli tal-proċedura ppubblikati minnha, setgħet tipprovdi li l-istediniet għal-laqgħat tal-kumitati kellhom ikunu mibgħuta fit-tliet lingwi li taħdem bihom, imsemmija iktar ’il fuq.

27      Il-Kummissjoni ssostni li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri ma kellhom l-ebda problema bil-prassi li l-istediniet għal-laqgħat tal-kumitati jintbagħtulhom fit-tliet lingwi li taħdem bihom din l-istituzzjoni. B’mod aktar partikolari, id-delegazzjoni Spanjola kienet irċeviet l-istediniet għal-laqgħat tal-kumitat ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2003 f’dawn it-tliet lingwi, mingħajr ma għamlet riżervi. Minbarra dan, wara l-istedina kkontestata, hija kienet ipparteċipat għal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 2003 u kienet ħadet sehem fid-dibattiti u fil-votazzjoni dwar l-abbozz tar-regolament in kwistjoni u b’hekk kienet esprimiet b’mod effikaċi l-opinjoni tagħha dwar dan il-punt, kif jirriżulta mill-fatt li kienet ġiet assigurata interpretazzjoni attiva u passiva ta’ l-Ispanjol.

28      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tkun tista’ tmexxi, b’mod effikaċi, il-laqgħat tal-kumitati differenti li jaqgħu taħt il-Kummissjoni, jeħtieġ li l-istediniet ma jkunux tradotti b’mod sistematiku fil-lingwi uffiċjali kollha.

29      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dokument imqassam fil-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni tissottometti l-osservazzjonijiet segwenti. L-ewwel nett, hija tfakkar li l-abbozz tar-regolament suġġett għall-vot fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 2003 kien ġie mibgħut lir-Renju ta’ Spanja, bl-Ispanjol, permezz ta’ faks tat-13 ta’ Ġunju 2003, fatt li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax. Fil-fatt, l-ittra mibgħuta ma’ dan l-abbozz, miktuba bl-Ingliż, tindika lill-Istati Membri destinatarji li l-abozz tar-regolament in kwistjoni kien intbagħtilhom fil-lingwa tagħhom. Konsegwentement, iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ mhumiex, skond il-Kummissjoni, komparabbli ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 20, iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’din il-kawża, l-abbozz ta’ l-att leġiżlattiv bil-Ġermaniż, li kellu jittieħed vot dwarha, ma ntbagħtitx lid-delegazzjoni Ġermaniża fit-termini stabbiliti.

30      Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni li d-dokument ippreżentat fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 2003 kien fih modifika sostanzjali ta’ l-abbozz tar-regolament in kwistjoni. Skond il-Kummissjoni, dan id-dokument jinkludi biss żewġ modifiki sostantivi għall-imsemmi abbozz, jiġifieri l-modifika tad-dati previsti fl-Artikolu 6 u l-inklużjoni tan-noti ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness I ta’ l-abbozz. Dawn il-modifiki, li bl-ebda mod ma affettwaw l-Artikolu 7 ta’ l-abbozz, kienu ġew introdotti sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni t-talbiet magħmula mill-Istati Membri u ma qajmu l-ebda problema ta’ komprensjoni. Fir-rigward tal-kumplament, il-modifiki li saru kienu purament ta’ forma u ta’ preżentazzjoni, u saru sabiex itejbu, jiċċaraw u jissimplifikaw ir-redazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet u jkunu, barra minn hekk, sabiex jinftehmu faċilment.

31      Il-komprensjoni tagħhom kienet iffaċilitata mill-fatt li fil-laqgħa dawn inqraw u anki saru kummenti dettaljati dwarhom mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. Id-delegazzjoni Spanjola setgħet issegwi, bl-Ispanjol, il-qari tagħhom u l-ispjegazzjonijiet mogħtija, peress li kien ġie pprovduta, kif hija stess kienet talbet, l-interpretazzjoni attiva u passiva bl-Ispanjol.

32      Minbarra dan, il-Kummissjoni tosserva li t-traduzzjoni sistematika fil-lingwi kollha uffiċjali tad-dokumenti li jintroduċu biss modifikazzjonijiet żgħar ta’ test mibgħut minn qabel lid-delegazzjonijiet tinvolvi dewmien inaċċettabbli fix-xogħol tal-kumitati. Skond il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1 ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jtellfu lill-kumitati milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod adegwat, billi joħolqu ostakli li mhumiex iġġustifikati.

33      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-ilment imressaq mir-Renju ta’ Spanja fis-seduta (ara punt 24 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ssostni li dan għandu jiġi miċħud bħala li tressaq tard u għalhekk, inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati fuq żewġ allegati vjolazzjonijiet distinti tar-Regolament Nru 1. Minn naħa, l-istedina għal-laqgħa tal-15 u s-16 ta’ Lulju 2003 kienet miktuba biss bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż u mhux bl-Ispanjol u, min-naħa l-oħra, fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni qassmet verżjoni modifikata ta’ l-abbozz inizjali tagħha tar-regolament, miktub bl-Ingliż biss, u kienet irrifjutat li tipposponi l-vot fuq l-abbozz għal laqgħa oħra tal-kumitat.

35      Jeħtieġ li jingħad li, skond il-ġurisprudenza, il-ksur tar-Regolament Nru 1, fl-adozzjoni ta’ att jikkostitwixxi irregolarità proċedurali, li, madankollu, tista’ twassal għall-annullament ta’ l-att finalment adottat fil-każ biss li, fin-nuqqas tiegħu, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u d-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑465/02 u C‑466/02, Ġabra p. I‑9115, iktar ’il quddiem is-“sentenza Feta II”, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, jeħtieġ li jingħad li, wara l-istedina mibgħuta mill-Kummissjoni lir-Renju ta’ Spanja, ir-rappreżentanti ta’ dan ta’ l-aħħar ipparteċipaw għal-laqgħa tal-15 u s-16 ta’ Lulju 2003. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li, fin-nuqqas ta’ l-allegata irregolarità, il-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolament ikkontestat setgħet twassal għal riżultat differenti fuq dan il-punt. Fil-fatt, stedina għal din il-laqgħa, mibgħuta lir-Renju ta’ Spanja bl-Ispanjol, kienet twassal ukoll lir-rappreżentanti tiegħu sabiex jipparteċipaw fil-laqgħa in kwistjoni, hekk kif għamlu wara l-istedina kkontestata. Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar liema huma l-lingwi li fihom kellha tinkiteb l-istedina mibgħuta lir-Renju ta’ Spanja.

37      Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ dan il-motiv, hemm lok li jiġi mfakkar li l-abbozz tar-regolament in kwistjoni ġie diskuss u ssuġġettat għal vot fil-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2003 (ara punti 9 u 12 iktar ’il fuq). Hekk kif jirriżulta mill-minuti ta’ din il-laqgħa, ippreżentati fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar, fil-bidu tal-laqgħa, ipproponiet oralment ċerti modifiki ta’ l-abbozz inizjali tar-regolament u qassmet lill-membri tal-kumitat, “għal komprensjoni aħjar ta’ dawn il-modifiki”, dokument li kien fihom dawn il-modifiki u li kien miktub bl-Ingliż. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-modifiki kienu purament ta’ forma jew korrezzjonijiet ta’ żbalji klerikali, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ modifiki sostantivi, li waħda minnhom kienet tikkonċerna l-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza previst fl-Artikolu 6 ta’ l-abbozz minn sena għal tliet snin u l-oħra kienet inserzjoni tan-noti ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness I ta’ l-abbozz intitolat “Livelli ta’ referenza għal kull Stat Membru”. Ir-Renju ta’ Spanja esprima “dubji fir-rigward tal-proċedura proposta mill-Kummissjoni” u talab li “il-modifiki proposti bil-miktub [ikunu kkomunikati] bl-Ispanjol ukoll, billi insista mal-Kummissjoni sabiex tipposponi l-votazzjoni”. Fl-azzjoni tiegħu, huwa kien sostnut mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża.

38      Minn dawn il-minuti jirriżulta wkoll li l-modifiki kollha proposti mill-Kummissjoni nqraw b’attenzjoni u ġew spjegati fid-dettall mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. Fit-tmiem ta’ dan il-qari, ir-Renju ta’ Spanja, sostnut mill-erba’ Stati Membri msemmija, reġa’ rrepeta r-riżervi tiegħu. Wara t-teħid tal-pożizzjoni ta’ l-Istati Membri differenti fuq l-abbozz tar-regolament, kif emendat, l-imsemmi abbozz ġie suġġett għall-vot mingħajr, madankollu, ma kiseb il-maġġoranza kwalifikata meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-opinjoni tal-kumitat. Il-laqgħa b’hekk ġiet fi tmiemha, wara li tniżżel fil-minuti li r-riżultat tal-vot kien ekwivalenti għal “nuqqas ta’ opinjoni” tal-kumitat.

39      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, in-nuqqas ta’ preżentazzjoni, bl-Ispanjol, tal-modifiki ta’ l-abbozz tar-regolament propost mill-Kummissjoni fil-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2003 kif ukoll ir-rifjut tar-rappreżentant tal-Kummissjoni, president tal-kumitat, li jipposponi l-vot fuq l-abbozz għal laqgħa oħra tal-kumitat jikkostitwixxux irregolaritajiet proċedurali li jistgħu jwasslu għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

40      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, hemm lok li jingħad li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 u l-Artikolu 9 tar-regoli tal-proċedura tal-kumitat (ara punt 7 iktar ’il fuq) juri, b’mod suffiċjenti, il-volontà li l-Istati Membri jiġu ggarantiti ż-żmien neċessarju sabiex janalizzaw id-dokumenti li jikkonċernaw punt ta’ l-aġenda tal-kumitat, li jistgħu jkunu partikolarment kumplessi, u li jeħtieġu bosta kuntatti u diskussjonijiet bejn diversi amministrazzjonijiet, il-konsultazzjoni ta’ esperti f’oqsma differenti jew il-konsultazzjoni ta’ organizzazzjonijiet professjonali. Ma jistax jiġi preżunt li l-persuni kollha li għandhom ikunu kkonsultati jkollhom konoxxenza tant tajba ta’ lingwa barranija li jkollhom livell suffiċjenti li jippermettilhom jifhmu test kumpless. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq fis-sens li d-dokumenti in kwistjoni għandhom ikunu indirizzati lil kull Stat Membru fil-lingwa uffiċjali tiegħu, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, punti 27 u 31, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Ruiz‑Jarabo Colomer f’din is-sentenza, Ġabra p. I‑443, punt 16). Madankollu, dan kien effettivament il-każ f’din il-kawża, peress li l-abbozz inizjali tar-regolament ġie mibgħut lill-Istati Membri fil-lingwa uffiċjali tagħhom u fit-termini stabbiliti u ġie eżaminat għall-ewwel darba fil-laqgħa tal-kumitat tal-25 ta’ Ġunju 2003.

41      Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu ma jeżistix fir-rigward tal-proposti għall-modifiki ta’ dokument preċedentement mibgħut, b’mod regolari, lill-membri tal-kumitat, magħmula waqt il-laqgħa tiegħu. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-kumitat ma tipprovdi għall-obbligu li proposti bħal dawn jiġu ppreżentati bil-miktub fil-lingwi uffiċjali kollha. Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti bħal dawn oralment biss, waqt laqgħa tal-kumitat. Mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-vot jiġi pospost għall-aħħar tal-laqgħa jew, f’każ ta’ diffikultajiet partikolari, ta’ posponiment tal-laqgħa għall-għada, skond l-Artikolu 4 tar-regoli tal-proċedura tal-kumitat, il-possibbiltà li l-modifiki jiġu ppreżentati oralment waqt laqgħa tal-kumitat teżisti anki fir-rigward ta’ modifiki sostantivi magħmula lill-abbozz imniżżel fl-aġenda tal-laqgħa. L-argument mressaq mir-Renju ta’ Spanja, li l-Kummissjoni tkun marbuta tippreżenta l-proposti tagħha ta’ modifika bil-miktub u fil-lingwi uffiċjali kollha, huwa diffiċilment irrikonċiljabbli mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tar-regoli tal-proċedura, peress li, jekk dan l-argument jiġi milqugħ, ikun prattikament impossibbli li jiġu magħmula modifiki sostantivi għal abbozz waqt laqgħa.

42      F’dan il-każ partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, hekk kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2003, il-proposta tal-modifiki ta’ l-abbozz inizjali tar-regolament, ippreżentat mill-Kummissjoni fil-bidu tal-laqgħa, kien proposta orali. Id-dokument imqassam mill-Kummissjoni fl-istess laqgħa għandu b’hekk ikun ikkunsidrat bħala illustrazzjoni jew sempliċi għajnuna viżwali għal “komprensjoni aħjar” tal-modifiki proposti oralment mill-Kummissjoni. Peress li l-Kummissjoni setgħet validament tagħżel li tagħmel preżentazzjoni orali biss tal-proposti tagħha mingħajr ma tqassam l-ebda dokument, argument ma jistax jiġi bbażat fuq il-fatt li d-dokument imqassam kien miktub bl-Ingliż biss.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni la kisret id-dispożizzjonijiet applikabbli billi ppreżentat oralment il-proposta tagħha ta’ modifiki ta’ l-abbozz inizjali fil-laqgħa in kwistjoni, u lanqas il-“garanziji ġuridiċi” ta’ l-Istati Membri kif isostni r-Renju ta’ Spanja. Dan huwa aktar minnu peress li r-rappreżentanti tar-Renju ta’ Spanja f’din il-laqgħa kellhom, fuq talba tagħhom stess, interpretazzjoni attiva u passiva ta’ l-Ispanjol u b’hekk setgħu isegwu, fil-lingwa tagħhom, id-diskussjoni u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fuq il-proposta tagħha.

44      Fir-rigward tat-tieni lment, imressaq mir-Renju ta’ Spanja fis-seduta u bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet irrifjutat li tipposponi l-vot dwar l-abbozz għal laqgħa oħra tal-kumitat, hemm lok li l-ewwel tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tiegħu, li hija kkontestata mill-Kummissjoni.

45      Skond il-kliem ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura.

46      Madankollu, motiv li jammonta għal twessigħ ta’ motiv imqajjem preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors introduttiv ta’ istanza u li jippreżenta rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarata ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punt 39, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T‑346/02 u T‑347/02, Ġabra p. II‑4251, punt 111).

47      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, dan l-ilment jippreżenta rabta stretta ma’ l-ewwel ilment invokat fir-rikors u eżaminat iktar ’il fuq, li fih qed jiġi sostnut li r-regolament ikkontestat li l-abbozz tiegħu ġie diskuss fil-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2003 huwa null, għar-raġuni li saru modifiki sostantivi għall-imsemmi abbozz waqt din il-laqgħa, u li dawn ma ġewx ippreżentati bl-Ispanjol. Fi kliem ieħor, dan l-ilment għandu jiġi mifhum fis-sens li jekk il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li fil-laqgħa tqassam il-modifiki proposti bl-Ispanjol ukoll, hija kellha, għall-inqas, tipposponi l-votazzjoni għal laqgħa oħra, sabiex ir-rappreżentanti Spanjoli jingħataw iż-żmien neċessarju sabiex janalizzaw dawn il-proposti, miktuba f’lingwa differenti mil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat tagħhom. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment ifformula l-istess ilment fil-punt 3 tar-rikors tiegħu, billi spjega li l-Kummissjoni kienet ġiegħlet lill-kumitat jivvota, minkejja r-riżervi tad-delegazzjoni Spanjola (ara punt 12 iktar ’il fuq).

48      Madankollu, dan l-istess ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, la l-Artikolu 4 u lanqas dispożizzjoni oħra tar-regoli tal-proċedura tal-kumitat ma jipprovdi għall-posponiment tal-vot għal-laqgħa oħra, anki jekk isiru modifiki sostantivi għall-abbozz waqt laqgħa tal-kumitat. F’dan l-aħħar każ, l-Artikolu 4 jipprovdi biss il-possibbiltà li l-president tal-kumitat iħalli l-vot għall-aħħar tal-laqgħa. Madankollu, kif diġà ntqal, dan kien il-każ f’din il-kawża, peress li d-diskussjoni u l-vot dwar l-abbozz tar-regolament in kwistjoni kienu l-uniku punt imniżżel fl-aġenda tal-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2003 u peress li l-vot sar fl-aħħar ta’ din il-laqgħa.

49      Fi kwalunkwe każ, l-irregolaritajiet allegati mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, anki jekk jiġi presuppost li huma stabbiliti, ma jwasslux għall-annullament tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, peress li l-kumitat ma rnexxilux jagħti opinjoni dwar il-miżuri pprovduti mir-regolament, dan ta’ l-aħħar ġie adottat mill-Kummissjoni li ma kkomunikatx dawn il-miżuri lill-Kunsill skond l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 u l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468. Ir-Renju ta’ Spanja, li vvota kontra l-abbozz tar-regolament in kwistjoni, ma setax jopponi b’mod aktar effettiv kieku kellu verżjoni Spanjola tad-dokument ikkontestat. Konsegwentement, l-allegati irregolaritajiet ma setax ikollhom effett fuq il-miżuri li ġew finalment adottati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Feta II, punt 35 iktar ’il fuq, punti 38 sa 40).

50      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jitqegħdux fid-dubju mill-qari tas-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, invokata mir-Renju ta’ Spanja. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet in kunsiderazzjoni talba għall-posponiment tal-vot, ippreżentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li kienet irċeviet tard il-verżjoni fil-lingwa uffiċjali tagħha ta’ l-abbozz tad-deċiżjoni li kellu jkun diskuss fil-kumitat ikkonċernat (sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, punti 26 sa 32).

51      Madankollu, f’dan il-każ partikolari, waqt is-seduta r-Renju ta’ Spanja kkonferma li kien irċieva, l-abbozz inizjali tar-regolament in kwistjoni fil-lingwa uffiċjali tiegħu u fi żmien xieraq, u dan il-fatt tniżżel fil-minuti tas-seduta.

52      Minbarra dan, kuntrarjament għar-regoli tal-proċedura tal-kumitat, l-Artikolu 2(7) tar-regoli tal-proċedura tal-kumitat in kwistjoni fis-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, kien jipprovdi li, jekk l-abbozz tad-dispożizzjonijiet li kellhom ikunu diskussi ma ntbagħatx lill-Istati Membri fit-termini previsti, dak il-punt ta’ l-aġenda kellu jiġi pospost għal laqgħa oħra fuq talba ta’ Stat Membru (sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, punt 17).

53      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għall-fatti ta’ dan il-każ, fil-kawża li wasslet għas-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, il-kumitat ikkonċernat kien adotta opinjoni, li sussegwentement il-Kummissjoni kkonformat magħha [sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, punt 32; ara, ukoll, l-aħħar premessa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/204/KE, tal-31 ta’ Mejju 1995, li timplementa l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE dwar il-prodotti għall-bini (ĠU L 129 p. 23), annullata mill-imsemmija sentenza].

54      Minn dak kollu li ntqal preċedentement, jirriżulta li t-tieni parti ta’ l-ewwel motiv mhijiex fondata u għandha tiġi miċħuda kif ukoll l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi, safejn l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat jikser id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002

 L-argumenti tal-partijiet

55      Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat ġie adottat sabiex jimplementa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002. Madankollu, dan l-artikolu ta’ l-aħħar jirreferi biss għad-dħul ta’ kapaċitajiet ġodda fil-flotta tas-sajd, billi jiddistingwi skond jekk dawn jibbenefikawx jew le minn għajnuna pubblika u billi jimponi kundizzjoni waħda, li jiġu irtirati kapaċitajiet oħra, skond ċerti regoli dettaljati. Bl-ebda mod ma jeżiġi li l-kapaċità espressa f’tunnellati tal-flotta tas-sajd ma taqbiżx il-formola inkluża fl-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat. Konsegwentement, sabiex tiġi implementata skema ta’ dħul u ħruġ ipprovduta fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, mhuwiex neċessarju li l-Istati Membri jkunu obbligati jħarsu din il-formola.

56      Ir-Renju ta’ Spanja jżid jgħid li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 2371/2002, li jimponi obbligu li l-livelli ta’ referenza fil-qasam tal-kapaċità għas-sajd imsemmija fl-Artikolu 12 u fl-Artikolu 11(4) ta’ l-istess regolament, espress f’GT u f’KW ma jinqabżux, juri li l-Kunsill ma jimponix limitu fuq l-Istati Membri ħlief għal dak li jikkonċerna dawn il-livelli ta’ referenzi ffissati mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 2371/2002 bl-ebda mod ma jippermetti li jiġu stabbiliti l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat, jiġifieri limitazzjonijiet fil-livell reali tal-flotta, espressi f’GT u KW, li jindikaw ir-realtà attwali tal-flotta li għandu kull Stat Membru.

57      Skond ir-Renju ta’ Spanja, il-livelli ta’ referenza, stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta’ programm multi-annwu ta’ gwida (iktar ’il quddiem “PMG”) li kienu ilhom iseħħu għal numru ta’ snin, huma rrispettati meta l-Istati Membri jassiguraw ruħhom li l-livell reali tal-flotta tagħhom jibqa’ inqas jew l-istess bħal-livelli ta’ referenza. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ Spanja, fejn il-livell reali tal-flotta kien, sa mill-1992, dejjem inqas mil-livelli ta’ referenza. Fl-aħħar tas-sena 2003, id-differenza bejn il-livell reali tal-flotta ta’ Spanja u l-livell ta’ referenza applikabbli setgħet tkun ikkalkolata għal madwar 240 000 GT, ċifra ħafna akbar mill-flotta kollha ta’ ċerti Stati Membri bħall-Olanda u l-Irlanda, u għal 535 067 kW.

58      Dan it-tnaqqis huwa r-riżultat ta’ sforz kunsiderevoli tar-Renju ta’ Spanja u huwa dovut, in parti, għal irtirar li seħħ permezz ta’ għajnuna pubblika u, għall-kumplament, għal irtirar li seħħ mingħajr għajnuna pubblika, grazzi għall-politika mwettqa fil-qasam tal-kostruzzjoni tal-bastimenti. B’hekk, fuq il-marġni previsti fil-punt preċedenti, 90 000 GT u 182 660 kW ġew meħlusa mingħajr għajnuna pubblika.

59      B’hekk, fil-fajls tiegħu r-Renju ta’ Spanja għandu l-irtirar imwettaq mingħajr għajnuna pubblika sa mill-1997, li huwa jista’ jieħu in kunsiderazzjoni sabiex ikun konformi ma’ l-obbligu tiegħu, previst fl-Artikolu 13(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2371/2002, li jikkumpensa d-dħul ta’ kapaċitajiet ġodda fil-flotta tiegħu permezz ta’ irtirar tal-kapaċitajiet ta’ l-inqas indaqs, imwettaq mingħajr għajnuna pubblika. Madankollu, l-obbligu li l-livell reali tal-flotta tas-sajd eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003 ma jinqabiżx, previst fl-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, iċaħħad lir-Renju ta’ Spanja minn din il-possibbiltà u b’hekk isofri dannu, b’mod partikolari meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra li ma kinux irrispettaw l-obbligu tagħhom li jikkonformaw mal-livelli ta’ referenza stabbiliti mill-Kummissjoni fil-PMG.

60      Minbarra dan, l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat itellef l-iffissar tal-livelli ta’ referenza applikabbli għal kull Stat Membru mill-Artikolu 4 ta’ l-istess regolament mis-sens ġuridiku tiegħu, jekk, permezz ta’ l-Artikolu 7, il-Kummissjoni tistabbilixxi, mingħajr mandat tal-Kunsill, livelli ġodda aktar restrittivi.

61      Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li, bl-adozzjoni ta’ l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi li, skond ġurisprudenza stabbilita, jeżiġi li, fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ regolament ta’ bażi, l-awtorità Komunitarja kompetenti la tista’ tmur lilhinn mis-setgħat mogħtija lilha minn dan ir-regolament u lanqas tista’ twarrabhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1997, Eridania Beghin-Say, C‑103/96, Ġabra p. I‑1453, u tat-2 ta’ Marzu 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑179/97, Ġabra p. I‑1251).

62      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat jillimita ruħu li jikkonverti f’formula d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, sabiex jiġu ffaċilitati l-kalkoli li l-persunal tekniku kompetenti ta’ kull amministrazzjoni nazzjonali jkun imġiegħel iwettaq. Konsegwentement, din il-formola tirrifletti l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jiżguraw, b’mod permanenti, li l-kapaċità tagħhom tas-sajd f’tunellaġġ (GTt) tkun inqas jew daqs dik ta’ l-1 ta’ Jannar 2003 (GT03), jitnaqqas, fl-ewwel lok, it-tunellaġġ totali tal-bastimenti rtirati permezz ta’ għajnuna pubblika, previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 [-GTa] u, fit-tieni lok, billi jitnaqqas b’35 % it-tunellaġġ totali tal-bastimenti ta’ aktar minn 100 GT imdaħħla permezz ta’ għajnuna pubblika, prevista fl-Artikolu 13(1)(b)(ii), ta’ l-imsemmi regolament [- 0.35 GT100] u miżjuda, l-ewwel nett, maż-żieda tat-tunellaġġ awtorizzat skond l-Artikolu 11(5) ta’ l-imsemmi regolament [+GTs] u, it-tieni nett, mat-tibdil li jirriżulta mid-daqs ġdid tal-flotta [+ Δ (GT - GRT)].

63      Il-Kummissjoni tikkunsidra li bl-istabbiliment sa mill-1 ta’ Jannar 2003 tas-skema tal-kumpens tad-dħul u l-ħruġ tal-flotta prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, il-Kunsill limita l-livelli reali tal-flotta, dak li l-argumentazzjoni żviluppata mir-Renju ta’ Spanja jidher li tinjora. Din il-limitazzjoni hija indipendenti mill-obbligu li ma jinqabżux il-livelli ta’ referenza previsti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 2371/2002, li wkoll twassal għal limitazzjoni tal-livell reali tal-flotta ta’ kull Stat Membru.

64      Fir-rigward ta’ l-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat jimpedixxi t-teħid in kunsiderazzjoni, sabiex jiġi kkumpensat id-dħul ġdid, tnaqqis mingħajr għajnuna pubblika tal-flotta tas-sajd Spanjola allegatament imwettaq sa mill-1997, il-Kummissjoni tirrispondi li l-formola “mill-1 ta’ Jannar 2003”, fil-kliem ta’ l-Artikolu 13 tar-regolament Nru 2371/2002, tapplika kemm għad-dħul tal-kapaċitajiet ġodda fil-flotta kif ukoll għall-obbligu ta’ l-irtirar li huma jinvolvu. B’hekk, huwa dan l-artikolu ta’ l-aħħar li ma jippermettix li jittieħed in kunsiderazzjoni l-irtirar ta’ kapaċità qabel din id-data.

65      Konsegwentement, l-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja m’għandhom l-ebda rabta ma’ l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat u jinjoraw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002. Fir-realtà, dawn l-istess allegazzjonijiet jirreferu għal skema approvata mill-Kunsill, li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, ma kienu stabbilixxew ebda rabta bejn it-twettiq jew le, minn Stat Membru, ta’ l-għanijiet tar-raba’ PMG u l-obbligi previsti fl-Artikolu 13 iċċitat iktar ’il fuq. Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja ma kkontestax ir-Regolament Nru 2371/2002 fi żmien xieraq, peress li stabbilixxa l-imsemmija skema.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

66      Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond il-prinċipju ta’ l-osservanza tal-ġerarkija tan-normi, regolament ta’ implementazzjoni ma jistax jagħmel eċċezzjoni għar-regoli li jinsabu fl-att li jimplementa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Marzu 1971, Deutsche Tradax, 38/70, Ġabra p. 145, punt 10, u ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 20; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ottubru 1994, Chavane de Dalmassy et vs Il-Kummissjoni, T‑64/92, ĠabraSP p. I‑A‑227 u II‑723, punt 52). Konsegwentement, hemm lok li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat humiex konformi ma’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, li jikkostitwixxu l-implementazzjoni tiegħu.

67      Min-noti tal-partijiet jirriżulta li dawn ma jaqblux fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-artikolu ta’ l-aħħar. Skond il-Kummissjoni, il-kliem “mill-1 ta’ Jannar 2003” ta’ l-Artikolu 13(1) jirreferi kemm għad-dħul fil-flotta tas-sajd kif ukoll għall-irtirar li għandhom jikkumpensaw għalih, b’mod li l-irtirar li seħħ sa minn dik id-data biss jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li kull irtirar tal-kapaċità tal-flotta tas-sajd ta’ Stat Membru, inkluż l-irtirar li sar qabel l-1 ta’ Jannar 2003, jista’ jikkumpensa dħul fl-istess flotta li jsir minn dik id-data. B’hekk, skond din l-interpretazzjoni ta’ l-aħħar, l-uniku limitu impost fuq il-flotot ta’ l-Istati Membri mir-Regolament Nru 2371/2002 huwa dak previst fl-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-livelli ta’ referenza stabbiliti mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru, skond l-Artikolu 12(1) ta’ l-istess regolament.

68      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat huwa konformi ma’ l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2371/2002. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jirrispetta l-formola matematika stabbilita fl-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat ħlief billi jassigura lilu nnifsu li d-dħul ġdid ta’ kapaċitajiet ġodda fil-flotta tiegħu, mill-1 ta’ Jannar 2003, huwa newtralizzat permezz ta’ l-irtirar ta’ kapaċitajiet, ta’ l-inqas indaqs, li jsiru wkoll wara dik id-data. Konsegwentement, sabiex jiġi vverifikat il-mertu ta’ dan l-argument, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002 irrakkomandata mill-Kummissjoni hijiex korretta.

69      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan huwa effettivament il-każ, għar-raġunijiet segwenti.

70      Fl-ewwel lok, il-loġika stess ta’ skema ta’ kumpens tad-dħul fil-flotta tas-sajd permezz ta’ ħruġ ekwivalenti neċessarjament jimplika li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul u l-ħruġ sa minn waħda u l-istess data. Il-possibbiltà ta’ kumpens tad-dħul ġdid permezz ta’ ħruġ li seħħ qabel din id-data tista’ twassal għal kumpens doppju, fil-każ li l-ħruġ preċedenti seta’ diġà ġie kkumpensat permezz ta’ dħul ieħor, ukoll preċedenti. L-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002 magħmula mir-Renju ta’ Spanja, li d-dħul tal-kapaċitajiet ġodda fil-flotta tas-sajd setgħu jkunu kkumpensati mhux biss permezz ta’ ħruġ ġdid, iżda wkoll permezz ta’ ħruġ li seħħ sa mill-1997 u mhux ikkumpensat permezz ta’ dħul ekwivalenti, ma tqiegħedx din il-loġika fid-dubju, iżda, fir-realtà, għandha t-tendenza li ċċaqlaq id-data sa minn meta l-bilanċ tad-dħul u l-ħruġ għandu jkun stabbilit, billi teħodha lura għall-1997. Madankollu, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, interpretazzjoni bħal din ma ssib l-ebda bażi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, li jimponi l-istabbiliment tal-bilanċ tad-dħul u l-ħruġ mill-1 ta’ Jannar 2003.

71      Fit-tieni lok, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2371/2002 jirriżulta b’mod ċar li “[l-implementazzjoni ta’] skemi nazzjonali dwar dħul/ħruġ” hija fost il-miżuri speċifiċi li jippermettu li jintlaħaq l-għan li titnaqqas il-flotta Komunitarja tas-sajd, li jinkludu wkoll livelli ta’ referenza li ma jistgħux jinqabżu fil-qasam tal-kapaċità tas-sajd. Madankollu, interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, li tgħid li Stat Membru jista’ jikkumpensa d-dħul tal-bastimenti fil-flotta tiegħu tas-sajd, li seħħ wara l-1 ta’ Jannar 2003, permezz ta’ ħruġ mhux ikkompensat qabel dik id-data, tmur kontra dan l-għan. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tawtorizza Stat Membru jżid, fil-kuntest ta’ l-iskema nazzjonali tiegħu ta’ dħul u ta’ ħruġ, il-kapaċità tal-flotta tiegħu tas-sajd meta mqabbla ma’ dik eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003 u b’hekk ma tippermettix li jintlaħaq l-għan imsemmi fir-Regolament Nru 2371/2002, li jikkonsisti fit-tnaqqis globali tal-flotta Komunitarja tas-sajd.

72      Fit-tielet lok, ir-referenza, fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, għal ħruġ “minn qabel” li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni bl-ebda mod ma jimplika li dan il-ħruġ jista’ jkun qabel l-1 ta’ Jannar 2003. Dan it-terminu huwa intiż sempliċement sabiex jeskludi l-possibbiltà ta’ kumpens ta’ dħul permezz ta’ ħruġ li jseħħ warajh. Possibbiltà bħal din, li mhijiex eskluża fi skema ta’ kumpens sempliċi ta’ dħul u ta’ ħruġ, tkun kuntrarja għall-għan tat-tnaqqis tal-flotta Komunitarja tas-sajd peress li din timplika żieda ta’ din il-flotta jekk xejn, provviżorja, sakemm il-ħruġ li għandu jikkumpensa dħul preċedenti jkun għadu ma seħħx. Min-naħa l-oħra, possibbiltà bħal din tista’ toħloq bosta problemi prattiċi, b’mod partikolari, fil-każ li ħruġ ippjanat għall-futur, intiż sabiex jikkumpensa dħul li jkun diġà sar, ma jseħħx.

73      Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002 difiż mill-Kummissjoni huwa kkonfermat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1242/2004, tat-28 Ġunju 2004, li jagħti derogi lill-Istati Membri l-ġodda minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 dwar livelli ta’ referenza ta’ flotot tas-sajd (ĠU L 236, p. 1). Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1242/2004 irrinunzja li jiffissa livelli ta’ referenza għall-Istati Membri kkonċernati billi ġie meqjus li fissazzjoni bħal din tkun superfluwa, peress li ż-żamma tal-kapaċità tal-flotta tas-sajd ta’ dawn l-Istati fil-livell li kienet fil-mument ta’ l-adeżjoni tagħhom, fl-1 ta’ Mejju 2004, hija totalment assigurata mill-iskema ta’ dħul u ta’ ħruġ prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002 (ara l-premessi 2, 3 u 4 tar-Regolament Nru 1242/2004). Jekk, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, l-uniku limitu impost mir-Regolament Nru 2371/2002 fuq l-Istati Membri kien dak dwar l-osservanza tal-livelli ta’ referenza, ir-Regolament Nru 1242/2004 kellu jistabbilixxi l-livelli ta’ referenza għall-Istati Membri ġodda wkoll. B’hekk, dan l-iżvilupp jidher li jikkonferma l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, li hija li l-livelli ta’ referenza m’għandhomx valur reali ħlief għall-Istati Membri li kienu jaqbżuhom fl-1 ta’ Jannar 2003 u jsiru superfluwi la darba l-Istati Membri kollha jkunu rrispettawhom.

74      Fil-ħames lok, l-interpretazzjoni ta’ l-artikolu in kwistjoni, difiża mill-Kummissjoni, hija kkonfermata mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 2371/2002. Fil-fatt mid-dokument Nru 15414/02 tal-Presidenza tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2002, li jiġbor fih il-pożizzjonijiet tad-delegazzjonijiet nazzjonali differenti dwar l-abbozz li mbagħad sar ir-Regolament Nru 2371/2002 u li sar pubbliku permezz tar-reġistru tad-dokumenti ta’ dik l-istituzzjoni, jirriżulta li sitt Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża kienu ddikjaraw li għandu jirriżulta, b’mod ċar, mill-Artikolu 12 tal-proposta (li sar l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002) li l-għan huwa li jiġi evitat li jinqabżu l-livelli ta’ referenza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-seduta, li tinkludi dan id-dokument fl-atti tal-kawża, wara li pprovdiet kopja fil-lingwa tal-kawża lill-partijiet u stiednet lil dawn sabiex jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom, u ttieħdet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta. Ir-Renju ta’ Spanja ma għamel l-ebda kumment dwar dan id-dokument.

75      Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar l-istess abbozz [riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għar-Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd [COM(2002) 185 – C5‑0313/2002 – 2002/0114(CNS) (ĠU 2004, C 27 E, p. 112)], kien għamel, huwa stess, emenda Nru 42 li għandha l-għan li tbiddel il-kliem “li f’kull mument, il-kapaċità totali tas-sajd tad-dħul fil-flotta ma taqbiżx il-kapaċità totali tas-sajd tal-ħruġ mill-flotta”, li tinsab fil-proposta għar-regolament ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill, permezz tal-kliem “li l-livelli ta’ referenza ma jinqabżux”. Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn il-proposti ma nżammux mill-Kunsill fil-verżjoni ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002 li finalment ġiet adottata.

76      Fir-rigward ta’ l-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq il-fatt li l-Istati Membri li kienu kompletament irrispettaw il-livelli ta’ referenza ser ikunu ppenalizzati peress li l-kapaċità tal-flotta tas-sajd tagħhom, eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003, kienet ser tkun il-limitu massimu li mil-lum ’il quddiem ma setax jinqabeż, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li dan l-effett jirriżulta direttament mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002. Madankollu, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja la kkontesta fiż-żmien xieraq din l-aħħar dispożizzjoni, u lanqas ma qajjem quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tagħha.

77      Minn dan isegwi, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, li d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat ma tiksirx l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002. Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi, safejn l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat jikser id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2371/2002

 L-argumenti tal-partijiet

78      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002 jawtorizza espressament lill-Istati Membri sabiex ma jiħdux in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-istabbiliment tal-bilanċ tad-dħul u l-ħruġ previst fl-Artikolu 13 ta’ l-istess regolament, iż-żieda fit-tunnellaġġ tal-bastimenti tas-sajd li jkollhom ħames snin u aktar riżultat tal-modernizzazzjoni tal-gverta prinċipali intiża sabiex ittejjeb is-sigurtà fuq il-bastimenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġene u l-kwalità tal-prodotti. Madankollu, l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat jinkludi, fost l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-kapaċità f’tunellaġġ tal-flotta tas-sajd ta’ Stat Membru, il-fattur GTs li jikkorrispondi għaż-żieda in kwistjoni. Konsegwentement, billi jinkludi dan il-fattur li għandu jkun eskluż skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002, l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat imur kontra l-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq.

79      Il-Kummissjoni tosserva li dan il-motiv juri li r-Renju ta’ Spanja ma fehemx il-portata ta’ l-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat. Skond il-Kummissjoni, jekk il-fattur GTs ma kienx ġie inkluż fil-formola matematika prevista f’din id-dispożizzjoni, iż-żieda fit-tunellaġġ dovut għall-modernizzazzjoni kellu jkun ikkumpensat minn ħruġ ta’ kapaċità ekwivalenti tal-flotta. Din il-konsegwenza kien ikollha riżultat kuntrarju għal dak li jrid jintlaħaq mill-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002. Għalhekk, kien ikun neċessarju li jiġi inkluż il-fattur GTs, preċedut mis-sinjal pożittiv, fil-formola li tinsab fl-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat. L-istess artikolu jillimita lilu nnifsu li jikkonverti n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni taż-żidiet fil-kapaċità li jirriżultaw mill-operazzjonijiet ta’ modernizzazzjoni tal-bastimenti, prevista fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002, f’formula matematika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

80      Hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, dan il-motiv huwa bbażat fuq perċezzjoni żbaljata ta’ l-effett tal-formola matematika prevista fl-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, sabiex jikkonforma ruħu ma’ din il-formola, kull Stat Membru għandu jassigura li l-kapaċità f’tunnellaġġ tal-flotta tiegħu tas-sajd (GTt) tibqa’ dejjem inqas jew indaqs għal dik eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003 (GT03).

81      Madankollu, il-modernizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd prevista fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002 timplika żieda fil-kapaċità tal-flotta (GTs), li twassal sabiex il-kapaċità effettiva (GTt) issir, permezz taż-żieda in kwistjoni, għola minn dik eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003 (GT03). Sabiex tinżamm is-sitwazzjoni ta’ ekwilibriju, il-formola prevista fl-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat tipprovdi li l-fattur GTt jiġi mqabbel mal-fattur GT03 miżjud bil-fattur GTs (GT03 + GTs).

82      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002 li ma jittiħdux in kunsiderazzjoni ż-żidiet fil-kapaċità previsti minn din id-dispożizzjoni jimponi ż-żieda tal-fattur GTs mal-fattur GT03 fil-formola prevista fl-Artikolu 7(1) tar-regolament ikkontestat. Huwa fil-każ kuntrarju li jkun hemm ksur tad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002, peress li l-Istat Membru kkonċernat ikun obbligat, f’din is-sitwazzjoni, li jirtira mill-flotta tiegħu tas-sajd kapaċità li ta’ l-inqas tkun indaqs għaż-żieda dovuta għall-modernizzazzjoni, sabiex titnaqqas il-kapaċità tagħha (GTt) u ma tinqabiżx il-kapaċità eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003 (GT03).

83      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jkun miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

84      Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, minħabba l-fatt li r-regolament ikkontestat huwa applikabbli retroattivament, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2003, li jista’ jġib miegħu dannu għall-partijiet ikkonċernati. Fir-replika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja ppreċiża li d-dannu għall-partijiet interessati kien riżultat ta’ l-introduzzjoni, mir-regolament ikkontestat, ta’ limitazzjoni ġdida ta’ livell reali tal-flotta tas-sajd, mhux prevista fir-Regolament Nru 2371/2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-argument, li jgħid li l-effett retroattiv tar-regolament ikkontestat huwa ġġustifikat, għaliex dan jillimita lilu nnifsu li jistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2371/2002 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003, mhuwiex validu, peress li l-interessi eventwali ma setgħux isiru l-limitazzjonijiet ġodda li l-Kummissjoni kienet qed tippjana li tintroduċi.

85      Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li dan il-motiv huwa manifestament inammissibbli, għaliex mhuwiex konformi ma’ l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-ġurisprudenza relatata miegħu. Skond il-Kummissjoni, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat dan il-motiv bl-ebda mod ma jirriżulta mir-rikors, peress li r-Renju ta’ Spanja limita lilu nnifsu li jinvoka dannu purament ipotetiku li jirriżulta mill-effett retroattiv tar-regolament ikkontestat għall-partijiet ikkonċernati, mingħajr ma identifika lil dawn ta’ l-aħħar b’mod ċar u mingħajr ma spjega n-natura u l-oriġini tad-dannu li huma allegatament sofrew.

86      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv mhuwiex fondat. Skond il-Kummissjoni, il-ġurisprudenza taċċetta, bħala eċċezzjoni, id-dħul fis-seħħ ta’ att Komunitarju f’data li tkun qabel il-pubblikazzjoni tiegħu, meta jkun meħtieġ mill-għan li jkun irid jintlaħaq u l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jkunu debitament irrispettati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, puint 20, u Weingut Decker, 99/78, Ġabra p. 101, punt 8 ; tad-9 ta’ Jannar 1990, SAFA, C‑337/88, Ġabra p. I‑1, punt 13; tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, Ġabra p. I‑3695, punt 17; ta’ l-20 ta’ Novembru 1997, Moskof, C‑244/95, Ġabra p. I‑6441, punt 77, u tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C‑110/97, Ġabra p. I‑8763, punt 151). F’dan il-każ partikolari, safejn ir-regolament ikkontestat għandu bħala għan uniku li jistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni ta’ l-obbligi imposti mir-Regolament Nru 2371/2002, mingħajr ma jżid magħhom ebda element ġdid, id-data ta’ applikazzjoni tar-regolament ikkontestat tista’ tkun biss id-data li fiha jidħol fis-seħħ ir-Regolament Nru 2371/2002, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2003.

87      Il-Kummissjoni tosserva li l-argument tar-Renju ta’ Spanja li r-regolament ikkontestat adotta miżuri mhux previsti fir-Regolament Nru 2371/2002 huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li l-allegata limitazzjoni ġdida introdotta permezz tar-referenza tar-regolament ikkontestat għal-livelli reali tal-flotta tas-sajd hija biss l-applikazzjoni sempliċi ta’ l-iskema tad-dħul u tal-ħruġ prevista mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, hekk kif tispjega l-Kummissjoni fir-risposta tagħha għat-tieni motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

88      L-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li kull rikors introduttiv ta’ istanza għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkun fih is-sunt tar-raġunijiet imressqa. Din id-dispożizzjoni hija miktuba f’termini identiċi għall-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u kull ma jagħmlu ż-żewġ dispożizzjonijiet huwa li jirripproduċu kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika l-istess għar-rikorsi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għal dawk imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).

89      Mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa fondat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess u għandhom ikunu indikati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-qorti Komunitarja teżerċità l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑178/00, Ġabra p. I‑303, punt 6, u ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑55/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 23). Is-sempliċi invokazzjoni tal-prinċipju tad-dritt Komunitarju li jkun allegat il-ksur tiegħu, mingħajr ma jiġu indikati l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom tkun ibbażata din l-allegazzjoni, ma jissodisfax din il-kundizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra p. I‑8027, punt 51).

90      F’dan il-każ partikolari, fir-rikors tiegħu r-Renju ta’ Spanja limita ruħu li jafferma li l-fatt li d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat ġiet iffissata għall-1 ta’ Jannar 2003 jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, peress li seta’ jwassal għal dannu għall-partijiet interessati, madankollu mingħajr ma indika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jippermettu li jiġi identifikat, minn naħa, id-dannu probabbli allegat u, min-naħa l-oħra, l-interessi kkonċernati. F’dawn il-kundizzjonijiet, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, dan il-motiv ma jissodisfax l-eżiġenzi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

91      Fi kwalunkwe każ, l-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja fir-replika in sostenn ta’ l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, li fih jgħid li dan id-dannu subit mill-partijiet ikkonċernati jirriżulta mill-introduzzjoni fir-regolament ikkontestat ta’ limitazzjoni ġdida tal-flotta tas-sajd ta’ l-Istati Membri li mhijiex ipprovduta fir-Regolament Nru 2371/2002, jammonta biss għal sempliċi repetizzjoni ta’ l-argument ippreżentat fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi. Madankollu, hekk kif diġà intqal, dan l-argument mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

92      Barra minn hekk, safejn l-iskema tad-dħul u tal-ħruġ tal-flotta tas-sajd, stabbilita mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003, l-applikazzjoni tar-regolament ikkontestat sa mill-istess data ma tmurx kontra, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, l-allegati aspettattivi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati.

93      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fiq l-allegat karattru arbitrarju tar-regolament ikkontestat

 L-argumenti tal-partijiet

94      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat jillimita t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-irtirar tal-bastimenti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002, meta ġiet introdotta limitazzjoni li ma kinitx teżisti taħt ir-Regolament Nru 2371/2002. Skond ir-Renju ta’ Spanja, il-livelli ta’ referenza jirreferu, bħal PMG, għas-sena 1997. Minbarra dan, mill-espressjoni “ikun kumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika”, użata fl-Artikolu 13(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2371/2002 jirriżulta, li ma teżisti l-ebda limitazzjoni fiż-żmien għat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-irtirar imwettaq. Konsegwentement, il-limitazzjoni magħmula mir-regolament ikkontestat hija arbitrarja.

95      Ir-Renju ta’ Spanja kkunsidra inammissibbli l-livelli ta’ referenza li r-regolament ikkontestat applika għalih, peress li f’dan ir-regolament, il-Kummissjoni kienet introduċiet regola ġdida li tirrendi inutilizzabbli l-livell ta’ referenza bħala element ta’ tmexxija tal-flotta u tippenalizza lir-Renju ta’ Spanja permezz ta’ tnaqqis ta’ 240 000 GT, filwaqt li fl-istess waqt iż-żidiet sostanzjali tat-tunellaġġ kienu ġew awtorizzati għall-Olanda, l-Irlanda u r-Renju Unit.

96      Il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni tinjora b’mod arbitrarju l-interessi leġittimi tar-Renju ta’ Spanja billi tfixkel il-kunċetti tal-livell ta’ referenza u tal-livell reali tal-flotta. Id-diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi ma teżentahiex mill-obbligu li tħares ir-regolamenti tal-Kunsill kif ukoll ir-regolamenti tagħha stess u la tiġġustifika interpretazzjoni limitata tad-drittijiet li r-Renju ta’ Spanja akkwista permezz tat-twettiq ta’ l-għanijiet tar-raba’ PMG, u lanqas tiġġustifika l-assimilazzjoni tiegħu ma’ l-Istati Membri li ma wettqux l-obbligi tagħhom, billi fil-qasam ta’ l-irtirar irriżervatlu l-istess trattament, bi tnaqqis inaċċettabbli.

97      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat huwa eċċezzjoni għall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002, li ma jipprovdix dispożizzjonijiet tranżitorji u li, bħala prinċipju, jipprojbixxi, sa mill-1 ta’ Jannar 2003, kull dħul ta’ bastimenti fil-flotta tas-sajd li mhuwiex marbut ma’ rtirar ta’ kapaċità ta’ l-inqas ekwivalenti. Kull ma jagħmel l-Artikolu 6 huwa li jassigura t-tranżizzjoni bejn l-iskema l-antika ta’ dħul u ta’ ħruġ u l-iskema l-ġdida, bit-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi għall-kostruzzjoni tal-bastimenti mogħtija preċedentement minn Stat Membru. B’hekk, l-Artikolu 6 jissalvagwardja d-dritt ta’ dawk li jkollhom awtorizzazzjoni, mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002, li jdaħħlu, mingħajr irtirar minn qabel ta’ kapaċità ekwivalenti, il-bastiment il-ġdid tagħhom fil-flotta tas-sajd ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Din id-dispożizzjoni b’hekk tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tas-sidien tal-bastimenti li jkollhom awtorizzazzjoni għal kostruzzjoni.

98      It-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni mogħtija waqt perijodu limitat huwa ġġustifikat mill-karattru eċċezzjonali ta’ l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li fil-proposta inizjali tagħha, dan il-perijodu kien stabbilit għal sena, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002. Madankollu, wara l-osservazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri, fosthom ir-Renju ta’ Spanja, u ta’ informazzjoni mibgħuta, fuq talba tal-Kummissjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sajd, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li testendi l-perijodu ta’ referenza minn sena għal tliet snin.

99      Dan il-perijodu ta’ tliet snin jikkorrispondi għal kriterji oġġettivi, jiġifieri ż-żmien li għadda bejn l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni u dħul tal-bastiment fil-flotta tas-sajd, ikkalkolat mill-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ l-esperjenza tiegħu u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-istadji kollha intermedjarji, bħall-konklużjoni tal-kuntratt, il-kostruzzjoni u l-inawgurazzjoni tal-basiment, għal madwar tliet snin. Minbarra dan, l-iffissar tad-data tal-bidu tal-perijodu ta’ referenza għall-1 ta’ Jannar 2000 jikkorrispondi għall-bidu tal-pjan multi-annwu dwar il-miżuri strutturali fis-settur tas-sajd approvat għall-perijodu 2000‑2006.

100    Minn dan isegwi li l-affermazzjoni tar-Renju ta’ Spanja, li dan il-perijodu ta’ referenza għat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 2003 għandu jmur lura għall-1997, ma tistax tiġi milqugħa.

101    Il-Kummissjoni tqis li, permezz ta’ din l-affermazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja jipprova jestendi eċċezzjoni prevista għall-każijiet li fihom tkun ġiet mogħtija awtorizzazzjoni amministrattiva nazzjonali minn qabel iżda ma tkunx ġiet segwita, qabel l-1 ta’ Jannar 2003, mid-dħul effettiv tal-bastiment ġdid fil-flotta għall-ħruġ kollu li sar mill-flotta tiegħu sa mill-1997. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju ta’ Spanja ma allegax li l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi għall-kostruzzjoni kienu ġew mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 2000 għal bastimenti li kienu għadhom ma daħlux fil-flotta fl-1 ta’ Jannar 2003.

102    Skond il-Kummissjoni, permezz ta’ din l-affermazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja qiegħed jiġġeneralizza d-dispożizzjoni tranżitorja u eċċezzjonali ta’ l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat, bi ksur ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002 u ta’ l-obbligi tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tar-regoli dettaljati ta’ l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

103    Minbarra dan, il-Kummissjoni tfakkar li skond il-ġurisprudenza, il-leġiżlatur Komunitarju għandu diskrezzjoni wiesgħa fiċ-ċirkustanzi li jimplikaw l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika kumplessa, bħal fil-qasam tal-politika agrikola komuni u tas-sajd (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 1998, NIFPO u Northern Ireland Fishermen’s Federation, C‑4/96, Ġabra p. I‑681, punti 41 u 42, u tal-25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C‑120/99, Ġabra p. I‑7997, punt 44). Hija tikkunsidra li f’dan il-każ partikolari r-Renju ta’ Spanja ma ressaqx l-iċken prova li turi li hija kienet, manifestament, marret lilhinn mil-limiti ta’ din id-diskrezzjoni.

104    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreċiża li ż-żidiet fit-tunellaġġ għal Stati Membri oħra, invokati mir-Renju ta’ Spanja, jikkorrispondu għar-reviżjonijiet ta’ l-għanijiet tar-raba’ PMG, mitluba minn dawn l-Istati qabel l-31 ta’ Diċembru 2002 u li kienet għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwarhom fl-1 ta’ Jannar 2003. Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja ma kienx għamel talba bħal din.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

105    Fil-qasam tal-politika agrikola, li, skond l-Artikolu 32(1) KE jinkludi wkoll is-sajd, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet, fid-dawl tar-responsabbiltajiet li għandhom taħt it-Trattat, għandhom diskrezzjoni wiesgħa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 31; tat-8 ta’ April 1992, Mignini, C‑256/90, Ġabra p. I‑2651, punt 16, u NIFPO u Northern Ireland Fishermen’s Federation, punt 103 iktar ’il fuq, punt 57).

106    Madankollu, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi wkoll li jekk l-eżami tad-dispożizzjonijiet ta’ miżura jiżvelaw differenza ta’ trattament arbitrarju, jiġifieri differenza li ma tkunx iġġustifikata suffiċjentement u li ma tkunx fondata fuq kriterji ta’ natura oġġettiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, Ġabra p. 2885, punt 22, u tat-13 ta’ Novembru 1990, Marshall, C‑370/88, Ġabra p. I‑4071, punt 24; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2001, T. Port vs Il-Kummissjoni, T‑52/99, Ġabra p. II‑981, punt 82), din il-miżura għandha tiġi annullata, minħabba ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 34(2) KE, li jeżiġi li sitwazzjonijiet bħal dawn ma jkunux trattati b’mod differenti, sakemm id-differenza ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza NIFPO u Northern Ireland Fishermen’s Federation, punt 103 iktar ’il fuq, punt 58, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 67).

107    Konsegwentement, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat tagħmilx differenza ta’ trattament arbitrarju. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li din id-dispożizzjoni hija eċċezzjoni għar-regola msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2371/2002 li jimponi t-teħid in kunsiderazzjoni, għal bżonnijiet ta’ l-iskema ta’ kumpens ta’ dħul u ta’ ħruġ, tal-kapaċità reali tal-flotta tas-sajd ta’ Stat Membru eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003. Fil-fatt, l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat, ikkusidrat flimkien ma’ l-Anness II ta’ l-imsemmi regolament li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-kalkolu tal-kapaċità tas-sajd f’tunellaġġ (GT03) u saħħa (KW03) fl-1 ta’ Jannar 2003, għandu l-effett li l-bastimenti tas-sajd li jidħlu fil-flotta tas-sajd wara dik id-data jkunu ttrattati bħala li diġà jifformaw parti mill-imsemmija flotta fl-istess data, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi Artikolu 6, dwar l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni meħuda mill-Istat Membru kkonċernat bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002 u dwar l-osservanza ta’ perijodu massimu ta’ tliet snin bejn id-data ta’ dik id-deċiżjoni u d-dħul tal-bastiment fil-flotta, ikunu sodisfatti.

108    Hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-regolament ikkontestat u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, din l-eċċezzjoni ġiet introdotta sabiex tassigura t-tranżizzjoni bejn l-iskema l-antika ta’ dħul u ta’ ħruġ u l-iskema l-ġdida stabbilita mir-Regolament Nru 2371/2002. B’mod aktar konkret, permezz ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni, il-Kummissjoni riedet tassigura l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tas-sidien tal-bastimenti li kellhom awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ bastiment tas-sajd, fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ dħul u ta’ ħruġ stabbilita u nnotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 97/413, iżda fejn il-bastiment in kwistjoni ma setax jidħol fil-flotta tas-sajd ta’ l-Istat Membru kkonċernat qabel l-1 ta’ Jannar 2003. Fid-dawl tan-nuqqas, fir-Regolament Nru 2371/2002, ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li jirregolaw din is-sitwazzjoni, id-dħul ta’ bastiment fil-flotta tas-sajd ta’ l-Istat Membru kkonċernat wara l-1 ta’ Jannar 2003 ma kienx ikun possibbli, mingħajr din l-eċċezzjoni, ħlief jekk kien isir fl-istess waqt ma’ l-irtirar ta’ bastiment ieħor ta’ kapaċità ta’ l-inqas ugwali.

109    Madankollu, peress li kundizzjoni bħal din ma kinitx prevedibbli fiż-żmien meta ġiet mogħtija l-awtorizzazzjoni, l-impożizzjoni sussegwenti tagħha setgħet tikser l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk li kellhom awtorizzazzjoni amministrattiva u li jkunu investew somom kbar ta’ flus fil-kostruzzjoni ta’ bastiment tas-sajd iżda li d-dħul tiegħu fil-flotta tas-sajd isir problematiku. B’hekk, l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat ippermetta d-dħul fil-flotta tas-sajd ta’ bastiment bħal dan wara l-1 ta’ Jannar 2003, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-awtorizzazzjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni tkun inħarġet fil-perijodu ta’ referenza bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002 u li l-bastiment ikun ġie rreġistrat mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza l-kostruzzjoni tiegħu. Il-perijodu ta’ referenza ta’ sena (mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2002) inizjalment propost mill-Kummissjoni ġie estiż għal tliet snin, fuq talba ta’ ċerti Stati Membri, sabiex jikkoinċidi mal-bidu tal-PMG għall-perijodu 2000-2006. Minbarra dan, l-impożizzjoni ta’ perijodu massimu ta’ tliet snin bejn id-data tad-deċiżjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni u d-dħul tal-bastiment ġdid tas-sajd fil-flotta tas-sajd jikkorrispondi, hekk kif issostni l-Kummissjoni, għat-terminu normali ta’ kostruzzjoni ta’ bastiment bħal dan.

110    Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat ma tistax tkun ikkunsidrata bħala arbitrarja. Għall-kuntrarju, hija tibbaża fuq kriterji oġġettivi u hija totalment iġġustifikata mill-bżonn li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk li jkollhom awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti tas-sajd maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2371/2002.

111    L-argumentazzjoni tar-Renju ta’ Spanja mhijiex tali li tannulla din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li l-portata ta’ l-argumentazzjoni dwar dan il-motiv, żviluppata fin-noti tar-Renju ta’ Spanja, hija diffiċli li tinftiehem u li r-Renju ta’ Spanja jidher li qed jirrepeti l-affermazzjonijiet tiegħu, infondati, mressqa sabiex jiġi sostnut it-tieni motiv. B’mod aktar partikolari, ir-Renju ta’ Spanja sostna, fin-noti tiegħu, li r-regolament ikkontestat jippermetti t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-irtirar effettiv fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002, sabiex b’hekk dan il-perijodu kellu jmur għas-sena 1997. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad mill-bidu li, t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-irtirar imwettaq fil-perijodu msemmi iktar ’il fuq kien awtorizzat mir-regolament ikkontestat biss sakemm dan l-irtirar ikun ta lok għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi għall-kostruzzjoni korrispondenti u li l-bastimenti li kienu ser jinbnew kienu għadhom ma ddaħlux fil-flotta tas-sajd fl-1 ta’ Jannar 2003.

112    Minbarra dan, l-estensjoni, sas-sena 1997, tal-perijodu ta’ referenza jkollha vantaġġ biss jekk, fl-istess waqt, il-perijodu bejn l-għoti ta’ awtorizzazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ bastiment, previst fl-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat, ikun iffissat għal ta’ l-inqas sitt snin, minflok tlieta. Perijodu bħal dan għal kostruzzjoni ta’ bastiment tas-sajd jidher, prima facie, eċċessiv u ma jikkorrispondix mat-terminu normali ta’ kostruzzjoni ta’ bastiment bħal dan. Min-naħa l-oħra, fin-noti tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja bl-ebda mod ma ttratta l-kwistjoni tat-terminu tal-kostruzzjoni ta’ bastiment tas-sajd u b’hekk ma indikax ir-raġunijiet li għalihom kien meħtieġ perijodu itwal ta’ kostruzzjoni.

113    Fis-seduta, ir-Renju ta’ Spanja sostna li l-iffissar ta’ perijodu ta’ kostruzzjoni ta’ ħames snin kien neċessarju għal Spanja, għar-raġuni li, minn naħa, il-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2371/2002 kienet tagħti lil dawk li kellhom awtorizzazzjoni għal kostruzzjoni, perijodu ta’ ħames snin sabiex jibnu l-bastiment ġdid tagħhom u jdaħħluh fil-flotta Spanjola tas-sajd u, min-naħa l-oħra, in-numru kbir ta’ talbiet ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti bħal dawn fi Spanja u n-numru limitat ta’ żoni disponibbli għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti kellhom l-effett li, f’dawn il-pajjiżi, it-terminu medju ta’ kostruzzjoni ta’ bastiment ta’ dan it-tip ikun effettivament ta’ ħames snin.

114    Il-Kummissjoni rrispondiet li, minn naħa ta’ l-Istati Membri li kienu talbu estensjoni tal-perijodu ta’ kostruzzjoni inizjalment propost, ma kienet irċeviet ebda element ta’ informazzjoni oġġettiva u preċiża li tippermetti li jiġi stabbilit it-terminu eżatt ta’ l-estensjoni li kellha tingħata. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni, fid-dawl tal-kalkolu ta’ l-esperti tagħha, li perijodu ta’ tliet snin kien biżżejjed żgur għall-kostruzzjoni ta’ bastiment ta’ dan it-tip.

115    Ir-Renju ta’ Spanja kkontesta dawn l-affermazzjonijiet, billi sostna li d-delegazzjoni tiegħu kienet tkellmet dwar din il-kwistjoni fil-laqgħat tal-kumitat li saru qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, mill-minuti tal-laqgħa tal-kumitat tas-16 ta’ Lulju 2003 jirriżulta li Spanja kienet effettivament indikat, fl-intervent tagħha, li t-terminu tal-perijodu propost mill-Kummissjoni kien qasir wisq u, b’hekk, li l-bidu ta’ dan il-perijodu kellu jmur lura sa l-1998. Madankollu, hekk kif sostniet il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata, ir-Renju ta’ Spanja la ressaq l-argumenti invokati fis-seduta, u lanqas ressaq motivazzjoni oħra sabiex isostni din il-pożizzjoni.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, mressqa għall-ewwel darba fis-seduta, huma mressqa tard u, għalhekk, huma inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija argumenti la jistgħu jqiegħdu fid-dubju il-karattru raġonevoli u mhux arbitrarju tal-perijodu ta’ tliet snin stabbilit fl-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat, u lanqas juru li t-tul ta’ dan l-istess perijodu huwa l-frott ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni kienet marbuta li tiffissa t-tul tal-perijodu in kwistjoni fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u b’mod mhux arbitrarju, hija min-naħa l-oħra ma kellha l-ebda obbligu li tikkonferma l-proposti kollha ta’ l-Istati Membri li kienu relatati miegħu, li, tibqa’ dejjem xi ħaġa impossibbli, kif jirriżulta mil-karattru differenti tad-diversi liġijiet nazzjonali f’dan il-qasam.

117    Fl-aħħar nett, fir-rigward taż-żidiet tal-livelli ta’ referenza li l-Kummissjoni allegatament tat lil Stati Membri oħra u mhux lil Spanja, jeħtieġ li jingħad li dawn ma jistgħux jistabbilixxu trattament arbitrarju u diskriminatorju fir-rigward ta’ din ta’ l-aħħar. Fil-fatt, kif jafferma r-Renju ta’ Spanja stess, safejn il-kapaċità tal-flotta tiegħu tas-sajd eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003 kienet inqas mil-livell tiegħu ta’ referenza, żieda ta’ dan l-aħħar livell ma kien jagħtih l-ebda vantaġġ u konsegwentament ma kinitx tagħmel sens, peress li, kif ġie stabbilit fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni motiv (ara, b’mod partikolari, l-punti 69 sa 76 iktar ’il fuq), l-iskema tal-kumpens ta’ dħul u ta’ ħruġ stabbilita mir-Regolament Nru 2371/2002 timplika li l-kapaċità tal-flotta tas-sajd ta’ Stat Membru ma tistax tiżdied aktar mil-livell eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2003.

118    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

119    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jigi kkundannat ibati l-ispejjeż, skond it-talba tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Mejju 2007.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.