Language of document : ECLI:EU:T:2007:120

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

3 ta’ Mejju 2007 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet tal-Land ta’ Sassonja – Skema ta’ għajnuna favur impriżi żgħar u medji – Clearance aċċelerata – Applikazzjoni fiż-żmien tar-regoli tal-Komunità u r-Regolament ta’ eżenzjoni dwar l-għajnuna favur impriżi żgħar u medji – Pjan ta’ għajnuna nnotifikat qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Notifika kompluta”

Fil-kawża T-357/02,

Freistaat Sachsen, irrappreżentata minn T. Lübbig, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u J. Flett, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 u ta’ l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/226/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, dwar l-iskema ta’ għajnuna li għandha l-intenzjoni li timplementa l-Ġermanja – “Programm favur l-impriżi żgħar u medji – Titjib ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-impriżi tas-Sassonja” – Programmi sekondarji 1 (formazzjoni, 4 (parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet), 5 (kooperazzjoni) u 7 (promozzjoni ta’ l-istil) (ĠU L 91, 2003, p. 13),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 87(1) KE jgħid:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

2        Skond l-Artikolu 87(3) KE:

“It-tipi ta’ għajnuna li ġejj[in] [j]ist[għu] [j]kun[u] kkunsidrat[i] bħala kompatibbli mas-suq komuni:

a)      għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta’ l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impieg;

[…]

ċ)       għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-k[u]ndizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni; procédure d’autorisation

[…]”

3        Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 1992, fuq clearance aċċelerata ta’ skemi ta’ għajnuna għal SMEsu għal emendi ta’ skemi eżistenti (ĠU C 213, p. 10, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata”), tgħid:

“[…]

fil-prinċipju l-Kummissjoni mhux ser toġġezzjoni għal skemi ta’ għajnuna eżistenti, ġodda jew modifikati, notifikati skond l-Artikolu [88](3) [KE] u li jilħqu l-kriterji li ġejjinji:

1)      skemi ta’ għajnuna ġodda, barra dawk li jsostnu setturi ta’ l-industrija koperti minn prospetti speċifiċi ta’politika tal-Komunità kif ukoll għajnuna fis-setturi ta’ l-agrikoltura, sajd, trasport u faħam.

L-isekmi għandhom ikunu limitati għal intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju […]

L-iskemi għandhom jissoddisfaw ukoll wieħed mill-kriterji li ġejjin:

[…]

L-għajnuniet kollha għall-esportazzjonijiet f’kummerċ intra-Komunitarju jew għajnuniet operattivi huma esklużi mill-proċedura;

2)      modifikazzjonijiet ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti li l-Kummissjoni kienet approvat qabel, ħlief f’każi speċifiċi fejn il-Kummissjoni strettament illimitat l-awtorizzazzjoni tagħha għal perjodu, budget u kondizzjonijiet li kienu hekk notifikati.

L-emenda tista’ tinvolvi waħda minn dawn li ġejjin:

–        żieda fuq iż-żmien [proroga] mingħajr żieda fir-riżorsi tal-budget,

–        żieda fil-budget disponibbli sa mhux aktar minn 20 % tas-somma oriġinali, imma mingħajr żieda ta’ żmien [proroga],

–        żieda fuq iż-żmien [bi proroga] b’żiedet fil-budget ta’ mhux aktar minn 20 % tas-somma oriġinali,

–        issikar fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-iskema [it-tisħiħ tal-kriterji ta’ applikazzjoni].

[…]

Il-Kummissjoni ser tiddeċiedi fuq in-notifikazzjonijiet sa 20 jum utli.”

4        Il-linji gwida dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għal użu reġjonali (ĠU C 74, 1998, p. 9, emendati kif indikat fil-ĠU 2000, C 258, p. 5, iktar ’il quddiem il-“linji gwida dwar l-għajnuna mogħtija għal użu reġjonali”) jipprovdu, fil-punt 2, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, li l-Kummissjoni tapplikahom fir-rigward ta’ l-għajnuna reġjonali mogħtija fis-setturi ta’ attività kollha, ħlief għall-produzzjoni, it-trasformazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli ta’ l-anness II tat-Trattat, tas-sajd u ta’ l-industrija tal-faħam.

5        Rigward l-għajnuna operattiva, il-linji gwida dwar l-għajnuna mogħtija għal użu reġjonali jsemmu b’mod partikolari:

“4.15. L-għajnuna reġjonali intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż kurrenti ta’ l-impriża (għajnuna għat-tħaddim) hija, fi prinċipju, pprojbita. B’mod eċċezzjonali, tista’ madankollu tingħata għajnuna ta’ dan it-tip fir-reġjuni li jibbenefikaw mid-deroga ta’ l-Artikolu 87(3)(a) [KE] bil-kundizzjoni li din tkun iġġustifikata skond il-kontribut tagħha għall-iżvilupp reġjonali, skond in-natura tagħha u li l-livell tagħha tkun proporzjonali għall-problemi li hija intenzjonata li ttaffi. Huwa l-Istat Membru li għandu l-obbligu li juri l-eżistenza tal-problemi u li jikkunsidra l-importanza tagħhom. Din l-għajnuna għat-tħaddim għandha tkun limitata fiż-żmien u tonqos aktar ma jgħaddi ż-żmien.

[…]

4.17. L-għajnuna għat-tħaddim li għandha bħala għan li tippromwovi l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tiġi eskluża.”

6        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat”), jiddefinixxi l-proċeduri applikabbli għall-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa li hija għandha taħt l-Artikolu 88 KE li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat mas-suq komuni.

7        L-Artikolu 2(2) tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, rigward notifika ta’ għajnuna ġdida, jgħid li:

“F’notifika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex [j]awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7 (minn hawn ’[i]l quddiem imsejħa 'notifika kompluta').”

8        L-Artikolu 4 tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifiki ta’ għajnuna ġdida malli tirċevihom u, wara eżami preliminari għandha jew tieħu deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna (Artikolu 4(2), tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istati), jew deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura nnotifikata ma tqajjem l-ebda dubju fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (Artikolu 4(3), tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat), jew deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni tal-miżura nnotifikata (Artikolu 4(4) tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat). Dawn id-deċiżjonijiet “għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Da[n] il-perijodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. In-notifika għandha [tiġi] kkunsidrata li hija kompl[e]ta jekk, fi żmien xahrejn mir-riċevuta tagħha, jew mir-riċevuta ta’ kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma teħtieġ ebda informazzjoni oħra […]” (Artikolu 4(5) tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat).

9        L-Artikolu 4(6) tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat jgħid li:

“Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni [b]’konformità mal-paragrafi 2, 3 jew 4 [ta’ l-Artikolu 4 tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat] l-għajnuna għandha tinftiehem li kienet awtorizzata mill-Kummissjoni. L-Istat Membru kkonċernat jista’ minħabba dan jimplimenta l-miżuri in kwistjoni wara li jagħti lill-Kummissjoni notifika minn qabel dwar dan, ħlief jekk il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skond dan l-Artikolu f’perjodu ta’ 15-il jum tax-xogħol wara r-riċevuta tan-notifika.”

10      L-Artikolu 5(3) tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat jgħid li:

“In-notifika għandha tinftiehem li hija rtirata jekk l-informazzjoni mitluba m’hijiex [ip]provvduta fil-perjodu preskritt, kemm-il darba qabel ma jiskadi dak il-perjodu, jew ikun estiż il-perjodu bil-kunsens sew tal-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, jew l-Istat Membru kkonċernat, [b’dikjarazzjoni debitament immotivata], jinforma lill-Kummissjoni li jikkunsidra li n-notifika hija kompl[e]ta minħabba li l-informazzjoni mitluba m’hijiex disponibbli jew diġa kienet provvduta. F’dak il-każ, il-perjodu li saret referenza għalih fl-Artikolu 4(5) għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ l-istqarrjia”

11      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [87] u [88] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ awtorizzazzjoni”), jagħti lill-Kummissjoni, fl-Artikolu 1(1)(a)(i), is-setgħa li tiddikjara, skond l-Artikolu 87 KE, li, f’ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna lill-impriżi żgħar u medji hija kompatibbli mas-suq komuni u mhijiex suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) KE.

12      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta’ l-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 10, p. 33, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ eżenzjoni IŻM”), jiddefinixxi kriterji li għandha tissodisfa l-għajnuna individwali u l-iskemi ta’ għajnuna għall-impriżi żgħar u medji sabiex ikunu kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 87(3) KE, u jeżenta dawk li jissodisfaw l-obbligu ta’ notifika skond l-Artikolu 88(3) KE.

13      L-imsemmi regolament madankollu jgħid fil-premessa 4:

“Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal possibbiltà għall-Istati Membri li tinnotifika għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn in-notifiki jkunu eżaminati mill-Kummissjoni partikolarment minħabba l-kriterji ppreżentati f’dan ir-Regolament. Ir-regoli [tal-Komunità] dwar l-għajnuna ta’ l-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju għandhom jitneħħew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, peress li l-kontenut tagħhom jinbidel b’dan ir-Regolament.” 

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-proċedura amministrattiva

14      Fil-kuntest tal-programm tal-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tax-Xogħol tal-Freistaat Sachsen favur impriżi żgħar u medji intiż għat-titjib tal-ħidma ta’ l-impriżi ( iktar ’il quddiem il-“programm”), adottat għall-ewwel darba fl-1992, il-Freistaat Sachsen jagħti, fuq talba, lill-membri tal-professjoni liberi kif ukoll lill-impriżi żgħar u medji ta’ natura industrijali jew kummerċjali li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom jew li jistabbilixxu, fit-territorju tiegħu, sussidji li ma jitħallsux lura għal pjanijiet li jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ l-ekonomija. Il-programm ġie nnotifikat għall-ewwel darba lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE), b’ittra tar-rappreżentazzjoni permanenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat-3 ta’ Lulju 1992. Hija ġiet awtorizzata b’ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 1992.

15      Il-validità tal-programm ġiet estiża numru ta’ drabi, fejn kull estensjoni tat lok għal emenda u l-attwalizzazzjoni tal-programm. L-emendi magħmula ġew innotifikati, wara l-iskadenza ta’ kull perijodu ta’ validità, skond il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata. Għaldaqstant, in-notifiki suċċessivi tas-26 ta’ Frar 1996 u tas-6 ta’ Ottubru 1998 ġew rispettivament approvati mill-Kummissjoni b’ittri tat-3 ta’ April 1996 u tat-12 ta’ Novembru 1998. Il-miżura ta’ għajnuna nnotifikata fis-6 ta’ Ottubru 1998 u approvata fit-12 ta’ Novembru 1998 wasslet fit-tmiem tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2000 (Ġurnal uffiċjali ta’ Freistaat Sachsen tat-8 ta’ April 1999, Nru 14, p. 289).

16      B’ittra tad-29 ta’ Diċembru 2000, li waslet il-Kummissjoni fit-3 ta’ Jannar 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat, skond l-Artikolu 88(3) KE, sitt programmi sekondarji li kienu jagħmlu parti mill-qafas ta’ verżjoni ġdida tal-programm. In-notifika kienet tikkomporta l-kisba ta’ estensjoni ġdida tad-dewmien tal-validità tal-programm għal perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2005. Din saret permezz ta’ formola pprovduta mill-Kummissjoni għall-proċediment imħaffef, bħal fil-każ tan-notifiki preċedenti.

17      Fit-12 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni adottat ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li ġie diskuss, meta kien għadu pjan ta’ regolament, fi ħdan il-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ Għajnuna Statali, kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u stabbiliti skond l-Artikolu 7 tar-regolament ta’ permess. Skond l-Artikolu 10 tiegħu, ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fit-2 ta’ Frar 2001, jew jumejn wara l-iskadenza ta’ 20 jum tax-xogħol previst mill-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata.

18      B’ittra tal-5 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tawtorizza l-iskema ta’ għajnuna fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance aċċelerata. Il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tindikalha “jekk l-attivitajiet assistiti ‘soft aid’ [kinux] kompatibbli mar-[regolament ta’ eżenzjoni IŻM], jiġifieri jekk il-volum ta’ l-għajnuna prevista fin-notifika kkonċernata [seta’] jitnaqqas għal dak previst mir-regolament ta’ eżenzjoni […]” u ppreċiżat li, “[f]il-każ fejn dan [ma kienx] possibbli, motivazzjoni preċiża [kienet] neċessarja (neċessità u kompatibbiltà f’dak li jikkonċerna politika ekonomika)”.

19      B’ittra tat-12 ta’ Marzu 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fformulat osservazzjonjiet li fihom hija esponiet l-analiżi li, skond hi, kienet tiġġustifika l-awtorizzazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet ittra mill-ġdid lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2001.

20      B’ittra ta’ l-1 ta’ Ġunju 2001, il-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tax-Xogħol ta’ Freistaat Sachsen ipparteċipa fil-proċeda billi ttrażmetta lill-Kummissjoni osservazzjonijiet in sostenn ta’ l-argumenti invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-proċedura ta’ notifikazzjoni.

21      Fl-14 ta’ Ġunju 2001, saret laqgħa f’Berlin bejn rappreżentanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni.

22      B’komunikazzjoni tat-2 ta’ Awwissu 2001, ibbażata fuq l-Artikolu 9(1) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha li timplementa s-sitt programmi sekondarji li jikkostitwixxu l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, sal-31 ta’ Diċembru 2008, jew sad-data tad-deċiżjoni li tawtorizza l-pjan ta’ għajnuna kif innotifikata, fil-limiti tal-konformità tagħhom għad-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM.

23      Fil-5 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni ġdida lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intiża sabiex issir taf jekk hija żammitx in-notifika inizjali. B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet fl-affermattiv għal din it-talba.

24      B’ittra tas-16 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-miżura “sħab ta’ bejgħ”, li kienet is-suġġett tal- proċedura distinta CP 92/01 – Il-Ġermanja, kienet annessa mal-proċediment (C 89/01) dwar l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, bħala element kostituttiv tar-raba’ programm sekondarju, intitolat “kooperazzjoni”.

25      B’ittra tal-11 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni”) fir-rigward tal-programmi sekondarji “formazzjoni”, “parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet”, “kooperazzjoni” u “promozzjoni ta’ l-istil” (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna in kwistjoni”). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni kontra l-programmi sekondarji “parir f’kummerċ estern” u “ġestjoni ta’ l-ambjent”.

26      Fid-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni fakkret lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-effett sospensiv ta’ l-Artikolu 88(3) u enfasizzat li l-għajnuna individwali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM hija kumpatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmi Regolament.

27      B’ittra tal-21 ta’ Jannar 2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja esprimiet ruħha dwar il-ftuħ tal-proċedura. Sussegwentement inżammu żewġ laqgħat bejn rappreżentanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, fid-19 ta’ Frar 2002 fi Brussell u fl-10 ta’ Ġunju 2002 f’Berlin.

28      Fis-7 ta’ Frar 2002, id-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU C 34, p. 2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni. Hija ma rċeviet ebda osservazzjoni.

2.     Id-deċiżjoni kkontestata

29      Fl-24 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/226/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li timplementa – “Programm favur l-impriżi żgħar u medji – Titjib ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-impriżi tas-Sassonja” – Programmi sekondarji 1 (formazzjoni), 4 (parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet), 5 (kooperazzjoni) u 7 (promozzjoni ta’ l-istil) (ĠU L 91, 2003, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

30      Id-dispożitiv tad-deċiżjoni kkontestata tgħid li ġej:

"Artikolu 1

L-erba’ programmi sekondarji ‘formazzjoni’, ‘parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet’, ‘kooperazzjoni’ u ‘promozzjoni ta’ l-istil’ tal-programm favur l-impriżi żgħar u medji – Titjib ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-impriżi […] jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) […] KE.

Artikolu 2

Safejn l-erba’ programmi sekondarji ċċitati fl-Artikolu 1 ma jirriżultawx mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament […] Nru 70/2001 u ma jeċċedux l-intensità ta’ għajnuna ffissata fl-imsemmi regolament, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kumpatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(c), […] KE.

Safejn l-erba’ programmi sekondarji jipprovdu għajnuna li tirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament […] Nru 70/2001 u jaqbżu l-kwantità ta’ għajnuna ffissata f’ dan ir-regolament, dawn huma inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

Safejn il-programm sekondarju ‘kooperazzjoni’ ċċitat fl-Artikolu 1 jipprovdi għajnuna għat-tħaddim, dan huwa inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 4

Il-Ġermanja hija awtorizzata teżegwixxi l-erba’ programmi sekondarji previsti mill-Artikolu 1 biss wara li dawn ikunu konformi ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 5

Il-Ġermanja tinforma lill-Kummissjoni, fix-xahrejn wara li ġiet innotifikata b’din id-deċiżjoni, dwar il-miżuri li hija tkun ħadet sabiex tikkonforma ruħa magħha.

Artikolu 6

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Diċembru 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

32      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) ddeċidiet, minn naħa, li tadotta miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċedura billi stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet u sabiex jippreżentaw dokumenti u, min-naħa l-oħra, li tiftaħ il-proċedura orali. Il-partijiet segwew it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza fiż-żmien mogħti lilhom.

33       Il-partijiet instemgħu fl-osservazzjonijiet u r-risposti għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta tal-21 ta’ Marzu 2006.

34      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2, u l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

36      Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel huwa bbażat fuq l-illegalità formali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-proċedura ta’ clearance aċċelerata lill-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità materjali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta mill-fatt li r-regolament ta’ eżenzjoni IŻM ma kienx applikabbli f’dan il-każ. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni setgħet tiġi awtorizzata skond ir-regoli tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat lill-impriżi żgħar u medji (ĠU C 213, 1996, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996”). Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fl-investigazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, kif ukoll fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn dan. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-kompetizzjoni kienet effettivament jew potenzjalment distorta mill-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, kif ukoll mill-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta minnha.

1.     Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità formali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-proċedura ta’ clearance aċċelerata

 L-argumenti tal-partijiet

37      Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat l-iskema ta’ għajnuna skond il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata u li l-Kummissjoni, minflok ma kkonformat ruħha ma’ l-obbligu li kellha li tiddeċiedi fi żmien 20 jum tax-xogħol, stenniet li jidħol fis-seħħ ir-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM biex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

38      B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni skond liema l-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata, tas-sena 1992, mhijiex restrittiva, peress li hija ma ġietx adottata skond id-dispożizzjonijiet tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmi regolament daħal fis-seħħ seba’ snin wara l-adozzjoni tal-komunikazzjoni msemmija ’l fuq u li din ta’ l-aħħar m’għandhiex għaldaqstant tiġi evalwata fid-dawl ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, minkejja li r-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat saru qabel il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata u ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni relatata ma’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni rreferiet ruħha regolarment għal din il-proċedura fil-prattika preċedenti tagħha qabel id-dħul fis-seħħ l-imsemmi regolament.

39      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, skond liema l-proċedura ta’ clearance aċċelerata ma kinitx applikabbli peress illi l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni ma kinitx “skema eżistenti”. Il-punt 2 tal-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata tipprovdi b’mod partikolari li din il-proċedura hija applikabbli fil-każ li jiġu mmodifikati l-iskemi eżistenti awtorizzati mill-Kummissjoni jekk il-modifika tkun ibbażata fuq “żieda fuq iż-żmien [proroga] b’żiediet fil-budget ta’ mhux aktar minn 20 % tas-somma oriġinali” jew jekk hija timplika l-“issikkar fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-iskema [it-tisħiħ tal-kriterji ta’ applikazzjoni]”.

40      Madankollu, mhux biss il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni ssaħħew meta mqabbla mal-miżuri preċedenti, iżda l-Kummissjoni kienet diġà awtorizzat il-programm f’żewġt idrabi. Skond ir-rikorrenti, modifika żgħira tal-kontenut ta’ l-iskema ta’ għajnuna, li jmur lilhinn mis-sempliċi proroga u minn żieda fl-allokazzjonit tal-baġit, ma timpedix, fiha nnifisha, rikors għall-proċedura ta’ clearance aċċelerata, kif il-Kummissjoni kienet barra minn hekk ammettiet dan sa dak iż-żmien billi awtorizzat fil-kuntest ta’ din il-proċedura, fl-1996 u l-1998, il-programmi li jipprolongaw il-programm inizjalment innotifikat fl-1992. Din iċ-ċirkustanza jmissha, waħedha, waqfet lill-Kummissjoni milli tirrifjuta li tirrikorri għall-proċedura ta’ clearance aċċelerata, skond il-prinċipju li jgħid li huwa pprojbit li tikkontraddiċi lilha nnifisha għad-dannu ta’ ħaddieħor.

41      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala skema ġdida, il-Kummissjoni jmissha pproċediet għall-investigazzjoni tagħha u tiddeċiedi wara l-proċedura ta’ clearance aċċelerata fi żmien 20 jum, peress illi dan it-terminu ta’ żmien japplika kemm għall-iskemi eżistenti kif ukoll għall-miżuri ġodda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra, bil-kontra tal-Kummissjoni, li l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni ma tikkomporta l-ebda għajnuna għall-esportazzjoni.

42      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni kienet tinkludi għajnuna għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni setgħet eżaminat din il-parti ta’ l-iskema barra mill-kuntest tal-proċedura ta’ clearance aċċelerata, filwaqt li l-bqija ta’ l-iskema, ikkunsidrata mill-bidu nett bħala kompatibbli mas-suq komuni, kellha tiġi eżaminata u awtorizzata skond din il-proċedura.

43      Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata ma tagħti l-ebda dritt li hija tagħti deċiżjoni fi żmien 20 jum utli. Dan it-terminu ta’ żmien huwa applikabbli biss għal deċiżjonijiet favorevoli għal ċerti każijiet sempliċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba.

44      Sussegwentement, il-Kummissjoni tallega li r-rispett tal-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors peress illi din ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li fiha l-kwistjoni tat-termini ta’ żmien applikabbli ġie definittivament irregolat. Is-suġġett tat-talba għal trattament wara l-clearance aċċelerata kellu jiġi mħassar mir-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, peress li l-Artikolu 4 ta’ ta’ dawn ta’ l-aħħar jistabbilixxi regola fil-qasam tat-termini ta’ żmien u ma jipprovdix li din il-proċedura tinżamm. Madankollu, skond il-prinċipju li jgħid li regola ulterjuri, ta’ livell ugwali jew superjuri, tannulla jew tħassar id-dispożizzjonijiet kuntrarji preċedenti li jirregolaw l-istess elementi ta’ fatt u li għandhom l-istess għan, il-proċedura ta’ clearance aċċelerata ssir “obsoleta” u b’hekk ma tistax tkun restrittiva. Anki meta l-Kummissjoni tkompli, de facto, ssegwi l-linji gwida jew komunikazzjonijiet oħra li mhumiex iktar fis-seħħ jew li jkunu saru “obsoleti”, hija ma tistax tkun marbuta minnhom.

45      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti skond liema l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni tirrispetta l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-komunikazzjoni fuq clearancxe aċċelerata sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-clearance mogħtija skond din il-proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

46      Il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata tipprovdi rispettivament, fit-tieni u l-aħħar subparagrafi tagħha, li l-Kummissjoni ma tqajjimx, fi prinċipju, oġġezzjoni kontra l-iskemi ta’ għajnuna ġodda jew tibdiliet fl-iskemi eżistenti nnotifikati skond l-Artikolu 88(3) KE, li jwieġbu għal ċerti kriterji ddefiniti fl-imsemmija komunikazzjoni u li hija tagħti deċiżjoni fuq in-notifiki fi żmien 20 jum utli.

47      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 54 li, bil-kontra ta’ dak li sostniet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni ma kellhiex tiġi evalwata fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance aċċelerata, peress li d-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli kienu, f’dan il-każ, dawk tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat.

48      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, peress li indikat li d-dispożizzjonijiet tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat kienu applikabbli, u mhux dawk tal-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata, il-Kummissjoni ssostni b’mod impliċitu li l-imsemmija komunikazzjoni hija mingħajr skop sa mid-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat. Din il-pożizzjoni tidher espliċita fil-kitbiet tagħha, li fihom hija ssostni b’mod partikolari li din il-komunikazzjoni saret “obsoleta” minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, minħabba li l-Artikolu 4 ta’ din ta’ l-aħħar jistabbilixxi regola fir-rigward tat-termini ta’ żmien u ma tipprovdix għaż-żamma tal-proċedura ta’ clearance aċċelerata.

49      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu l-ħsieb madankollu sabiex tipprova, fil-punt 1 tal-premessa 54, tad-deċiżjoni kkontestata, mhux li l-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata saret “obsoleta”, iżda li din ma kinitx applikabbli, minħabba li l-kriterji li hija tipprovdi ma ġewx sodisfatti f’dan il-każ.

50      Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-proċess li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-affermazzjoni tar-rikorrenti skond liema hija kompliet tirreferi għall-clearance aċċelerata wara d-dħul fis-seħħ ir-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, iżda limitat ruħha li tenfasizza li ma kinitx marbuta minn komunikazzjonijiet jew linji gwida li m’għadhomx fis-seħħ, anki meta tibqa’ ssegwihom de facto.

51      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk wara l-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għamlitx il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata “obsoleta”, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li dan ir-regolament ma jinkludi l-ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, huwa biss fit-30 ta’ April 2004, jiġifieri ħames snin wara li dan daħal fis-seħħ, li fil-Ġurnal Uffiċjali ġiet ippubblikata komunikazzjoni dwar in-natura obsoleta ta’ ċertu testi li jirrigwardaw il-politika fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat (ĠU C 115, 2004, p. 1, iktar ’il quddiem il- “komunikazzjoni fuq it-testi obsoleti”), li tinkludi fosthom il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata. Fil-fatt, fit-tielet subparagrafu ta’ din il-komunikazzjoni, huwa indikat li, “mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, [il-Kummissjoni] m’għandhiex iktar l-intenzjoni li tapplika, fl-ebda qasam, it-testi segwenti, ikun liema jkun l-istatus legali tagħhom: […] 13) [komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata]”.

52      Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-komunikazzjoni fuq it-testi obsoleti tippreċiża fit-tieni subparagrafu tagħha li huwa wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament Nru 659/1999 (ĠU L 140, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament li jeżegwixxi r-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat”), adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 27 tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li numru ta’ testi li jikkonċernaw kwistjonijiet tal-proċedura fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat saru obsoleti, “inklużi n-notifiki mħaffa”. Il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata, skond l-istess motivazzjoni tal-komunikazzjoni fuq it-testi obsoleti, għaldaqstant saret “obsoleta” biss minħabba u wara l-adozzjoni tar-Regolament li jeżegwixxi r-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat. Din iċ-ċirkustanza tista’ tiġi spjegata mill-fatt li din ta’ l-aħħar tistabbilixxi, fl-Artikolu 4 tagħha, proċedura ta’ notifika ssimplifikata għal ċerti modifiki ta’ għajnuna eżistenti, liema proċedura essenzjalment tinkludi l-istess kriterji bħal dawk previsti fil-punt 2 tal-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata (żieda ta’ 20 % tan-nefqa ta’ l-iskema ta’ għajnuna li diġà ġiet awtorizzata, proroga ta’ l-imsemmija skema bi jew mingħajr żieda fin-nefqa u tisħiħ tal-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata) u li tipprovdi wkoll għal terminu ta’ żmien iktar qasir minn dak ipprovdut fl-Artikolu 4 tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, f’dan il-każ xahar, li fih il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ l-imsemmija proċedura.

53      Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-ebda inkompatibbiltà ma’ tista’ tinstab bejn ir-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li jiffissaw, skond il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471, punt 4), terminu ta’ żmien massimu ta’ xahrejn għall-fażi preliminari ta’ investigazzjoni ta’ l-għajnuna nnotifikata fil-kuntest tal-proċedura normali ta’ notifika applikabbli b’mod ġenerali, u l-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata, li tipprovdi terminu ta’ żmien ta’ 20 jum unikament fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika ssimplifikata li tikkonċerna każijiet speċifiċi.

54      Għandu jiġi għaldaqstant ikkonstatat li huwa biss mit-30 ta’ April 2004, id-data tal-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq it-testi obsoleti u tar-regolament li jeżegwixxi r-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li l-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata mhijiex iżjed applikabbli.

55      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-Kummissjoni setgħetx, ġustament, issostni, fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata ma kinitx iżjed applikabbli f’dan il-każ, safejn l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx la skema ġdida u l-anqas il-modifika ta’ skema eżistenti skond din il-komunikazzjoni.

56      L-ewwel nett, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-tieni u l-aħħar subparagrafi tal-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata li, anki fil-każ fejn pjan ta’ skema ta’ għajnuna jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett il-benefiċċju ta’ 20 jum utli, huwa biss “fi prinċipju” li l-Kummissjoni tintrabat li ma tqajjimx oġġezzjonijiet wara li jiddekorri dan iż-żmien, billi tippreżerva għaldaqstant il-pjenezza tas-setgħa tagħha li “tagħti deċiżjoni”, jiġifieri, f’dan il-każ, li tadotta deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni u, skond din il-proċedura, deċiżjoni finali pożittiva, kundizzjonali jew negattiva (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 34).

57      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji li l-iskemi ta’ għajnuna nnotifikati għandhom jissodisfaw sabiex il-Kummissjoni ma tqajjimx, fi prinċipju, oġġezzjoni fir-rigward tagħhom fi żmien 20 jum utli, għandhom jiġu suġġetti għal interpretazzjoni stretta, peress illi l-proċedura ta’ clearance aċċelerata tidderoga mill-proċedura normali ta’ investigazzjoni tan-notifiki.

58      Għandu wkoll jiġi mfakkar li, skond il-punt 2 tal-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq, il-modifika ta’ skema eżistenti li tiġi ammessa favur proċedura ta’ clearance aċċelerata tista’ twassal jew għal proroga mingħajr żieda fl-allokazzjonijiet fil-baġit, jew għal żieda ta’ l-allokazzjonijiet fil-baġit disponibbli, għal madwar 20 % ta’ l-ammont inizjali, iżda mingħajr proroga, jew għal inkrementazzjoni ta’ l-allokazzjonijiet fil-baġit disponibbli, għal 20 % ta’ l-ammont inizjali, bi proroga, jew, fl-aħħar nett, għat-tisħiħ tal-kriterji ta’ applikazzjoni. Isegwi li kull modifika oħra ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, b’mod partikolari safejn għandha bħala effett li tagħmel aktar flessibbli l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna jew li żżid l-ammont tagħha, teskludi li n-notifika tagħha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ clearance aċċelerata.

59      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-29 ta’ Diċembru 2000, l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni ġiet suġġetta għal notifika lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 88(3) KE u skond il-proċedura ta’ clearance aċċelerata, inkwantu “modifika u proroga” ta’ skema ta’ għajnuna preċedentement approvata, li kienet għadha fis-seħħ, iżda li d-dewmien tal-validità tagħha kienet tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2000. Huwa għaldaqstant stabbilit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-intenzjoni li tagħmel użu mill-benefiċċju tal-proċedura ta’ clearance aċċelerata.

60      B’hekk, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-programm sekondarju “formazzjoni”, u speċifikament l-impriżi l-ġodda, l-ammont massimu ta’ l-għajnuna ta’ kuljum, f’valur assolut, kien ta’ EUR 500, filwaqt li kien ta’ DEM 800 (EUR 409.03) fl-iskema approvata preċedentement.

61      F’dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, il-programmi sekondarji “parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet”, “kooperazzjoni” u “promozzjoni ta’ l-istil”, u partikolarment ċerti pjanijiet speċifiċi, b’mod partikolari dawk li jsiru f’żoni ddefiniti bħala “żoni li jridu jiltaqgħu ma’ problemi partikolari”, l-ammont ta’ għajnuna massima pprovduta mill-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni żdiedet meta mqabbla ma’ dik li tikkaratterizza l-iskema ta’ għajnuna preċedentement approvata.

62      Għaldaqstant, fir-rigward tal-programm sekondarju “parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet”, ir-rata ta’ għajnuna massima żdiedet minn 50 % fl-iskema ta’ għajnuna preċedentement approvata għal 60 % fl-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni għall-impriżi żgħar li joperaw f’żoni li jridu jiltaqgħu ma’ problemi partikolari.

63      Fir-rigward tal-programm sekondarju “kooperazzjoni”, minkejja li l-ammont ta’ għajnuna massima applikabbli b’mod ġenerali tniżżlet minn 70 għal 65 %, ir-rati ta’ għajnuna massima meħtieġa żdiedet għal 80 % għall-iffinanzjar ta’ studji ta’ probabbiltà ta’ attwazzjoni u ta’ pjanijiet li saru fil-kuntest ta’ l-inizjattiva Komunitarja Interreg III u li timplika mill-inqas ħames impriżi żgħar u medji, kif ukoll għal pjanijiet li jsiru minn impriżi żgħar.

64      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-programm sekondarju “promozzjoni ta’ l-istil”, ir-rata ta’ għajnuna massima żdiedet minn 50 % fl-iskema ta’ għajnuna preċedentement approvata għal 70 % fl-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni għall-impriżi ż-żgħar li huma lokalizzati f’żoni li jridu jiltaqgħu ma’ problemi partikolari.

65      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-modifiki magħmula lill-iskema ta’ għajnuna eżistenti jmorru lilhinn minn dawk li jippermettu t-trattament tan-notifika skond il-proċedura ta’ clearance aċċelerata. Fil-fatt, kull waħda mill-programmi sekondarji li tikkostitwixxi l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni hija kkaratterizzata minn żieda, f’dak li jikkonċerna mill-inqas ċerti benefiċjarji, tar-rata massima ta’ għajnuna maħsuba. B’hekk, kif jirriżulta mill-punt 58 iktar ’il fuq, il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata tammetti li din il-proċedura tista’ tintuża ulterjorament jekk il-modifiki in kwistjoni jinkludu kemm proroga ta’ skema ta’ għajnuna, kemm żieda fil-limitu ta’ 20 %, bi jew mingħajr proroga, tal-pakkett tan-nefqa globali kkonċernat, kif ukoll tisħiħ tal-kriterji ta’ applikazzjoni. F’dan il-każ, il-modifiki li saru, permezz b’mod partikolari taż-żieda ta’ l-ammont tar-rata ta’ għajnuna, huma għaldaqstant esklużi mill-benefiċċju ta’ din il-proċedura inkwantu jikkostitwixxu flessibbiltà ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni.

66      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti skond liema, anki jekk l-iskema ta’ għajnuna kellha tiġi kkunsidrata bħala skema ġdida, il-Kummissjoni jmissha xorta waħda pproċediet għall-investigazzjoni tagħha fil-kuntest tal-clearance aċċelerata, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura ta’ għajnuna li tinsab fil-programm sekondarju “kooperazzjoni” tikkonċerna l-ħolqien, minn ta’ l-inqas minn tliet impriżi żgħar u medji, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ bejgħ bil-għan li flimkien ifittxu opportunitajiet barra minn pajjiżhom (gemeinsamen Erschliessung ausländischer Märkte). Madankollu, huwa indikat, fl-aħħar paragrafu tal-punt 1, tal-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata, li “l-għajnuniet kollha għall-esportazzjonijiet f’kummerċ intra-Komunitarju jew għajnuniet operattivi huma esklużi mill-proċedura”.

67      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament setgħet tikkunsidra, kif hija indikat fil-punt 1 tal-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni pprovdiet għajnuna għall-esportazzjoni fil-kummerċ intrakomunitarju u ma setgħetx tiġi suġġetta għal clearance permezz tal-proċedura aċċelerata safejn hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata, f’dan ir-rigward, bħala skema ġdida ta’ għajnuna.

68      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, minkejja li jirriżulta minn analiżi ddettaljata li l-miżura in kwistjoni ma kkostitwietx “għajnuna għall-esportazzjoni fil-kummerċ intrakomunitarju”, il-Kummissjoni ma kinitx fondata li ma rrikorrietx għall-proċedura ta’ clearance aċċelerata peress illi, inizjalment, seta’ kien hemm dubju f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, din il-proċedura għandha bħala għan li tippermetti l-clearance aċċelerata ta’ l-iskemi ta’ għajnuna li ma jqajmu l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli applikabli fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat u li b’hekk jistgħu inizjalment ikunu suġġetti għal evalwazzjoni pożittiva. Barra minn dan, kif ġie mfakkar fil-punt 56 iktar ’il fuq, huwa biss “fi prinċipju” li l-Kummissjoni tintrabat li ma tqajjimx oġġezzjonijiet wara li jiskadi t-terminu ta’ 20 jum utli.

69      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti skond liema, safejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata kienet tinkludi għajnuna għall-esportazzjoni, il-miżuri in kwistjoni setgħu ma kinux assoċjati mall-bqija ta’ l-iskema ta’ għajnuna, li setgħu kienu suġġetti għal clearance skond il-proċedura aċċelerata, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mhux biss il-komunikazzjoni fuq clearance aċċelerata ma tipprovdix il-possibbiltà li tingħata tali awtorizzazzjoni parzjali, iżda jirriżulta wkoll minn dak li ntqal qabel li, fir-rigward tan-natura tal-modifiki li saru, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-clearance aċċelerata ma ġewx sodisfatti.

70      Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-notifika ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni ma setgħetx tkun suġġetta għal clearance aċċelerata minħabba li l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata ma kinitx la skema ġdida u l-anqas il-modifika ta’ l-iskema eżistenti skond l-imsemmija komunikazzjoni.

71      B’hekk l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità materjali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta mill-inapplikabbiltà tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM

 L-argumenti tal-partijiet

72      Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali safejn il-Kummissjoni jmissha eżaminat l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ meta l-Kummissjoni rċeviet in-notifika, jiġifieri fil-parametri tar-regoli tal-Komunitarà IŻM ta’ l-1996, applikabbli fit-3 ta’ Jannar 2001, u mhux fir-rigward tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar 2001. Id-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant nieqsa minn bażi ġuridika, liema nuqqas huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-annullament tagħha. Barra minn hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ miżuri tranżitorji u fuq it-tħassir tar-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996 meta daħal fis-seħħ ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, tagħti lok għal sostituzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni u, f’dan il-każ, għat-tisħiħ tagħhom waqt il-proċedura, liema każ huwa illegali.

73      Il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-argument skond liema hija kellha l-obbligu li tapplika r-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, rigward il-fatt li regola ġdida tad-dritt għandha tiġi applikata immedjatament fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt is-sistema ta’ regola qadima (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punti 49 sa 55) mhijiex rilevanti. F’dan il-każ, dawn mhumiex effetti futuri ta’ miżuri determinati, iżda kriterju ta’ evalwazzjoni applikabbli f’terminu ta’ żmien kjarament iddelimitat. B’hekk il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-fatt li l-miżura ta’ għajnuna tibda tħalli l-effetti tagħha wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li f’dan il-każ hija karatteristika ta’ kull għajnuna oħra eżistenti u awtorizzata.

74      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-prinċipju li jgħid li skema ta’ għajnuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tan-notifika jikkorrispondi mal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, li tuża hija stess dan il-kriterju, kif jirriżulta wkoll mill-punt 6.1 tal-linji gwida li jirrigwardaw l-għajnuna mogħtija għal użu reġjonali, mill-punti 98 u 100 tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 288, 1999, p. 2), mill-punt 2.6 tar-regoli tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat fis-settur tal-vetturi awtomobilistiċi (ĠU C 279, 1997, p. 1) u mill-punti 39 u segwenti tar-regoli multisettorjali ta’ l-għajnuna għal finalità reġjonali favur pjanijiet kbar ta’ investiment (ĠU C 70, 2002, p. 8).

75      Hija ma tistax, għaldaqstant, tibdel impliċitament il-prinċipju msemmi iktar ’il fuq permezz ta’ deċiżjoni individwali, kif il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod ċar fis-sentenza tagħha ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 44). Huwa fil-fatt dak li l-Kummissjoni għamlet f’dan il-każ, billi warrbet ukoll il-ġurisprudenza li tgħid li hija kienet legalment marbuta mill-prattika amministrattiva tagħha (sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 36; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 57), li jimplika li huwa fid-dawl tar-regoli li l-istituzzjoni tat lilha nnifisha li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun ikkontrollata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Novembru 1997, Ducros vs Il-Kummissjoni, T‑149/95, Ġabra p. II‑2031, punt 61). Isegwi li l-Kummissjoni ma tistax issostni, sabiex tikkontesta l-prinċipju skond liema l-għajnuna għandha tiġi evalwata skond il-kriterji applikabbli fil-mument tan-notifika, li l-eżempji ċċitati fil-punt 74 ’il fuq jikkonċernaw każijiet li fihom il-leġiżlatur iddefinixxa espliċitament regola diverġenti tar-regola ġurisprudenzjali. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni hija fiha nnifisha l-leġiżlatriċi, tali argument jippermettilha li tinħall minn kull obbligu li tiggarantixxi l-kontinwità tal-prattika deċiżjonali tagħha.

76      L-argument tal-Kummissjoni skond liema hija kienet kostretta li tapplika r-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, minħabba li hija kienet eżaminat numru ta’ programmi ta’ għajnuna nnotifikati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi regolament billi rreferiet għal dan ta’ l-aħħar, huwa wkoll irrilevanti, wisq iktar meta jirrigwarda, essenzjalment, każ li jikkonċerna għajnuna għat-taħriġ u għall-investiment. Barra minn hekk, l-għajnuna li l-Istati Membri nnotifikaw qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM u li kienet konformi miegħu setgħu evidentement jiġu awtorizzati wkoll taħt dan it-test.

77      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li hija biss is-sempliċi investigazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tan-notifika li tippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw b’mod ta’ min jorbot fuqu, il-kwistjoni tal-kumpatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Il-metodu tal-Kummissjoni, bil-kuntrarju, jobbliga lill-Istati Membri jiddefinixxu l-implementazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna skond evoluzzjoni futura inċerta tal-leġiżlazzjoni, li jkun inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. L-Istati Membri ma jistgħux, minn qabel, ikunu jafu d-data tad-dħul fis-seħħ u l-portata tar-regolamenti, tal-linji gwida jew tar-regoli Komunitarji li jkunu għadhom qed jiġu diskussi. L-istedina li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-pjan ta’ regolament ta’ eżenzjoni IŻM kienet ġiet ippubblikata madwar sentejn qabel id-dħul fis-seħħ, li juri li kien impossibbli li tiġi mbassra d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament il-ġdid, aħseb u ara ta’ meta jidħol fis-seħħ.

78      Fit-tielet lok, il-metodu segwit mill-Kummissjoni jwassal għal riżultati assurdi. Għaldaqstant, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’ biss teżiġi l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija minkejja l-projbizzjoni ta’ l-eżekuzzjoni tagħha jekk l-iskema ta’ għajnuna hija wkoll inkompatibbli mas-suq komuni fuq il-mertu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 20 u segwenti). Il-kompatibbiltà mas-suq komuni għandha tiġi evalwata matul l-eżekuzzjoni, irregolari fil-forma, ta’ l-iskema, li l-Kummissjoni espressament ipprovdiet, barra minn hekk, fil-punt 82 tar-regoli tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għal-protezzjoni ta’ l-ambjent (ĠU C 37, 2001, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“regoli tal-Komunità dwar l-għajnuna għall-protezzjoni ta’ l-ambjent”). Minn dan jirriżulta, skond ir-rikorrenti, li, li kieku eżegwiet l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni minnflok ma nnotifikat il-Kummissjoni skond id-dritt Komunitarju, ir-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996 kienu jkunu applikabbli. Ma tistax għaldaqstant teżegwixxi l-imsemmija skema minħabba li rrispettat il-liġi.

79      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni wkoll li n-notifika inizjali kienet kompluta. Il-Kummissjoni m’għandhiex raġun meta ssostni li r-regolament ta’ eżenzjoni IŻM kien applikabbli minħabba l-fatt li l-informazzjoni li hija kienet talbet waslitilha biss wara ma daħal fis-seħħ l-imsemmi regolament, peress illi notifika m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala inkompleta sempliċement minħabba li l-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali. Il-kwistjoni dwar jekk notifika hija kompluta bl-ebda mod ma taqa’ taħt l-evalwazzjoni libera tal-Kummissjoni, minġabba li, fl-ipoteżi kuntrarja, hija tista’ b’mod arbitrarju u indefinittiv ittawwal it-terminu ta’ żmien ta’ l-investigazzjoni.

80      Ir-rikorrenti tfakkar illi, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, notifika hija kompluta jekk tinkludi, mill-bidu jew wara r-risposti ta’ l-Istat Membru għad-domandi magħmula mill-Kummissjoni, l-informazzjoni li hija neċessarja biex tippermetti lil din ta’ l-aħħar ikollha opinjoni inizjali fuq il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Lorenz, punt 53 iktar ’il fuq, u tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-99/98, Ġabra p. I‑1101, punti 54 u 56). Stat Membru jista’ jsostni li notifika hija kompluta, anki jekk jagħżel li ma jeżegwix l-għajnuna u b’hekk li ma jibbaża, skond l-Artikolu 4(6) u l-Artikolu 5(3) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, min-natura inizjalment kompluta tan-notifika. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti żżid li m’għandhiex l-kollaborazzjoni ta’ Stat Membru mal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala rinunzja għal kull oġġezzjoni ulterjuri.

81      It-talbiet li jinsabu fl-ittra tal-Kummissjoni lill-amministrazzjoni Ġermaniża tal-5 ta’ Frar 2001, li jikkonċernaw, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni setgħetx, permezz ta’ modifika, issir konformi mar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li daħal fis-seħħ biss tlett ijiem qabel, jixhdu l-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà ffurmat opinjoni inizjali fuq l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, li tikkuntradixxi l-affermazzjoni skond liema hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżamina n-notifika fin-nuqqas ta’ l-informazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tallega li ċerti aspetti tal-programm sekondarju “kooperazzjoni” ma kinux ġew espressament esposti fin-notifika u li setgħet tintalab informazzjoni dwarhom fil-kuntest tal-proċedura CP 92/01 marbuta ma’ din il-proċedura ta’ notifika (ara l-punt 24 ’il fuq). Dawn id-domandi kkonċernaw aspett sekondarju tan-notifika, b’mod li t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet ma kinitx neċessarja għall-Kummissjoni sabiex tifforma l-opinjoni tagħha.

82      Billi pproċediet bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni marret kontra l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-prattika amministrattiva tagħha. Wara li, fl-għarfien tagħha tal-fatti, hija ħalliet jiddekorri t-terminu ta’ 20 jum iffissat fil-kuntest tal-clearance aċċelerata u wara li stenniet li jidħol fis-seħħ ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, billi bagħtet talba lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija pprovat tissuġġerixxi li n-notifika kienet inkompleta. Proċediment bħal dan ikkostitwixxi ksur ta’ l-obbligu, previst mill-Artikolu 4(1) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li n-notifika tiġi investigata “minn meta tiġi rċevuta”.

83      Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li r-regoli ta’ eżenzjoni għandhom il-funzjoni doppja, minn naħa, li jeżentaw ċerta għajnuna mill-obbligu ta’ notifikazzjoni u mill-proċedura ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li jissostitwixxu ruħhom għal-linji gwida qodma jew ir-regoli tal-Komunità. Dawn jidħlu fis-seħħ f’data magħżula mill-Kummissjoni, huma ġeneralment applikabbli għal ħames snin u jipprovdu li, malli tiskadi d-dewmien tal-validità tagħhom, l-iskemi ta’ għajnuna eżentati skond id-dispożizzjonijiet tagħhom jibqgħu hekk tul perijodu ta’ adattazzjoni ta’ sitt xhur.

84      Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni fiż-żmien tad-dispożizzjonijiet legali, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skond liema l-applikabbiltà immedjata ta’ regola ta’ bażi fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tibda taħt ir-regola l-qadima tikkostitwixxi prinċipju ta’ dritt Komunitarju applikabbli mingħajr restrizzjoni (is-sentenzi tal- Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31; tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS, C‑122/96, Ġabra p. I‑5325, punti 12 sa 14, u Pokrzeptowicz-Meyer, punt 73 iktar ’il fuq, punti 49 sa 55). B’hekk il-Kummissjoni kienet għaldaqstant marbuta li tapplika r-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM kkonċernat, minħabba li, jekk in-notifika ċertament seħħet taħt dispożizzjonijiet qodma, xorta waħda jeħtieġ li jiġu evalwati l-effetti futuri tal-miżuri nnotifikati matul it-terminu ta’ validità tagħhom.

85      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-eżempji invokati mir-rikorrenti rigward il-kontinwità tal-prattika deċiżjonali tagħha (ara punt 74 iktar ’il fuq) kollha jikkonċernaw każijiet li fihom il-leġiżlatur ipprovda espressament l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tan-notifika (sentenza Saldanha u MTS, punt 84 iktar ’il fuq, punt 14), filwaqt li r-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-argument skond liema l-Kummissjoni ma tistax ma tagħmilx użu mill-prattika tagħha għandu bħala konsegwenza assurda li jagħti lil prattika partikolari valur akbar minn dak ta’ dispożizzjoni legali li torbot u hija debitament ippubblikata, li jkun ekwivalenti għal ċaħda sħiħa tal-kapaċità tal-Kummissjoni li tiffissa regoli.

86      Skond il-Kummissjoni, l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, deliberatament innotifikata kemmxejn qabel l-iskadenza tar-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996, ma tikkorrispondix mal-politika ġdida tagħha fil-qasam ta’ l-għajnuna fil-konfronti ta’ l-IŻM. Barra minn hekk, hija ssostni l-koerenza tal-prattika ta’ awtorizzazzjoni tagħha billi tirreferi għal bosta eżempji li fihom skemi ta’ għajnuna nnotifikati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM ġew eżaminati fid-dawl tagħha. Hija żżid li l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, fil-każ ta’ awtorizzazzjoni bbażata fuq ir-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996, baqa’ fis-seħħ tul iż-żmien ta’ validità kollu tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM.

87      Fir-rigward, fit-tielet lok, ta’ l-argument tar-rikorrent skond liema kien iktar vantaġġuż għaliha li teżegwixxi l-programm mingħajr ma jiġi nnotifikat, il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, imissha bdiet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni u tapplika l-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni, jiġifieri r-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM, mill-inqas għall-perijodu wara li d-dħul fis-seħħ, bir-riżultat li kulħadd jaf. Ir-referenza tar-rikorrenti għar-regoli tal-Komunità ta’ għajnuna għall-ħarsien ta’ l-ambjent hija totalment irrilevanti, peress li, minn naħa, id-dispożizzjoni ta’ l-imsemmija regoli tikkonċerna għajnuna mhux innotifikata filwaqt li f’dan il-każ l-iskema ta’għajnuna ġiet innotifikata u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni m’għandhiex, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM, tkun marbuta mir-regoli tal-Komunità dwar l- għajnuna għall-ħarsien ta’ l-ambjent.

88      Fir-raba’ lok, rigward l-argument tar-rikorrenti skond liema n-notifika kienet kompluta, il-Kummissjoni ssostni li l-informazzjoni mitluba kienet neċessarja u li mhuwiex eżatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ppreżentatx iktar fatti ġodda. Fil-fatt, fil-komunikazzjoni annessa ma’ l-ittra tat-12 ta’ Marzu 2001, hija indikat l-ammont ta’ l-għajnuna għas-sezzjoni “servizzi ta’ parir intensiv/formazzjoni”, fir-rigward ta’ liema l-ebda indikazzjoni ma tinsab fin-notifika. Barra minn dan, hija biss fl-imsemmija komunikazzjoni li l-kwistjoni taż-“żoni li jiffaċċjaw problemi partikolari” kellha tiġi esposta f’iktar dettall. Barra minn hekk, l-ittra msemmija iktar ’il fuq u l-annessi tagħha, trażmessi ulterjorment fl-20 ta’ Marzu 2001, jinkludu numru kbir ta’ informazzjoni ġdida li tikkonċerna l-fatti u l-kuntest tagħhom.

89      Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti għaldaqstant tagħmel kunsiderazzjoni żbaljata dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 (6) u l-Artikolu 5 (3) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li jidderogaw lill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Lorenz punt 53 ’il fuq (punt 4), ara, ukoll, is-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 29, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs għal din is-sentenza (Ġabra p. I‑1105, punti 24 sa 28). Fil-fatt, jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ rispett tat-termini ta’ żmien previsti fl-Artikolu 4 tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat mhuwiex purament u sempliċement ipprojbit, minkejja l-eżerċitar tagħhom mhux kif stipulat jista’ madankollu jkollu konsegwenzi serji skond il-Kummissjoni.

90      Il-Kummissjoni żżid, f’dan ir-rigward, li Stat Membru għandu jikkollabora mill-aħjar li jista’ mal-Kummissjoni, filwaqt li jħares il-possibbiltà, jekk din ta’ l-aħħar tonqos mil-obbligi tagħha, li jissalvagwardja immedjatament id-drittijiet tiegħu. F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jmissha infurmat lill-Kummissjoni, permezz ta’ dikjarazzjoni debitament immotivata, li hija kienet tikkunsidra n-notifika bħala kompleta skond l-Artikolu 5 (3) tar-Regoli tal-proċedura ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Sussegwentement, il-Freistaat Sachsen setgħet, wara li tkun informat lill-Kummissjoni u fin-nuqqas ta’ reazzjoni mingħandha fi żmien ħmistax-il jum utli, timplementa l-miżuri nnotifikati, skond l-Artikolu 4 (6) tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat.

91      Billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja m’għamlitx użu minn tali possibbiltà, li ġiet offruta lilha permezz tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, minħabba dan il-fatt, hija rrinunzjat għall-protezzjoni legali konnessa magħha. F’kull każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Freistaat Sachsen mhumiex kontra l-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, fejn jammettu għaldaqstant il-legalità ta’ l-imsemmija proċedura u l-ħtieġa li tinġabar informazzjoni addizzjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, u tat-18 ta’ Ġunju 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑398/00, Ġabra p. I‑5643).

92      Barra minn hekk, rigward id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, jimporta ftit li jsir magħruf jekk l-informazzjoni mitluba fl-ittra tal-5 ta’ Frar 2001 kinitx fil-verità neċessarja. Anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha twieġeb b’mod negattiv għal din id-domanda, dan ma jwassalx għan-nullità tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-possibbiltà li topponi l-ftuħ jew għall-proċediment tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrenti ma tistax issostni a posteriori, fi tmiem il-proċedura formali ta’ eżami u wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, riżervi li jmissha ppreżentat fi stadju qabel il-proċedura. Għal din ir-raġuni, l-ilment li jirrigwarda l-eżawrjenza tan-notifika inizjali hija inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

93      Għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostni r-rikorrent, il-Kummissjoni jmisshiex eżaminat l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni skond ir-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996, li kienu fis-seħħ fid-data tan-notifika, jew jekk il-Kummisssjoni kinitx bażi sabiex teżamina, kif għamlet, l-imsemmija skema skond ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li daħal fis-seħħ wara d-data tan-notifika, safejn ikun konvenjenti li jiġu evalwati l-effetti futuri tal-miżuri nnotifikati matul it-tul tal-validità tagħhom. Għal dan il-għan, hemm lok li jiġi stabbilit jekk l-imsemmi regolament kienx japplika għan-notifiki pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

 Fuq l-applikabbiltà tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM għan-notifiki pendenti fid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ

94      Skond ġurisprudenza stabbilita, jekk ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment intenzjonati li japplikaw ukoll għas-sitwazzjonijiet legali li nbdew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Jannar 2004, OPTUC vs Il-Kummissjoni, T‑142/01 u T‑283/01, Ġabra p. II‑329, punt 60), dan ma jgħoddx għar-regoli ta’ bażi. Fil-fatt, skond ġurisprudenza daqstant stabbilita, ir-regoli Komunitarji ta’ dritt materjali għandhom jiġu interpretati, bil-għan li jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, bħala li huma intiżi għal sitwazzjonijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss safejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tagħhom, mill-għanijiet tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Salumi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9; ta’ l-10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13; tal-15 ta’ Lulju 1993, GruSa Fleisch, C‑34/92, Ġabra p. I‑4147, punt 22, u ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 119; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T‑42/96, Ġabra p. II‑401, punt 55, u tat-28 ta’ Jannar 2004, Euroagri vs Il-Kummissjoni, T‑180/01, Ġabra p. II‑369, punt 36).

95      Sussegwentement għal dan il-metodu, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li, jekk, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jmur kontra dak li l-portata fiż-żmien ta’ att Komunitarju għandha d-data inizjali tagħha ffissata f’data li tippreċedi l-pubblikazzjoni tagħha, jista’ jkun mod ieħor, eċċezzjonalment, meta l-għan li jrid jintlaħaq jeżiġi dan u meta l-aspettattiva leġittima ta’ l-interessi hija debitament irrispettata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 20, u Salumi et, punt 94 iktar ’il fuq, punt 10). Tali ġurisprudenza, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, hija wkoll applikabbli fil-każ fejn ir-retroattività mhijiex prevista espressament mill-att innifsu, iżda tirriżulta mill-kontenut tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, Ġabra p. I‑3695, punt 17; tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C‑487/01 u C‑7/02, Ġabra p. I‑5337, punt 59, u tas-26 ta’ April 2005, Goed Wonen, C‑376/02, Ġabra p. I‑3445, punt 33).

96      Il-Kummissjoni ssostni madankollu li din il-ġurisprudenza mhijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-applikazzjoni immedjata ta’ regola ta’ bażi għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt is-sistema ta’ regola qadima tikkostitwixxi prinċipju tad-dritt Komunitarju li huwa applikabbli mingħajr restrizzjonijiet.

97      Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, regola ġdida tapplika immedjatament fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt sistema ta’ regola qadima (sentenzi Licata vs CES, punt 84 iktar ’il fuq, punt 31; Saldanha u MTS, punt 84 iktar ’il fuq, punt 14, u Pokrzeptowicz-Meyer, punt 73 iktar ’il fuq, punt 50). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’mod li jkun jimpedixxi, b’mod ġenerali, l-applikizzazzjoni tar-regola l-ġdida (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kummissjoni, 203/86, Ġabra p. 4563, punt 19; tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music, C‑60/98, Ġabra p. I‑3939, punt 25, u Pokrzeptowicz-Meyer, punt 73 iktar ’il fuq, punt 55).

98      Għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet Komunitarji m’għandhomx effett retroattiv ħlief, eċċezzjonalment, meta jirriżulta b’mod ċar mill-intestatura tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur, li l-għan li jrid jintlaħaq jeżiġi dan u li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati huma debitament rispettati (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 94 u 95 iktar ’il fuq). F’dan il-każ, l-eċċezzjoni hija kkostitwita permezz ta’ l-applikazzjoni retroattiva tal-leġiżlazzjoni l-ġdida. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi applikata normalment fuq l-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li jibdew taħt is-sistema tal-liġi l-qadima, ħlief jekk l-applikazzjoni immedjata ta’ dispożizzjoni partikolari tmur kontra l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tal-persumi kkonċernati (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 ’il fuq). F’dan il-każ, l-eċċezzjoni hija kkostitwita min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fuq konnessjoni legali fis-seħħ. Il-ġurisprudenza li tikkonċerna din it-tieni ipoteżi bl-ebda mod ma timplika applikazzjoni retroattiva tal-liġi, peress li l-leġiżlazzjoni l-ġdida kkonċernata hija applikata sa mid-dħul fis-seħħ tagħha fuq il-parti li għadha fil-fażi ta’ kuntratt (is-sentenzi Saldanha u MTS, punt 84 iktar ’il fuq, u Pokrzeptowicz-Meyer, punt 73 iktar ’il fuq, punt 52), ta’ mandat (is-sentenza Licata vs CES, punt 84 iktar ’il fuq, punt 31), jew ta’ relazzjoni legali (is-sentenza Butterfly Music, punt 97 ’il fuq), li jibqa’ jkollha l-effetti tagħha, għaldaqstant unikament għall-futur.

99      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni magħmula skond il-kriterji ffissati mir-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li daħal fis-seħħ wara n-notifika ta’ l-imsemmija skema, tirriżultax minn applikazzjoni retroattiva ta’ l-imsemmi regolament jew jekk, kif tallega l-Kummissjoni, tirrigwarda sempliċement l-applikazzjoni immedjata ta’ leġiżlazzjoni ġdida, f’dan il-każ ir-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM, fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt is-sistema tar-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996, iżda li tkun għadha għaddejja fid-data fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta mqabbla mad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, li tawtorizza jew tiddikjara bħala inkompatibbli l-għajnuna nnotifikata, is-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru u l-benefiċjarja ta’ l-għajnuna jinsabu fiha evidentement għadha għaddejja u hija provviżorja, fis-sens li n-notifika ma tagħti l-ebda dritt għall-awtorizzazzjoni. Madankollu, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kriterji li skond dawn l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna għandha tiġi effettwata, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-mument tan-notifika, fir-rigward ta’ l-importanza tar-rwol tagħha u ta’ l-effetti legali tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

101    Fil-fatt, skond l-Artikolu 4 (1) tar-Regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija lill-Istat, hija responsabbiltà tal-Kummissjoni li tipproċedi għall-investigazzjoni ta’ notifika “minn meta tasal”, għaldaqstant taħt il-leġiżlazzjoni li tkun fis-seħħ f’dik id-data. Barra minn hekk, huwa minn dan il-mument li jibda jiddekorri t-terminu ta’ xahrejn qabel l-iskadenza ta’ liema għandha ssir il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni u li d-dekorriment ta’ liema jista’ jwassal għal konsegwenzi legali importanti għall-Kummissjoni u għall-Istat Membru kkonċernat, bħall-possibbiltà ta’ l-Istat Membru li jeżegwixxi l-għajnuna nnotifikata u li jibdilha f’għajnuna eżistenti skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 (6) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat.

102    L-applikazzjoni, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna, tal-kriterji ffissati minn leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ wara n-notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni neċessarjament tipproduċi effett retroattiv fuq din il-leġiżlazzjoni. F’dan il-każ, fil-fatt, il-punt tat-tluq tal-portata tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hija ta’ bilfors iffissata għal data li tippreċedi d-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri dik meta l-Kummissjoni tirċievi n-notifika. Jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-investigazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna setgħet issir skond leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ wara n-notifika ta’ l-għajnuna, din tkun ekwivalenti għal ammissjoni li l-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-liġi applikabbli skond il-mument magħżul minnha biex tagħmel it-tali investigazzjoni. Madankollu, tali pożizzjoni mhux biss hija diffiċilment konċiljabbli mal-fatt li l-Artikolu 4 (1) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat jipprovdi imperattivament li l-Kummissjoni tipproċedi għal investigazzjoni ta’ notifika “minn meta tirċeviha”, iżda wkoll skond it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kriterji li skond dawn il-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, li, kif hija stess enfasizzat fil-proċediment, tikkostitwixxi r-raġuni għalfejn jeżistu t-testi li hija tippubblika fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

103    Il-bdil fil-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna nnotifikata waqt il-proċediment, għar-raġuni tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida, m’għandhiex għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tgħid li r-regola l-ġdida tapplika immedjatament fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regola l-qadima. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza timponi l-applikazzjoni tar-regola l-ġdida unikament għall-futur filwaqt li, fil-każ ta’ għajnuna nnotifikata qabel ma din daħlet fis-seħħ, l-applikazzjoni tar-regola l-ġdida tikkonsisti milli din tiġi retroattiva għall-mument tan-notifika, billi l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ssir fil-kuntest ta’investigazzjoni waħda, anki jekk id-deċiżjoni finali tikkostitwixxi att li l-iżvilupp tiegħu ssir f’numru ta’ fażijiet.

104    Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li fir-rigward ta’ l-għajnuna li tirriżulta mit-Trattat KEFA u mħallsa mingħajr ma tkun ġiet innotifikata fil-bidu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kodiċi fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna li ġiet imħallsa taħt kodiċi preċedenti jwassal sew għal applikazzjoni retroattiva ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 118). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ebda dispożizzjoni tal-kodiċi li kienet fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kienet tistabbilixxi li setgħet tiġi applikata retroattivament u li kien jirriżulta mill-istruttura u mill-għanijiet tal-kodiċi ta’ għajnuna suċċessivi li dawn ġew adottati skond il-ħtiġijiet li kien hemm f’perijodu partikolari, wara dik li fiha l-għajnuna ġiet mogħtija (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 94 ’il fuq, punt 120).

105    Bl-istess mod, fir-rigward ta’l-għajnuna regolarment innotifikata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet ġustament eżaminat skema ta’ għajnuna fid-dawl tar-regoli li jirriżultaw mill-prattika preċedenti tagħha u mhux mil-leġiżlazzjoni l-ġdida li daħlet fis-seħħ bejn dan iż-żmien, peress li din ta’ l-aħħar tapplika biss għall-għajnuna li ġiet jew baqgħet fis-seħħ wara ċertu data, wara l-perijodu kkonċernat mill-għajnuna kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra p. II‑5015, punti 94 sa 96).

106    Min-naħa l-oħra, fil-kunsiderazzjoni tal-fatt li r-regoli l-ġodda fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-ambjent, li daħlu fis-seħħ wara n-notifika ta’ għajnuna in kwistjoni, jipprovdu espressament, fil-punt 82, li l-Kummissjoni kellha tapplika d-dispożizzjonijiet tagħha “għall-pjanijiet ta’ għajnuna kollha nnotifikati li fuqhom hija [kellha] tiddeċiedi wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-imsemmija regoli, anki jekk dawn il-pjanijiet [kienu] s-suġġett ta’ notifika qabel din il-pubblikazzjoni”, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament applikat dan ta’ l-aħħar u mhux dak fis-seħħ fil-mument tan-notifika (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punt 137).

107    Is-sentenzi msemmija ’l fuq jikkonfermaw li l-applikazzjoni tal-kriterji ffissati f’leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ wara d-data li fiha l-għajnuna li din tirrigwarda ġew mogħtija jew innotifikati, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, jattribwixxu effett retroattiv fuq din il-leġiżlazzjoni. Skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 94 u 95 ’il fuq, tali applikazzjoni hija ammissibbli biss jekk jirriżulta mit-termini, mill-għanijiet jew mill-istruttura tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fejn jirriżulta li din għandha l-karatteristika li tiġi applikata retroattivament.

108    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM kellux il-karatteristika li japplika b’mod retroattiv. Għal dan il-għan, għandha tiġi kkunsidrata mhux biss l-intestatura tiegħu, iżda wkoll il-kontenut tagħha u b’mod partikolari l-għan li dan isegwi, kif ukoll li jiġi vverifikat, skond il-każ, jekk l-aspettattiva leġittima tal-partijiet ikkonċernati ġietx debitament irrispettata.

109    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-regolament ta’ eżenzjoni IŻM ma jikkomporta ebda dispożizzjoni tranżitorja li tirrigwarda l-kwistjoni ta’ l-applikazzjoni eventwali tagħha għal skemi ta’ għajnuna nnotifikati qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ.

110    In-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, m’għandux jiġi interpretat fis-sens li r-regolament ta’ eżenzjoni IŻM kien applikabbli għan-notifiki li kienu qed jiġu investigati fid-dħul fis-seħħ tiegħu. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-investigazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tan-notifika huwa previst espliċitament mid-dispożizzjonijiet ta’ ċertu testi, bħal dawk tal-punt 6.1 tal-linji gwida li jirrigwardaw l-għajnuna mogħtija għal użu reġjonali, dawk tal-punti 98 u 100 tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà, dawk tal-punt 2.6 tar-regoli tal-Komunità ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat fis-settur awtomobilistiku, dawk tal-punti 39 u 40 tar-regoli multisettorjali ta’ l-għajnuna għal għan reġjonali għall-pjanijiet l-kbar ta’ investiment jew dawk ta’ l-Artikolu 9a tar-regolament ta’ eżenzjoni, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004 tal-25 ta' Frar 2004 illi jemenda r-Regolament [ta’ eżenzjoni IŻM] fir-rigward ta’ l-estensjoni ta’ l-applikabilità tiegħu illi jinkludi l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp (ĠU L 63, p. 22), ma jippermettix li jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tan-notifika għandha tiġi applikata biss meta tali dispożizzjonijiet huma espressament previsti mil-leġiżlazzjoni sussegwenti.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat, minn naħa, li l-Kummissjoni, f’testi oħrajn, inkludiet dispożizzjonijiet li jipprovdu espressament l-applikabbiltà ta’ kriterji ġodda fuq l-għajnuna nnotifikata qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, bħad-dispożizzjonijiet tal-punt 82 tar-regoli tal-Komunità dwar l-għajnuna għall-ħarsien ta’ l-ambjent u dawk ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol (ĠU L 337, p. 3). Min-naħa l-oħra, jekk xejn ma jmur kontra dak li l-Kummissjoni tipprovdi, fit-testi li jippreċiżaw il-kriterji li hija għandha l-intenzjoni li tuża sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna, ta’ miżuri li jirregolaw speċifikament l-applikazzjoni fiż-żmien tad-dispożizzjonijiet li jippreċiżaw l-imsemmija kriterji, l-eżistenza ta’ tali possibbiltà ma tistax tikkontesta l-prinċipju li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 94 u 95 ’il fuq, skond liema, fin-nuqqas ta’ tali miżuri, id-dispożizzjonijiet li jippreċiżaw il-kriterji l-ġodda mhumiex tali li japplikaw għall-għajnuna nnotifikata qabel ma jkunu ġew fis-seħħ.

112    Fit-tieni lok, ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM ma fihx indikazzjonijiet, ħlief għal dawk impliċiti, li jippermettu li jiġi kkunsidrat li dan kien intenzjonat li japplika retroattivament.

113    Fil-fatt, l-għan tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM jikkonsisti, minn naħa, li jiġi eżegwit ir-regolament ta’ awtorizzazzjoni, billi jipprovdi, għall-kategorija ta’ għajnuna għall-impriżi żgħar u medji, il-kundizzjonijiet li din l-għajnuna għandha tissodisfa sabiex l-Istati Membri jkunu eżenti mill-obbligu li jinnotifikawhom, u dan sabiex, b’mod partikolari, li tiġi ssimplifikata t-tmexxija amministrattiva mingħajr ma jiddgħajjef il-kontroll kif ukoll li tiżdied it-trasparenza u ċ-ċertezza legali. B’hekk, fir-rigward ta’ tali għan, u b’mod partikolari dak li l-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw huma stess jekk pjan ta’ għajnuna huwiex konformi mal-kriterji ffissati mir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM u mhuwiex għaldaqstant suġġett għall-obbligu ta’ notifika prevista fl-Artikolu 88(3) KE, l-imsemmi regolament seta’ jiġi applikat biss fil-futur u b’hekk ma jistax jiġi applikat għal notifiki li diġà saru.

114    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni spjegat li r-regolament ta’ eżenzjoni għandu wkoll bħala għan li jissostitwixxi l-kriterji ffissati mir-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996, kif jirriżulta wkoll mill-formolazzjoni tal-premessa 4 tiegħu li tindika li l-imsemmija regoli “jitħassru fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, peress li ser jinbidel minn dan ir-regolament”. Peress li l-kwistjoni hija li jsir magħruf jekk il-kriterji l-ġodda japplikawx għan-notifiki pendenti, għandu madankollu jiġi mfakkar li, fl-istess premessa, huwa affermat li r-regolament “ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinnotifikaw għajnuna favur impriżi żgħar u medji” u li, f’dan il-każ, “[i]l-Kummissjoni teżamina din in-notifika fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kriterji ffissati minn dan ir-regolament”. L-intestatura tal-premessa msemmija ’il fuq, billi tipprevedi li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jinnotifikaw għajnuna li tidħol fil-kategorija msemmija mir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, tista' għaldaqstant tirreferi biss għal notifiki – li jsiru eċċezzjonalment – wara li l-imsemmi regolament ikun daħal fis-seħħ.

115    Ċertament, is-sostituzzjoni tar-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996 mir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, kif imħabbra fil-premessa 4 msemmija iktar ’l fuq, tista’ impliċitament tindika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ssegwi politika iktar stretta fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-impriżi żgħar u medji ukoll f’dak li jikkonċerna l-għajnuna nnotifikata. Dan il-fatt biss, madankollu, m’għandhux jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex tintlaħaq il-konklużjoni li r-regolament ta’ eżenzjoni IŻM kien intenzjonat li japplika retroattivament, tant li l-istess premessa tipprovdi, f’dak li jikkonċerna l-għajnuna li se tiġi nnotifikata fil-futur, li din tiġi “partikolarment” investigata, jiġifieri mhux esklużivament, fid-dawl tal-kriterji ffissati mill-imsemmi regolament. Madankollu, jekk skema ta’ għajnuna regolarment innotifikata wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM m’għandhiex tiġi evalwata unikament skond kriterji ffissati minnha, m’għandux għaldaqstant jiġi sostnut li l-għan li għandu jintlaħaq minn dan l-istess regolament jeżiġi li jiġi attribwit lilha, eċċezzjonalment, effett retroattiv.

116    Barra minn hekk, applikazzjoni retroattiva tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM tista’ biss tiġi ammessa jekk l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati kienu debitament irrispettati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza invokata mill-Kummissjoni, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha għarfien dwar l-evoluzzjoni fil-qrib tal-kriterji ta’ investigazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni fid-data tan-notifika ta’ l-imsemmija skema ma jbiddel xejn minn din il-konklużjoni. Fil-fatt, jekk huwa minnu li l-Istati Membri ġew assoċjati mal-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, xorta waħda, minn naħa, l-Istati Membri mhumiex f’pożizzjoni li jipprevedu la l-intestatura definittiva tat-test li ser jiġi finalment adottat u l-anqas id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha u, min-naħa l-oħra li l-imsemmi regolament għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-eżenzjoni ta’ l-obbligu ta’ notifikazzjoni prevista fl-Artikolu 88 (3) KE u mhux l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna nnotifikata. Barra minn hekk, il-pjan ta’ regolament ta’ eżenzjoni, fil-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tat-28 ta’ Marzu 2000 (ĠU C 89, p. 15), ma jinkludi la l-premessa msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq u l-anqas indikazzjonijiet oħra rigward il-fatt li r-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996 ser jiġu mħassra u ssostitwiti mill-imsemmi regolament. F’dawn il-kundizzjonijiet, applikazzjoni retroattiva ta’ l-imsemmi regolament ma tissodisfa la l-kundizzjoni tar-rispett ta’ l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati u l-anqas dik tar-rispett tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

117    Barra minn hekk, il-fatt li t-testi li l-Kummissjoni tippubblika fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, bħal ma tenfasizza hija stess, għandhom bħala għan li jiżguraw it-trasparenza u l-previdibbiltà tal-prattika tagħha fil-materja ta’ l-awtorizzazzjoni jmur kontra, fi prinċipju, għal li l-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ meta n-notifika tkun diġà saret u l-investigazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna tkun diġà bdiet. Għaldaqstant, dan it-tip ta’ proċediment għandu bħala konsegwenza li jnaqqas, jew saħansitra li jelimina, il-prevvidibbiltà tal-prattika ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni u tista’ biss tqiegħed lill-Istati Membri f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, fis-sens li ma jista’ jkollhom l-ebda ċertezza mill-fatt li pjan ta’ għajnuna li huma fasslu fid-dawl tal-kriterji ffissati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tan-notifika tiġi eżaminata mill-Kummissjoni skond dawn l-istess kriterji.

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, b’komunikazzjoni fuq id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna illegali mogħtija mill-Istat (ĠU C 119, 2002, p. 22), il-Kummissjoni, b’xewqa li tiggarantixxi t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, informat lill-Istati Membri u t-terzi dwar il-fatt li hija tevalwa dejjem il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat mhux innotifikata skond il-kriterji bażiċi ffissati f’kull strument legali fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħhom. Madankollu, ma jistax jiġi ammess li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, kien hemm lok li sitwazzjoni tiġi kkunsidrata bħala “miksuba” meta tikkonċerna għajnuna mogħtija li tikser l-obbligu ta’ notifikazzjoni, fis-sens li din l-għajnuna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kriterji fis-seħħ fil-mument meta din tingħata, skond l-din il-komunikazzjoni u s-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq (punt 118), u bħala “provviżorja” meta din tikkonċerna għajnuna regolarment innotifikata, li għaliha l-kriterji ta’ investigazzjoni jistgħu leġittimament jinbidlu sa lejliet id-deċiżjoni finali u fil-mument li l-proċedura kollha tkun saret fir-rigward tal-kriterji ffissati mil-leġiżlazzjoni li kienet preċedentement fis-seħħ.

119    L-applikazzjoni prattika ta’ tali argument hija sors ta’ inċertezza legali għall-Istati Membri u jista’ jkollha effetti negattivi peress illi, fi previżjoni ta’ evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’sens iżjed stratt, l-Istati Membri jistgħu jaslu sabiex jeżegwixxu għajnuna pjuttost milli jinnotifikawha lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, tali riżultat imur kontra l-ġurisprudenza skond liema għandha tiġi evitata kull interpretazzjoni li twassal sabiex jiġi ffavorizzat in-nuqqas ta’ osservazzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ l-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur, C‑354/90, Ġabra p. I‑5505, punt 16, u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Van Calster et, C‑261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I‑12249, punt 63). Fil-fatt, jekk, fil-kuntest ta’ pjan ta’ għajnuna, kumpatibbli jew le mas-suq komuni, il-fatt li ma jiġix irrispettat l-Artikolu 88 (3) KE, ma jwassalx ulterjorment għal riskji jew penalitajiet ħlief għar-rispett ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-inċentiva ta’ l-Istati Membri sabiex jinnotifikaw u jistennew deċiżjoni rigward il-kompatibbiltà hija kunsiderevolment imnaqqsa (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich et, C‑368/04, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 50).

120    Bħala konklużjoni, jirriżulta kemm mill-intestatura kif ukoll mill-għanijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, kif ukoll mill-eżiġenzi li jirriżultaw mir-rispett tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali li dan ir-regolament ma kienx intenzjonat li jiġi applikat b’mod retroattiv.

121    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, kif ġie espost fil-punt 86 ’il fuq, il-Kummissjoni awtorizzat bosta skemi ta’ għajnuna nnotifikati qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM fuq il-bażi tiegħu, b’mod li hija ma kinitx tat deċiżjoni fuq dawn l-iskemi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li prattika tal-Kummissjoni li tmur kontra l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ma tistax tiġi aċċettata. Barra minn hekk, kif sostniet ir-rikorrenti, mingħajr ma l-Kummissjoni tikkontestaha fuq dan il-punt, dawn jikkonċernaw miżuri ta’ għajnuna li jirrigwardaw l-investiment jew il-formazzjoni, li għalihom il-kriterji ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari dak ta’ l-ammont ta’ għajnuna ammessa, baqgħu l-istess meta mqabbla ma’ dawk tal-leġiżlazzjoni preċedenti (ara punt 76 ’il fuq), b’mod li l-aspettattiva leġittima tal-persuni kkonċernati ma setgħetx tiġi effettwata fl-ebda każ.

122    Għandu madankollu jiġi rrilevat li, jekk il-Kummissjoni suppost għandha tibda l-investigazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna minn meta tirċievi n-notifika, għaldaqstant skond il-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’din id-data, tali investigazzjoni ma tistax fil-verità validament ħlief wara li l-informazzjoni neċessarja kollha tkun ġiet ikkomunikata, jiġifieri mill-mument fejn in-notifika hija kompleta. F’din il-perspettiva, iżda wkoll sabiex jiġi evitat li notifika ssir fi stadju fejn din ma tinkludix l-elementi kollha neċessarji għall-investigazzjoni tagħha u li d-data tan-notifika tista’ tiġi magħżula skond u fil-previżjoni ta’ bdil fil-kriterji li taħthom il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna għandha tiġi evalwata, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni applikabbli hija dik fis-seħħ fil-mument meta n-notifika hija kompluta.

123    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, kif jallega r-rikorrent, in-notifika inizjali kinitx kompluta, b’mod li l-Kummissjoni ma setgħetx teċċepixxi, kif għamlet fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-notifika kienet ġiet ikkompletata biss wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM sabiex tqis li dan kien applikabbli.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżawrenza tan-notifika inizjali

–       Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-ilment

124    Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura kompluta tan-notifika inizjali minħabba, minn naħa, li ma ġietx imqajma matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-rikorrenti ma kinux ikkontestaw il-ftuħ u t-tkomplija tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, fejn irrikonoxxew għaldaqstant il-legalità ta’ l-imsemmija proċedura u l-ħtieġa ta’ l-informazzjoni mitluba. B’hekk ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta d-deċiżjoni finali billi tressaq riżervi li jmissha ppreżentat fi stadju qabel il-proċedura. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-inammissibbiltà ta’ dan l-ilment kien marbut fil-qrib mal-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx għamlet użu mill-possibbiltà li kellha taħt l-Artikolu 4 (6) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat u li konsegwentement ir-rikorrent ma kellu l-ebda interess ġuridiku li jressaq rikors fuq dan il-punt.

125    L-inammissibbiltà ta’ dan l-ilment m’għandhiex tiġi milqugħa.

126    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent, billi sostna li n-notifika inizjali kienet kompluta, għandu l-intenzjoni li juri li l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni ma kellhiex tiġi evalwata skond ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li daħal fis-seħħ wara l-imsemmija notifika. Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, din hija pożizzjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja esprimiet b’mod partikolari fl-osservazzjonijiet tagħha rigward il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni li fihom hija affermat li “[l]-awtoritajiet Ġermaniżi ma jikkondividux l-opinjoni tal-Kummissjoni skond liema l-investigazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna ma kinitx possibbli abbażi tad-dokumenti mibgħuta fit-3 ta’ Jannar 2001 u konsegwentement isostnu l-opinjoni tagħhom skond liema l-iskema ta’ għajnuna għandha tiġi eżaminata fuq il-bażi tar-[regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996] li kienu fis-seħħ fil-mument tan-notifika”.

127    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-possibbiltà li tikkontesta deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni ma jistax ikollha bħala konsegwenza li tnaqqas id-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati billi tipprevenihom milli jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni finali u jinvokaw in sostenn tar-rikors tagħhom vizzji li jirrigwardaw l-istadji kollha tal-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestabbli li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni tippreżenta, anki jekk għandha effetti ġuridiċi tagħha u awtonomi, natura preparatorja għad-deċiżjoni finali li tiffisa definittivament il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u li fiha din ta’ l-aħħar tista’ tirreferi fuq l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, ammissjoni ta’ l-argument tal-Kummissjoni jkollha bħala konsegwenza li tantiċipa d-dibattiti fuq il-merti u tħawwad id-diversi fażijiet ta’ proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, billi tneħħi mis-sens tiegħu l-għan essenzjali tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, li hu li l-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-aspetti kontroversi kollha tal-fajl u lill-Kummissjoni sabiex tieħu d-deċiżjoni finali skond dawn l-osservazzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punti 47, 48 u 51).

128    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija d-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura u li din tipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji u definittivi fir-rigward tal-partijiet interessati, inkluż f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandu jkollu mezz ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kollha kemm hi, inkluż fejn din tistabbilixxi li n-notifika inizjali tkun saret kompleta biss f’data wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 49).

129    Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni skond liema r-rikorrenti ma għandha l-ebda interess ġuridiku li tressaq rikors dwar l-allegata eżawrenza tan-notifika inizjali, minħabba li hija m’għamlitx użu mill-possibbiltà li kellha taħt l-Artikolu 4 (6) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat li teżegwixixi l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni wara li tkun validament avżat lill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi konsegwenza li għandha tirriżulta minn dan hija li l-pjan innotifikat ma setax jikseb l-istatus ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti. Billi l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni żammet għaldaqstant l-istat tagħha ta’ għajnuna ġdida, il-Kummissjoni setgħet ġustament tiddeċiedi li tiftaħ il-proċediment formali ta’ investigazzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 49), liema deċiżjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrent.

130    Jirriżuta minn dak kollu li ntqal li ma jistax jiġi validament sostnut li, billi naqas milli tressaq fit-terminu ta’ żmien mitlub, rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni u billi m’għamlix użu mill-Artikolu 4(6) tar-regoli tal-proċedura, ir-rikorrent ma tistax issostni iżjed, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni finali, li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod mhux korrett li n-notifika ma kinitx kompleta u li minħabba f’hekk, hija indebitament tawlet l-investigazzjoni tan-notifika.

131    L-ilment ibbażat fuq l-eżawrjenza tan-notifika inizjali hija għaldaqstant ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

132    Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 4 tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li jiddefinixxi t-termini ta’ żmien li l-investigazzjoni ta’ l-għajnuna hija suġġetta, il-Kummissjoni għandha terminu ta’ żmien ta’ xahrejn sabiex tikkonstata, wara investigazzjoni preliminari, jew li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixix għajnuna, jew li l-miżura nnotifikata ma tqajjimx dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, jew ukoll li l-miżura nnotifikata tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, f’liema każ il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. It-terminu ta’ żmien ta’ xahrejn jibda jiddekorri mill-jum li jsegwi dak ta’ meta tiġi rċevuta notifika kompluta (it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 4(5) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat).

133    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond ġurisprudenza stabbilita li stabbiliet il-prinċipji applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, sabiex notifika tkum kompluta, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni jkollha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, l-informazzjoni kollha li jippermettulha li tikkonkludi, mingħajr ma tkun meħtieġa investigazzjoni approfondita, li l-miżuri ta’ l-Istati huma kumpatibbli mat-Trattat u li għaldaqstant tiddistingwihom minn dawk li jqajmu xi dubji rigward din il-kumpatibbiltà (is-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 80 ’il fuq, punt 54). Huwa għaldaqstant suffiċjenti, għall-finijiet tal-fażi preliminari, li n-notifika tinkludi, mill-bidu jew wara r-risposti ta’ l-Istat Membru għad-domandi magħmula mill-Kummissjoni, l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex tippermetti lil din ta’ l-aħħar li tagħmel opinjoni preliminari fuq il-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna mat-Trattat (is-sentenzi Lorenz, punt 53 ’il fuq, punt 3; L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 80 ’il fuq, punt 56, u Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 56 ’il fuq, punt 40).

134    Fir-rigward tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, l-Artikolu 2(2) jipprovdi li notifika hija kompluta meta “l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7 (‘notifika kompluta’)”. L-istess regolament jistabbilixxi, fit-tielet frażi ta’ l-Artikolu 4 (5) u l-Artikolu 5(3), permezz ta’ definizzjoni oħra (“in-notifika hija kkunsidrata bħala kompluta” jew “[l-Istat Membru] jikkunsidra n-notifika bħala kompluta”), mill-mument li fih jista’ jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tinsab fil-pussess ta’ l-informazzjoni neċessarja kollha, jiġifieri meta l-Kummissjoni ma titlobx iżjed informazzjoni jew anki wara dikjarazzjoni debitament immotivata f’dan is-sens min-naħa ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Din it-tieni definizzjoni għandha għaldaqstant bħala għan essenzjali li tiffissa l-jum li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 4 (5) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li jwassal għal konsegwenzi importanti mhux biss għall-Istati Membri, iżda wkoll għall-Kummissjoni.

135    Id-definizzjoni tan-notifika kompleta li tinsab fit-tielet frażi ta’ l-Artikolu 4(5), kif ukoll dik li tirriżulta indirettament mill-Artikolu 5(3) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, għandhom jiġu interpretati flimkien ma’, u skond, l-għan ta’ l-Artikolu 4(6) ta’ l-istess regoli, li jipprovdi li, jekk il-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni fi żmien xahrejn rigward notifika kompluta skond id-dispożizzjonijiet imsemmija ’l fuq, “l-għajnuna għandha tinftiehem li ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni” u “[l]-Istat Membru kkonċernat jista’ minħabba dan jimplementa l-miżuri in kwistjoni wara li jinnotifika lill-Kummissjoni minn qabel dwar dan”. Tali dispożizzjoni tagħti għaldaqstant lill-Istati Membri l-possibbiltà li jevitaw li l-Kummissjoni ttawwal artifiċjalment it-tul ta’ żmien tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni billi tħallihom għaldaqstant fl-inċertezza legali rigward it-tip ta’ għajnuna ppjanata.

136    Isegwi li l-fatt għall-Istat Membru kkonċernat li ma jopponix ruħu, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 5 (3) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, għal użu eventwali bi skop ta’ dewmien tat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali ma jistax, kif ġie enfasizzat fil-punt 129 ’il fuq, ikollu effett negattiv minbarra dak espressament previst mis-sistema in kwistjoni, jiġifieri l-impossibbiltà li jagħmel użu mill-possibbiltà pprovduta mill-Artikolu 4(6) ta’ dawn l-istess regoli li jeżegwixxi l-iskema ta’ għajnuna ppjanata u li b’hekk jarahom mibdula fi skema ta’ għajnuna eżistenti.

137    Dan l-istess fatt ma jippermettix għaldaqstant li jiġi konklż li n-notifika ma kinitx kompluta, peress li l-kriterju determinanti f’dan ir-rigward huwa, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 133 ’il fuq, li n-notifika tinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tippermetti l-Kummissjoni li tagħmel opinjoni preliminarja fuq il-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna mat-Trattat.

138    Din il-konklużjoni ma tiġix invalidata mill-fatt li l-Artikolu 2 (2) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat jeħtieġ, sabiex in-notifika tkun kompluta, il-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni kollha li hija neċessarja għall-Kummissjoni kemm għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija għandha tieħu fi tmiem l-investigazzjoni preliminari, kif ukoll għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali fuq il-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna u ma tillimitax għaldaqstant l-informazzjoni kollha fin-notifika għal dik li hija neċessarja sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li tagħti deċiżjoni li għandha tintervjeni fi tmiem il-fażi preliminari ta’ eżami, Fil-fatt, l-Artikolu 2 (2) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni hija marbuta li tiftaħ il-proċediment formali ta’ investigazzjoni jekk il-miżura nnotifikata tqajjem dubji rigward il-kumpatibbiltà tagħha mas-suq komuni u li għandha għaldaqstant tkun f’pożizzjoni li tkun taf l-elementi kollha ta’ fatt li huma meħtieġa għal dan il-għan. F’dak li jikkonċerna l-informazzjoni l-oħra kollha li tista’ tirriżulta neċessarja għall-finijiet ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali fuq il-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li la l-Istat Membru kkonċernat u lanqas il-Kummissjoni ma jafu minn qabel l-informazzjoni li tirriżulta neċessarja għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, peress li l-bżonn tat-tali informazzjoni jista’ jirriżulta biss matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni jkollha għarfien dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati mit-terzi kkonċernati (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punti 90 u 91).

139    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) tar-regoli tal-proċedura għall-għajnuna mogħtija mill-Istat u skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 133 iktar ’il fuq, sabiex notifika tkun kompluta, għall-finijiet tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, huwa biżżejjed li din tinkludi l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tifforma opinjoni preliminari fuq il-kumpatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni u li tiddeċiedi, fil-każ ta’ dubji f’dan ir-rigward, li tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

140    Huwa fid-dawl ta’ dak li ntqal li hemm lok li jiġi eżaminat il-kontenut tal-korrispondenza li saret bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li jiġi ddeterminat jekk, kif tallega r-rikorrenti, in-notifika inizjali kienet kompluta.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, wara n-notifika inizjali tad-29 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’żewġt idrabi, jiġifieri fil-5 ta’ Frar u fil-5 ta’ Settembru 2001. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet dawn l-ittri, rispettivament, fit-12 ta’ Marzu u fid-9 ta’ Ottubru 2001.

142    Fir-rigward ta’ l-ewwel talba għal informazzjoni, mibgħuta bl-ittra tal-5 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni limitat ruħha li ssaqsi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja “jekk l-attivitajiet assistiti ‘Soft Aides’ [kinux] kompatibbli mar-regolament ta’ eżenzjoni […] IŻM […], jiġifieri jekk l-ammont ta’ għajnuna prevista mir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM” u ppreċiżat li, “[f]il-każ fejn dan [ma kienx] possibbli, motivazzjoni preċiża [kienet] meħtieġa (ħtieġa u kompatibbiltà skond il-politika ekonomika)”.

143    Kif enfasizza ġustament ir-rikorrent, il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-5 ta’ Frar 2001, talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, opinjoni rigward il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna li tikkonċerna s-servizzi ta’ parir mar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM u, min-naħa l-oħra, jekk hija kinitx lesta li tnaqqas l-ammont ta’ l-għajnuna in kwistjoni sabiex tagħmilha kompatibbli ma’ l-imsemmi regolament. Madankollu, tali talba ma tistax tiġi kkunsidrata bħala intiża sabiex tinkiseb informazzjoni fattwali meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata, iżda pjuttost, minbarra t-talba għal opinjoni, bħala suġġeriment magħmul lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tagħmel il-modifiki neċessarji sabiex l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li daħal fis-seħħ tlett ijiem qabel.

144    Rigward it-tieni talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, mibgħuta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’ittra fil-5 ta’ Settembru 2001, din kienet tikkomporta, kif il-Kummissjoni stess ippreċiżat meta wieġbet bil-miktub għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li jiġi ddeterminat jekk, b’kunsiderazzjoni tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellhiex in-notifika meta mqabbla mal-programmi sekondarji kollha inizjalment innotifikati. Din it-tip ta’ informazzjoni, li barra minn hekk diġà kienet ingħatat fil-kuntest tal-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat-2 ta’ Awwissu 2001, ma tikkonċernax, hija wkoll, l-elementi fattwali meħtieġa sabiex issir l-investigazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata.

145    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li la t-talba tal-5 ta’ Frar 2001 u l-anqas dik tal-5 ta’ Settembru 2001 ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala talbiet għal informazzjoni ta’ fatti neċessarji sabiex tiġi kkompletata n-notifika inizjali u tippermetti l-Kummissjoni li tagħmel l-investigazzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fatt, l-istess portata taż-żewġ talbiet magħmula mill-Kummissjoni tindika li hija diġà kellha opinjoni stabbilita rigward l-inkompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħha mar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM.

146    Din il-konklużjoni m’għandhiex tiġi invalidata mill-portata tar-risposti mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ittri tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar u tal-5 ta’ Settembru 2001.

147    Għaldaqstant, fir-risposta tagħha tat-12 ta’ Marzu 2001 għall-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, taħt il-punt I tal-komunikazzjoni li ġiet annessa, b’mod ċar esponiet il-pożizzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk “il-livell ta’ għajnuna taħt is-‘soft aid’ [għandux] ikun f’konformità mal-kundizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni”. Fuq dan il-punt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħmel il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“[…] meta ġiet innotifikata l-iskema ta’ għajnuna, ir-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM] ma kienx għadu fis-seħħ. Konsegwentement, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma setgħux jibbażaw irwieħhom fuq il-kriterji tar-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM] fil-mument tan-notifika […] Hija s-sitwazzjoni legali eżistenti fil-mument tan-notifika li hija rilevanti għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ għajnuna ta’ l-Istat […] L-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu għaldaqstant li din l-iskema ta’ għajnuna għandha tiġi dejjem evalwata abbażi tal-kriterji tal-linji gwida Komunitarji [IŻM ta’ l-1996].”

148    Taħt il-punt II ta’ din l-istess komunikazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li, f’kull każ, skond hi, l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata għandha wkoll tkun tista’ tiġi nnotifikata fuq il-bażi tal-kriterji tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM. Fil-fatt, anki jekk din l-iskema ċertament ma kinitx kompletament konformi ma’ l-imsemmi regolament, il-Kummissjoni setgħet xorta waħda teżaminaha direttament fir-rigward tat-Trattat KE, billi tapplika s-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni tagħha.

149    Huwa fil-kuntest ta’ din il-pożizzjoni rigward iż-żamma tan-notifika inizjali li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet preċiżazzjoni f’dak li jikkonċerna l-programm sekondarju “servizzi ta’ pariri intensivi/formazzjoni” rigward l-ammont ta’ l-għajnuna. Huwa fil-fatt indikat, fil-komunikazzjoni annessa mar-risposta tat-12 ta’ Marzu 2001:

“Sabiex jiġu kkompletati l-linji gwida attwalment innotifikati, limitu ta’ għajnuna ġenerali ta’ 50 % skond id-dispożizzjoni tar-regolament ta’ eżenzjoni […] IŻM huwa previst minbarra l-limitu ta’ għajnuna assoluta. Ammont ta’ għajnuna akbar minn 65% massimu huwa previst għall-impriżi ż-żgħar (skond id-definizzjoni ta’ l-UE), fil-limitu ta’ l-istess limiti ta’ għajnuna assoluta.”

150    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li s-sempliċi kwistjoni konkreta li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2001 tirrigwarda unikament aspett wieħed, jiġifieri l-ammont ta’ l-għajnuna ta’ wieħed biss mis-sitt programmi sekondarji li jikkostitwixxu l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, jiġifieri dik li tikkonċerna s-“servizzi ta’ pariri intensivi/formazzjoni”. Min-naħa l-oħra, il-preċiżazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal din il-kwistjoni, li ċertament tinkludi element ġdid, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala informazzjoni neċessarja sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, peress li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi min-notifika li l-fatt li pprovdiet unikament limitu f’valur assolut iwassal bilfors għal ammont ta’ għajnuna akbar minn 50 %.

151    Fil-fatt, kif jenfasizza r-rikorrent fir-risposta tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza u kif seta’ ġie dedott permezz ta’ sempliċi kalkolu, il-limitu ffissat f’valur assolut jimplika li l-impriża kkonċernata setgħet tibbenefika, fl-aħjar ċirkustanza, minn għajnuna sa 72.73 % u ta’ 83.3 % jekk kienet impriża ġdida. Permezz ta’ l-introduzzjoni tal-limitu f’perċentwali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet ir-rata ta’ għajnuna għal 50 % u għal 65 % għall-impriżi l-ġodda, billi żammet fir-rigward ta’ dawn ammont ta’ għajnuna massima li taqbeż dik ta’ 50 % prevista mir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li rata ta’ għajnuna li taqbeż dik ta’ 50 % hija wkoll prevista f’dak li jikkonċerna l-programm sekondarju “parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet” (rata ta’ 60 % għall-impriżi ż-żgħar li jinsabu f’żoni li jridu jiltaqgħu ma’ problemi partikolari), il-programm sekondarju “kooperazzjoni” (rata ta’ 65 % applikabbli b’mod ġenerali u sa 80 % għal ċerti pjanijiet speċifiċi) u l-programm sekondarju “promozzjoni ta’ l-istil” (rata ta’ 70 % għall-impriżi ż-żgħar li jinsabu f’żoni li jridu jiltaqgħu ma’ problemi partikolari).

152    Isegwi li l-impatt fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni ta’ l-introduzzjoni ta’ limitu f’perċentwali wkoll f’dak li jikkonċerna l-programm sekondarju “servizzi ta’ parir intensiv/formazzjoni”, li jingħaqad mal-limitu f’valur assolut ta’ l-għajnuna intenzjonata, għandu natura marġinali, billi d-dubji tal-Kummissjoni dwar l-inkompatibbiltà ta’ l-iskema kollha kemm hi mas-suq komuni huma bbażati fuq il-qabża tar-rata ta’ 50 % ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna, kif iffissata mir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM. F’kull każ, ir-risposta għad-domanda fl-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2001 ma kinitx, minħabba l-portata limitata tagħha, neċessarja għall-Kummissjoni sabiex tifforma opinjoni preliminari fuq il-kompatibbiltà tal-pjan kollu ta’ għajnuna nnotifikata mas-suq komuni.

153    Fir-rigward tar-risposta tad-9 ta’ Ottubru 2001 għall-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minbarra l-fatt li hija pprovdiet informazzjoni sekondarja li segwiet laqgħa ta’ l-14 ta’ Ġunju 2001 bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi, limitat ruħha sabiex issostni mill-ġdid dak li hija sostniet fin-notifika inizjali, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-iskema nnotifikata kienet konformi mar-regoli tal-Komunità IŻM ta’ l-1996 u li huwa b’relazzjoni ma’ l-imsemmija regoli , fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha, li għandha tiġi evalwata. F’din l-istess ittra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fakkret ukoll li, skond il-komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2001, l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni kienet sadattant ġiet implementata, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 9 (1) tar-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM, sad-data ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna kif innotifikata.

154    Il-fatt stess li, kif jirriżulta mill-komunikazzjoni tat-2 ta’ Awwissu 2001, imsemmija iktar ’il fuq, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja implementat l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni fil-limiti tal-konformità tagħha mar-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM, billi ffissat bħala terminu ta’ validità l-31 ta’ Diċembru 2008 jew id-data ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-iskema kif innotifikata, jikkonferma li hija qatt ma mmodifikat in-notifika inizjali tagħha sabiex issir konformi mar-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja użat il-possibbiltà mogħtija mill-imsemmi regolament li timplementa skema ta’ għajnuna mingħajr ma tinnotifikaha u tikkomunikaha lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9 (1) ta’ dan l-istess Regolament, filwaqt li żżomm in-notifika inizjali tagħha, preċiżament minħabba l-fatt li n-notifika saret qabel ma ġie fis-seħħ l-imsemmi regolament.

155    Fl-aħħar nett, m’għandux jiġi ammess li n-notifika inizjali mhijiex meqjusa bħala kompluta minħabba l-fatt li hija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet kollha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ammont ta’ l-għajnuna, meħtieġa mil-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ wara n-notifika inizjali, jiġifieri r-Regolament ta’ eżenzjoni IŻM. Fil-fatt, mhux biss ir-rikorrenti kkontesta l-applikabbiltà ta’ l-imsemmi regolament preċiżament minħabba li daħal fis-seħħ wara d-data li l-Kummissjoni rċeviet in-notifika inizjali, iżda talli ddikjarat ukoll u espressament li żammet in-notifika inizjali, billi użat il-possibbiltà li timplementa l-iskema ta’ għajnuna tagħha, mingħajr notifika, kif previst mill-imsemmi regolament.

156    Jirriżulta minn dak li ntqal li n-notifika inizjali kienet kompluta, peress li hija kienet tinkludi l-elementi kollha neċessarji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni skond il-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data li hija tirċievi n-notifika inizjali.

157    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi milqugħ.

158    Fid-dawl ta’ dak li ntqal u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrent, ir-rikors għandu jiġi milqugħ u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 u l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skond l-Artikolu 87 (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż skond it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2, u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/226/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, dwar l-iskema ta’ għajnuna intiża li timplementa l-Ġermanja – “Programm favur l-impriżi żgħar u medji – Titjib ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-impriżi tas-Sassonja” – Programmi sekondarji 1 (formazzjoni), 4 (parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet), 5 (kooperazzjoni) u 7 (promozzjoni ta’ l-istil), huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundnnata għall-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

      Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Mejju 2007.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      Il-President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-proċedura amministrattiva

2.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalitŕ formali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-proċedura ta’ clearance aċċelerata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalitŕ materjali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta mill-inapplikabbiltŕ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-applikabbiltà tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM għan-notifiki pendenti fid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ

Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżawrenza tan-notifika inizjali

–  Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-ilment

–  Fuq il-mertu

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.