Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Ġunju 2011 - L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-320/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Ungerija (rappreżentanti: M. Fehér, K. Szíjjártó, K. Veres, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/192/UE, tat-28 ta' Marzu 2011, li teskludi mill-finanzjament tal-UE ċerta nefqa mġarrba mill-Ungerija taħt il-programm għall-appoġġ ta' miżuri ta' qabel l-adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali (Sapard) fl-2004.M

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

Fil-motivi tar-rikors, ir-rikorrenti tallega bħala l-ewwel motiv il-ksur, mill-Kummissjoni, tad-dritt tal-Unjoni. Hija tafferma li t-tnaqqis finanzjarju applikat mill-Kummissjoni dovut għan-nuqqas ta' osservanza tat-terminu mogħti ta tliet xhur indikat huwa illegali, peress li, fil-fehma tagħha, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, it-terminu ta' tliet xhur biex isir effettiv il-ħlas Sapard, indikat fid-dritt tal-Unjoni - preċiżament, permezz tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni 2222/2000/KE 1 u permezz tal-Artikolu 8(6) tal-Anness A tar-Regolament Finanzjarju Multiannwali ffirmat mill-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ungerija fil-15 ta' Ġunju 2011 -, jibda jiddekorri minn meta l-awtorità jkollha d-dokumenti ta' appoġġ neċessarji kollha biex tagħmel il-ħlas. Konsegwentement, fil-każ li, għal raġunijiet partikolari, huma neċessarji dokumenti ta' appoġġ supplimentari, it-terminu jibda jiddekorri biss minn meta jintbagħat l-aħħar wieħed minn dawn id-dokumenti addizzjonali. Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipji ta' kooperazzjoni leali u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi applikat tnaqqis finanzjarju f'sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet Ungeriżi setgħu jkunu raġonevolment konfidenti li l-mod tal-ħlas tagħha kien konformi mad-dritt tal-Unjoni.

Bħala tieni motivi, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċirkustanzi eċċezzjonali u motivi fondati li kienu ġġustifikaw in-nuqqas ta' applikazzjoni tat-tnaqqis finanzjarju jew, f'kull każ, il-limitazzjoni tiegħu. B'mod partikolari, hija tindika bħala tali ċirkustanzi n-natura "edukattiva" tal-programm Sapard u li l-għan ewlieni tal-awtoritajiet Ungeriżi kien li jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-UE. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni ma sofriet ebda dannu minħabba n-nuqqas ta' osservanza tat-terminu mogħti.

Skont it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni, il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix b'mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika t-tnaqqis u lanqas ta' kif ikkwantifikat il-mod li bih waslet konkretament għalih, u b'mod partikolari għalfejn il-Kummissjoni ma segwietx l-opinjoni mogħtija f'dan ir-rigward mill-korp ta' konċiljazzjoni, li skontu f'dan il-każ hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tnaqqis.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2222/2000, tas-7 ta Ġunju 2000, li jniżżel regoli finanzjarji għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999 dwar l-appoġġ tal-Komunità għal miżuri qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp agrikolu u rurali fil-pajjiżi applikanti tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 34, p. 156).