Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2023 – UJ et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-120/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: UJ u 12-il rikorrent ieħor (rappreżentanti: M. Velardo, avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Mejju 2022 li permezz tagħhom ir-rikorrenti ma ġewx inklużi fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/380/19-AD7 u EPSO AD/380/19-AD9;

tannulla d-deċiżjonijiet tas-7 ta’ Lulju 2022, li permezz tagħhom ġiet miċħuda t-talba għal eżami mill-ġdid tan-nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/380/19-AD7 u EPSO AD/380/19-AD9 għar-rikorrenti UJ, UL, UM u UU;

tannulla d-deċiżjonijiet tal-awtorità tal-ħatra (APN) tal-5 ta’ Novembru 2022, adottati b’mod fittizju wara s-silenzju miżmum mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) għal iktar minn erba’ xhur, li permezz tagħhom ġie miċħud l-appell imressaq b’mod konġunt mir-rikorrenti skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-liġijiet li jirregolaw is-sistema lingwistika fl-istituzzjonijiet Ewropej. It-tmexxija tal-eżami bil-miktub u orali f’lingwa differenti (Ingliż u Franċiż) mil-lingwa materna tagħhom ipprekludiet evalwazzjoni korretta tal-kompetenzi tagħhom, peress li r-riżultat tat-testijiet tagħhom kien ikkundizzjonat ukoll mil-livell ta’ għarfien lingwistiku tagħhom. B’hekk inkiser l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, l-assenza ta’ evalwazzjoni oġġettiva tal-kandidati (ġurisprudenza Glantenay) u ksur tal-Artikolu 5(1) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Xi wħud minnhom, fil-fatt, irrepetew it-testijiet bil-miktub, li kellhom livell ta’ diffikultà kjarament inferjuri. Il-paragun bejn il-kandidati matul it-tmexxija tat-testijiet fiċ-ċentru tal-evalwazzjoni inbidlet għaliex il-kummissjoni ġudikanti ma kinitx ivverifikat minn qabel il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet li kienu jinsabu fit-Talent Screener.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju konness ta’ ugwaljanza tal-partijiet fil-kawża (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), għaliex ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jkunu jafu l-motivazzjoni kompleta għall-esklużjoni tagħhom mill-kompetizzjoni, qabel ma ppreżentaw l-appell. Barra minn hekk dan wassal għall-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs fil-kawża.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-ħames u tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn il-kummissjoni eżaminatriċi ma inkludietx fil-lista ta’ riżerva almenu d-doppju tal-kandidati fir-rigward tal-postijiet miftuħa għall-kompetizzjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni konsegwenti, għaliex fil-kompetizzjoni AD7 ġiet evalwata wkoll il-leadership tal-kandidati, liema kriterju kien irriżervat biss għall-AD9.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji msemmija fil-ġurisprudenza Di Prospero vs Il-Kummissjoni u ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, sa fejn l-avviż ta’ kompetizzjoni ma ppermettiex il-parteċipazzjoni fiż-żewġ kompetizzjonijiet għal AD7 u AD9, minkejja li ġew ittrasferiti ex officio fil-lista ta’ riżerva AD7, uħud mill-kandidati li kienu applikaw għal AD9.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-kandidati u nuqqas ta’ oġġettività fl-evalwazzjonijiet, minħabba n-nuqqas ta’ stabbilità tal-kummissjoni eżaminatriċi, minħabba l-bidliet frekwenti fil-kompożizzjoni tal-kummissjoni eżaminatriċi u minħabba n-nuqqas ta’ “shadowing” min-naħa tal-president tagħha.

____________