Language of document : ECLI:EU:C:2022:696

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑15 ta’ Settembru 2022 (1)

Kawża C343/21

PV

vs

Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Miżuri ta’ appoġġ għal żvilupp rurali – Pagamenti agroambjentali – Regolament Nru 1974/2006 – Artikolu 45(4) – Miżuri ta’ tqassim mill-ġdid u ta’ konsolidazzjoni tal-art – Inkapaċità tal-benefiċjarju li jkompli jkun konformi mal-impenji mogħtija – Assenza ta’ miżuri meħtieġa sabiex jippermettu li l-impenji jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda”






 Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 (2). Qabel ma ġie rrevokat (3), din id-dispożizzjoni kienet tistabbilixxi l-konsegwenzi finanzjarji għal benefiċjarju ta’ pagamenti agroambjentali meta tkun ittieħdet miżura ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ konsolidazzjoni tal-art fl-azjenda agrikola tiegħu matul il-perijodu ta’ impenn taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (4).

2.        It-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri bejn bidwi Bulgaru u ż-Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Fond Agrikolu tal-Istat; iktar ’il quddiem l-“awtorità konvenuta”). Il-proċeduri jirrelataw ma’ appell minn deċiżjoni amministrattiva li ordnat ir-rimbors ta’ parti mill-ħlas li rċieva dan il-bidwi, minħabba l-inkapaċità tiegħu li jikkonforma mal-impenn mogħti taħt il-FAEŻR sabiex jiżgura l-użu tal-firxa kollha tal-art oriġinarjament iddikjarata għal ħames snin konsekuttivi.

3.        Din il-kawża teħtieġ l-interpretazzjoni tat-termini “tqassim mill-ġdid” u “miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art” fis-sens tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 sabiex jiġi vverifikat jekk sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, għandu jiġi ddeterminat jekk, fl-assenza ta’ miżuri meħtieġa adottati mill-Istat Membru, l-inkapaċità tal-benefiċjarju li jkompli jikkonforma mal-impenji mogħtija għall-pagamenti agroambjentali tikkostitwixxix ċirkustanza li tiġġustifika n-nuqqas ta’ rimbors tal-fondi rċevuti preċedentement.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 Regolament Nru 1698/2005

4.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Objettivi”, jipprevedi li:

“1.      L-appoġġ għall-iżvilupp rurali għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi li ġejjin:

(a)      it-titjib tal-kompetittività tal-agrikoltura u l-foresterija permezz ta’ appoġġ għar-ristritturazzjoni, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

(b)      it-titjib tal-ambjent u l-kampanja permezz ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-art;

(c)      it-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u l-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika.

[…]”

5.        L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1698/2005, taħt l-intestatura “Miżuri”, jipprevedi li:

“L-appoġġ taħt din it-taqsima għandu jikkonċerna:

(a)      miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tal-art agrikola permezz ta’:

[…]

(iv)      pagamenti agro-ambjentali;

[…]”

6.        Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Pagamenti agro-ambjentali”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-appoġġ previst fl-Artikolu 36(a)(iv) fit-territorji kollha tagħhom, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

2.      Il-pagamenti agro-ambjentali għandhom jingħataw lill-bdiewa li jieħdu impenji agro-ambjentali fuq bażi volontarja. Meta debitament ġustifikat sabiex jintlaħqu objettivi ambjentali, jistgħu jingħataw pagamenti agro-ambjentali lil ġesturi oħra tal-art.

3.      Il-pagamenti agro-ambjentali jkopru biss dawk l-impenji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti skont l-Artikoli 4 u 5 u l-Annessi III u IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 kif ukoll ir-rekwiżiti minimi għall-użu ta’ fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u rekwiżiti obbligatorji rilevanti oħra stabbiliti mil-leġislazzjoni nazzjonali u identifikati fil-programm.

Dawn l-impenji għandhom jittieħdu bħala regola ġenerali għal perijodu bejn ħames u seba’ snin. Fejn meħtieġ u ġustifikat, perijodu itwal għandu jiġi determinat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) għal tipi partikolari ta’ impenji.

 […]”


 Regolament Nru 1974/2006

7.        Il-premessi 23 u 37 tar-Regolament Nru 1974/2006 jipprovdu li:

“(23)      Fir-rigward ta’ l-appoġġ għall-agriambjent […], ir-rekwiżiti minimi li għandhom ikunu milħuqa mill-benefiċjarji b’konnessjoni mad-diversi impenji agriambjentali […] għandhom jiżguraw applikazzjoni bilanċjata ta’ appoġġ billi jitqiesu l-objettivi u għandu għalhekk jikkontribwixxi lejn żvilupp rurali sostennibbli. […]

[…]

(37)      Għandhom ikunu stabbiliti regoli komuni għal ħafna miżuri, partikolarment dwar: l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet integrati, il-miżuri ta’ investimenti, it-trasferiment ta’ azjenda matul il-perjodu għal liema kien mogħti impenn bħala kundizzjoni għall-għotja ta’ assistenza, iż-żieda taż-żona ta’ l-azjenda u d-definizzjoni ta’ kategoriji differenti ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.”

8.        L-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“1.      Meta l-azjenda sħiħa, jew parti minnha, tal-benefiċjarju tkun trasferita lil persuna oħra matul il-perjodu għal liema jkun ingħata impenn bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ l-assistenza, il-persuna l-oħra tista’ tidħol għall-impenn għall-kumplament tal-perjodu. Jekk l-impenn ma jkunx merfugħ, il-benefiċjarju għandu jħallas lura dik l-assistenza li tkun ingħatat.

2.      L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jeħtieġux ir-rimborz imsemmi fil-paragrafu 1 fil-każijiet li ġejjin:

[…]

3.      F’każ ta’ bidliet żgħar fis-sitwazzjoni ta’ azjenda, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiżguraw li l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ma twassalx għal riżultati mhux xierqa fir-rigward ta’ l-impenn li jkun daħal għalih.

Tnaqqis fiż-żona tal-azjenda sa 10 % taż-żona koperta mill-impenn għandha titqies bħala bidla żgħira għall-fini tal-ewwel subparagrafu.”

9.        L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1974/2006 jgħid:

“1.      Meta l-benefiċjarju jżid iż-żona ta’ l-azjenda matul il-perjodu meta kien mogħti impenn bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ l-assistenza, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-impenn biex ikun estiż sabiex ikopri ż-żona addizzjonali għall-kumplament tal-perjodu ta’ l-impenn bi qbil mal-paragrafu 2, jew għall-impenn oriġinali biex ikun mibdul b’wieħed ġdid bi qbil mal-paragrafu 3.

Tista’ ssir ukoll dispożizzjoni għal tali tibdil f’każijiet fejn iż-żona koperta minn impenn fi ħdan azjenda tkun estiża.

2.      L-estensjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tingħata biss taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3.      L-impenn il-ġdid imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri ż-żona kkonċernata taħt termini li jkunu mill-inqas stretti daqs dawk ta’ l-impenn oriġinali.

4.      Meta benefiċjarju ma jkunx jista’ aktar ikun konformi ma’ l-impenji magħmula minħabba li l-azjenda tkun imqassma mill-ġdid jew tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ art pubblika jew għal miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ artijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jippermettu li l-impenji jkunu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida ta’ l-azjenda. Jekk tali adattament ikun impossibbli, l-impenn għandu jiskadi u r-rimborż ma għandux ikun meħtieġ fir-rigward tal-perjodu li fih l-impenn kien effettiv.”

 Regolament Nru 65/2011

10.      L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 65/2011, intitolat “Tnaqqis u esklużjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji u obbligi relatati oħra”, jipprevedi:

“1.      L-għajnuna mitluba għandha tiġi mnaqqsa jew miċħuda meta l-obbligi u l-kriterji li ġejjin ma jiġux sodisfatti:

[…]

(b)      il-kriterji ta’ eliġibbiltà minbarra dawk relatati mad-daqs taż-żona jew l-għadd tal-annimali ddikjarati.

Fil-każ ta’ impenji multiannwali, it-tnaqqis, l-esklużjonijiet u l-irkupri tal-għajnuna għandhom japplikaw ukoll għall-ammonti diġà mħallsa fis-snin preċedenti għal dak l-impenn.

2.      L-Istat Membru għandu jirkupra u/jew jiċħad l-appoġġ jew jistabbilixxi l-ammont tat-tnaqqis tal-għajnuna, b’mod partikolari abbażi tas-severità, il-grad u n-natura permanenti tan-nuqqas ta’ konformità misjub.

Is-severità tan-nuqqas ta’ konformità għandha tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformtià, waqt li jitqiesu l-għanijiet tal-kriterji li ma ġewx sodisfatti.

Il-grad tan-nuqqas ta’ konformità għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq l-effett tal-operazzjoni kollha.

Jekk in-nuqqas ta’ konformità huwiex ta’ natura permanenti jew le għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq id-dewmien tal-effett jew il-possibbiltà ta’ terminazzjoni ta’ dan l-effett permezz ta’ mezzi raġonevoli.

3.      Jekk in-nuqqas ta’ konformità jirriżulta minn irregolaritajiet li twettqu intenzjonalment, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-miżura kkonċernata kemm għas-sena kalendarja tas-sejba kif ukoll għas-sena kalendarja ta’ wara.”

 Iddritt Bulgaru

11.      L-Artikolu 37c taż-Zakon za sobstvenostta i polzvaneto na zemedelskite zemi (il-Liġi dwar is-Sjieda u l-Użu ta’ Art Agrikola (5)) jipprovdi:

“1.      Raggruppamenti għall-użu ta’ art agrikola għandhom jinħolqu bi ftehim bejn is-sidien u/jew l-utenti. Il-konklużjoni tal-ftehim għandha tkun issorveljata minn kummissjoni għal kull lokalità fit-territorju tal-muniċipalità, stabbilita b’digriet tad-Direttur tad-Direttorat Distrettwali ‘Agrikoltura’ sal‑5 ta’ Awwissu tas-sena rilevanti. […]

2.      Il-ftehim għandu jiġi konkluż skont mudell stabbilit mill-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, […] Il-ftehim għandu jiġi konkluż u aġġornat kull sena sat‑30 ta’ Awwissu għas-sena finanzjarja sussegwenti skont il-Paragrafu 2(3) tad-Dispożizzjonijiet Supplimentari taż-Zakon za arendata v zemedelieto [(il-Liġi dwar Kiri ta’ Raba’)]. Ma jistax jinkludi proprjetajiet iddikjarati għall-biedja fil-konfini reali tagħhom u proprjetajiet li jintużaw b’mod permanenti bħala mergħat, artijiet miksija bil-ħaxix u meded ta’ art miżrugħa. Il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ sakemm ikopri mill-inqas żewġ terzi tas-superfiċji totali tar-raggruppamenti għall-użu tal-art fil-lokalità rilevanti.

3.      Fejn l-utenti ma jistgħux jilħqu ftehim fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafu 1, u wkoll fir-rigward tal-art mhux koperta mill-ftehim, il-kummissjoni għandha tfassal abbozz ta’ allokazzjoni tal-użu tal-art minn raggruppamenti sal‑15 ta’ Settembru tas-sena rilevanti kif ġej:

(1)      id-dritt għall-użu tar-raggruppament individwali għandu jingħata lill-utent bl-ikbar sehem ta’ art agrikola fi proprjetà u/jew mikrija fir-raggruppament;

(2)      is-superfiċji tal-art agrikola li fir-rigward tagħha ma jkunu ġew konklużi l-ebda kuntratti u l-ebda dikjarazzjoni ma tkun ġiet sottomessa mis-sidien tagħha skont l-Artikolu 37b għandha tiġi allokata bejn l-utenti b’mod proporzjonat skont is-superfiċji u skont il-mod li bih l-art agrikola fi proprjetà u/jew mikrija fil-lokalità rilevanti tintuża b’mod permanenti.

4.      Il-kummissjoni għandha tħejji rapport għad-Direttur tad-Direttorat Distrettwali ‘Agrikoltura’, li jkun fih il-ftehim konkluż, l-allokazzjoni tar-raggruppamenti ta’ art, informazzjoni dwar l-art msemmija fil-punt 2 tal-paragrafu 3 fir-rigward tas-sidien tagħhom u l-ħlas ta’ kirjiet dovuti, li abbażi tagħhom id-Direttur tad-Direttorat Distrettwali ‘Agrikoltura’ għandu joħroġ ordni għall-allokazzjoni tar-raggruppamenti fil-lokalità qabel l‑1 ta’ Ottubru tas-sena rilevanti.

[…]

14.      Il-ftehim għall-ħolqien ta’ raggruppamenti għall-użu tal-art jew għall-allokazzjoni tar-raggrupamenti għall-użu tal-art għandu jikkostitwixxi bażi legali għall-finijiet taż-Zakon za podpomagane na zemedelskite proizvoditeli [(il-Liġi dwar l-Appoġġ għall-Bdiewa)], u, fil-parti li tikkonċerna l-art imsemmija fil-paragrafu 3, għandu jikkostitwixxi bażi legali sakemm ikun sar ħlas għal dik l-art.

15.      Art agrikola inkluża f’raggruppamenti għall-użu tal-art u approvata għall-appoġġ taħt il-miżura ‘Pagamenti agroambjentali’ tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2007‑2013 u/jew taħt il-miżura ‘Klima agroambjentali’ u ‘Biedja organika’ tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014‑2020 għandha tiġi allokata mingħajr ma jinbidlu l-postijiet tal-persuni approvati taħt il-miżura fejn:

(1)      il-proprjetajiet magħmula disponibbli minnhom skont l-Artikolu 37b għall-parteċipazzjoni fil-proċedura għandhom superfiċji ikbar minn jew daqs is-superfiċji approvata għall-appoġġ taħt il-miżura; u

(2)      is-sidien u l-utenti li l-proprjetajiet tagħhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni approvati taħt il-miżura ddikjaraw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fil-proċedura għall-ħolqien ta’ raggruppamenti għall-użu tal-art skont dak l-artikolu fir-rigward tal-istess proprjetajiet.”

 Ilfatti, ilproċedura u ddomandi preliminari

12.      PV, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa bidwi li ppreżenta talba għal għajnuna taħt il-“Miżura 214 – Pagamenti Agroambjentali tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007‑2013” (iktar ’il quddiem il-“Miżura 214”).

13.      It-talba ġiet approvata u PV daħal f’impenn agroambjentali ta’ ħames snin taħt din il-miżura. Waħda mill-kundizzjonijiet li daħal għalihom PV kienet li jwettaq l-attivitajiet speċifikati fit-talba fuq l-istess żona agrikola għal ħames snin konsekuttivi.

14.      Din iż-żona kienet tikkonsisti minn 857 ettaru ta’ art agrikola, li kienet użata minn PV mill‑2012 sabbażi ta’ ftehimiet adottati skont l-Artikolu 37c tal-Liġi dwar is-Sjieda u l-Użu ta’ Art Agrikola. Essenzjalment, din id-dispożizzjoni ppermettiet li jiġu konklużi ftehimiet għal kull sena finanzjarja bejn is-sidien u l-utenti tal-art agrikola li tinsab viċin sabiex jiġu stabbiliti raggruppamenti ta’ art. Skont id-dritt Bulgaru, il-ftehim dwar l-istabbiliment ta’ raggruppamenti ta’ art jew is-suddiviżjoni tagħhom kien ikkunsidrat bħala bażi legali valida għall-għajnuna għall-bdiewa li għamlu użu minnhom.

15.      PV ipparteċipa, b’art mikrija minnu, fir-raggruppamenti stabbiliti b’dan il-mod għas-snin finanzjarji 2012/2013, 2013/2014, 2014/2015 u 2015/2016. Matul dawn is-snin, twettqu l-kontrolli amministrattivi obbligatorji u l-kontrolli fuq il-post kollha fl-azjenda tiegħu, u tħallsu ammonti li jammontaw għal 1 063 317.54 lev Bulgaru (BGN) skont it-talbiet għal ħlas tiegħu taħt il-Miżura 214.

16.      Għas-sena finanzjarja 2016/2017, madankollu, ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar l-użu tal-art kollha ddikjarata minn PV. Għalkemm PV xtaq jidħol fi ftehim bħal dan taħt l-Artikolu 37c tal-Liġi dwar is-Sjieda u l-Użu ta’ Art Agrikola, il-parteċipanti l-oħra fil-ftehim preċedenti informawh li xtaqu jikkultivaw l-art agrikola fil-konfini reali tal-proprjetajiet tagħhom. F’dan il-kuntest, PV twaqqaf milli jisfrutta l-art agrikola użata mill‑2012 u milli jikkonforma mal-impenn mogħti sabiex jirċievi pagamenti agroambjentali (6).

17.      Fid‑29 ta’ Mejju 2017, PV ta notifika tat-terminazzjoni tal-impenn agroambjentali tiegħu lid-Darzhaven fond “Zemedelie” (il-Fond Agrikolu tal-Istat) f’Targovishte. Din in-notifika seħħet kważi 10 xhur wara li PV kien sar jaf li ma kienx se jkun intitolat juża, fis-sena finanzjarja 2016/2017, parti mill-art li kienet il-bażi għall-impenn tiegħu taħt il-Miżura 214, u tmien xhur wara l-iskadenza tal-aħħar ftehim.

18.      Fis‑17 ta’ Awwissu 2018, PV ġie informat bit-terminazzjoni tal-impenn agroambjentali tiegħu taħt il-Miżura 214, minħabba n-nuqqas tiegħu li jikkonforma mal-kundizzjonijiet applikabbli. Din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata minn PV u saret finali.

19.      Konsegwentement, fl‑14 ta’ Novembru 2018, l-awtorità konvenuta fetħet proċeduri għall-ħruġ ta’ deċiżjoni amministrattiva li tistabbilixxi dejn pubbliku (Akt za Ustanovyavane na Publichno Darzhavno Vsemane; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn talbet mingħand PV rimbors ta’ 20 % tas-sussidju mħallas taħt il-miżura rispettiva għall-kampanji 2012‑2016, flimkien mal-imgħax statutorju.

20.      Fl-appell, il-qorti amministrattiva tal-ewwel istanza kkonstatat li l-għajnuna mogħtija kienet legalment imnaqqsa u li, f’dan il-każ, ma kien hemm ebda forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 73/2009 (7). Dik il-qorti għalhekk ċaħdet ir-rikors ta’ PV kontra d-deċiżjoni kkontestata.

21.      Il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija adita bl-appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, hija tal-fehma li r-riżoluzzjoni tat-tilwima teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, hija tosserva li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 jirreferi għal tliet każijiet speċifiċi fejn benefiċjarju ta’ pagamenti agroambjentali ma jkunx obbligat jirrimborsa miżuri ta’ appoġġ li jkun irċieva qabel. Dawn il-każijiet huma (i) meta l-azjenda tal-attivitajiet agrikoli tiegħu tiġi mqassma mill-ġdid, (ii) meta l-azjenda tkun suġġetta għal miżuri pubbliċi ta’ konsolidazzjoni tal-art, jew (iii) meta l-azjenda tkun suġġetta għal miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Dik il-qorti tosserva li, jekk din il-kawża tiġi inkluża taħt wieħed mill-każijiet deskritti minn din id-dispożizzjoni, il-konsegwenzi legali tat-terminazzjoni tal-impenn agroambjentali ma jinkludux obbligu ta’ rimbors totali jew parzjali tal-għajnuna rċevuta.

22.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel, inter alia, iż-żewġ domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      L-Artikolu 45(4) tar-[Regolament Nru 1974/2006] jista’ jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ineżami hemm ‘tqassim mill-ġdid tal-azjenda’ jew ‘miżuri ta’ konsolidazzjoni’, b’tali mod li l-benefiċjarju ma jinsabx f’pożizzjoni li jkompli jonora l-impenji meħuda?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, fil-każ li l-Istat Membru jonqos milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-impenji tal-benefiċjarju jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda, ikun hemm ġustifikazzjoni sabiex ma jintalabx ir-rimbors fir-rigward tal-perijodu li matulu kien effettiv l-impenn?

[…]”

 Analiżi

23.      Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jittrattaw id-domandi li bihom il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk każ bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali jikkostitwixxix “tqassim mill-ġdid” jew “miżura ta’ konsolidazzjoni tal-art” fis-sens tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 (l-ewwel domanda) u, fl-affermattiv, jekk in-nuqqas ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jippermetti li l-impenji tal-benefiċjarju jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda jintitolahx li jirrifjuta li jħallas lura l-fondi rċevuti (it-tieni domanda).

 Lewwel domanda

24.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, matul il-perijodu kopert mill-fatti fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 1698/2005 kien il-leġiżlazzjoni fis-seħħ li tirregola l-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali ffinanzjat mill‑FAEŻR (8). Dan ir-regolament stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna għal prattiki agrikoli mmirati lejn it-titjib tal-ambjent u ż-żoni rurali (9).

25.      B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1698/2005 elenka l-pagamenti agroambjentali fost il-miżuri intiżi sabiex jippromwovu l-użu sostenibbli ta’ art agrikola (10). Dawn il-pagamenti kienu għajnuna mogħtija kull sena lill-bdiewa, flimkien ma’ pagamenti agrikoli oħra, sakemm dawn il-bdiewa jieħdu impenji volontarji li jinkoraġġixxu l-użu sostenibbli ta’ art agrikola (11). L-impenji kellhom imorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti tal-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni, kif ukoll mir-rekwiżiti partikolari stabbiliti mid-dritt tal-Istati Membri (12).

26.      Kif tispjega l-Kummissjoni Ewropea, karatteristika essenzjali tal-pagamenti agroambjentali kienet li dawn jimplikaw, bħala regola ġenerali, impenji li għandhom jittieħdu mill-bdiewa għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin (13). Jekk wieħed jassumi li l-impenji ta’ żmien qasir inaqqsu l-impatt pożittiv ta’ dawn il-pagamenti, ir-rekwiżit ta’ impenn multiannwali kien maħsub sabiex iħeġġeġ lill-bdiewa jużaw l-art tagħhom għal perijodu meqjus neċessarju sabiex jinkisbu effetti ta’ benefiċċju għas-sostenibbiltà ambjentali.

27.      Din hija r-raġuni għalfejn ir-Regolament Nru 1974/2006, meta stabbilixxa r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005, indirizza, fost elementi rilevanti oħra, it-tibdil fiċ-ċirkustanzi li seta’ jseħħ matul il-perijodu ta’ ħames snin ta’ impenn meħud mill-bdiewa taħt il-FAEŻR (14). B’mod iktar speċifiku, ir-Regolament Nru 1974/2006 iddefinixxa l-obbligi tal-Istati Membri u l-benefiċjarji ta’ pagamenti agroambjentali f’każijiet ta’ bidla fis-sjieda u/jew fl-użu tal-azjenda, permezz ta’ trasferiment (15), jew f’każijiet ta’ bidla fid-daqs ta’ dik l-azjenda, permezz tat-tkabbir tagħha jew tat-tnaqqis tagħha (16).

28.      Nirrileva li l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ f’din it-tieni kategorija, peress li bidwi li kien impenja ruħu li jisfrutta żona speċifika ta’ art agrikola sab ruħu, fl-aħħar sena ta’ impenn taħt il-FAEŻR, f’pożizzjoni fejn ma setax jisfrutta ż-żona kollha oriġinarjament iddikjarata fl-applikazzjoni tiegħu taħt il-Miżura 214. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għalhekk huwa d-dispożizzjoni ewlenija sabiex jiġu ddeterminati l-konsegwenzi finanzjarji għal bidwi f’tali ċirkustanzi.

29.      Dan l-artikolu, waqt li kien fis-seħħ (17), kien jirregola sitwazzjonijiet li fihom benefiċjarju ta’ pagamenti agroambjentali ma jkunx jista’ jwettaq l-impenn mogħti li jisfrutta l-istess żona ta’ art matul ħames snin konsekuttivi minħabba (i) it-tqassim mill-ġdid tal-azjenda kkonċernata, (ii) l-adozzjoni ta’ miżuri pubbliċi ta’ konsolidazzjoni tal-art fuq dik l-azjenda jew (iii) l-approvazzjoni ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art minn awtoritajiet pubbliċi kompetenti fuq l-istess azjenda.

30.      F’dawn it-tliet xenarji, jekk l-Istat Membru ma jkunx ħa l-miżuri neċessarji sabiex jippermetti li l-impenji jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda, il-benefiċjarju tal-pagamenti agroambjentali ma jkunx obbligat jirrimborsa l-għajnuna rċevuta fir-rigward tal-perijodu li fih l-impenn kien effettiv.

31.      Huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 introduċa eċċezzjoni unika għar-regola ġenerali applikabbli għal sitwazzjonijiet fejn il-benefiċjarji ta’ pagamenti agroambjentali ma ssodisfawx l-impenji mogħtija taħt il-FAEŻR. Tabilħaqq, in-nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, mal-impenji jew mal-obbligi konnessi normalment iwassal għal tnaqqis, esklużjonijiet u rkupri tal-appoġġ mogħti (18). Fil-każ ta’ impenji multiannwali, dan it-tnaqqis, dawn l-esklużjonijiet u dawn l-irkupri jkunu japplikaw ukoll għal ammonti diġà mħallsa fis-snin preċedenti fir-rigward ta’ ċertu impenn (19).

32.      Fil-kawża preżenti, għall-kuntrarju, kieku l-impossibbiltà li jiġi osservat l-impenn li tiġi sfruttata l-istess żona ta’ art għal perijodu ta’ ħames snin kellha tiġi kkunsidrata bħala konsegwenza diretta ta’ miżura ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ konsolidazzjoni tal-art, fis-sens tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006, il-bidwi kkonċernat fil-kawża prinċipali seta’ jiġi eżentat milli jħallas lura parti mill-ħlasijiet li jkun irċieva fis-snin preċedenti, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux adottaw il-miżuri neċessarji sabiex jadattaw l-impenn tal-bidwi għall-kuntest il-ġdid.

33.      Irrid nenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “tqassim mill-ġdid”, u lanqas il-kunċett ta’ “miżura ta’ konsolidazzjoni tal-art”. Madankollu, huwa ċar li ż-żewġ termini jirreferu għal strumenti legali li d-definizzjoni konkreta, it-tipoloġija u r-rekwiżiti tagħhom ivarjaw fost l-Istati Membri (20).

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ġurisprudenza stabbilita, jeħtieġ li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 jingħata interpretazzjoni indipendenti u uniformi fl-Unjoni, filwaqt li jitqiesu mhux biss il-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet tar-regoli li jifforma parti minnhom (21).

35.      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006, it-terminu “tqassim mill-ġdid” jirreferi għal miżuri li jikkonsistu fil-modifika tal-konfini komuni ta’ biċċiet ta’ raba’, normalment bil-għan li jiġu stabbiliti azjendi ikbar. L-istudjużi jiddefinixxuha bħala għodda għall-aġġustament mill-ġdid tal-art, spiss użata bħala sinonimu tat-termini “riorganizzazzjoni tal-art”, “raggruppament ta’ art”, “allokazzjoni mill-ġdid ta’ art”, “konfigurazzjoni mill-ġdid ta’ art” u “distribuzzjoni mill-ġdid ta’ art” (22). Peress li t-tqassim mill-ġdid jinvolvi l-iskambju ta’ artijiet, karatteristika unika ta’ din l-operazzjoni hija li teħtieġ l-arranġament mill-ġdid tal-proprjetà u/jew l-użu mhux biss f’termini ta’ biċċiet ta’ raba’, iżda wkoll f’termini ta’ drittijiet (23). L-għan tagħha huwa li twassal għal azjendi iktar razzjonali, li għalhekk jistgħu jiġu ġestiti b’mod iktar effiċjenti minħabba l-post, id-daqs jew il-forma tal-biċċiet ta’ raba’ kkonfigurati mill-ġdid.

36.      Min-naħa tiegħu, it-terminu “konsolidazzjoni tal-art” jiġbor fih kunċett usa’. Filwaqt li fl-imgħoddi dan it-terminu regolarment kien użat bħala ekwivalenti għat-terminu “tqassim mill-ġdid”, illum il-ġurnata huwa ddefinit bħala proċedura ta’ riallokazzjoni tal-art iktar komprensiva li hija kkombinata mal-provvista ta’ faċilitajiet pubbliċi għal żona rurali ddefinita (24). Minn din il-perspettiva, il-kunċett ta’ konsolidazzjoni tal-art jimplika mhux biss l-arranġament mill-ġdid ta’ biċċiet ta’ raba’ frammentati, prinċipalment permezz ta’ tqassim mill-ġdid, iżda wkoll ippjanar speċjali agrarju li jinvolvi l-provvista tal-infrastruttura meħtieġa – bħal toroq, sistemi ta’ tisqija, sistemi tad-drenaġġ, tisbiħ tal-pajsaġġ, ġestjoni ambjentali, tiġdid tal-irħula, konservazzjoni tal-ħamrija, eċċ. – għall-iżvilupp tal-art inkwistjoni (25).

37.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, jekk wieħed iwarrab il-karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzaw kull tip ta’ miżura, it-termini “tqassim mill-ġdid” u “konsolidazzjoni tal-art” li jirriżultaw mill-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 jirreferu għal operazzjonijiet immirati lejn l-aġġustament mill-ġdid u l-arranġament mill-ġdid ta’ biċċiet ta’ raba’ frammentati, ġeneralment applikati biex jifformaw azjendi ta’ art iktar razzjonali sabiex tittejjeb l-infrastruttura rurali u biex jiġu implimentati politiki ta’ żvilupp u ambjentali.

38.      Nixtieq nenfasizza li, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006, jirriżulta wkoll li “tqassim mill-ġdid” u “konsolidazzjoni tal-art” ġew ikkonċepiti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala miżuri li kienu jinvolvu element ta’ intervent pubbliku.

39.      Dan huwa manifest fir-rigward tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art, li, skont l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006, għandhom ikunu pubbliċi fin-natura tagħhom – li jissuġġerixxi involviment komplut tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fit-tfassil u fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri - jew jiġu approvati minn dawn l-awtoritajiet.

40.      Fir-rigward tat-“tqassim mill-ġdid”, il-verżjoni Ingliża tar-Regolament Nru 1974/2006 ma hijiex daqstant evidenti f’dan ir-rigward. Madankollu, il-qari ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra, inkluż il-verżjoni Ġermaniża u dik Spanjola, iwassal għall-kunsiderazzjoni li r-rekwiżit ta’ intervent pubbliku għandu jkun preżenti wkoll f’din it-tip ta’ operazzjoni (26). Tabilħaqq, dawn il-verżjonijiet jirreferu għal tqassim mill-ġdid u “miżuri pubbliċi oħra ta’ konsolidazzjoni tal-art (27)”, formulazzjoni li, kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, kienet saħansitra użata fil-verżjoni Ingliża tad-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006, jiġifieri, l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 817/2004 (28).

41.      L-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali fit-tliet xenarji indikati huwa kkonfermat ukoll, fil-fehma tiegħi, minn interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1974/2006. Kif diġà nnotajt, din id-dispożizzjoni ma kinitx tirregola biss sitwazzjonijiet fejn id-daqs taż-żona tal-art agrikola tnaqqas matul il-perijodu ta’ ħames snin ta’ impenn; hija kienet tirregola wkoll sitwazzjonijiet fejn din iż-żona tkun ġiet estiża, jew anki fejn iż-żona involuta fi ħdan azjenda tkun tkabbret. Madankollu, filwaqt li huma deskritti każijiet li jikkonċernaw estensjonijiet ta’ żoni, fl-Artikolu 45(1), (2) u (3) tar-Regolament Nru 1974/2006, bħala konsegwenza ta’ azzjoni volontarja meħuda mill-benefiċjarju, l-Artikolu 45(4) ta’ dan l-istess regolament jirreferi għal tnaqqis fiż-żona ta’ art agrikola bħala riżultat ta’ miżuri lil hinn mill-kontroll tal-benefiċjarju, intiżi b’mod partikolari sabiex jappoġġjaw l-għan pubbliku tat-titjib tal-istruttura agrikola.

42.      Madankollu, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jfissirx li l-involviment tal-awtorità pubblika għandu jkun preżenti matul l-istadji kollha tal-miżura ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ konsolidazzjoni tal-art. L-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 essenzjalment jitkellem dwar l-adozzjoni jew l-approvazzjoni, li mbagħad issir indikazzjoni tal-involviment pubbliku minimu meħtieġ sabiex miżura nazzjonali titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għal din l-istess raġuni, l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jinqara bħala li ma jeskludix miżuri ta’ tqassim mill-ġdid u ta’ konsolidazzjoni tal-art ikkawżati minn inizjattivi privati jew l-użu ta’ proċeduri miftiehma, sakemm l-awtoritajiet pubbliċi jżommu, tal-inqas, approvazzjoni finali għal dawn it-tipi ta’ operazzjoni (29). Wara kollox, l-involviment pubbliku f’operazzjonijiet ta’ tqassim mill-ġdid jew f’miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art huwa fl-aħħar mill-aħħar iġġustifikat fuq il-ħtieġa, pereżempju, li tiġi żgurata l-osservanza ta’ għanijiet pubbliċi, ir-riarranġament xieraq tad-drittijiet meta jseħħ l-iskambju tal-art u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri mingħajr ma jiġu kompromessi minn nuqqas ta’ qbil ta’ xi wħud mis-sidien jew mill-utenti kkonċernati.

43.      Fl-aħħar nett, minn perspettiva teleoloġika, naħseb li huwa ċar li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 ġie implimentat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, sabiex jiġi evitat li jiġu ppenalizzati l-bdiewa meta t-tqassim mill-ġdid ta’ azjenda jew miżura ta’ konsolidazzjoni tal-art li ma hijiex fil-kontroll tagħhom tkun żammithom milli jissodisfaw l-impenn taħt il-FAEŻR li jisfruttaw l-istess żona ta’ art agrikola għal ħames snin konsekuttivi. Inkella, il-bdiewa jħossuhom skoraġġuti milli jidħlu f’impenji agroambjentali, li, kif ġie spjegat, huma għodod rilevanti għall-finijiet tat-titjib tal-istruttura tal-pussess tal-art, taż-żieda fil-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-promozzjoni tal-iżvilupp tal-art skont politiki ambjentali u rurali. Fil-fehma tiegħi, din hija fl-aħħar mill-aħħar ir-raġuni għalfejn l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 jobbliga lill-Istati Membri jibdlu l-impenn għas-sitwazzjoni l-ġdida tar-razzett jew, jekk tali tibdil ikun impossibbli, jeħilsu lill-benefiċjarju mill-obbligu li jħallas lura l-għajnuna.

44.      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, hija ċertament il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-proċedura deskritta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirriżultax f’miżura ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ konsolidazzjoni tal-art, li għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006.

45.      Madankollu, mill-informazzjoni kondiviża fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel, li, permezz tal-proċedura stabbilita f’din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-sidien u l-utenti jistgħu jaqblu dwar ir-raggruppament jew ir-riallokazzjoni ta’ art agrikola. Anki jekk ma jiġix iddikjarat espressament, huwa raġonevoli li wieħed jassumi, b’kunsiderazzjoni tal-fatti tal-każ preżenti, li dawn il-ftehimiet jiġu konklużi sabiex l-azjendi jiġu aġġustati mill-ġdid għal skopijiet ta’ effiċjenza f’termini tal-użu tal-art. It-tieni, skont din il-leġiżlazzjoni, il-konklużjoni tal-ftehim għandha tiġi ġestita minn kummissjoni, li tinsab fit-territorju ta’ kull muniċipalità u li tiġi maħtura permezz ta’ deċiżjoni tad-direttorat reġjonali kompetenti. Dik il-kummissjoni tista’ wkoll tfassal proposta għar-raggruppament tal-art fejn il-bdiewa jonqsu milli jilħqu ftehim. It-tielet, abbażi ta’ rapport imħejji u ppreżentat minn din il-kummissjoni, inkluż inter alia l-ftehim milħuq, id-direttur tad-direttorat reġjonali tal-agrikoltura joħroġ digriet għall-allokazzjoni ta’ art fil-lokalità.

46.      Fil-fehma tiegħi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li, minn naħa, hija intiża sabiex tipprowmovi ftehimiet ta’ raggruppament tal-art u, min-naħa l-oħra, tippreskrivi li sabiex dawn il-ftehimiet jidħlu fis-seħħ jeħtieġ li jiġu approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, għandha titqies, kif isostni r-rikorrent, bħala tqassim mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006. Kif diġà ġie spjegat, il-fatt li tali tqassim mill-ġdid huwa bbażat fuq ftehimiet volontarji konklużi minn sidien jew utenti privati u li dawn il-ftehimiet ma jinvolvux trasferiment ta’ drittijiet ta’ sjieda ma jpoġġix din il-konklużjoni f’dubju, inkwantu l-element ta’ intervent pubbliku jistrieħ fuq l-att finali ta’ approvazzjoni mill-awtorità kompetenti.

47.      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, essenzjalment, li l-art agrikola tal-bidwi fil-kawża prinċipali, fl-aħħar sena ta’ impenn tiegħu, ma kinitx ikkonċernata minn operazzjoni ta’ tqassim mill-ġdid, iżda preċiżament min-nuqqas ta’ tqassim mill-ġdid tal-art agrikola involuta oriġinarjament, peress li l-biċċiet ta’ raba’ tal-bqija tas-sidien baqgħu fil-konfini attwali tagħhom. Hija tqis ukoll, f’konformità mas-sentenza mogħtija mill-qorti amministrattiva Bulgara fl-ewwel istanza, li dan il-bidwi ma setax leġittimament jistenna li s-sidien ta’ dawn il-biċċiet ta’ raba’ sussegwentement iġeddu l-ftehimiet adottati taħt l-Artikolu 37c tal-Liġi dwar is-Sjieda u l-Użu ta’ Art Agrikola wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sena tagħhom. Konsegwentement, skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, billi aċċetta li jirċievi pagamenti agroambjentali bbażati fuq is-sistema stabbilita mid-dritt nazzjonali, il-bidwi ħa r-riskju li jonqos milli jikkonforma mal-impenn tiegħu, li ma għandhomx jassumuh l-awtoritajiet pubbliċi.

48.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-ewwel, huwa ċar li, fir-rigward tal-art agrikola li bidwi jkun qiegħed jisfrutta matul sena finanzjarja, tqassim mill-ġdid jista’ jitqies li seħħ hekk kif l-istruttura ta’ dik l-art tiġi kkonfigurata mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċedura li tinvolvi intervent pubbliku. Barra minn hekk, bidwi li jipparteċipa fis-sistema ta’ pagamenti agroambjentali billi juża art imqassma mill-ġdid, u b’hekk jippromwovi l-għanijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni f’termini ta’ titjib tal-istruttura tal-art u tal-iżvilupp tal-art, ma għandux jiġi ppenalizzat meta n-nuqqas ta’ ftehim mas-sidien ta’ dik l-art ma jħallihx jakkumula l-firxa kollha tal-art oriġinarjament iddikjarata u, konsegwentement, iwettaq l-impenn mogħti taħt il-FAEŻR. Il-kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi esposti fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet isostnu dan l-approċċ.

49.      It-tieni, nixtieq nenfasizza li, kif tindika l-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju, l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 ma jistabbilixxix raġunijiet konkreti għat-tqassim mill-ġdid tal-art agrikola inizjalment iddikjarata li jistgħu jirriżultaw fin-nuqqas ta’ rimbors tal-fondi rċevuti preċedentement taħt il-FAEŻR. Dan iwassalni sabiex nikkunsidra li n-nuqqas ta’ konformità mal-impenn mogħti sabiex tiġi sfruttata l-firxa kollha ta’ din l-art għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni oġġettiva, indipendenti mill-bażi legali nazzjonali li fuqha l-bidwi jimpenja ruħu taħt il-FAEŻR.

50.      Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirrikonoxxi espressament it-tqassim mill-ġdid volontarju ta’ art agrikola bħala bażi legali valida għall-applikazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja taħt il-FAEŻR. Dan ifisser li, bl-approvazzjoni tal-applikazzjoni ta’ pagamenti agroambjentali, l-awtoritajiet kompetenti japprovaw l-istrument legali li permezz tiegħu l-bdiewa jiddefinixxu l-impenji tagħhom bħala kumpens għall-għoti ta’ dawn il-pagamenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien ma naqbilx mal-fehma li r-riskju f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali għandu jiġġarrab mill-bidwi.

51.      Minn dan jirriżulta li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Bulgarija ma huwa biżżejjed biex jikkontradixxi l-konklużjoni li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata li tagħti lok għal tqassim mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006.

52.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u fid-dawl tal-fatti esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, nikkonkludi li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali jekk l-inkapaċità ta’ bidwi li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-FAEŻR hija dovuta għal tqassim mill-ġdid approvat mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti li jaffettwa l-istruttura tar-razzett, liema verifika għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju.

 Ittieni domanda

53.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-nuqqas ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jippermetti li l-impenji tal-benefiċjarju jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda jagħtix id-dritt lil dan il-bidwi li jirrifjuta li jħallas lura l-fondi rċevuti.

54.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 jipprevedi li jekk benefiċjarju ta’ pagamenti agroambjentali ma jkunx jista’ jonora l-impenji mogħtija minħabba l-fatt li l-azjenda tiegħu ġiet imqassma mill-ġdid, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu li l-impenji jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda. Jekk tali adattament ikun impossibbli, l-impenn għandu jiskadi mingħajr ma jkun meħtieġ rimbors għall-perijodu li matulu l-impenn kien effettiv.

55.      Kif tindika l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi evalwat, f’dan il-każ, jekk l-Istat Membru kkonċernat adottax miżuri intiżi sabiex jadattaw l-obbligi tal-benefiċjarju, kif mitlub mill-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006. Madankollu, peress li l-benefiċjarju kien mitlub iħallas lura ċertu perċentwal tal-għajnuna rċevuta għall-perijodu li matulu l-impenn kien fis-seħħ, jidher li tali miżuri ma ġewx adottati.

56.      Jekk l-Istat Membru ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jadatta l-impenji tal-benefiċjarju għas-sitwazzjoni l-ġdida, isegwi li d-dikjarazzjoni ta’ dejn pubbliku li teħtieġ l-irkupru ta’ parti mill-għajnuna rċevuta matul l-ewwel erba’ snin tal-impenn tmur kontra l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006.

57.      Għalhekk, l-Artikolu 45(4) tar-Regolament 1974/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta t-tnaqqis taż-żona tal-azjenda tal-benefiċjarju, li jagħmilha impossibbli li jikkonforma mal-impenn agroambjentali ta’ ħames snin, jirriżulta minn tqassim mill-ġdid, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex l-impenji jkunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tar-razzett. Fl-assenza ta’ tali miżuri, l-impenn jiskadi mingħajr ma jkun meħtieġ ebda rimbors għall-perijodu li matulu l-impenn kien effettiv.

 Konklużjoni

58.      Abbażi tal-analiżi esposta iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi magħmula mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 45(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal‑15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

għandu jiġi interpretat:

bħala applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali sa fejn l-inkapaċità tal-bidwi li jwettaq l-obbligi tiegħu kienet dovuta għal tqassim mill-ġdid approvat mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti li jaffettwa l-istruttura tal-azjenda, liema verifika għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju.

(2)      L-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta t-tnaqqis taż-żona tal-azjenda tal-benefiċjarju, li jagħmilha impossibbli li jikkonforma mal-impenn agroambjentali ta’ ħames snin, jirriżulta minn tqassim mill-ġdid, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex l-impenji jkunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tar-razzett. Fl-assenza ta’ tali miżuri, l-impenn jiskadi mingħajr ma jkun meħtieġ ebda rimbors għall-perijodu li matulu l-impenn kien effettiv.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż


2      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal‑15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2008, L 322M, p. 305), kif immodifikat sussegwentement; ma għadux fis-seħħ.


3      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU 2014, L 227, p. 1).


4      Ara, f’dan is-sens, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23), kif immodifikat sussegwentement; ma għadux fis-seħħ.


      Ara wkoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas‑27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU 2011, L 25, p. 8, rettifika fil-ĠU 2011, L 201, p. 20), kif immodifikat sussegwentement; ma għadux fis-seħħ.


5      Darzhaven vestnik Nru 17, 1 March 1991, kif emendata.


6      Il-qorti tar-rinviju tispjega li PV ma kienx ikun jista’ jisfrutta 76.18 % tal-art agrikola oriġinarjament iddikjarata, iżda mhux 90 %, kif meħtieġ mid-dritt nazzjonali Bulgaru li japplika l-Miżura 214.


7      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7).


8      Ara l-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), li jipprovdi li r-Regolament Nru 1698/2005 għandu jibqa’ japplika għal operazzjonijiet implimentati skont il-programmi approvati mill-Kummissjoni taħt dak ir-regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2014.


9      Ara t-Taqsima 2 tar-Regolament Nru 1698/2005.


10      Artikolu 36(a)(iv) tar-Regolament Nru 1698/2005.


11      Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1698/2005.


12      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1698/2005.


13      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1698/2005.


14      Ara l-premessa 37 tar-Regolament Nru 1974/2006.


15      Ara l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1974/2006.


16      Ara l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1974/2006.


17      Ara, preżentement, l-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 1305/2013.


18      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 65/2011.


19      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 65/2011.


20      Ara, pereżempju, Thomas, J., “What’s on Regarding Land Consolidation in Europe?”, XXIII Kungress Internazzjonali ta’ FIG, Munich, il-Ġermanja, 8‑13 ta’ Ottubru 2006, li jissuġġerixxi li madwar l-Ewropa hemm nuqqas ta’ ċarezza rigward it-termini użati għall-konsolidazzjoni tal-art.


21      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Hemming et (C‑316/15, EU:C:2016:879, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Demetriou, D., The Development of an Integrated Planning and Decision Support System (IPDSS) for Land Consolidation, Springer, 2014, p. 8.


23      Ibid.


24      Ara l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (il-FAO), Opportunities to Mainstream Land Consolidation in Rural Development Programmes of the European Union, FAO- Land Tenure Policy Series, Ruma, 2008, p. 3.


25      Ara Thomas, J.,  op. cit., p. 6.


26      F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teskludi li t-test ta’ dispożizzjoni jitqies separatament, iżda minflok titlob li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, inter alia, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Profisa, C‑63/06, EU:C:2007:233, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Enfasi miżjud.


28      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004 tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46, p. 87).


29      Din hija, inċidentalment, karatteristika komuni ta’ dan it-tip ta’ operazzjoni tal-art, skont pubblikazzjonijiet speċjalizzati. Ara Thomas, J., op. cit., p. 7.