Language of document : ECLI:EU:C:2023:111

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

16 ta’ Frar 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Pagamenti agroambjentali – Regolament (KE) Nru 1974/2006 – Impossibbiltà għall-benefiċjarju li jkompli jonora l-impenji assunti – Kunċetti ta’ ‘tqassim mill-ġdid’ u ta’ ‘miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art’ – Assenza ta’ miżuri meħtieġa sabiex l-obbligi tal-benefiċjarju jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda – Regolament (KE) Nru 1122/2009 – Kunċett ta’ ‘forza maġġuri u ċirkustanzi eċċezzjonali’”

Fil-Kawża C‑343/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

PV

vs

Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, li qiegħed jaġixxi bħala l-President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal PV, minn S. Angelova, advokat,

–        għaż-zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”, minn I. Boyanov, P. Slavcheva u I. B. Zareva,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova, E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina, G. Koleva u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal‑15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2008, L 322M, p. 305) u tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn PV, bidwi, u ż-zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali Agrikolu, il-Bulgarija) dwar deċiżjoni li timponi fuq PV ir-rimbors ta’ 20 % ta’ finanzjament irċevut minnu taħt il-Miżura 214 “Pagamenti agroambjentali” tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007‑2013 (iktar ’il quddiem il-“Miżura 214”), għall-kampanji tal‑2013 sa 2016.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament (KEE) Nru 1698/2005

3        Il-premessa 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23) kienet tipprevedi li:

“(35)      Il-pagamenti agro-ambjentali għandu jibqa’ jkollhom rwol prominenti fl-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali u fir-rispons għad-domanda dejjem tikber tas-soċjetà għal servizzi ambjentali. Barra minn hekk għandhom jinkoraġġixxu lill-bdiewa u amministraturi oħra tal-art biex iservu s-soċjetà fl-intier tagħha billi jintroduċu jew ikomplu japplikaw metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mal-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent, il-pajsaġġ u l-karatteristiċi tiegħu, ir-riżorsi naturali, il-ħamrija u d-diversità ġenetika. F’dan il-kuntest, il-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura għandha tingħata attenzjoni speċifika. Skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas dawn il-pagamenti għandhom ikopru biss dawk l-impenji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti.”

4        L-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miżuri”, kien jistabbilixxi li:

“L-appoġġ taħt din it-taqsima għandu jikkonċerna:

(a)      miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tal-art agrikola permezz ta’:

[…]

(iv)      pagamenti agro-ambjentali;

[…]

[…]”

5        L-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pagamenti agro‑ambjentali”, kien jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-appoġġ previst fl-Artikolu 36(a)(iv) fit-territorji kollha tagħhom, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

2.      Il-pagamenti agro-ambjentali għandhom jingħataw lill-bdiewa li jieħdu impenji agro-ambjentali fuq bażi volontarja. […]

3.      […]

Dawn l-impenji għandhom jittieħdu bħala regola ġenerali għal perijodu bejn ħames u seba’ snin. […]

4.      Il-pagamenti għandhom jingħataw kull sena u għandhom ikopru l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenn magħmul. Fejn meħtieġ, dawn jistgħu jkopru ukoll l-ispiża tat-transazzjoni.

[…]”

 IrRegolament Nru 1974/2006

6        Il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1974/2006 kienet tipprovdi:

“Fir-rigward ta’ l-appoġġ għall-agriambjent u l-benesseri ta’ l-annimali, ir-rekwiżiti minimi li għandhom ikunu milħuqa mill-benefiċjarji b’konnessjoni mad-diversi impenji agriambjentali u tal-benesseri ta’ l-annimali għandhom jiżguraw applikazzjoni bilanċjata ta’ appoġġ billi jitqiesu l-objettivi u għandu għalhekk jikkontribwixxi lejn żvilupp rurali sostennibbli. F’dan ir-rigward, għandha tkun ta’ importanza kbira li tiġi stabbilita metodoloġija għall-kalkolu ta’ l-spejjeż addizzjonali, id-dħul mitluf u l-ispejjeż li x’aktarx ikun hemm ta’ tranżazzjonijiet li joriġinaw mill-impenn mogħti. Fejn l-impenji huma msejsa fuq il-limitazzjonijiet tal-produzzjoni, għandu jingħata appoġġ biss jekk dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jkunu evalwati b’mod li jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli dwar l-osservanza ta’ l-impenn.”

7        L-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“1.      Meta l-benefiċjarju jżid iż-żona ta’ l-azjenda matul il-perjodu meta kien mogħti impenn bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ l-assistenza, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-impenn biex ikun estiż sabiex ikopri ż-żona addizzjonali għall-kumplament tal-perjodu ta’ l-impenn bi qbil mal-paragrafu 2, jew għall-impenn oriġinali biex ikun mibdul b’wieħed ġdid bi qbil mal-paragrafu 3.

Tista’ ssir ukoll dispożizzjoni għal tali tibdil f’każijiet fejn iż-żona koperta minn impenn fi ħdan azjenda tkun estiża.

2.      L-estensjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tingħata biss taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      hija tkun ta’ benefiċċju għall-miżura kkonċernata;

(b)      hija tkun ġustifikata f’termini tan-natura ta’ l-impenn, it-tul tal-kumplament tal-perjodu u d-daqs taż-żona addizzjonali;

(c)      hija ma tfixkilx l-effettività tal-kontrolli sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-assistenza.

3.      L-impenn il-ġdid imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri ż-żona kkonċernata taħt termini li jkunu mill-inqas stretti daqs dawk ta’ l-impenn oriġinali.

4.      Meta benefiċjarju ma jkunx jista’ aktar ikun konformi ma’ l-impenji magħmula minħabba li l-azjenda tkun imqassma mill-ġdid jew tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ art pubblika jew għal miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ artijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jippermettu li l-impenji jkunu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida ta’ l-azjenda. Jekk tali adattament ikun impossibbli, l-impenn għandu jiskadi u r-rimborż ma għandux ikun meħtieġ fir-rigward tal-perjodu li fih l-impenn kien effettiv.”

 IrRegolament Nru 73/2009

8        L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Force majeure u ċirkustanzi eċċezzjonali”, kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali għandhom jiġu rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti f’każijiet bħal:

(a)      il-mewt tal-bidwi;

(b)      inkapaċità professjonali tal-bidwi li tieħu fit-tul;

(c)      diżastru naturali serju li jolqot ħazin ħafna l-art agrikola tal-impriża;

(d)      il-qerda aċċidentali tal-bini fejn jinżammu l-bhejjem ġo l-impriża;

(e)      epiżotija li tolqot parti mill-bhejjem jew il-bhejjem kollha tal-bidwi.”

 IrRegolament (KE) Nru 1122/2009

9        L-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009 L 316, p. 65, rettifika fil-ĠU 2013, L 246, p. 3), intitolat “Forza maġġuri u ċirkustanzi eċċezzjonali”, kien jipprevedi:

“1.      Jekk bidwi ma jkunx jista’ jikkonforma mal-obbligi tiegħu b’riżultat ta’ forza maġġuri jew ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament […] Nru 73/2009, huwa għandu jżomm id-dritt tiegħu għall-għajnuna fir-rigward tal-erja jew tal-għadd ta’ annimali eliġibbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-każ ta’ forza maġġuri jew iċ-ċirkostanza eċċezzjonali. Barra minn hekk, meta n-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn din il-forza maġġuri jew dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkonċernaw il-kundizzjonalità, it-tnaqqis li jikkorrispondi ma għandux jiġi applikat.

2.      Il-każijiet ta’ forza maġġuri u ċirkostanzi eċċezzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament […] Nru 73/2009 għandhom ikunu nnotifikati bil-miktub lill-awtorità kompetenti, bl-evidenza relevanti għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha l-bidwi jkun f’pożizzjoni li jwettaq dan.”

 IrRegolament (UE) Nru 65/2011

10      L-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas‑27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU 2011, L 25, p. 8, rettifika fil-ĠU 2011, L 201, p. 20), intitolat “Tnaqqis u esklużjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji u obbligi relatati oħra”, kien jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[…]

Fil-każ ta’ impenji multiannwali, it-tnaqqis, l-esklużjonijiet u l-irkupri tal-għajnuna għandhom japplikaw ukoll għall-ammonti diġà mħallsa fis-snin preċedenti għal dak l-impenn.”

 Iddritt Bulgaru

 ZSPZZ

11      L-Artikolu 37c taż-zakon za sobstvenostta i polzvaneto na zemedelskite zemi (il-Liġi dwar is-Sjieda u l-Użu ta’ Art Agrikola) (DV Nru 17, tal‑1 ta’ Marzu 2001, iktar ’il quddiem iż-“ZSPZZ”), jipprovdi li:

“(1)      Raggruppamenti ta’ artijiet agrikoli sabiex jinħadmu għandhom jinħolqu bi ftehim bejn is-sidien u/jew l-operaturi. Il-konklużjoni tal-ftehim għandha tkun issorveljata minn kummissjoni għal kull lokalità fit-territorju tal-muniċipalità, stabbilita b’digriet tad-Direttur tad-Direttorat Distrettwali ‘Agrikoltura’ sal‑5 ta’ Awwissu tas-sena rilevanti […].

(2)      Il-ftehim għandu jiġi konkluż skont mudell stabbilit mill-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti […] Il-ftehim għandu jiġi konkluż u aġġornat kull sena, qabel it‑30 ta’ Awwissu, għas-sena finanzjarja sussegwenti fis-sens tal-punt 3 tal-paragrafu 2 tad-Dispożizzjonijiet Supplimentari taż-Zakon za arendata v zemedelieto [(il-Liġi dwar Kiri ta’ Raba’)]. Ma jistax jinkludi proprjetajiet iddikjarati għall-biedja fil-konfini reali tagħhom u proprjetajiet li jintużaw b’mod permanenti bħala mergħat, artijiet miksija bil-ħaxix u meded ta’ art miżrugħa. Il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ sakemm ikopri mill-inqas żewġ terzi tas-superfiċji totali tar-raggruppamenti għall-użu tal-art fil-lokalità rilevanti.

(3)      Fejn l-operaturi ma jistgħux jilħqu ftehim fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafu 1, u wkoll fir-rigward tal-art mhux koperta mill-ftehim, il-kummissjoni għandha tfassal abbozz ta’ allokazzjoni tal-użu tal-art minn raggruppamenti sal‑15 ta’ Settembru tas-sena rilevanti kif ġej:

1.      id-dritt għall-użu tar-raggruppament individwali għandu jingħata lill-operatur bl-ikbar sehem ta’ art agrikola fi proprjetà u/jew mikrija fir-raggruppament;

2.      is-superfiċji tal-art agrikola li fir-rigward tagħha ma jkunu ġew konklużi l-ebda kuntratti u l-ebda dikjarazzjoni ma tkun ġiet sottomessa mis-sidien tagħha skont l-Artikolu 37b għandha tiġi allokata bejn l-operaturi b’mod proporzjonat skont is-superfiċji u skont il-mod li bih l-art agrikola fi proprjetà u/jew mikrija fil-lokalità rilevanti tintuża b’mod permanenti.

(4)      Il-kummissjoni għandha tħejji rapport għad-Direttur tad-Direttorat Distrettwali ‘Agrikoltura’, li jkun fih il-ftehim konkluż, l-allokazzjoni tal-artijiet suġġett tar-raggruppamenti sabiex jinħadmu u l-informazzjoni dwar l-art imsemmija fil-punt 2 tal-paragrafu 3 fir-rigward tas-sidien tagħhom u l-ħlas ta’ kirjiet dovuti, u abbażi ta’ dan ir-rapport id-Direttur tad-Direttorat Distrettwali tal-‘Agrikoltura’ għandu joħroġ ordni għall-allokazzjoni tar-raggruppamenti fil-lokalità qabel l‑1 ta’ Ottubru tas-sena rilevanti.

[…]

(14)      Il-ftehim għar-raggruppamenti jew għall-allokazzjoni tal-artijiet suġġetti għar-raggrupamenti sabiex jinħadmu jitqies li huwa bażi legali għall-finijiet taż-zakon za podpomagane na zemedelskite proizvoditeli [(il-Liġi dwar l-Appoġġ għall-Bdiewa)], u, fil-parti li tikkonċerna l-art imsemmija fil-paragrafu 3, dan għandu jikkostitwixxi bażi legali sakemm ikun sar ħlas għal dik l-art.

(15)      Art agrikola inkluża f’raggruppamenti għall-użu tal-art u approvata għall-appoġġ taħt il-miżura ‘Pagamenti agroambjentali’ tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2007‑2013 u/jew taħt il-miżura ‘Agroambjent u Klima’ u ‘Biedja organika’ tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014‑2020 għandha tiġi allokata mingħajr ma jinbidlu l-postijiet tal-persuni approvati taħt il-miżura fejn:

1.      il-proprjetajiet magħmula disponibbli minnhom skont l-Artikolu 37b għall-parteċipazzjoni fil-proċedura għandhom superfiċji ikbar minn jew daqs is-superfiċji approvata għall-appoġġ taħt il-miżura; u

2.      is-sidien u l-operaturi li l-proprjetajiet tagħhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni approvati taħt il-miżura inkwistjoni, ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw bl-istess proprjetajiet fil-proċedura għall-ħolqien ta’ raggruppamenti skont dak l-artikolu.

[…]”

 IdDigriet Nru 11/2009

12      In-naredba no11 za uslovyata i reda za prilagane na myarka 214 “Agroekologichni plashtania” ot Programata za razvitie na selskite rayoni za perioda 2007-2013 (id-Digriet Nru 11 dwar il-Kundizzjonijiet u l-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tal-Miżura 214 “Pagamenti agroambjentali” tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali għall-Perijodu 2007–2013), tas‑6 ta’ April 2009 (DV Nru 29, tas‑17 ta’ April 2009, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 11/2009”), adottat mill-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, jinkludi l-Artikolu 18 li jipprovdi:

“(3)      Id-darzhaven fond “Zemedelie” [(il-Fond Nazzjonali Agrikolu, il-Bulgarija)] itemmi l-impenn agroambjentali u l-benefiċjarji għandhom jirrimborsaw l-għajnuna finanzjarja rċevuta, għall-parti tal-programm ikkonċernat, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, meta:

[…]

3.      ir-rekwiżiti tal-Artikolu 24(2) ma jkunux ġew osservati;

[…]

(4)      Il-benefiċjarji għandhom jirrimborsaw l-għajnuna finanzjarja rċevuta sa dak iż-żmien, flimkien mal-interessi legali skont is-sena tal-ammissjoni inizjali għall-benefiċċju tal-miżura, sas-sena ta’ xoljiment tal-impenn agroambjentali, kif ġej:

[…]

(c)      sa tmiem il-ħames sena — 20%;

[…]

(5)      Fil-każ li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni applikabbli għall-partijiet tal-programm ikkonċernati, konformement mal-Artikolu 26, l-għajnuna finanzjarja għandha tiġi rrimborsata sal-ammont ikkalkolat skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 16.

(6)      Fil-każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-impenn agroambjentali jintemm u r-rimbors parzjali jew totali tal-għajnuna finanzjarja rċevuta mill-bidwi ma jkunx meħtieġ.

(7)      Il-każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali għandhom jiġu nnotifikati, flimkien mal-provi korrispondenti (dokumenti li joriġinaw mill-awtorità amministrattiva kompetenti), bil-miktub lill-[Fond Nazzjonali Agrikolu] – RA (l-aġenzija tal-ħlas) mill-bidwi jew minn persuna oħra mqabbda minnu, jew mill-aventi kawża tiegħu f’terminu ta’ 10 jum tax-xogħol mid-data li fiha l-bidwi jew il-persuna l-oħra mqabbda minnu jew l-aventi kawża tiegħu kienu f’pożizzjoni li jagħmlu dan.”

13      L-Artikolu 24(1) u (2) ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“(1)      L-attivitajiet agroambjentali jew il-partijiet tal-programm agroambjentali msemmija fil-punt1(a) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(2), (3) u (4) huma implimentati fuq l-istess żona agrikola waħda għall-istess blokk ta’ azjenda agrikola għal perijodu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mis-sottoskrizzjoni tal-impenn agroambjentali.

(2)      Is-superfiċji agrikola awtorizzata għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet agroambjentali jew tal-partijiet tal-programm agroambjentali msemmija fil-punt1(a) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(2), (3) u (4) tista’ titnaqqas b’mhux iktar minn 10%, u kull sena mill-inqas 90% tas-superfiċji li taqa’ taħt il-parti kkonċernata tal-programm għandha tikkoinċidi ġeografikament maż-żona li tkun is-suġġett tal-impenn agroambjentali.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Matul is-sena 2013, PV ressqet talba għal għajnuna fir-rigward tal-Miżura 214.

15      Fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni, PV impenja ruħu li josserva impenn agroambjentali skont il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Digriet Nru 11/2009. Wieħed mir-rekwiżiti li PV impenja ruħu fir-rigward tiegħu kienet dak li jeżerċita l-attivitajiet għall-parti tal-programm ikkonċernata fuq l-istess żona agrikola waħda għal ħames snin konsekuttivi.

16      L-imsemmija applikazzjoni ġiet aċċettata. PV ġie awtorizzat jipparteċipa fil-Miżura 214 b’857 ettaru ta’ art agrikola li huwa kien jikri u kien jopera abbażi ta’ ftehimiet konklużi matul is-sena 2012 għas-sena finanzjarja 2012/2013. Dawn il-ftehimiet kienu ġew konklużi għal perijodu ta’ sena mas-sidien u/jew mal-operaturi ta’ artijiet agrikoli, konformement mal-Artikolu 37c(1) taż-ZSPZZ.

17      Ġew konklużi ftehimiet simili għat-tliet snin finanzjarji sussegwenti 2013/2014, 2014/2015 u 2015/2016. Matul dawn is-snin, PV kien suġġett għall-kontrolli amministrattivi obbligatorji kollha kif ukoll għal kontrolli fuq il-post u rċieva ammont totali ta’ 1 063 317,54 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 544 000) taħt il-Miżura 214.

18      Madankollu, matul is-sena 2016, is-sidien u l-operaturi tal-art agrikola inkwistjoni ma waslux sabiex jikkonkludu tali ftehimiet skont l-Artikolu 37c(1) taż-ZSPZZ għas-sena finanzjarja 2016/2017. Għalkemm PV xtaq jikkonkludi dawn il-ftehimiet, il-parteċipanti l-oħra fil-ftehimiet preċedenti informawh li, għal dik is-sena finanzjarja, huma xtaqu jikkultivaw l-art agrikola fil-konfini reali tal-proprjetajiet tagħhom, u dan kien jeskludi l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim skont din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, għall-imsemmija sena finanzjarja, PV ġie prekluż milli jaħdem l-imsemmija artijiet, li bihom huwa kien ħa l-impenn ambjentali msemmi fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, u għaldaqstant, milli josserva l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 37c sabiex ikun jista’ jibbenefika minn pagamenti agroambjentali.

19      Peress li, konformement mal-imsemmi Artikolu 37c(2), il-ftehimiet bejn sidien u/jew operaturi għandhom jiġu konklużi kull sena qabel it‑30 ta’ Awwissu, PV kien diġà jaf, fil-bidu tax-xahar ta’ Awwissu 2016, li kien impossibbli li jkompli jaħdem l-istess art matul is-sena finanzjarja 2016/2017.

20      Fid‑29 ta’ Mejju 2017, PV innotifika lill-Fond Nazzjonali Agrikolu bl-intenzjoni tiegħu li jtemm l-impenn agroambjentali tiegħu minħabba li l-bażi legali għall-operat tal-artijiet li bihom huwa pparteċipa fil-Miżura 214 ma kinitx għadha teżisti.

21      Fit‑23 ta’ Jannar 2018, PV ġie informat bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ xoljiment tal-impenn multiannwali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 24(2) tad-Digriet Nru 11/2009, li jipprovdi li, kull sena, is-superfiċji agrikola li tipparteċipa fil-Miżura 214 għandu jkollha sovrapożizzjoni ta’ mill-inqas 90% tas-superfiċji li kienu s-suġġett tal-impenn agroambjentali. Issa, l-assenza ta’ ftehim għall-kampanja 2016/2017 wassal sabiex din il-perċentwali ta’ sovrappożizzjoni kienet tirrappreżenta biss 76.18%.

22      Fis‑17 ta’ Awwissu 2018, PV irċieva notifika tax-xoljiment tal-impenn agroambjentali tiegħu taħt il-Miżura 214. Dan l-att ma ġiex ikkontestat u sar finali.

23      Permezz ta’ ittra tal-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali Agrikolu rċevuta fis‑7 ta’ Diċembru 2018, PV ġie informat bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ ħruġ ta’ att li jikkonstata kreditu pubbliku tal-Istat li fil-kuntest tagħha huwa ntalab iħallas lura, skont l-Artikolu 18(4)(c) tad-Digriet Nru 11/2009, 20% tal-ammont totali rċevut, jiġifieri s-somma ta’ BGN 212 663,51 (madwar EUR 109 000).

24      PV oppona għall-ftuħ ta’ din il-proċedura billi argumenta li, wara emenda tal-qafas regolatorju fix-xahar ta’ Ottubru 2015, diversi sidien u/jew operaturi rrifjutaw li jikkonkludu ftehim skont l-Artikolu 37c taż-ZSPZZ, li kien għamilha impossibbli għalih li josserva l-impenn imsemmi fil-punt 15 ta’ din is-sentenza. Huwa sostna li, peress li dawn kienu ċirkustanzi li ma setax jipprevedi fid-data li fiha huwa ħa dan l-impenn u li, għaldaqstant, kienu jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 18(6) tad-Digriet Nru 11/2009, huwa ma kellux għalfejn jirrimborsa din is-somma.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2019, il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali Agrikolu kkonstata l-eżistenza ta’ kreditu pubbliku tal-Istat ta’ BGN 212 663,51 (madwar EUR 109 000), li jirrappreżenta 20% tal-għajnuna mħallsa taħt il-Miżura 214, għall-kampanji 2013 sa 2016.

26      PV ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva, il-Bulgarija) ta’ Târgoviște, li ċaħdet dan ir-rikors. Din il-qorti ddeċidiet, essenzjalment, li l-imsemmija deċiżjoni kienet valida u ċaħdet l-argument ta’ PV ibbażat fuq l-okkorrenza ta’ każ ta’ forza maġġuri. L-imsemmija qorti qieset li PV ma setax leġittimament jistenna li s-sidien u/jew l-operaturi tal-artijiet agrikoli li magħhom huwa kien ikkonkluda ftehimiet skont l-Artikolu 37c taż-ZSPZZ kienu ser iġeddu dawn il-ftehimiet għas-sena finanzjarja 2016/2017. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li ċ-ċirkustanzi jistgħu jiġu kklassifikati bħala “każ ta’ forza maġġuri”, l-istess qorti rrilevat li PV ma kienx osserva t-terminu ta’ notifika previst sabiex jinforma lill-awtorità amministrattiva kompetenti, li huwa terminu ta’ dekadenza.

27      PV appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, filwaqt li sostna, minn naħa, li, billi introduċiet rekwiżiti ġodda iktar stretti, l-emenda tad-Digriet Nru 11/2009 li daħlet fis-seħħ fl‑20 ta’ Ottubru 2015 kienet iddisswadiet parti mis-sidien u/jew mill-operaturi milli jikkonkludu ftehimiet skont l-Artikolu 37c taż-ZSPZZ u li din l-emenda kienet tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri jew ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 18(6) ta’ dan id-digriet. Min-naħa l-oħra, PV isostni li l-qorti tal-ewwel istanza kisret l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006.

28      Il-qorti tar-rinviju tqis li dan l-Artikolu 45(4) għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, li jagħmluha impossibbli għall-benefiċjarju ta’ għajnuna li jkompli jonora l-impenji meħuda, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-impenji jkunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda ta’ dan il-benefiċjarju. Fin-nuqqas ta’ dan, l-impenn għandu jintemm mingħajr ma jkun meħtieġ rimbors minn dan tal-aħħar tal-ammonti rċevuti għall-perijodu li matulu l-impenn kien effettiv.

29      Fil-każ li din l-interpretazzjoni ma tiġix aċċettata, din il-qorti tistaqsi dwar jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taqa’ taħt każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 73/2009, li jkunu ta’ natura li jeħilsu lill-benefiċjarju mill-obbligu ta’ rimbors ta’ dawn is-somom. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti teżita milli tagħmel tali klassifikazzjoni. Fil-fatt, hija tenfasizza li l-benefiċjarju kien jaf, fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna taħt il-Miżura 214, li l-ftehim għall-operat ta’ artijiet li jappartjenu lil terzi, previsti fl-Artikolu 37c taż-ZSPZZ, kienu għal perijodu ta’ sena u li s-sidien u/jew operaturi setgħu jiddeċiedu li ma jikkonkludux ftehimiet għas-snin segwenti.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 45(4) tar-[Regolament Nru 1974/2006] jista’ jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ineżami hemm ‘tqassim mill-ġdid tal-azjenda’ jew ‘miżuri ta’ konsolidazzjoni’, b’tali mod li l-benefiċjarju ma jinsabx f’pożizzjoni li jkompli jonora l-impenji meħuda?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, fil-każ li l-Istat Membru jonqos milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-impenji tal-benefiċjarju jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda, ikun hemm ġustifikazzjoni sabiex ma jintalabx ir-rimbors fir-rigward tal-perijodu li matulu kien effettiv l-impenn?

3)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, kif għandu jiġi interpretat, fil-kuntest fattwali stabbilit fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 31 tar-[Regolament Nru 73/2009] u x’natura għandu t-terminu previst fl-Artikolu 75(2) tar-[Regolament Nru 1122/2009]?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli meta jkun impossibbli għal bidwi li jkompli jonora l-impenji agroambjentali li huwa jkun ħa, għall-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni tagħhom, u meta din l-impossibbiltà tkun tirriżulta min-nuqqas ta’ ftehim konklużi bejn dan il-bidwi u sidien jew operaturi oħra ta’ artijiet agrikola għall-użu tagħhom.

32      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 jkopri l-każ tal-benefiċjarju li jkun impossibbli għalih li jkompli jonora l-impenji assunti minħabba li l-azjenda tiegħu tkun is-suġġett ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament kif ukoll lanqas ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nru 73/2009 u Nru 1122/2009 ma tiddefinixxi l-kunċetti ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

34      Barra minn hekk, peress li, fir-rigward ta’ dawn il-kunċetti, l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt nazzjonali, dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’tali mod li japplikaw b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines, C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum tagħhom billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel, C‑578/19, EU:C:2021:213, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum tal-kelma “tqassim mill-ġdid”, dan jirreferi għal miżuri li jikkonsistu fil-konfigurazzjoni mill-ġdid ta’ biċċiet ta’ raba’ sabiex l-artijiet jinħadmu b’mod iktar razzjonali. L-espressjoni “miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art” tirreferi b’mod iktar ġenerali, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tagħha, għal miżuri li jirrigwardaw arranġament mill-ġdid ta’ biċċiet ta’ raba’ marbut mal-provvista ta’ infrastrutturi neċessarji għall-iżvilupp tal-artijiet ikkonċernati. Meħuda flimkien, il-kunċetti ta’ “tqassim mill-ġdid” u ta’ “miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art”, fis-sens tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006, jirreferu għal operazzjonijiet intiżi għall-konfigurazzjoni mill-ġdid u għall-arranġament mill-ġdid ta’ biċċiet ta’ raba’ sabiex jikkostitwixxu azjendi agrikoli iktar razzjonali fir-rigward tal-użu tal-art.

37      Fit-tieni lok, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punti 38 sa 40 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni teżiġi, skont il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, li kemm it-tqassim mill-ġdid tal-art kif ukoll il-miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-artijiet imsemmija fiha jiġu deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjoni sempliċement tindika, b’mod ġenerali, li l-awtorità pubblika hija assoċjata ma’ dawn il-miżuri kemm permezz ta’ deċiżjoni kif ukoll permezz ta’ approvazzjoni, mingħajr ma tippreċiża iktar il-modalitajiet proċedurali tal-parteċipazzjoni ta’ din l-awtorità fl-operazzjonijiet ta’ tqassim mill-ġdid jew fil-miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art.

39      Minn dan jirriżulta li tista’ taqa’ taħt il-kunċetti ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, kull operazzjoni li tipprevedi l-konfigurazzjoni mill-ġdid u l-arranġament mill-ġdid ta’ biċċiet ta’ raba’ sabiex jiġu kkostitwiti azjendi agrikoli iktar razzjonali fir-rigward tal-użu tal-artijiet u li hija deċiża jew approvata mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

40      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

41      Minn naħa, konformement mal-Artikolu 36(a)(iv) u mal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1698/2005, il-pagamenti agroambjentali jikkostitwixxu għajnuna mogħtija kull sena lil bidwi li volontarjament ikun assuma impenn agroambjentali u huma intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali u t-telf ta’ dħul dovuti għal tali impenji. F’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-premessa 35 ta’ dan ir-regolament, dawn il-pagamenti agroambjentali għandhom rwol ewlieni sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali kif ukoll sabiex jipproteġu l-ambjent, peress li jinkoraġġixxu lill-benefiċjarji jassumu impenji multiannwali li jmorru lil hinn mill-osservanza tar-regoli mandatorji tal-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni kif ukoll tar-rekwiżiti partikolari stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

42      Min-naħa l-oħra, mill-premessa 23 tar-Regolament Nru 1974/2006 jirriżulta li, sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta’ żvilupp rurali sostenibbli, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprivileġġa applikazzjoni bbilanċjata tal-appoġġ tal-Unjoni mwettaq permezz tal-pagamenti agroambjentali.

43      Għaldaqstant, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tfittxija ta’ dawn l-għanijiet teżiġi li l-bdiewa ma jiġux dissważi milli jassumu impenji agroambjentali multiannwali minħabba l-okkorrenza eventwali, matul il-perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn l-impenji, ta’ operazzjoni ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art li tipprekludihom milli josservaw l-imsemmija impenji. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 huwa intiż li jtaffi l-okkorrenza ta’ tali avvenimenti matul dan il-perijodu.

44      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tapplikax jekk tali impossibbiltà tirriżulta min-nuqqas ta’ ftehimiet konklużi bejn bidwi u sidien jew operaturi oħra ta’ artijiet agrikoli għall-użu tagħhom. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-impossibbiltà, għal bidwi, li jonora dawn l-impenji ma tirriżultax direttament minn miżuri deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, li jaffettwaw l-istruttura ta’ din l-impriża.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli meta jkun impossibbli għal bidwi li jkompli jonora l-impenji agroambjentali li huwa jkun ħa, għall-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni tagħhom, u meta din l-impossibbiltà tkun tirriżulta direttament minn operazzjoni ta’ tqassim mill-ġdid jew minn miżura ta’ konsolidazzjoni tal-art li taffettwa l-istruttura tal-azjenda agrikola li tkun is-suġġett ta’ dawn l-impenji, deċiża jew approvata minn awtorità pubblika kompetenti. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli meta l-imsemmija impossibbiltà tirriżulta mill-għajbien tad-dritt li tintuża parti mis-superfiċji ta’ din l-azjenda matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmija impenji.

 Fuq ittieni domanda

46      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, tal-miżuri meħtieġa sabiex l-impenji agroambjentali ta’ benefiċjarju jkunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda agrikola tiegħu li tirriżulta minn tqassim mill-ġdid jew minn miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jipprekludi li dan il-benefiċjarju jintalab jirrimborsa l-fondi rċevuti għall-perijodu li matulu dawn l-impenji kienu osservati.

47      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 65/2011 jipprovdi li, fil-każ ta’ impenji multiannwali, it-tnaqqis tal-għajnuna, l-esklużjonijiet u l-irkupru japplikaw ukoll għall-ammonti diġà mħallsa matul is-snin preċedenti għal dak li jikkonċerna dan l-impenn.

48      Madankollu, l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 jipprovdi li, jekk ikun impossibbli għall-benefiċjarju ta’ pagament agroambjentali li jkompli jonora l-impenn li jkun assuma minħabba li l-azjenda tiegħu tkun is-suġġett ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex dan l-impenn jiġi adattat għas-sitwazzjoni l-ġdida ta’ din l-azjenda. Jekk tali adattament jirriżulta impossibbli, l-imsemmi impenn għandu jintemm, mingħajr ma huwa jintalab ir-rimbors għall-perijodu li matulu dan l-impenn kien effettiv.

49      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li, minn naħa, l-adozzjoni jew l-approvazzjoni, mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, ta’ miżura ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ konsolidazzjoni tal-art li taffettwa l-possibbiltà ta’ benefiċjarju li jkompli josserva impenn agroambjentali assunt għandha bħala korollarju obbligu, impost fuq l-Istat Membru kkonċernat, li jadatta dan l-impenn għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-impriża agrikola inkwistjoni.

50      Min-naħa l-oħra, huwa biss meta tali adattament ikun impossibbli li l-imsemmi impenn għandu jintemm, mingħajr ma jintalab ir-rimbors għall-perijodu li matulu dan l-impenn kien effettiv.

51      Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, mill-premessa 23 tar-Regolament Nru 1974/2006 jirriżulta li, fir-rigward tal-għajnuna għall-azzjoni agroambjentali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jadotta applikazzjoni bbilanċjata tal-appoġġ tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għal żvilupp rurali sostenibbli.

52      Fil-każ ineżami, jekk jiġi preżunt li t-tnaqqis tas-superfiċji tal-azjenda agrikola tal-benefiċjarju, li għamilha impossibbli għalih li josserva l-impenn agroambjentali assunt, jirriżulta minn tqassim mill-ġdid jew minn miżura ta’ konsolidazzjoni tal-art, fis-sens tal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ħadux il-miżuri meħtieġa sabiex dan l-impenn jiġi adattat għas-sitwazzjoni l-ġdida ta’ din l-azjenda. Jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li dan ma huwiex il-każ, hija għandha għaldaqstant tqis li l-imsemmi impenn intemm, mingħajr ma jkun jista’ jintalab minn dan il-benefiċjarju rimbors għall-perijodu li matulu dan l-impenn kien effettiv.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, tal-miżuri meħtieġa sabiex l-impenji agroambjentali ta’ benefiċjarju jkunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda agrikola tiegħu li tirriżulta minn tqassim mill-ġdid jew minn miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jipprekludi li dan il-benefiċjarju jintalab jirrimborsa l-fondi rċevuti għall-perijodu li matulu dawn l-impenji kienu osservati.

 Fuq ittielet domanda

54      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 73/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-impossibbiltà, għal benefiċjarju, li jkompli jonora impenn agroambjentali multiannwali, għall-aħħar sena tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ ftehimiet konklużi ma’ sidien jew ma’ operaturi oħra ta’ artijiet agrikoli għall-użu tagħhom tikkostitwixxi “każ ta’ forza maġġuri”, fis-sens tal-Artikolu 31, u li hija għandha, konsegwentement, tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol previst fl-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 1122/2009.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 31(a) sa (e) tar-Regolament Nru 73/2009 jelenka diversi avvenimenti li jistgħu jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri.

56      Madankollu, fost dawn l-avvenimenti, ma tinsabx is-sitwazzjoni ta’ benefiċjarju tal-finanzjament tal-Unjoni abbażi ta’ impenn agroambjentali multiannwali li jkun impossibbli għalih li josserva dan l-impenn minħabba n-nuqqas ta’ ftehimiet konklużi ma’ sidien jew ma’ operaturi oħra ta’ artijiet agrikoli għall-użu tagħhom.

57      Madankollu, mill-avverbju “bħal”, li jinsab fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 73/2009, jirriżulta li dan l-artikolu ma fihx lista eżawrjenti tal-avvenimenti li jistgħu jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri.

58      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri kull avveniment dovut għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-operatur, mhux normali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, EU:C:1970:114, punt 23, u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Szemerey, C‑330/14, EU:C:2015:826, punt 58).

59      Għaldaqstant, għalkemm l-impossibbiltà, għal benefiċjarju, li jkompli josserva impenn agroambjentali minħabba n-nuqqas ta’ ftehimiet konklużi ma’ sidien jew ma’ operaturi oħra ta’ artijiet agrikoli għall-użu tagħhom tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, dan ikun biss bil-kundizzjoni li din l-impossibbiltà tkun dovuta għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta’ dan il-benefiċjarju, mhux normali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minn dan tal-aħħar, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 73/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm l-impossibbiltà, għal benefiċjarju, li jkompli josserva impenn agroambjentali minħabba n-nuqqas ta’ ftehimiet konklużi ma’ sidien jew ma’ operaturi oħra ta’ artijiet agrikoli għall-użu tagħhom tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, dan ikun biss bil-kundizzjoni li din l-impossibbiltà tkun dovuta għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta’ dan il-benefiċjarju, mhux normali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minn dan tal-aħħar, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq lispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 45(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

huwa applikabbli meta jkun impossibbli għal bidwi li jkompli jonora l-impenji agroambjentali li huwa jkun ħa, għall-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni tagħhom, u meta din l-impossibbiltà tkun tirriżulta direttament minn operazzjoni ta’ tqassim mill-ġdid jew minn miżura ta’ konsolidazzjoni tal-art li taffettwa l-istruttura tal-azjenda li tkun is-suġġett ta’ dawn l-impenji, deċiża jew approvata minn awtorità pubblika kompetenti. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli meta l-imsemmija impossibbiltà tirriżulta mill-għajbien tad-dritt li tintuża parti mis-superfiċji ta’ din l-azjenda matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmija impenji.

2)      L-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006:

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

n-nuqqas ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, tal-miżuri meħtieġa sabiex l-impenji agroambjentali ta’ benefiċjarju jkunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda agrikola tiegħu li tirriżulta minn tqassim mill-ġdid jew minn miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jipprekludi li dan il-benefiċjarju jintalab jirrimborsa l-fondi rċevuti għall-perijodu li matulu dawn l-impenji kienu osservati.

3)      L-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għalkemm l-impossibbiltà, għal benefiċjarju, li jkompli josserva impenn agroambjentali minħabba n-nuqqas ta’ ftehimiet konklużi ma’ sidien jew ma’ operaturi oħra ta’ artijiet agrikoli għall-użu tagħhom tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, dan ikun biss bil-kundizzjoni li din l-impossibbiltà tkun dovuta għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta’ dan il-benefiċjarju, mhux normali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minn dan tal-aħħar, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.