Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' April 2009 - Parker ITR u Parker-Hannifin vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-146/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Parker ITR Srl (Veniano, l-Italja) u Parker-Hannifin Corp. (Mayfield Heights, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: B. Amory, F. Marchini Càmia u F. Amato, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni sa fejn iddikjarat lil Parker ITR responsabbli mill-1 ta' April 1986 sad-9 ta' Ġunju 2006, u Parker Hannifin responsabbli mill-31 ta' Jannar 2002 sad-9 ta' Ġunju 2006 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 428 finali, tat-28 ta' Jannar 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fil-proċediment (Każ COMP/39406 - Tubi tal-baħar) sa fejn huma ġew iddikjarati responsabbli għas-sehem tagħhom fi ksur wieħed u kontinwat fil-qasam tat-tubi tal-baħar fiż-ŻEE, li kien jikkonsisti f'għoti ta' offerti, fl-iffissar ta' prezzijiet u tal-kwoti u tal-kundizzjonijiet ta' bejgħ, fit-tqassim ta' swieq ġeografiċi u fl-iskambju ta' informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-volum tal-bejgħ u s-sejħiet għal offerti. Huma jitolbu wkoll it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

Ir-rikorrenti jsostnu disa' motivi legali insostenn tat-talbiet tagħhom.

Skont l-ewwel tliet motivi dwar min għandu r-responsabbiltà, ir-rikorrenti jsostnu kif ġej:

L-ewwel nett, huma jallegaw li meta Parker OTR inżammet responsabbbli għall-ksur kommess qabel l-1 ta' Jannar 2002 minn entitajiet legali li għadhom jeżistu, li huma attivi ekonomikament u li huma ta' impriżi differenti, id-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, użat ħażin is-setgħat tagħha sabiex tevadi r-regoli dwar il-preskrizzjoni, kisret il-prinċipju ta' nondiksrminazzjoni u naqset fl-obbligu ta' motivazzjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju tar-responsabbiltà personali meta ddeċidiet li huma responsabbli għall-aġir illegali tal-impjegat ta' Parker ITR, peress li : i) l-impjegat wettaq l-attività tal-akkordju għall-interessi personali tiegħu ; ii) sabiex jikseb dħul illegali l-impjegat ħaddem l-Oil & Gas Business Unit tal-Parker b'mod indipendenti mir-rikorrenti; iii) Parker ITR ġarrbet danni minħabba l-aġir illegali tal-impjegat.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata kienet żbaljata meta żammet lil Parker Hannifin responsabbli għall-perijodu mill-31 ta' Jannar 2002 sad-9 ta' Ġunju 2006, peress li kwalunkwe preżunzjoni dwar l-influwenza deciżiva ta' Parker Hannifin fl-attivitajiet ta' tubi tal-baħar għaż-żejt u l-gass tal-kumpannija susisdjarja 100 % tagħha Parker ITR ġiet miċħuda ampjament mir-rikorrenti u ebda wieħed mill-argumenti u mid-dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni ma jwaqqa' din iċ-ċaħda jew jikkostitwixxi prova tal-influenza decisiva eżerċitata minn Parker Hannifin fuq Parker ITR matul dan il-perijodu.

Permezz tas-sitt motivi l-oħra, dwar l-ammont tal-multi, ir-rikorrenti jissottomettu dan li ġej:

Ir-raba' nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata manifestament żbaljat meta ddefiniet il-ksur li seħħ mill-1 ta' April 1986 sat-13 ta' Mejju 1997 u l-ksur li seħħ mill-11 ta' Ġunju 1999 sat-2 ta' Mejju 2007 bħala jew ksur wieħed u kontinwat jew bħala ksur ripetut, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/20031. Skont ir-rikorrenti, għaldaqstant, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa għall-ksur li seħħ mill-1 ta' April 1986 sat-13 ta' Mejju 1997 hija preskritta.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kienet żbaljata meta qalet li Parker ITR kienet mexxej fl-akkordju mill-11 ta' Ġunju 1999 sat-30 ta' Settembru 2001.

Is-sitt nett, fil-fehma tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju tar-responsabbiltà personali u ma mmotivatx iż-żieda fil-multa imposta fuq Parker Hannifin għall-rwol allegat ta' mexxej ta' Parker ITR.

Is-seba' nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi meta ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi kalkolat il-"bejgħ aggregat fiż-ŻEE", fis-sens tal-punt 18 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-multi2, il-bejgħ ta' oġġetti ffatturat lil impriżi stabiliti fiż-ŻEE, iżda li ma kinux ikkunsinati fiż-ŻEE.

It-tmien nett, huma jsostnu li meta bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ konsolidat ta' Parker Hannifin sabiex jiġi kkalkolat il-limitu massimu ta' 10 % għall-parti tal-multa li għaliha kienet responsabbli biss Parker ITR, id-deċiżjoni kkontestata interpretat ħażin l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, kisret il-prinċipju tar-responsabbiltà personali u tal-obbligu ta' motivazzjoni.

Fl-aħħar nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu ta' motivazzjoni meta rrifjutat li tnaqqas il-multa lir-rikorrenti għall-kooperazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE, ĠU 2003, L I, p 1.

2 - Linji Gwida dwar il-metodu ta' iffissar tal-multi skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, ĠU 2006, C 210, p. 2.