Language of document : ECLI:EU:T:2024:460

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

10 ta’ Lulju 2024 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Oppożizzjoni tal-BĊE għall-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Inċidenza diretta – Inammissibbiltà parzjali – Onorabbiltà u kompetenza professjonali tal-akkwirent propost – Solidità finanzjarja – Osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali – Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑323/22,

PH,

PI,

PJ,

Socrates Capital Ltd, stabbilita f’Toronto (il-Kanada),

irrappreżentati minn D. Hillemann, C. Fischer u T. Ehls, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentata minn E. Yoo, S. Letocart u V. Hümpfner, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

intervenjenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, S. Gervasoni (Relatur) u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, PH, PI, PJ u Socrates Capital Ltd, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tat‑22 ta’ Marzu 2022 li permezz tagħha dan tal-aħħar oppona li PH, PI u PJ jiksbu parteċipazzjoni kwalifikanti f’HKB Bank GmbH (iktar ’il quddiem il-“bank fil-mira”) u li jaqbżu 50 % tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot f’din tal-aħħar.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-bank fil-mira kienet istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), li tinsab fil-Ġermanja u mqiegħda taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (BaFin, l-Awtorità Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji, il-Ġermanja).

3        Fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, Socrates Capital kellha 81.6 % tal-kapital u 95.14 % tad-drittijiet tal-vot fil-bank fil-mira. Hija stess kienet miżmuma 100 %, b’mod indirett (permezz ta’ żewġ kumpanniji holding) u finali, minn A.

[omissis]

7        Fid‑9 ta’ April 2020 u fid‑9 ta’ Lulju 2020, rispettivament, PH, minn naħa, u PI u PJ, min-naħa l-oħra, innotifikaw lill-BaFin bl-intenzjoni tagħhom li jakkwistaw, bħala akkwirenti indiretti fir-rigward ta’ PH u ta’ PI u bħala xerrej dirett fir-rigward ta’ PJ, parteċipazzjoni kwalifikanti u li jaqbeż 50 % tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot fil-bank fil-mira (iktar ’il quddiem l-“akkwist propost”), permezz tal-akkwist tal-partijiet kollha miżmuma minn Socrates Capital fil-bank fil-mira.

[omissis]

10      F’Awwissu 2020, Socrates Capital, minn naħa, u PI u PJ, min-naħa l-oħra, ikkonkludew kuntratt ta’ xiri u ta’ bejgħ għall-finijiet tal-akkwist propost (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ xiri u ta’ bejgħ”). Skont dan il-kuntratt, suġġett għal kundizzjonijiet preliminari u għal klawżoli ta’ xoljiment, Socrates Capital aċċettat li tbigħ lil PJ, għal ammont ta’ EUR [2–20] miljun, il-parteċipazzjoni kwalifikanti li hija kienet akkwistat fil-bank fil-mira f’Ġunju 2017.

[omissis]

20      Fit‑22 ta’ Marzu 2022, il-BĊE nnotifika d-deċiżjoni kkontestata lill-akkwirenti proposti kif ukoll ir-risposta tiegħu għall-osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem it-“tweġiba għall-osservazzjonijiet”).

21      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73; ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), kif trasposta fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża relatata mas-settur tal-kreditu. Il-BĊE qies, essenzjalment, li l-akkwist propost kellu jiġi oppost, peress li l-akkwirenti proposti ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ onorabbiltà, ta’ solidità finanzjarja, ta’ osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali u tal-ġlieda kontra r-riskju ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

[omissis]

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

26      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Settembru 2022, il-BĊE talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkonstata li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors. Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Jannar 2023, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad din it-talba ta’ nuqqas ta’ lok għal deċiżjoni, mad-deċiżjoni fuq il-mertu.

27      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali u li d-drittijiet tagħhom ġew miksura;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

28      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tikkonstata li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat minn Socrates Capital u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti in solidum għall-ispejjeż.

29      Il-Kumissjoni Ewropea, li tintervjeni insostenn tal-BĊE, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

[omissis]

C.      Fuq lammissibbiltà tarrikors sa fejn ġie ppreżentat minn Socrates Capital

51      Il-BĊE jqis li Socrates Capital ma hijiex direttament u individwalment affettwata mid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li hija ma għandhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Id-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix effett fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Socrates Capital, peress li din id-deċiżjoni ma tipprekludihiex, minn perspettiva purament legali, milli tbigħ il-parteċipazzjoni tagħha lill-akkwirent ikkonċernat, peress li ebda sanzjoni kontra l-bejjiegħ tal-partijiet ma hija prevista. Mill-perspettiva tal-għan tal-proċedura, tal-kriterji għall-evalwazzjoni tal-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti u tal-proċedura amministrattiva, il-bejjiegħ tal-parteċipazzjoni kwalifikanti ma huwiex direttament ikkonċernat minn deċiżjoni ta’ oppożizzjoni għall-akkwist, li taffettwa biss lill-akkwirent potenzjali. Il-BĊE jżid li l-kundizzjoni ta’ inċidenza individwali ma hijiex issodisfatta, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija r-riżultat tal-evalwazzjoni ta’ kriterji li ma għandhomx relazzjoni mal-bejjiegħ tal-parteċipazzjoni kwalifikanti.

52      Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument. Il-BĊE ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt ta’ xiri u ta’ bejgħ jinkludi klawżola ta’ kundizzjonalità, li tgħid li l-kuntratt ma huwiex eżekuttiv jekk il-BĊE jopponi t-tranżazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata taffettwa wkoll id-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża ta’ Socrates Capital. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tindika li r-reputazzjoni tal-akkwirenti proposti hija vvizzjata mill-fatt li huma “innegozjaw” mal-bejjiegħ, li huwa ekwivalenti għal projbizzjoni ġenerali li jinxtara l-bank fil-mira. Socrates Capital hija individwalment affettwata, peress li ebda entità oħra ma għandha l-maġġoranza tal-partijiet li l-akkwirenti proposti jixtiequ jakkwistaw.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-erba’ rikorrenti ppreżentaw l-istess rikors uniku. Issa, fir-rigward tal-istess rikors uniku, peress li PH, PI u PJ għandhom locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi ta’ Socrates Capital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 31).

54      Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis opportun, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u minħabba l-importanza partikolari tal-kwistjoni ta’ ammissibbiltà mqajma mill-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE, li tiddeċiedi fuq din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

55      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punt 32).

56      Il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati l-kundizzjonijiet previsti espressament fl-imsemmi trattat (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 98).

57      F’din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx innotifikata lil Socrates Capital. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni ma kienet teżiġi tali notifika lil din ir-rikorrenti fil-kwalità ta’ ċedenti tal-parteċipazzjoni kwalifikanti inkwistjoni. Peress li Socrates Capital ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, il-locus standi tagħha għalhekk jista’ jiġi rrikonoxxut biss jekk jaqa’ taħt wieħed miż-żewġ każijiet imsemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq.

58      Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att regolatorju, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-ewwel każ imsemmi fil-punt 55 iktar ’il fuq.

59      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat qabel kollox jekk Socrates Capital hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

60      Il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors, kundizzjoni prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat Terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 61).

61      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali, għandu jsir riferiment b’mod partikolari għall-għan tiegħu, għall-kontenut tiegħu, għall-portata tiegħu, għas-sustanza tiegħu kif ukoll għall-kuntest ġuridiku u fattwali li fih ikun ġie adottat (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat Terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 66).

62      Il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal- parteċipazzjoni kwalifikanti previst fl-Artikoli 22 et seq. tad-Direttiva 2013/36 jissuġġetta lill-persuna li tixtieq takkwista parteċipazzjoni kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu għal evalwazzjoni minn qabel, b’mod partikolari tal-onorabbiltà tagħha u tas-solidità finanzjarja tagħha, sabiex tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata.

63      Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-notifika tal-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti previsti mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36 huma intiżi sabiex jevalwaw in-natura xierqa tal-akkwirent propost u tal-akkwist propost li huwa jissottometti lill-awtorità kompetenti. B’mod partikolari, l-għan ta’ din l-evalwazzjoni huwa li jiġi vverifikat li l-akkwirent propost għandu reputazzjoni tajba u għandu solidità finanzjarja indispensabbli, sabiex l-entità li l-parteċipazzjoni tagħha jkun ser jiġi akkwistat tkompli tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali. L-evalwazzjoni tikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi evitat li t-tranżazzjoni tiġi ffinanzjata permezz ta’ fondi provenjenti minn attivitajiet illegali (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:502, punt 80).

64      Skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36, huwa l-akkwirent propost li għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bl-akkwist propost. Barra minn hekk, din id-direttiva la ssemmi l-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika u lanqas il-possibbiltà għal persuni li ma humiex l-akkwirent propost, b’mod partikolari l-persuna li tixtieq tittrasferixxi l-parteċipazzjoni tagħha f’istituzzjoni ta’ kreditu, li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-akkwist propost.

65      Skont l-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2013/36, jekk l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jopponu l-akkwist propost, huma għandhom jinformaw lill-akkwirent propost b’dan, filwaqt li jindikaw ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

66      Fl-aħħar nett, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2013/36, jekk il-parteċipazzjoni tkun ġiet akkwistata minkejja l-oppożizzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri għandhom, indipendentement minn kwalunkwe sanzjoni oħra li għandha tiġi adottata, jipprevedu jew is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot korrispondenti, jew in-nullità tal-voti mitfugħa, jew il-possibbiltà li dawn ikunu annullati.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-parteċipazzjonijiet kwalifikanti huwa intiż li jevalwa, qabel l-akkwist ta’ tali parteċipazzjonijiet, il-kwalità ta’ akkwirenti proposti li jixtiequ jaċċedu għas-settur bankarju bħala proprjetarji.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oppożizzjoni għall-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu għandha titqies li ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tal-kumpannija bejjiegħa ta’ tali parteċipazzjoni.

69      Fil-fatt, għalkemm l-oppożizzjoni għall-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti tikkontesta l-possibbiltà għall-akkwirenti proposti li jikkonkludu kuntratt mal-bejjiegħ ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti, min-naħa l-oħra, hija ma tikkontestax id-dritt tal-bejjiegħ li jipproċedi bi tranżazzjoni ta’ trasferiment, li huwa jista’ b’mod partikolari jikkonkludi ma’ akkwirent potenzjali ieħor, u l-oppożizzjoni imsemmija tikkorrispondi biss għal rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-akkwirenti proposti li jaċċedu għas-settur bankarju bħala proprjetarji.

70      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-kuntest ġuridiku li taqa’ fih id-deċiżjoni kkontestata. Id-Direttiva 2013/36 la ssemmi l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu, la l-possibbiltà li persuni terzi jkunu assoċjati mal-proċedura amministrattiva, u lanqas il-pubblikazzjoni sistematika tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-oppożizzjoni għall-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti, din tipprevedi biss sanzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot li jikkorrispondu għall-parteċipazzjoni miksuba mill-akkwirenti proposti. B’mod partikolari, is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 2c, paragrafu 2 tal-Kreditwesengesetz (il-Liġi dwar is-Settur tal-Kreditu), tad‑9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2776), kif emendata bil-Liġi tal‑10 ta’ Awwissu 2021 (BGBl. 2021 I, p. 3436) (iktar ’il quddiem il-“KWG”) la jinkludu sanzjonijiet fir-rigward tal-bejjiegħ ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti u lanqas miżuri bħan-nullità tal-akkwist innifsu jew l-obbligu li wieħed imur lura għas-sitwazzjoni preċedenti għall-bejgħ.

71      Għalhekk, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tevalwa l-kwalità tal-akkwirenti proposti u mhux il-legalità tal-kuntratt ta’ xiri u ta’ bejgħ.

72      Il-klawżola tal-kuntratt ta’ xiri u ta’ bejgħ li skontha dan il-kuntratt mhux ser jidħol fis-seħħ fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni tal-BĊE ġiet inkluża b’mod volontarju mill-partijiet fil-kuntratt. Ċertament, klawżola mdaħħla mill-partijiet f’kuntratt tista’ tkun ir-riflessjoni tal-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 51). Madankollu, f’dan il-każ, l-imsemmija klawżola hija r-riflessjoni ta’ leġiżlazzjoni li tissuġġetta individwalment lill-akkwirent propost għal awtorizzazzjoni amministrattiva intiża sabiex tevalwa jekk huwa għandux il-kwalità sabiex jaċċedi għas-settur bankarju bħala proprjetarju. B’differenza miċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni (C‑386/96 P, EU:C:1998:193), il-BĊE ma jiddeċidix dwar il-konformità tal-kuntratt eventwalment konkluż bejn l-akkwirenti proposti u l-bejjiegħ ta’ parteċipazzjoni fi stabbiliment ta’ kreditu meta jevalwa n-notifika tal-imsemmi akkwist.

73      Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jipprovdi li l-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u prattiċi nazzjonali.

74      L-Artikolu 17 tal-Karta jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li hija tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt.

75      F’dan ir-rigward, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża tal-akkwirenti proposti, hija ma tistax titqies li tikkostitwixxi ndħil fl-istess drittijiet fir-rigward ta’ Socrates Capital. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tippreġudikax b’mod dirett id-dritt ta’ Socrates Capital li tbigħ l-partijiet tagħha fil-bank fil-mira.

76      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-BĊE ma kkunsidrax li l-onorabbiltà tal-akkwirenti proposti kienet nieqsa minħabba li dawn tal-aħħar, b’mod ġenerali, “innegozjaw” ma’ Socrates Capital. B’mod partikolari, il-BĊE ma kkritikax lill-akkwirenti proposti li ffirmaw il-kuntratt ta’ xiri u ta’ bejgħ ma’ Socrates Capital. Fil-punt 2.7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE sempliċement ikkritika lill-akkwirenti proposti fir-rigward tal-intenzjoni tagħhom li jassoċjaw lil A mal-implimentazzjoni tal-pjan tan-negozju u li ħatruh fil-Kunsill Konsultattiv wara l-akkwist propost. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija ekwivalenti għal projbizzjoni ġenerali għal Socrates Capital milli tbigħ l-partijiet tagħha fil-bank fil-mira.

77      Għaldaqstant, Socrates Capital ma hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

78      Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk Socrates Capital hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors huwa inammissibbli fir-rigward ta’ din il-kumpannija.

D.      Fuq ilfondatezza tarrikors

[omissis]

6.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talpunt 1 talewwel sentenza talArtikolu 2c, paragrafu 1b talKWG firrigward talkompetenza professjonali

[omissis]

a)      Fuq ilpossibbiltà għallBĊE li jevalwa lkompetenza professjonali talakkwirenti proposti

357    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu għall-ewwel darba li l-BĊE ma setax jibbaża ruħu fuq il-kompetenza professjonali tal-akkwirent propost sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 isemmi l-onorabbiltà u mhux il-kompetenza professjonali tal-akkwirent propost. Il-BĊE għalhekk kiser dan l-artikolu, kif traspost fid-dritt Ġermaniż.

[omissis]

362    Barra minn hekk, huwa minnu li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 isemmi biss, fil-punt (a), l-onorabbiltà tal-akkwirent propost, filwaqt li l-punt (b) ta’ dan l-istess artikolu jsemmi l-onorabbiltà, l-għarfien, il-kompetenzi u l-esperjenza, imsemmija fl-Artikolu 91(1) tal-istess direttiva, ta’ kull membru tal-korp ta’ tmexxija li jiżgura it-tmexxija tal-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu wara l-akkwist propost.

363    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tifsira komuni tiegħu, it-terminu “onorabbli” jfisser “li huwa denju ta’ stima” jew “li r-rispettabbiltà tiegħu hija magħrufa”. Tali definizzjoni, li tirreferi b’mod partikolari għall-opinjoni tal-pubbliku, ma teskludix li l-onorabbiltà ta’ persuna tiddependi mill-kompetenza professjonali tagħha.

364    Skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2007/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE u d-Direttivi 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-evalwazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti u żidiet fil-holdings fis-settur finanzjarju (ĠU 2007, L 247, p. 1), li d-dispożizzjonijiet tagħha ġew riprodotti fid-Direttiva 2013/36, l-applikazzjoni tal-kriterju relatat mar-reputazzjoni tal-akkwirent propost teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk jeżistux dubji dwar l-integrità “u l-kompetenza professjonali” tiegħu u jekk l-imsemmija dubji humiex fondati.

365    It-teħid inkunsiderazzjoni, fl-eżami tal-onorabbiltà tal-akkwirent propost, tal-kompetenza professjonali tiegħu hija koerenti mall-evalwazzjoni tal-“ideoneità” ta’ dan il-kandidat, skont it-termini tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36. Dan huwa wkoll koerenti mal-għan tal-kontroll tal-akkwist tal-parteċipazzjoni kwalifikanti, liema għan huwa li tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Peress li d-detentur ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti jista’ jeżerċita influwenza fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, il-kompetenza professjonali tiegħu tikkontribwixxi għal tali ġestjoni soda u prudenti ta’ din l-istituzzjoni.

366    Il-Linji Gwida Konġunti jikkorroboraw, barra minn hekk, din l-interpretazzjoni, peress li jindikaw, b’mod partikolari fil-punt 10.1, li l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tal-akkwirent propost għandha tkopri l-integrità u l-kompetenza professjonali tiegħu.

367    Il-kliem tal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2c, paragrafu 1b tal‑KWG, imfakkra fil-punt 282 iktar ’il fuq, ma jippermettux li tiġi eskluża tali interpretazzjoni. L-espożizzjoni tal-motivi tal-Gesetz zur Umsetzung der Beteiligungsrichtlinie (il-Liġi li Tittrasponi d-Direttiva dwar il-Parteċipazzjoni), tat‑12 ta’ Marzu 2009 (BGBl., 2009 I, p. 470), li tittrasponi fid-dritt Ġermaniż id-Direttiva 2007/44, issemmi li l-kriterju ta’ affidabbiltà jikkonsisti fil-verifika tal-eżistenza ta’ dubji dwar l-integrità “u l-kapaċità professjonali” tal-akkwirent propost u l-fondatezza ta’ dawn id-dubji.

368    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kriterju ta’ onorabbiltà msemmi fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-evalwazzjoni tal-kompetenza professjonali tal-akkwirent propost.

369    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jsostnu li l-BĊE kiser l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36, kif traspost fid-dritt Ġermaniż, billi eżamina l-kompetenza professjonali tal-akkwirenti proposti.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      PH, PI, PJ u Socrates Capital Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

da Silva Passos

Gervasoni

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Lulju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qegħdin jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.