Language of document : ECLI:EU:T:2013:238

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Mejju 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark figurattiva Komunitarja li tirrappreżenta tiġieġa — Trade mark figurattiva nazzjonali preċedenti li tirrappreżenta tiġieġa — Raġuni relattiva għal rifjut — Xebh tal-prodotti u tas-servizzi — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T-249/11,

Sanco, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn A. Segura Roda, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI li kienet

Marsalman, SL, stabbilita f’Barcelona,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-17 ta’ Frar 2011 (Każ R 1073/2010‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Sanco, SA u Marsalman, SL,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, S. Frimodt Nielsen u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Mejju 2011,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2011,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet f’terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-18 ta’ Frar 2008, Marsalman, SL ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 35 u 39 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 29:“Tiġieġˮ;

–        klassi 35: “Servizzi ta’ reklamar, rappreżentazzjonijiet kummerċjali, servizzi ta’ franchising, esportazzjoni u importazzjoni; servizzi bl-ingrossa jew bl-imnut tat-tipi kollha ta’ prodotti alimentari u servizzi ta’ bejgħ permezz ta’ netwerks tal-informatika dinjija tat-tipi kollha ta’ prodotti alimentariˮ;

–        klassi 39: “Servizzi ta’ trasport, ħażna u distribuzzjoni tat-tiġieġˮ.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 28/2006, tal-14 ta’ Lulju 2008.

5        Fl-14 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti, Sanco, SA, għamlet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ʼil fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti miġjuba hawn taħt:

Image not found

7        Din it-trade mark tirrappreżenta prodotti fil-klassijiet 29 u 31 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 29: “Laħam, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħamˮ;

–        klassi 31:“Annimali ħajjinˮ.

8        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009].

9        Fit-13 ta’ April 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni billi rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għat-“tiġieġˮ, fil-klassi 29, u għas-“servizzi bl-ingrossa u bl-imnut tat-tipi kollha ta’ prodotti alimentari u servizzi ta’ bejgħ permezz ta’ netwerks tal-informatika dinjija tat-tipi kollha ta’ prodotti alimentariˮ, fil-klassi 35. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet l-oppożizzjoni għas-“servizzi ta’ reklamar, rappreżentazzjonijiet kummerċjali, servizzi ta’ franchising, esportazzjoni u importazzjoniˮ, fil-klassi 35, u għas-“servizzi ta’ trasport, ħażna u distribuzzjoni tat-tiġieġˮ, fil-klassi 39.

10      Fl-14 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex hija tiċħad parzjalment l-oppożizzjoni tagħha.

11      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2011, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn hija ċaħdet parzjalment l-oppożizzjoni. Il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien kompost kemm minn konsumaturi medji li jagħmlu parti mill-pubbliku ġenerali kif ukoll minn dawk li jagħmlu parti minn pubbliku speċjalizzat. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell kien qies li s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri s-“servizzi ta’ reklamar, rappreżentazzjonijiet kummerċjali, servizzi ta’ franchising, esportazzjoni u importazzjoniˮ u s-“servizzi ta’ trasport, ħażna u distribuzzjoni tat-tiġieġˮ, ma kinux jixbhu l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, jiġifieri l-“laħam, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħamˮ u l-“annimali ħajjinˮ. Meta tiġi kkunsidrata l-assenza ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell kien ikkonkluda li l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark figurattiva nazzjonali preċedenti kienet assenti, mingħajr ma kien neċessarju li jsir paragun bejn is-sinjali kkontestati.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi kollha msemmija minnha;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13      13     L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

14      14. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kien essenzjalment ikkunsidra li fl-assenza ta’ xebh bejn il-prodotti protetti mit-trade mark preċedenti u s-“servizzi ta’ reklamar, rappreżentazzjonijiet kummerċjali, servizzi ta’ franchising, esportazzjoni u importazzjoniˮ u s-“servizzi ta’ trasport, ħażna u distribuzzjoni tat-tiġieġˮ, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 bejn it-trade marks inkwistjoni, mingħajr ma kien hemm bżonn li jsir paragun bejn is-sinjali inkwistjoni (punti 22 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba l-fatt li kien hemm xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u l-imsemmija servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

15      15. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark hija rrifjutata meta, għal raġuni ta’ identiċità jew xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

16      16. Isegwi li fl-assenza ta’ identiċità jew ta’ xebh bejn il-prodotti u servizzi indikati mis-sinjali inkwistjoni, ma jistax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 22).

17      17. Barra minn hekk, huwa xieraq li jitfakkar li tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jirriżultaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Hekk kif ġie rrikonoxxut, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

18      18. Isegwi li livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti u servizzi koperti mis-sinjali inkwistjoni jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn is-sinjali u viċe versa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 19).

19      19. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, huwa xieraq li jiġi osservat li huwa biss sa fejn jiġi stabbilit li ma hemm l-ebda xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni li jista’ jiġi konkluż li hemm l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade marks, mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir evalwazzjoni globali, billi jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha, tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

20      20. F’dan il-każ, huma importanti għalhekk li jiġi stabbilit jekk il-Bord tal-Appell setax jikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball, li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni ma kellhom l-ebda xebh, sabiex tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, mingħajr ma jagħmel użu minn evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Dwar il-paragun bejn il-prodotti u servizzi inkwistjoni

 Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali

21      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, ġurisprudenza stabbilita kkonstatat li kien hemm lok li jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-prodotti rilevanti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra p. II‑2579, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata].

22       Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari n-natura komplementari tal-prodotti u tas-servizzi, huwa xieraq li jitfakkar li l-prodotti u s-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża [sentenzi tal-Qorti Ġenerali PiraÑAM diseño original Juan Bolaños, punt 21 iktar ’il fuq, punt 48, u tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI - easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra p. II‑43, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura komplementari ta’ prodotti u ta’ servizzi, huwa xieraq, wara kollox, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni mill-imsemmi pubbliku tal-importanza għall-użu ta’ prodott jew ta’ servizz ta’ prodott jew servizz ieħor.

23      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti u tas-servizzi fid-dawl tan-natura tagħhom li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin tissoponi li l-ewwel nett jiġu ddefiniti l-konsumaturi tal-imsemmija prodotti u servizzi.

–       Fuq il-pubbliku rilevanti

24      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernata, normalment informat u raġonevolment attent u avżat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

25      Il-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa kkostitwit minn utenti li jistgħu jużaw kemm il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2011, ancotel vs UASI – Acotel (ancotel), T‑408/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata].

26      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li s-servizzi ta’ reklamar, ta’ rappreżentazzjoni kummerċjali, servizzi ta’ franchising, ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni u s-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ jiddeskrivu servizzi intiżi għal pubbliku ġenerali, minn naħa waħda, u għal pubbliku speċjalizzat, min-naħa l-oħra. Huwa sussegwentement enfasizza li wħud minn dawn is-servizzi kienu indirizzati b’mod ġenerali għal impriżi kummerċjali. Huwa għaldaqstant ikkonkluda li l-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni kien ikkostitwit kemm mill-konsumatur medju li jagħmel parti mill-pubbliku ġenerali kif ukoll minn dak li jagħmel parti minn pubbliku iktar speċjalizzat (ara l-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-Bord tal-Appell ġustament kien ikkunsidra li s-servizzi msemmija iktar ʼil fuq kienu indirizzati għal professjonisti. Dawn tal-aħħar fil-fatt jistgħu jitolbu servizzi bħal dawn. Iktar minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li wħud minn dawn is-servizzi huma intiżi għall-pubbliku inġenerali. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-“laħam, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħamˮ u l-“annimali ħajjinˮ, għandu jiġi osservat li, l-imsemmija prodotti huma magħmula minn professjonisti, u jekk it-trobbija tal-annimali ħajjin hija prinċipalment f’idejn professjonisti, dawn il-prodotti huma mixtrija kemm minn individwi kif ukoll minn professjonisti.

28      Minn dan isegwi li ġustament il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra, f’dan il-każ, li l-pubbliku rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni kienu jinkludu kemm il-professjonisti kif ukoll l-individwi.

–       Fuq ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni u s-servizzi ta’ reklamar, ta’ rappreżentazzjoni kummerċjali, ta’ servizzi ta’ franchising kif ukoll ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni

29      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx hemm xebh bejn, minn naħa, il-“laħam, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħamˮ kif ukoll l-“annimali ħajjinˮ, koperti mit-trade mark preċedenti, u, min-naħa l-oħra, is-“servizzi ta’ reklamar, rappreżentazzjonijiet kummerċjali, servizzi ta’ franchising, esportazzjoni u importazzjoniˮ, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

30      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni minħabba li s-servizzi u l-prodotti inkwistjoni jirrappreżentaw rabta bejniethom u li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jirriżultaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. L-UASI jikkontesta din l-evalwazzjoni u jirreferi, essenzjalment, għar-raġunament żviluppat fid-deċiżjoni kkontestata.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva, qabel kollox, li l-Bord tal-Appell ġustament kien ikkunsidra li l-laħam, it-tjur domestiku u selvaġġ, l-estratti tal-laħam u l-annimali ħajjin kienu distinti mis-servizzi ta’ reklamar, ta’ rappreżentazzjoni kummerċjali, ta’ servizzi ta’ franchising kif ukoll ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni min-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom u l-użu tagħhom. Il-prodotti u s-servizzi msemmija iktar ʼil fuq la huma interkambjabbli u lanqas huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

32      Għal dak li jirrigwarda s-sistemi ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-Bord tal-Appell kien qies li, mingħajr ma dan huwa kkontestat mir-rikorrenti, dawn kienu differenti minħabba l-fatt li ma tantx kien probabbli, jekk mhux impossibbli, li razzett jew entità għat-tjur ikunu użati sabiex jipproponu lil impriżi servizzi ta’ reklamar, ta’ rappreżentazzjoni kummerċjali, servizzi ta’ franchising kif ukoll ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni. Fid-dawl tal-imsemmija prodotti u servizzi, il-Bord tal-Appell seta’ jikkunsidra mingħajr ma jwettaq żball li s-sistemi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija prodotti u servizzi kienu distinti.

33      Madankollu, kif ġie espost fil-punt 21 iktar ʼil fuq, matul l-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi, huwa importanti wkoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura komplementari tal-imsemmija prodotti u servizzi.

34      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li l-prodotti tat-trade mark preċedenti u s-servizzi ta’ reklamar, ta’ rappreżentazzjoni kummerċjali, ta’ servizzi ta’ franchising kif ukoll ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni lanqas biss kienu jikkomplementaw, peress li n-natura, l-użu u s-sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti bħat-tiġieġ u annimali ħajjin ma kellhom ebda relazzjoni ma’ dawn is-servizzi, fatt li l-konsumatur jipperċepixxi faċilment (ara l-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, il-prodotti u s-servizzi kkonċernati ma kinux komplementari, peress li ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn in-natura tagħhom, l-użu tagħhom u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tagħhom.

36      Madankollu, kif inhuwa espost fil-punt 22 iktar ʼil fuq, il-komplementarjetà bejn prodotti u servizzi fil-kuntest ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma hijiex evalwata abbażi tal-eżistenza għall-pubbliku rilevanti ta’ relazzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni mill-perspettiva tan-natura tagħhom, l-użu tagħhom u tas-sistemi ta’ distribuzzjoni tagħhom, iżda abbażi tal-eżistenza ta’ rabta stretta bejn l-imsemmija prodotti u servizzi, jiġifieri n-natura indispensabbli jew importanti ta’ wieħed għall-użu tal-ieħor, b’mod li dan il-pubbliku jista’ jaħseb li r-responsabbiltà tal-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew il-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża.

37      Isegwi li l-Bord tal-Appell ma setax jiċħad l-eżistenza ta’ komplementarjetà bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati minħabba l-unika raġuni li ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn in-natura tagħhom, l-użu tagħhom u s-sistemi ta’ distribuzzjoni tagħhom. Fil-fatt, b’dan il-mod, huwa kien, mill-ġdid, ħa inkunsiderazzjoni n-natura, l-użu u s-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni mingħajr ma ddeċieda dwar l-importanza ta’ wieħed għall-użu tal-ieħor mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti.

38      Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-relazzjoni bejn l-użu tal-imsemmija prodotti u tal-imsemmija servizzi invokat mill-Bord tal-Appell, hemm lok li jiġi osservat li dan il-kriterju ma jippermettix li tiġi evalwata b’mod komplet in-natura indispensabbli, jekk mhux importanti tal-imsemmija prodotti u servizzi wieħed għall-ieħor li jirrikjedi l-analiżi tal-komplementarjetà bejn l-imsemmija prodotti u servizzi. Effettivament, il-fatt li l-użu ta’ prodott jew servizz ma għandu l-ebda relazzjoni mal-użu ta’ prodott jew servizz ieħor ma jimplikax f’kull każ li l-użu ta’ wieħed ma huwiex importanti jew indispensabbli għall-użu tal-ieħor.

39      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma eżaminax korrettament b’mod partikolari jekk, mill-perspettiva ta’ xerrej professjonali tat-tiġieġ jew tal-laħam, is-servizzi ta’ reklamar, ta’ rappreżentazzjoni kummerċjali, ta’ servizzi ta’ franchising jew ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni kinux importanti matul ix-xiri tat-tiġieġ jew tal-laħam tiegħu sal-punt li huwa jista’ jaħseb li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża.

40      Dan in-nuqqas li jikkaratterizza l-eżami applikat mill-Bord tal-Appell jidher ċar mill-allegazzjoni tal-UASI quddiem il-Qorti Ġenerali skont liema produttur tal-laħam seta’ jipprovdi servizz ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni għal-prodotti tiegħu stess lill-klijenti tiegħu. Fil-fatt, jekk dan huwa l-każ, ma jistax jiġi eskluż li l-pubbliku rilevanti tal-imsemmija prodotti jikkunsidra li, għax-xiri ta’ dawn il-prodotti, servizz ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni huwa importanti, b’tali mod li huwa jikkunsidra li dawn il-prodotti u dan is-servizz ġejjin mill-istess impriża. Iċ-ċirkustanza miġjuba mill-UASI li dan is-servizz ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ma huwiex ipprovdut bi ħlas u ma huwiex ipprovdut lil terzi ma jaffettwax din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex ipprovat li, fl-ipoteżi invokata mill-UASI, l-imsemmi servizz huwa pprovdut bla ħlas jew li mhux ser jagħmel iktar parti integrali mill-bejgħ propost. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, huwa importanti li tiġi evalwata l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti rigward l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement stretta bejn l-imsemmija prodotti u servizzi. Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell naqas milli jevalwa dawn il-parametri.

41      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni dawn il-parametri, huwa wettaq żball fl-evalwazzjoni tan-natura komplementari bejn il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u s-servizzi ta’ reklamar, ta’ rappreżentazzjoni kummerċjali, ta’ franchising kif ukoll ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

42      Dan l-iżball għandu bħala konsegwenza li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha sabiex jevalwa x-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Fl-assenza ta’ analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti u servizzi inkwistjoni, huwa xieraq li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata fir-rigward ta’ dan il-punt.

–       Fuq ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni u s-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ

43      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li ma kienx hemm xebh bejn is-“servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġˮ, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-“laħam, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħamˮ u l-“annimali ħajjinˮ, koperti mit-trade mark preċedenti.

44      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni billi tqis li minħabba r-rabta ta’ bejn is-swieq tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, huwa verament ftit probabbli li trade mark tista’ tkopri wieħed minn dawn is-servizzi indipendentement mill-prodott.

45       F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva qabel kollox li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema l-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 43 iktar ʼil fuq huma distinti min-natura tagħhom, l-għan tagħhom u l-użu intenzjonat tagħhom. Din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell għadha trid tiġi kkonfermata. Fil-fatt, is-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ ma għandhomx l-istess natura, l-istess finalità jew l-istess użu intenzjonat tal-laħam, tat-tjur domestiku u selvaġġ, tal-estratti tal-laħam u tal-annimali ħajjin. Barra minn hekk, il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni ma humiex kompetituri jew interkambjabbli. Fil-fatt, l-imsemmija servizzi ma jistgħux jissostitwixxu l-laħam jew l-annimali ħajjin.

46      Il-Bord tal-Appell iddeduċa mid-distinzjoni bejn l-imsemmija prodotti u servizzi minħabba n-natura tagħhom, l-għan tagħhom u l-użu intenzjonat tagħhom li l-impriżi speċjalizzati fit-trasport u l-impriżi speċjalizzati fil-manifattura tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu wkoll differenti (ara l-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Il-Qorti Ġenerali madankollu tosserva li l-fatt li l-produzzjoni tal-laħam, tat-tjur domestiku u selvaġġ, tal-estratti tal-laħam kif ukoll tat-trobbija tal-annimali ħajjin u l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ jissoponu speċjalizzazzjoni ma jimplikax neċessarjament li l-impriżi li joffru l-imsemmija servizzi huma distinti minn dawk responsabbli mill-produzzjoni tal-imsemmija prodotti. Fil-fatt, kif kien indika l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, huwa possibbli li l-impriżi attivi fil-produzzjoni tat-tiġieġ u tal-annimali ħajjin jittrasportaw, jaħżnu u jiddistribwixxu l-merkanzija tagħhom f’isimhom stess (ara l-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-komplementarjetà tal-imsemmija prodotti u servizzi, huwa importanti li tiġi evalwata mhux l-ispeċjalizzazzjoni tal-impriżi, iżda jekk il-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi jistgħux jaħsbu li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża minħabba f’rabta bejn l-imsemmija prodotti u servizzi. Konsegwentement, l-eżistenza ta’ impriżi speċjalizzati fil-produzzjoni tal-prodotti tat-trade mark preċedenti li għaliha saret l-applikazzjoni u għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ komplementarjetà bejn l-imsemmija prodotti u servizzi.

49      Il-Bord tal-Appell kien ukoll qies li l-pubbliku rilevanti tal-imsemmija prodotti u servizzi kien differenti minħabba fl-ispeċjalizzazzjoni tal-impriżi inkwistjoni, hekk li ma kienx hemm ir-rabta industrijali jew kummerċjali bejn l-imsemmija impriżi. Iktar preċiżament, huwa kkunsidra li, meta tiġi kkunsidrata n-natura partikolari tagħhom, is-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ kienu indirizzati ġeneralment għall-impriżi jew għall-professjonisti ta’ settur preċiż ħafna. Huwa kkonkluda minn dan li dan il-pubbliku kien differenti minn dak li lilu huma offerti l-prodotti tat-trade mark preċedenti, fatt li qabel kollox jeskludi l-ipoteżi ta’ rabta industrijali jew kummerċjali bejn l-imsemmija impriżi (ara l-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata). L-UASI sostniet dan l-approċċ fir-risposta tagħha.

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li s-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma servizzi li huma indirizzati lill-pubbliku professjonali. Min-naħa l-oħra, il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti huma intiżi kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għal dak professjonali. Fil-fatt, jekk il-laħam, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħam huma prodotti intiżi għall-pubbliku ġenerali, dawn jistgħu wkoll ikunu intiżi għal xerrejja professjonali. L-annimali ħajjin, bħat-tiġieġ, huma intiżi bħala regola ġenerali għal professjonisti.

51      Sa fejn dawn il-prodotti huma indirizzati għal pubbliku professjonali, huwa bi żball li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li dan il-pubbliku kien differenti minn dak tas-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ. Fil-fatt, pubbliku ta’ professjonisti jista’ jixtri kemm il-prodotti inkwistjoni kif ukoll is-servizzi ċċitati iktar ʼil fuq.

52      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn l-imsemmija prodotti u servizzi, hemm lok li jiġi osservat li, għall-użu ta’ servizz ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ, huwa importanti li wieħed ikollu t-tiġieġ li jridu jiġu ttrasportati, maħżuna u mqassma. F’dan is-sens, it-tiġieġ huma indispensabbli għall-użu tas-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ. Bil-kontra, għal persuna li trabbi t-tiġieġ, jista’ jkun importanti li jkollha servizz ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ. Minn din il-perspettiva, teżisti rabta stretta bejn is-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-tiġieġ tat-trade mark preċedenti. Minħabba l-fatt li t-terminu “tiġieġˮ jiddeskrivi wkoll il-laħam tal-annimal, din ir-rabta ma teżistix biss għall-annimali ħajjin, iżda wkoll għal-laħam u t-tjur deskritti mit-trade mark preċedenti.

53      Barra minn hekk, il-konsumatur professjonali ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi, jiġifieri impriża li tixtri tiġieġ bl-ingrossa li għandha wkoll bżonn ta’ servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ, tista’ taħseb li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti u l-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża. Fil-fatt, peress li ċerti produtturi joffru wkoll servizz ta’ trasport, ix-xerrejja tat-tiġieġ jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża.

54      L-UASI tikkontesta l-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni għar-raġunijiet li jixbhu dawk mogħtija fil-punt 40 iktar ʼil fuq. Fil-fatt, huwa jqis li, meta produttur tat-tiġieġ jittrasporta, jaħżen u jiddistribwixxi t-tiġieġ tiegħu stess, is-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni ma humiex servizzi pprovduti lil terzi bi ħlas, iżda huma biss servizzi “interniˮ jew aċċessorji meta mqabbla mal-produzzjoni tat-tiġieġ, b’mod li l-produttur inkwistjoni ma jkunx preżenti fis-suq tas-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ. Insostenn ta’ dan l-argument, l-UASI jinvoka, minn naħa, analoġija man-neċessità li jiġi ppruvat użu pubbliku ta’ trade mark sabiex jiġi ppruvat l-użu effettiv tagħha u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-7 ta’ Frar 2006, Alecansan vs UASI – CompUSA (COMP USA), (T‑202/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

55      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva qabel kollox, b’analoġija għal dak li kien ġie espost fil-punt 40 iktar ʼil fuq, li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma jsostni d-dikjarazzjoni tiegħu li, meta l-produtturi jittrasportaw, jaħżnu u jiddistribwixxi t-tiġieġ tagħhom stess, dan ma huwiex servizz mogħti lil terz bi ħlas. Issa, ma jistax jiġi konkluż mill-fatt li impriża li trabbi t-tiġieġ toffri wkoll servizz tat-trasport tat-tiġieġ li dan is-servizz ma huwiex ipprovdut bi ħlas. Barra minn hekk, ma jistax jiġi konkluż minn tali offerta konġunta li l-impriża li toffri dawn is-servizzi komplementari ma hijiex tipparteċipa fis-suq tas-servizzi tat-trasport tat-tiġieġ. Fil-fatt, il-fatt li produttur tat-tiġieġ joffri servizzi tat-trasport għat-tiġieġ jimplika li huwa qiegħed jikkompeti mal-impriżi li joffru servizzi tat-trasport tat-tiġieġ. Għal din ir-raġuni, dan il-produttur huwa preżenti fuq l-imsemmi suq.

56      Sussegwentement u iktar fid-dettall, huwa xieraq li jiġi indikat li n-natura komplimentari tal-prodotti u tas-servizzi għal bżonnijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn l-imsemmija prodotti u servizzi ma hijiex evalwata skont in-natura “internaˮ jew mhux tal-prodotti u tas-servizzi fis-sens tal-argument żviluppat mill-UASI (ara l-punt 54 iktar ʼil fuq), iżda skont il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jaħseb li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża jew ta’ impriżi distinti (ara l-punt 22 iktar ʼil fuq). L-approċċ tal-Bord tal-Appell u li huwa sostnut mill-UASI sabiex jiddeċiedi dwar il-komplementarjetà tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni huwa għalhekk żbaljat.

57      B’mod purament illustrattiv tal-iżball fl-approċċ sostnut mill-UASI, hemm lok li jiġi osservat li, fil-każ inkwistjoni, huwa jwassal għal kunsiderazzjoni li meta impriża li tfittex kemm li tixtri tiġieġ kif ukoll li tittrasportahom tikkonkludi, minn naħa, ftehim ma’ produttur tat-tiġieġ preżenti fis-suq taħt ċerta trade mark u, min-naħa l-oħra, ma’ fornitur ta’ servizzi tat-trasport tat-tiġieġ preżenti f’dan is-suq bi trade mark identika għal dik tal-produttur imsemmi iktar ʼil fuq, din l-impriża probabbilment ma tikkunsidrax li l-imsemmija prodotti u servizzi ġejjin mill-istess impriża, minħabba li, meta produttur tat-tiġieġ joffri servizz tat-trasport, dan huwa biss servizz aċċessorju jew “internˮ meta pparagunat mal-produzzjoni tat-tiġieġ u li għalhekk ma jipparteċipax fis-suq tat-trasport tat-tiġieġ. Fil-fatt, skont l-approċċ difiż mill-UASI, ma hemm l-ebda xebh bejn il-produzzjoni tat-tiġieġ u s-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ, fis-sens li trade marks identiċi għal dawn il-prodotti u servizzi jistgħu jeżistu flimkien mingħajr probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti u servizzi.

58      Issa, fir-rigward tar-raġunijiet esposti fil-punt 53 iktar ʼil fuq, ix-xerrej bl-ingrossa tat-tiġieġ li barra minn hekk għandu bżonn ta’ servizz tat-trasport għat-tiġieġ jista’ jikkunsidra li hemm rabta importanti bejn il-produzzjoni tat-tiġieġ u s-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ, fis-sens li l-konsumatur tal-imsemmija prodotti u servizzi jikkunsidra li dawn ġejjin mill-istess impriża.

59      Peress li l-preżenza fis-suq kif inhi ddefinita mill-UASI f’ dan il-każ (ara l-punt 54 iktar ʼil fuq), ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, huwa xieraq li l-analoġija mar-regoli rigward l-użu effettiv ta’ trade mark preċedenti fil-kuntest ta’ oppożizzjoni tiġi miċħuda.

60      Barra minn hekk, sa fejn l-UASI tinvoka l-kawża li tat lok għas-sentenza COMP USA, iċċitata iktar ʼil fuq, għandu jiġi kkonstatat li din hija differenti mill-kawża preżenti sa fejn hija kienet tirrigwarda prodotti u servizzi informatiċi mibjugħa mill-bogħod. Barra minn hekk, b’differenza minn din il-kawża fejn kien ġie kkunsidrat li l-kunsinna fiżika tal-loġistika u tal-kompjuters mixtrija jew mikrija lil impriża li toffri l-merkanzija tagħha permezz tal-internet kienet biss l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ mill-bogħod jew ta’ kuntratt ta’ servizz li ma huwiex marbut mas-servizzi tat-trasport (sentenza COMP USA, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 47), ma jistax jiġi kkunsidrat, mingħajr prova prodotta mill-UASI f’dan is-sens, li t-trasport, il-ħażna u d-distribuzzjoni tat-tiġieġ huma biss l-eżekuzzjoni tal-bejgħ tat-tiġieġ jew ta’ kuntratt ta’ servizz li ma huwiex marbut mas-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ.

61      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma setax qabel kollox jeskludi l-eżistenza ta’ komplementarjetà bejn il-prodotti tat-trade mark preċedenti u s-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ. Tali komplementarjetà kellha tiġi kkonstatata minn tal-inqas għat-tiġieġ u għas-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ.

62      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew servizzi inkwistjoni, il-Bord tal-Appell kellu jikkunsidra l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Għaldaqstant, minkejja d-differenza bejn, minn naħa, il-laħam tat-tiġieġ u t-tiġieġ ħaj u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ għal dak li jirrigwarda n-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom u n-natura kompetittiva tagħhom, il-Bord tal-Appell kellu jirrikonoxxilhom ċerta natura komplimentari. Mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha jirriżulta li għall-evalwazzjoni tax-xebh tal-imsemmija prodotti u servizzi l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta kkunsidra li l-imsemmija prodotti u servizzi ma kinux jixbhu lil xulxin.

63      Għalhekk hemm ukoll lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn hija tikkunsidra li l-prodotti tat-trade mark preċedenti ma jixbhux is-servizzi ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tat-tiġieġ tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

2.     Dwar it-talba għal rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni

64      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti sentenza li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

65      F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi nnotat li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali huwa stħarriġ dwar legalità. F’każ ta’ żball, hija tista’ tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u, jekk jiġi mitlub f’dan is-sens, tibdel din id-deċiżjoni. Hija ma tistax tiddeċiedi li tirreġistra jew li ma tirreġistrax trade mark. Fil-fatt, skont l-Artikolu 266 TFUE u l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa l-UASI li għandu jieħu miżuri li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament eventwali mill-Qorti tal-Unjoni. Ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tindirizza ordnijiet lill-UASI, iżda dan tal-aħħar għandu jestrapola l-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ġenerali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ġunju 2012, Kavaklidere-Europe vs UASI – Yakult Honsha (Yakut), T‑276/09, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata].

66      Sa fejn it-talba tar-rikorrenti għandha tiġi interpretata bħala li qed titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna lill-UASI li ma jirreġistrax it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minnha, hemm lok li din it-talba tiġi ddikjarata inammissibbli.

67      Sa fejn l-imsemmija talba għandha tiġi interpretata bħala li qegħda titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tibdel id-deċiżjoni kkontestata b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata b’deċiżjoni li tiddikjara li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata għas-servizzi li ma kinux għadhom ġew irrifjutati milli jiġu rreġistrati fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, hemm lok li jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali ma tagħtihiex is-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Bord tal-Appell u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell ikun għadu ma ħax pożizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra p. I‑5853, punt 72).

68      L-eżerċizzju tas-setgħa tal-bidla għandu konsegwentement, bħala regola ġenerali, ikun limitat għal sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun ivverifikat l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun tista’ tistabbilixxi, abbażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi bħal dawk li huma stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien obbligat li jieħu (sentenza Edwin vs UASI, punt 67 iktar ʼil fuq, punt 72).

69      Issa, dan ma huwiex il-każ inkwistjoni. Fil-fatt, l-iżball fil-metodoloġija mwettaq fl-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti u s-servizzi esposta fil-punt 29 et seq minħabba fl-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni b’mod xieraq tal-komplementarjetà tagħhom għandu bħala konsegwenza li l-Qorti Ġenerali għandha tipproċedi għal evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell ma kienx ħa pożizzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 43 et seq, xebh, anki dgħajjef, għandu jiġi rikonoxxut bejn ċerti prodotti u servizzi inkwistjoni, li jimplika li l-Bord tal-Appell kien missu pproċeda għal analiżi tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u għal analiżi globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li huwa naqas milli jagħmel.

70      Għaldaqstant, hemm lok li t-talba tar-rikorrenti li titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tirrifjuta milli tirreġistra t-trade mark Komunitarja għandha tiġi rrifjutata anki jekk din it-talba kellha tiġi interpretata bħala talba għal bidla.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

72      Peress li l-UASI tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż f’konformità mat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-17 ta’ Frar 2011 (Kawża R 1073/2010‑2) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Azizi

Frimodt Nielsen

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Mejju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.