Language of document : ECLI:EU:C:2015:832

Kawża C‑419/14

WebMindLicenses Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adó- és Vám Főigazgatóság

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi bíróság)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 2, 24, 43, 250 u 273 – Post tal-provvista ta’ servizzi pprovduta elettronikament – Iffissar artifiċjali ta’ dan il-post permezz ta’ arranġament li ma jirriflettix ir-realtà ekonomika – Abbuż ta’ dritt – Regolament (UE) Nru 904/2010 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8, 41, 47, 48, 51(1), 52(1) u (3) – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Użu mill-amministrazzjoni fiskali ta’ provi miksuba fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali paralleli li għadhom ma ġewx konklużi mingħajr il-konoxxenza tal-persuna taxxabbli – Interċezzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet u konfiska ta’ posta elettronika”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015

1.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva – Kunċett – Kuntratt ta’ liċenzja li jikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ “know-how” li jippermetti l-użu ta’ sit internet – Kuntratt konkluż ma’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru għajr dak tal-kumpannija li tagħti l-liċenzja – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Kuntratt li jikkostitwixxi arranġament għalkollox artifiċjali – Verifika li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112)

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Provvisti ta’ servizzi – Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni – Iffissar artifiċjali ta’ dan il-post permezz ta’ arranġament li ma jirriflettix ir-realtà ekonomika – Taxxa mħallsa fl-Istat Membru tal-provvisti ta’ servizzi artifiċjali – Konsegwenzi – Aġġustament tat-taxxa fl-Istat Membru tal-provvisti ta’ servizzi effettivi – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112)

3.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Kooperazzjoni amministrattiva u ġlieda kontra l-frodi – Stat Membru li jeżamina l-eżiġibbiltà tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal provvisti diġà suġġetti għall-imsemmija taxxa fi Stati Membri oħra – Obbligu li tintalab informazzjoni mill-awtoritajiet fiskali tal-imsemmija Stati Membri – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 904/2010)

4.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi – Portata

5.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva – Proċedura ta’ aġġustament fiskali – Użu mill-amministrazzjoni fiskali ta’ provi miksuba fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali paralleli li għadhom ma ġewx konklużi mingħajr il-konoxxenza tal-persuna taxxabbli – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Rispett tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali – Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja – Dritt għal smigħ – Dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 325 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 47 u 52(1); Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 2, 250(1) u 273)

1.        Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntratt ta’ liċenzja li għandu bħala suġġett it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ “know-how” li jippermetti l-operat ta’ sit internet li permezz tiegħu kienu pprovduti servizzi awdjoviżivi interattivi, konkluż ma’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għajr dak tat-territorju li fih hija stabbilita l-kumpannija li tat din il-liċenzja, irriżultax minn abbuż ta’ dritt intiż għall-benefiċċju mill-fatt li r-rata tal-VAT applikabbli għal dawn is-servizzi kienet inqas għolja f’dan l-Istat Membru l-ieħor, humiex rilevanti l-fatt li d-direttur u azzjonista uniku tal-kumpannija li tat il-liċenzja kien il-fondatur ta’ dan in-“know-how”, il-fatt li din l-istess persuna kienet teżerċita influwenza jew kontroll fuq l-iżvilupp u l-operat tal-imsemmi “know-how” u l-provvista ta’ servizzi li kienu bbażati fuqu kif ukoll il-fatt li l-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, tal-persunal u tal-metodi tekniċi neċessarji għall-provvista tal-imsemmija servizzi kienet żgurata mis-subappaltaturi, u r-raġunijiet li setgħu wasslu lill-kumpannija li tat il-liċenzja tqiegħed in-“know-how” inkwistjoni għad-dispożizzjoni ta’ kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru ieħor sabiex toperah hija stess, ma jidhrux li huma deċiżivi fihom infushom.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tanalizza ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali sabiex tiddetermina jekk il-kuntratt kienx jikkostitwixxi arranġament għalkollox artifiċjali li jostor il-fatt li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni ma kinitx effettivament ipprovduta mill-kumpannija li akkwistat din il-liċenzja, iżda kienet fil-fatt ipprovduta mill-kumpannija li tat il-liċenzja, billi teżamina, b’mod partikolari, jekk l-istabbiliment tas-sede tal-attività ekonomika jew l-istabbiliment stabbli tal-kumpannija li takkwista l-liċenzja kienx reali jew jekk din il-kumpannija, għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika kkonċernata, kellhiex struttura adattata f’termini ta’ postijiet, ta’ riżorsi umani u tekniċi, jew anki jekk l-imsemmija kumpannija kinitx teżerċita din l-attività ekonomika f’isimha stess u għan-nom tagħha, taħt ir-responsabbiltà tagħha u għar-riskji tagħha.

(ara l-punti 49, 50 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva li wasslet sabiex jiġi stabbilit il-post ta’ provvista ta’ servizzi fi Stat Membru għajr dak li kien fih kien ikun stabbilit fl-assenza ta’ din il-prattika abbużiva, il-fatt li t-taxxa fuq il-valur miżjud tkun tħallset f’dan l-Istat Membru l-ieħor konformement mal-leġiżlazzjoni tiegħu ma jostakolax l-aġġustament ta’ din it-taxxa f’dan l-Istat Membru tal-post fejn il-provvista ta’ servizzi ġiet effettivament ipprovduta.

(ara l-punt 53 u d-dispożittiv 2)

3.        Ir-Regolament Nru 904/2010, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li teżamina l-eżiġibbiltà tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal provvisti li diġà kienu suġġetti għal din it-taxxa fi Stati Membri oħra hija marbuta tindirizza talba għal informazzjoni lill-amministrazzjonijiet fiskali ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra meta tali talba tkun utli, u saħansitra indispensabbli, għad-determinazzjoni ta’ jekk l-imsemmija taxxa hijiex eżiġibbli fl-ewwel Stat Membru.

(ara l-punt 59 u d-dispożittiv 3)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 83)

5.        Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) TEU, tal-Artikolu 325 TFEU u tal-Artikoli 2, 250(1) u 273 tad-Direttiva 2006/112/KE, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, li l-amministrazzjoni fiskali tista’, għall-finijiet ta’ konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tuża provi li jkunu nkisbu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali paralleli li għadhom ma ġewx konklużi, mingħajr il-konoxxenza tal-persuna taxxabbli, pereżempju, permezz ta’ interċezzjoni tat-telekomunikazzjonijiet u ta’ konfiska tal-posta elettronika, sakemm il-kisba ta’ dawn il-provi fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri kriminali u l-użu tagħhom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ma jiksrux id-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, skont l-Artikoli 7, 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hija l-qorti nazzjonali li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni ta’ aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud ibbażata fuq tali provi, li għandha tivverifika, minn naħa, jekk l-interċezzjoni tat-telekomunikazzjonijiet u l-konfiska tal-posta elettronika kinux mezzi ta’ investigazzjoni previsti mil-liġi u neċessarji fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u, min-naħa l-oħra, jekk l-użu mill-imsemmija amministrazzjoni tal-provi miksuba b’dawn il-mezzi kienx ukoll awtorizzat mil-liġi u neċessarju. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, konformement mal-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-persuna taxxabbli kellhiex il-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li jkollha aċċess għal dawn il-provi u li tinstema’ fir-rigward tagħhom. Fil-każ li hija tikkonstata li din il-persuna taxxabbli ma kellhiex din il-possibbiltà jew li dawn il-provi nkisbu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali jew użati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva bi ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. l-imsemmija qorti nazzjonali għandha teskludi dawn il-provi u tannulla l-imsemmija deċiżjoni jekk hija tikkonstata, għal din ir-raġuni, li d-deċiżjoni ma għandhiex bażi. Bl-istess mod, għandhom jiġu esklużi dawn il-provi jekk din il-qorti ma tkunx awtorizzata tistħarreġ li huma nkisbu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali konformement mad-dritt tal-Unjoni, jew mill-inqas tista’ tiżgura ruħha, abbażi ta’ stħarriġ li diġà twettaq minn qorti kriminali fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja, li l-imsemmija provi nkisbu konformement ma’ dan id-dritt.

(ara l-punti 90, 91 u d-dispożittiv 4)