Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu - il-Polonja) – YD vs Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej

(Kawża C-146/22 1 , Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (VAT għal xarbiet tal-ħalib sħan))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98(2) – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Punti 1 u 12a tal-Anness III – Prodotti tal-ikel simili ppreparati mill-istess ingredjent prinċipali – Xarbiet sħan ippreparati mill-ħalib – Applikazzjoni ta’ rati tal-VAT imnaqqsa differenti – Oġġetti li għandhom l-istess karatteristiċi u l-istess proprjetajiet oġġettivi – Oġġetti akkumpanjati jew le minn servizzi ta’ preparazzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni mill-fornitur)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: YD

Konvenut: Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej

fil-preżenza ta’: Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców

Dispożittiv

L-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1713 tas-6 ta’ Novembru 2018, moqri flimkien mal-punti 1 u 12a tal-Anness III tagħha, mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li prodotti tal-ikel komposti mill-istess ingredjent prinċipali u li jissodisfaw l-istess bżonn għal konsumatur medju jkunu suġġetti għal żewġ rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imnaqqsa differenti, skont jekk jinbigħux bl-imnut f’ħanut jew jekk humiex ippreparati u servuti sħan lil klijent fuq talba tiegħu bl-għan li jiġu kkonsmati immedjatament, sakemm dawn il-prodotti tal-ikel ma jkollhomx karatteristiċi simili minkejja l-ingredjent prinċipali li għandhom komuni jew sakemm id-differenzi li jeżistu bejn l-imsemmija prodotti tal-ikel, inkluż fir-rigward tas-servizzi relatati li jakkumpanjaw il-provvisti tagħhom, jinfluwenzaw b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jixtri wieħed jew l-ieħor minn fosthom.

____________

1     ĠU C 284, 25.07.2022.