Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2024 (1)
Kawża C‑400/23
Proċeduri kriminali
kontra
VB,
fil-preżenza ta’
Sofiyska gradska prokuratura
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt li persuna tkun preżenti fil-proċess tagħha – Artikolu 8(2) – Proċess li jwassal għal deċiżjoni ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni fil-kontumaċja – Modalitajiet għall-eżami tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid – Dritt tal-prosekuzzjoni u tad-difiża li jinstemgħu – Artikolu 8(4) – Forma u portata tar-rimedji legali disponibbli wara deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja – Għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja bid-drittijiet proċedurali tagħha – Modalitajiet – Artikolu 9 – Dritt għal proċess mill-ġdid – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid għall-preżentazzjoni minn qabel ta’ talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem awtorità ġudizzjarja li quddiemha l-persuna kkundannata fil-kontumaċja jkollha tidher personalment – Kompatibbiltà – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Artikolu 6 – Dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha”
I. Introduzzjoni
1. F’dan ir-rinviju preliminari, li huwa t-tieni rinviju magħmul fil-kuntest tal-kawża prinċipali, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet li jirrigwardaw, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent, fir-rigward ta’ persuna kkundannata fil-kontumaċja, tad-dritt għal proċess mill-ġdid tagħha u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni mogħtija lil din il-persuna dwar id-drittijiet proċedurali tagħha fis-sens tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (2).
2. Fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Ġunju 2023, VB (Informazzjoni tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja) (3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, li jgħid li l-Istat Membru għandu jiżgura li meta l-persuna akkużata tiġi informata bid-deċiżjoni li tkun ingħatat fil-kontumaċja, b’mod partikolari meta din tiġi arrestata, hija għandha tiġi informata wkoll dwar il-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid, ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali li tinkludi f’din id-deċiżjoni tali informazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-għażla tal-modalitajiet li skonthom tali informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna kkonċernata titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru, sakemm din tinġab għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata fil-mument meta din tiġi informata bid-deċiżjoni inkwistjoni (4).
3. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tara dawn il-prinċipji fid-dawl tas-sistema proċedurali nazzjonali. Fil-fatt, hija tirrileva li, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, l-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi l-mertu tal-akkuża u li tagħti d-deċiżjoni fil-kontumaċja ma għandhiex il-kompetenza li tevalwa jekk il-persuna akkużata tistax tibbenefika minn proċess ġdid fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2016/343. F’dan ir-rigward, hija tindika li tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), li għandha tkun adita, minn qabel, b’talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali mill-persuna kkonċernata u li tiddeċiedi bil-kundizzjoni li din tidher personalment quddiemha.
4. Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi preliminari intiżi li jiġi evalwat sa fejn tali modalitajiet jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fid-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (5), li tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li għalihom hija suġġetta l-persuna kkonċernata.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva 2012/13
5. Id-Direttiva 2012/13 tistabbilixxi d-dritt għall-informazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.
6. L-Artikolu 3(1)(c) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi d-dritt li l-persuna tkun informata bid-drittijiet tagħha kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:
[...]
(c) id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6.”
7. L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.
[...]
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.
[...]”
2. Id‑Direttiva 2016/343
8. Id-Direttiva 2016/343 tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, regoli minimi komuni dwar, minn naħa, ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u, min-naħa l-oħra, id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fil-proċeduri kriminali tiegħu stess.
9. L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:
(a) il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew
(b) il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.
3. Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.
4. Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.”
10. L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid”, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.”
B. Id‑dritt Bulgaru
11. L-Artikolu 15(2) u (3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprovdi:
“(2) Il-persuni akkużati u l-persuni l-oħra li jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali għandu jkollhom il-mezzi proċedurali neċessarji kollha għad-difiża tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tagħhom.
(3) L-imħallef, il-prosekutur u l-organi ta’ investigazzjoni għandhom jgħarrfu lill-persuni msemmija fil-paragrafu 2 bid-drittijiet proċedurali tagħhom u jiżgurawlhom il-possibbiltà li jeżerċitawhom.”
12. L-Artikolu 423(1) sa (4) tan-NPK, jipprovdi:
“(1) F’terminu ta’ sitt xhur minn meta tieħu konjizzjoni tal-kundanna kriminali definittiva […], il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul [il-proċedura kriminali]. Din it-talba għandha tintlaqa’, sakemm il-persuna kkundannata, wara li jkunu ġew ikkomunikati lilha l-kapi ta’ akkuża matul l-istruttorja, ma tkunx ħarbet, b’mod li l-proċedura prevista fl-Artikolu 247c(1) ma setgħetx tiġi eżegwita, jew ukoll, wara li l-imsemmija proċedura ġiet eżegwita, hija ma tkunx dehret fis-seduta mingħajr raġuni valida.
(2) It-talba ma tissospendix l-eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali, ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor.
(3) Il-proċedura għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura kriminali tingħalaq fil-każ li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tidhirx mingħajr raġuni valida.
(4) Meta persuna kkundannata fil-kontumaċja titqiegħed taħt detenzjoni b’eżekuzzjoni ta’ kundanna definittiva u l-qorti tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kriminali, hija għandha tiddeċiedi dwar il-miżura ta’ detenzjoni fid-deċiżjoni tagħha.”
13. L-Artikolu 424(1) u (2) tan-NPK jipprovdi:
“(1) It-talba għal ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 422(1) għandha tiġi eżaminata mill-Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell, il-Bulgarija) kompetenti, meta l-att imsemmi fl-Artikolu 419 jkun ingħata minn Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali, il-Bulgarija) jew minn Okrazhen sad (il-Qorti Reġjonali, il-Bulgarija) bħala qorti tal-appell, bl-eċċezzjoni ta’ sentenzi ġodda.
(2) Barra mill-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ kawża kriminali għandha tiġi eżaminata mill-Varhoven kasatsionen sad [il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni].”
14. L-Artikolu 425(2) tan-NPK jipprovdi:
“Fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 423(1), il-proċedura terġa’ tinfetaħ u l-kawża titmexxa għall-istadju li fih il-proċedura fil-kontumaċja tkun inbdiet.”
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari (6)
15. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra VB minħabba fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati punibbli b’piena ta’ priġunerija. Dawn il-proċeduri kriminali, sa mill-bidu tagħhom, tmexxew fl-assenza ta’ VB. Dan ma seta’ jirċievi ebda notifika formali tal-akkużi kontrih. Barra minn hekk, huwa ma seta’ jiġi informat la bil-fatt li l-każ tiegħu tressaq quddiem qorti, u lanqas, a fortiori, bid-data u lok tas-seduta jew bil-konsegwenzi tan-nuqqas li jidher. Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma rnexxielhomx jillokalizzaw lil VB, peress li dan ħarab matul il-fażi istruttorja, qabel l-operazzjoni tal-pulizija li kienet intiża li tarresta lill-persuni ssuspettati. Huwa ġie ddikjarat bħala “mfittex”, b’mod partikolari b’mandat ta’ arrest Ewropew, imma ma nstabx.
16. Il-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għadhom pendenti u l-parti l-kbira tal-provi nġabru. Il-qorti nazzjonali adita b’dawn il-proċeduri kriminali, li inizjalment kienet l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), li wasslet għar-rinviju preliminari magħmul fil-kawża li wasslet għas-sentenza VB I u li llum hija s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), tistaqsi, minn naħa, fuq il-miżuri li hija jkollha tadotta sabiex tiggarantixxi li VB, jekk jiġi kkundannat fil-kontumaċja għal piena ta’ priġunerija, ikun informat, fil-mument tal-arrest tiegħu, bid-deċiżjoni mogħtija fil-konfront tiegħu kif ukoll bid-drittijiet proċedurali tiegħu skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VB I.
17. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni Bulgara li tipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tiġi informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid biss fi tmiem is-seduta fejn tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, li għaliha hija jkollha tidher personalment, tissodisfax jew le r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2016/343 u, b’mod partikolari, id-dritt li tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid previst fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva.
18. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) a) It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva [2016/343] għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna tiġi kkundannata in absentia [fil-kontumaċja], mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, u fejn tkun ġiet imposta fuqha piena li ċċaħħadha mil-libertà, din il-persuna għandha tiġi informata bid-deċiżjoni tal-kundanna tagħha waqt l-arrest tagħha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena?
b) X’tifsira għandha tingħata lir-rekwiżit previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, [permezz tal-kliem] li ‘jiġu infurmati bid-deċiżjoni’, u dan ir-rekwiżit jeħtieġ li tingħata kopja ta’ din id-deċiżjoni?
c) Fir-rigward ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni parti ta’ din l-ewwel domanda, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 tipprekludi d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tiżgura li tingħata kopja ta’ din id-deċiżjoni?
2) a) Leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ eżami ta’ akkuża kriminali u ta’ għoti ta’ deċiżjoni ta’ kundanna fl-assenza tal-persuna kkundannata, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, ma tipprevedi ebda modalità u ebda kundizzjoni ta’ informazzjoni tal-persuna kkundannata in absentia dwar id-dritt tagħha għal proċess ġdid fil-preżenza tagħha u, b’mod iktar preċiż, ma tipprevedix li tali informazzjoni għandha tingħata waqt l-arrest tal-persuna kkundannata in absentia, hija kompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343?
b) Huwa rilevanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 423 tan-[NPK] tipprevedi l-għoti lill-persuna kkundannata in absentia ta’ informazzjoni dwar id-dritt tagħha għal proċess ġdid, iżda dan biss wara li din il-persuna tkun talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ kundanna u proċess ġdid fil-preżenza tagħha, billi din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha fil-forma ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata b’reazzjoni għal din it-talba?
c) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, ir-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2016/343 ikunu osservati jekk il-qorti li teżamina akkuża kriminali u tagħti deċiżjoni ta’ kundanna fil-konfront ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, tindika, fis-sentenza tagħha, id-dritt ta’ din il-persuna għal proċess ġdid jew għal rimedju ġudizzjarju ieħor u tobbliga lill-persuni li jwettqu l-arrest tal-persuna kkundannata jagħtuha kopja ta’ din id-deċiżjoni?
d) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jipprekludi d-deċiżjoni ta’ qorti, li tagħti deċiżjoni ta’ kundanna fil-konfront ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, tindika, fid-deċiżjoni ta’ kundanna tagħha, id-dritt ta’ din il-persuna għal proċess ġdid jew għal rimedju ġudizzjarju ieħor taħt l-Artikolu 9 ta[l-imsemmija] Direttiva u tobbliga lill-persuni li jkunu ser iwettqu l-arrest tal-persuna kkundannata jagħtuha kopja ta’ din id-deċiżjoni ta’ kundanna?
3) Liema huma l-ewwel u l-aħħar mumenti possibbli li fihom il-qorti għandha tiddetermina jekk il-proċedura kriminali żvolġietx fl-assenza tal-persuna li kienet is-suġġett tal-proċedura mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 u tieħu miżuri sabiex tiżgura li din il-persuna tiġi informata konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva?
4) Fl-għoti tad-deċiżjoni msemmija fit-tielet domanda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-prosekutur u tal-avukat difensur tal-persuna li hija s-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia?
5) a) X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni ‘possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni’ li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343: dritt għal azzjoni legali quddiem istanza superjuri jew kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li kisbet is-saħħa ta’ res judicata?
b) X’għandha tinkludi l-informazzjoni li għandha tingħata, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, lil persuna kkundannata in absentia, f’sitwazzjoni fejn ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2), dwar ‘id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9’: informazzjoni dwar id-dritt li tikseb tali rimedju ġudizzjarju jekk tikkontesta l-kundanna in absentia tagħha jew dwar id-dritt li tressaq talba f’dan is-sens, talba li l-fondatezza tagħha ser tiġi evalwata fi stadju ulterjuri?
6) X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni ‘rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali’, użata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343?
7) Leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 423(3) tan-NPK) li tirrikjedi d-dehra personali tal-persuna kkundannata in absentia bħala kundizzjoni preliminari obbligatorja għall-eżami u għall-aċċettazzjoni tat-talba tagħha għal proċess ġdid hija konformi mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343?
8) It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 japplikaw għall-persuni meħlusa mill-akkuża?”
19. Hija l-Kummissjoni Ewropea biss li ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub.
IV. Analiżi
20. Qabel neżamina dawn id-domandi, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2016/343, l-istess bħad-Direttiva 2012/13, ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 82(2) TFUE. Minn dan l-artikolu jirriżulta li, sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi regoli minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali. Id-Direttiva 2016/343, skont il-premessa 9 u l-Artikolu 1 tagħha, għandha għaldaqstant bħala għan li ssaħħaħ id-dritt fundamentali għal proċess mill-ġdid fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’mod li żżid il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra, billi tiddefinixxi regoli minimi komuni li jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu (7). Dawn ir-regoli msejħa “minimi” jirrigwardaw, fir-realtà, prinċipji proċedurali li minnhom l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw u li huma essenzjali sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża u r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari tal-persuni li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja.
21. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, skont l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 82(2) TFUE, jieħu inkunsiderazzjoni t-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri, b’mod li ma tistax tiġi imposta sistema proċedurali unika, dawn is-sistemi proċedurali nazzjonali għandhom madankollu josservaw mhux biss il-prinċipji inkwistjoni, taħt piena li jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt irrikonoxxut lill-persuna akkużata biex tkun preżenti għal proċess tagħha, imma wkoll ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jwasslu għal kundanna fil-kontumaċja ta’ din il-persuna (8).
22. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li, sa fejn il-kooperazzjoni transkonfinali tista’ tidher neċessarja, din tfittex li tiggarantixxi li d-deċiżjoni ta’ kundanna li din ser tagħti fi tmiem il-proċeduri li ser jitmexxew fl-assenza ta’ VB tkun tosserva l-garanziji proċedurali, b’mod li din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membri l-oħra fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-eventwali mandat ta’ arrest Ewropew (9).
23. Għal dan il-għan, din il-qorti għamlet diversi domandi preliminari li jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġbor flimkien għall-iskopijiet tal-eżami tagħhom.
A. L‑eżami tal‑kundizzjonijiet li jirregolaw ir‑rikonoxximent ta’ dritt għal proċess ġdid (it‑tielet, ir‑raba’, is‑seba’ u t‑tmien domanda preliminari)
24. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-kundizzjonijiet li taħthom hija tista’ tikkonstata li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma ġewx issodisfatti u li dawk li jirrigwardaw ir-rikonoxximent ta’ dritt għal proċess ġdid, fis-sens tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, ġew issodisfatti. Għalkemm, permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-eżami għandux isir meta l-persuna akkużata tkun ingħatat deċiżjoni li tilliberaha, hija tistaqsi, permezz tat-tielet domanda tagħha, fuq l-“ewwel u l-aħħar mumenti possibbli” li fihom għandu jsir l-imsemmi eżami u, permezz tar-raba’ domanda tagħha, fuq in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet kemm tal-prosekutur kif ukoll tal-avukat tad-difiża, għall-iskopijiet ta’ dan.
25. L-analiżi ta’ kull waħda minn dawn id-domandi teħtieġ li jitfakkar, b’mod preliminari, is-sens u l-portata tal-evalwazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343.
26. L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxu sistema legali li tiggarantixxi lill-persuna ssuspettata u lill-persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali d-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom (10). Filwaqt li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jiżgura l-osservanza tad-dritt li persuna tkun preżenti għall-proċess tagħha, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(2) u (4) tal-imsemmija direttiva, jistabbilixxi żewġ sistemi legali li jippermettu lill-Istat Membru li jiddeċiedi fuq il-mertu tal-akkuża fi tmiem il-proċedura mmexxija fl-assenza tal-persuna akkużata, filwaqt li jiggarantixxu r-rispett effettiv tad-dritt għall-proċess.
27. Is-sistema stabbilita fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal-premessi 35 sa 37 ta’ din id-direttiva, tikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru jista’ jipprovdi li proċess ikun jista’ jitmexxa u jkun jista’ jirriżulta f’“deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza” tal-persuna akkużata u jeżegwixxi din id-deċiżjoni mingħajr ma jipprovdi d-dritt għal proċess mill-ġdid minħabba li din il-persuna tkun irrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku li tidher għall-proċess tagħha jew li tiddefendi ruħha, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Kull rinunzja għad-dritt li persuna tidher jew li tiddefendi ruħha timplika għaldaqstant l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fi tmiem il-proċess immexxi fil-kontumaċja u l-impossibbiltà tal-persuna akkużata li tikkontesta din id-deċiżjoni u li titlob ġudizzju ġdid.
28. Min-naħa l-oħra, is-sistema prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 tippreżumi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma setgħux ikunu ssodisfatti, peress li l-persuna akkużata ma setgħetx tinstab minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet kompetenti. Hija tippermetti lill-Istat Membru jipprovdi li din il-persuna tkun tista’ tiġi ġġudikata fl-assenza tagħha u li tkun tista’ tingħata “deċiżjoni” bil-kundizzjoni li l-imsemmija persuna tkun debitament informata bil-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni u bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva (11).
29. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.
1. Il‑benefiċjarji tad‑dritt għall‑proċess mill‑ġdid
30. Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għal proċess mill-ġdid, previsti rispettivament fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, japplikawx meta l-persuna akkużata tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ liberazzjoni mogħtija f’kontumaċja.
31. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom “deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata” (12) tista’ tiġi eżegwita fi tmiem proċess li jkun tmexxa fl-assenza tagħha, tali preċiżazzjoni la tinsab fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva, li jirregola ċ-ċirkustanzi li fihom “xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita” (13), u lanqas fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom “id-deċiżjoni oriġinali” (14) tkun tista’ tiġi annullata minħabba li jseħħ proċess ġdid.
32. L-ewwel nett, jidhirli li din id-domanda tikkonċerna ipoteżi pjuttost teoretika fejn persuna lliberata fl-assenza tagħha tikkontesta d-deċiżjoni ta’ liberazzjoni u titlob għal proċess ġdid bir-riskju li, din id-darba, tiġi kkundannata.
33. Imbagħad, meħuda inkunsiderazzjoni r-rabta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi bejn l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, ma hemm ebda dubju li dawn id-dispożizzjonijiet jifformaw grupp bejniethom, li jeħtieġu qari u fehim flimkien. Mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din id-direttiva jirriżulta għaldaqstant li dan il-leġiżlatur ried fil-fatt jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-tmexxija ta’ proċess fil-kontumaċja u, b’mod partikolari, tal-garanziji proċedurali li huma assoċjati miegħu, bħala li jkopru kull proċedura kriminali li l-għan tagħha huwa li tiġi evalwata “l-kwistjoni tal-ħtija tal-persuna akkużata (kemm id-deċiżjoni dwar il-kundanna u dik dwar il-liberazzjoni)” (15).
34. Fl-aħħar nett, jekk il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja tiġi eskluża, fil-prinċipju, mid-dritt għal proċess ġdid, minħabba li hija ġiet illiberata, ikun ifisser li ġie miksur, b’mod manifest, is-sens u l-għan tad-dritt li persuna tkun preżenti għall-proċess tagħha u tinkiser in-natura ekwa tal-proċeduri li minnhom hija tikkostitwixxi element essenzjali (16). Fil-fatt, anki jekk din il-persuna tiġi lliberata, hija tista’ tikkunsidra lilha nnifisha bħala li ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li “tinstema’” mill-qorti u li tikkontrasta lix-xhieda u/jew lill-vittmi, ħaġa li hija element fundamentali mill-proċess kriminali (17).
35. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, minn dan jiena nikkonkludi li l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma japplikaw għall-persuna li fil-konfront tagħha ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja ta’ liberazzjoni.
2. Il‑modalitajiet proċedurali tal‑eżami li jirregolaw ir‑rikonoxximent tad‑dritt għal smigħ xieraq
36. Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 2016/343 ma tagħmilx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċeduri kriminali (18). Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi li taħthom l-Istat Membru huwa meħtieġ li jiżgura li l-persuna li fir-rigward tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja tibbenefika jew le minn dritt għal proċess mill-ġdid skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, huwa ma jiddeterminax, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet proċedurali li permezz tagħhom għandha ssir l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, u b’mod partikolari, il-kuntest kif ukoll it-terminu li fihom din għandha sseħħ.
37. Skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali huwa għalhekk l-obbligu tal-Istat Membru li jiddefinixxi, skont il-partikolaritajiet tas-sistema legali tiegħu, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali li jirrigwardaw dan l-eżami bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (19).
38. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 47 tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali rrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (20) kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (21).
39. Huwa fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi u b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u tad-dritt għal smigħ xieraq li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk Stat Membru pprevediex proċeduri li jippermettu r-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid wara li l-awtorità ġudizzjarja tkun iddeċidiet fuq il-mertu tal-akkuża u tat deċiżjoni fil-kontumaċja (22).
40. L-“ewwel mument” li fih l-Istat Membru jista’ jipprevedi l-proċeduri li jirrigwardaw dan l-eżami huwa, fil-fehma tiegħi, faċilment identifikabbli, peress li jikkorrispondi għall-ftuħ tal-proċess. Fil-fatt, huwa biss b’effett mill-mument li l-awtorità ġudizzjarja tikkonstata li l-persuna akkużata hija assenti mill-proċess tagħha jew li ma hijiex irrappreżentata, li hija tista’ tevalwa sa fejn din il-persuna rrinunzjat b’mod inekwivoku milli tidher jew milli tiddefendi ruħha u biex tmexxi l-proċeduri kriminali fil-kontumaċja.
41. Min-naħa l-oħra, l-“aħħar mument”, b’mod ġenerali, jikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għall-mument li fih l-awtoritajiet kompetenti jkunu fiħsiebhom jeżegwixxu d-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma jkunux issodisfatti. Fil-fatt, is-sistema legali tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva ma hijiex li tipprevedi l-possibbiltà li persuna tiġi ġġudikata fl-assenza tagħha, imma li tippreċiża l-konsegwenzi marbutin mal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, barra mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva. Fil-proċeduri kriminali, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna tippreżumi li din tkun eżekuttiva u definittiva. F’każ fejn l-awtorità ġudizzjarja tkun iddeċidiet fuq il-mertu tal-akkuża u tat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li l-persuna akkużata kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun possibbli biss jekk din il-persuna ma teżerċitax ir-rimedji previsti mid-dritt nazzjonali jew ma titlobx proċess mill-ġdid. F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li xejn ma jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi proċedura li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tad-dritt għal smigħ xieraq fi stadju ulterjuri tal-proċeduri kriminali, wara li l-awtorità ġudizzjarja tkun tat deċiżjoni fil-kontumaċja, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun ġiet sospiża sa tmiem dan l-eżami.
42. Madankollu, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-“aħħar mument” possibbli li fih hija tista’, bħala qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-akkuża, tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti, b’mod, jekk ikun il-każ, li tinforma lill-persuna akkużata bil-possibbiltà li tikkontesta d-deċiżjoni li hija tkun ser tagħti u bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid, dan l-“aħħar mument” huwa dak fejn din il-qorti tagħti d-deċiżjoni li permezz tagħha hija tiddeċiedi fuq il-ħtija jew l-innoċenza ta’ din il-persuna peress li, imbagħad, din il-qorti tkun għamlet xogħolha.
43. Jeħtieġ issa li jiġi eżaminat sa fejn il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-prosekuzzjoni u dawk tal-avukat tad-difiża għall-iskopijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343.
44. Infakkar li dan l-eżami jikkostitwixxi fażi essenzjali tal-proċeduri kriminali peress li, mill-eżitu tiegħu jiddependu kemm l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, kif ukoll it-tmexxija ta’ proċess mill-ġdid. L-imsemmi eżami għandu, għaldaqstant, iseħħ b’osservanza tal-garanziji proċedurali li jiżguraw lill-persuni kkonċernati r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta.
45. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, jimplika b’mod partikolari li l-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom (23). Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, dan jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha (24).
46. Fil-kuntest ta’ proċedura intiża li tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 kinux issodisfatti, il-persuna akkużata għandha tkun tista’ tinstema’ u tinvoka b’mod effettiv, jekk ikun il-każ, permezz tal-avukat tagħha, il-motivi kollha li jiġġustifikaw li wieħed jirrikonoxxilha d-dritt għal proċess mill-ġdid, speċjalment meta r-rappreżentanza tagħha minn avukat hija, fil-prinċipju, tali li turi li hija tixtieq tiggarantixxi d-dritt tagħha li tiddefendi ruħha (25).
47. Fid-dawl tan-natura tal-eżami magħmul mill-awtorità kompetenti, il-persuna akkużata għandha tkun tista’ tiddibatti bil-mezz tal-kontradittorju fuq il-punti ta’ fatt li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura. Hija għandha, b’mod partikolari, tinstema’ fuq il-punt dwar jekk hija kinitx taf bin-natura u bil-kawża tal-akkuża miġjuba kontra tagħha kif ukoll dwar jekk hija ġietx innotifikata personalment b’din l-akkuża jew ġietx imħarrka debitament. Għaldaqstant, dan l-eżami jeżiġi mill-awtorità kompetenti li hija tistabbilixxi l-eżistenza jew le ta’ rinunzja fuq il-bażi ta’ fatti preċiżi, oġġettivi u rilevanti. F’dan il-kuntest, l-osservazzjonijiet magħmula kemm mill-prosekuzzjoni kif ukoll mid-difiża jidhru essenzjali u jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343.
48. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru jista’ jipprevedi proċeduri li jirrigwardaw l-eżami tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ dritt għal proċess mill-ġdid, stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, wara li l-awtorità ġudizzjarja tkun tat deċiżjoni fil-kontumaċja kontra l-persuna akkużata, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tiġi sospiża sa tmiem dan l-eżami u li l-awtorità kompetenti tisma’, għal dan il-għan, kemm lill-prosekuzzjoni kif ukoll lid-difiża.
49. Madankollu, għal darba oħra hawnhekk, il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda fil-mument fejn hija għandha tiddeċiedi fil-kontumaċja u tixtieq tkun taf jekk, għall-iskopijiet li jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti jew le, hija għandhiex tisma’ l-opinjoni tal-prosekuzzjoni u tal-avukat maħtur biex jiddefendi l-interessi tal-persuna akkużata. Fil-fehma tiegħi, il-prinċipji msemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet huma applikabbli.
3. Il‑modalitajiet proċedurali li jirrigwardaw ir‑rikonoxximent tad‑dritt għal proċess mill‑ġdid, previsti fl‑Artikolu 423 tan‑NPK
50. Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema proċedurali nazzjonali li fiha l-persuna, li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni ta’ kundanna ta’ priġunerija fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, hija obbligata, biex tibbenefika mid-dritt għal proċess mill-ġdid, li tippreżenta talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), u li tidher personalment quddiemha.
51. Sistema proċedurali bħalma hija dik inkwistjoni ma jidhirlix li tista’ tiġi kkritikata, minnha nnifisha, mhux biss għar-raġunijiet esposti fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, imma wkoll fid-dawl tar-regola stabbilita mill-Artikolu 82(2) TFUE, jiġifieri li r-regoli adottati fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri.
52. Jibqa’ meħtieġ, madankollu, li din is-sistema proċedurali tosserva, fl-istadju tal-implimentazzjoni tagħha, il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid stabbiliti mill-Artikolu 8(2) u (4), kif ukoll mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u tippermetti, minħabba l-karatteristiċi tagħha, lill-persuna li tkun ġiet ikkundannata fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod sħiħ, ħaġa li jeħtieġ li tiġi eżaminata hawnhekk (26).
53. Issa, mingħajr ħsara għall-verifiki li jkollha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jidhirli li l-karatteristiċi ta’ din is-sistema, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jippermettux li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet proċedurali ta’ din il-persuna.
54. Infakkar li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali tikkostitwixxi fażi partikolari tal-proċedura kriminali li l-importanza tagħha tista’ tirriżulta li hija kardinali għall-persuna li tkun ġiet ikkundannata għall-priġunerija fil-kontumaċja. Il-possibbiltà li tiġi ppreżentata tali talba hija, għaldaqstant, essenzjali, speċjalment meta, peress li l-appell ma jkunx iktar possibbli, din tkun l-unika azzjoni disponibbli biex twassal għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-mertu tal-kawża (27).
55. Issa, skont l-Artikolu 423(2) tan-NPK, il-preżentata ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ma għandhiex effett sospensiv “ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor”. Minnha nnifisha, tali modalità jidhirli li tmur kontra l-prinċipju li jgħid li deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja ma tistax tkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni immedjata sakemm ma jkunx ġie stabbilit jekk il-persuna kkonċernata għandhiex dritt jew le għal proċess mill-ġdid.
56. Barra minn hekk, mill-Artikolu 423(3) tan-NPK jirriżulta li l-eżami tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali jeżiġi, fil-prinċipju, id-dehra personali tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja (28). Din il-proċedura tingħalaq fil-fatt meta din il-persuna ma tidhirx personalment quddiem il-qorti kompetenti, sakemm ma jkollhiex ġustifikazzjoni valida.
57. Indipendentement min-natura ta’ din il-ġustifikazzjoni u minn kemm din il-persuna tkun tista’ tkun irrappreżentata minn avukat, tali rekwiżit iwassal biex jissuġġetta d-dritt għal proċess mill-ġdid iggarantit mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għall-kundizzjoni li ma hijiex prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
58. Ċertament, dan ir-rekwiżit jissodisfa x-xewqa leġittima li ma tkunx ostakolata abbużivament l-effettività tal-prosekuzzjonijiet u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (29). Fil-kuntest ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, wieħed ma jistax fil-fatt jikkritika lil Stat Membru li jixtieq jevita s-sitwazzjonijiet fejn din it-talba tiġi ppreżentata b’mod abbużiv, b’nuqqas ta’ serjetà jew motivazzjoni, sabiex jostakola l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja. Wieħed lanqas ma jista’ jikkritikah li jippreferi x-xhieda personali tal-persuna inkwistjoni sabiex jevalwa r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-assenza tagħha mill-proċess. Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dehra hija importanti minħabba kemm id-dritt tal-persuna akkużata li tinstema’ u biex tagħti lill-qorti “il-verżjoni tal-fatti tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (30) kif ukoll minħabba l-ħtieġa li tivverifika l-eżattezza tal-affermazzjonijiet tagħha (31).
59. Madankollu, tali rekwiżit jista’ jinvolvi restrizzjoni partikolarment severa tad-dritt li persuna tibbenefika minn proċess mill-ġdid, meta l-persuna inkwistjoni tkun ikkundannata għal piena ta’ priġunerija. Fil-fatt, f’tali każ, jidher li din il-persuna ma għandhiex għażla oħra ħlief li tidher personalment, u konsegwentement, tikkostitwixxi ruħha priġuniera b’eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja, jekk hija tixtieq tibbenefika minn proċess mill-ġdid, peress li l-assenza tagħha “mingħajr raġuni valida” tkun timplika, skont l-Artikolu 423(3) tan-NPK, għeluq il-proċeduri u għaldaqstant, ir-rinunzja tagħha għal proċess ġdid. Peress li t-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ma għandhiex effett sospensiv, l-imsemmija persuna tittieħed fil-prinċipju f’detenzjoni għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fil-kontumaċja “ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor”, u dan minkejja li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ma tkunx għadha stabbilixxiet jekk hija kinitx irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha. Barra minn hekk, inżid li d-deċiżjoni ta’ kundanna ssir irrevokabbli fil-każ fejn din it-talba tkun ġiet miċħuda, peress li t-terminu għall-appell ikun skada u d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tiċħad it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ma hijiex fiha nnifisha appellabbli.
60. Meħuda inkunsiderazzjoni l-importanza tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li tista’ tirriżulta li hija kruċjali għall-persuna kkundannata għall-piena ta’ priġunerija fil-kontumaċja, naħseb li r-rekwiżit għad-dehra personali, inkwantu jikkostitwixxi prerekwiżit u kundizzjoni obbligatorja għall-eżami tat-talba u, għaldaqstant, għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, ma jiġġustifikax li din tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid peress li hija ma dehritx personalment għalih. Tali modalità, miżjuda mal-karatteristiċi l-oħra ta’ din il-proċedura, tista’ twassal għal restrizzjoni eċċessiva tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja, u dan speċjalment meta, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 423 tan-NPK jistabbilixxi l-unika rimedju disponibbli kontra kundanna fil-kontumaċja ladarba din tikseb, fis-sittax-il jum wara l-għoti tagħha, l-awtorità ta’ res judicata.
61. Din l-interpretazzjoni taqa’ taħt il-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jeħtieġ li issa tittieħed inkunsiderazzjoni (32). Din tgħid li d-dritt għal proċess mill-ġdid jieħu preċedenza fuq l-importanza tad-dehra tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja quddiem il-qorti. Il-fatt li l-persuna akkużata, għalkemm debitament informata, ma tidhirx, peress li hija prekluża jew tippreferi tastjeni għal raġunijiet personali, ma jistax, skont din u anki fin-nuqqas ta’ skuża, jiġġustifika li hija tiġi mċaħħda mid-dritt li tibbenefika minn proċess ġdid. Din il-qorti tgħid ukoll li r-regola li tgħid li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tistax tkun irrappreżentata minn avukat tidher li hija wkoll manifestament sproporzjonata, peress li hija twassal biex tissanzjona in-nuqqas tar-rikorrent li jidher bi projbizzjoni assoluta kontra kull difiża (33).
62. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis ukoll li huwa sproporzjonat li jiġi impost tali rekwiżit biex wieħed jikseb proċess mill-ġdid jekk l-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu, barra minn hekk, għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja (34). Fil-fehma tagħha, tali modalità twassal biex il-benefiċċju tad-dritt għal smigħ xieraq ikun suġġett għal “tip ta’ garanzija, li hija l-libertà fiżika tal-persuna kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u hija intiża li tissostitwixxi proċeduri li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija b’obbligu li jaqa’ fuq l-akkużat stess (35). Issa, għalkemm ir-rieda li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija minnha nnifisha leġittima, din il-qorti tgħid li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi oħra li jippermettulhom jiżguraw ruħhom bil-preżenza tal-persuna kkundannata (36). Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, persuna libera ma għandhiex tkun obbligata tikkostitwixxi ruħha priġuniera b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja, indipendentement mid-dewmien, anki jekk qasir, taċ-ċaħda tal-libertà biex tibbenefika mid-dritt li tkun iġġudikata mill-ġdid taħt kundizzjonijiet konformi mal-Artikolu 6 tal-KEDB, peress li tali modalità tikser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza (37).
63. Fis-sentenza Khalfaoui vs Franza, li kienet tirrigwarda dispożizzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Franċiż li tgħid li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tal-preparazzjoni tal-kawża ssanzjonat bir-revoka tal-appell tal-kassazzjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet “fid-dawl tal-importanza tal-istħarriġ finali mwettaq mill-Qorti tal-Kassazzjoni [Franza] fil-qasam kriminali u tal-importanza ta’ dan l-istħarriġ għal dawk li jistgħu jkunu kkundannati għal pieni ħorox ta’ priġunerija, il-Qorti ssostni li din hija sanzjoni partikolarment ħarxa fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal qorti ggarantit mill-Artikolu 6 tal-[KEDB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (38). Hija żiedet, barra minn hekk, li “l-inammissibbiltà ta’ appell ta’ kassazzjoni, ibbażata biss [...] fuq il-fatt li r-rikorrent ma kkostitwixxiex ruħu priġunier b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li hija s-suġġett tal-appell, torbot lill-persuna kkonċernata biex timponi fuqha stess mill-ewwel iċ-ċaħda tal-libertà li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li din id-deċiżjoni ma tistax titqies bħala definittiva sakemm ma jkunx ġie deċiż l-appell jew li t-terminu tal-appell ma jkunx iddekorra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (39). Din il-qorti qieset li dan jista’ “jippreġudika għaldaqstant is-sustanza stess tad-dritt ta’ appell, billi r-rikorrent ikollu fuqu piż sproporzjonat, li jikser il-bilanċ ġust li għandu jeżisti bejn, minn naħa, ir-rieda leġittima li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ aċċess għall-qorti ta’ kassazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (40).
64. Konsegwentement, għalkemm is-sistema proċedurali inkwistjoni ma jidhirlix li tista’ tiġi kkritikata fejn teżiġi li l-persuna akkużata tippreżenta, quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali sabiex tibbenefika minn proċess ġdid, jidhirli, min-naħa l-oħra, li ċerti karatteristiċi ta’ din il-proċedura u, b’mod partikolari, il-fatt li ma hijiex akkumpanjata b’effett sospensiv u l-fatt li teżiġi d-dehra personali ta’ din il-persuna, ma jippermettux li jiġi ggarantit lil din il-persuna li teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt li tkun preżenti għal proċess tagħha.
65. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jistabbilixxi proċedura li teżiġi mingħand il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, li hija tippreżenta, quddiem l-awtorità kompetenti, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali sabiex din l-awtorità tevalwa, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, jekk din il-persuna tibbenefikax mid-dritt għal proċess mill-ġdid, sakemm il-karatteristiċi ta’ dawn il-proċeduri jippermettu li jiggarantulha d-dritt li tkun preżenti għall-proċess tagħha kif ukoll li teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha.
66. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu r-regola li tgħid li tali proċedura ma għandhiex effett sospensiv u teżiġi, iktar minn hekk, id-dehra personali tal-persuna kkundannata għall-priġunerija fil-kontumaċja.
B. Il‑portata u l‑kontenut tad-dritt għall‑informazzjoni tal‑persuna kkundannata fil‑kontumaċja (l‑ewwel, it‑tieni u l‑ħames domanda preliminari)
67. Permezz tal-ewwel, it-tieni u l-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li persuna li fil-konfront tagħha ngħatat, fil-kontumaċja, deċiżjoni ta’ kundanna ta’ priġunerija, meta ma jkunx ġie stabbilit, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, ma tkunx informata, fil-mument tal-arrest tagħha, la b’din id-deċiżjoni, la bil-possibbiltà li tikkontestaha u lanqas bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal xi rimedju legali ieħor. Din il-qorti tistaqsi wkoll fuq il-forma u l-kontenut li għandu jkollha din l-informazzjoni.
68. L-imsemmija qorti tagħmel dawn id-domandi inkwantu, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, id-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja ma tkunx innotifikata lill-persuna inkwistjoni u din ma tiġix, barra minn hekk, informata bid-drittijiet proċedurali tagħha u, b’mod partikolari, bil-possibbiltà li tippreżenta talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali skont l-Artikolu 423 tan-NPK.
69. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għaldaqstant sa fejn Stat Membru huwa obbligat jipprevedi proċeduri biex, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront tagħha jew fil-mument tal-arrest ta’ din il-persuna, din tkun informata b’din id-deċiżjoni, jekk ikun il-każ, billi jiżgura li tingħatalha kopja sħiħa ta’ din id-deċiżjoni.
70. Barra minn hekk, permezz tat-tieni domanda tagħha, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar il-mod li bih Stat Membru għandu jissodisfa d-dmir tiegħu li jipprovdi l-informazzjoni f’sistema proċedurali bħalma hija dik inkwistjoni, fejn, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew fil-mument tal-arrest tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja, l-awtoritajiet kompetenti jkunu għadhom ma ddeċidewx dwar l-eżistenza tad-dritt għal proċess mill-ġdid, peress li dan id-dritt jingħata fi stadju ulterjuri, fi tmiem l-eżami ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li din il-persuna jkollha tippreżenta.
1. Il‑kuntest tal‑eżami tad‑domandi
71. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-persuna li fil-konfront tagħha tkun ġiet adottata deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, meta din tiġi informata b’din id-deċiżjoni, b’mod partikolari fil-mument li tiġi arrestata, tiġi informata wkoll dwar il-possibbiltà li tikkontestaha u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra.
72. Mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li l-leġiżlatur tal-Unjoni jitfa’ fuq l-Istat Membru obbligu li jkollu riżultat preċiż, dak li jiżgura li l-persuna li fil-konfront tagħha tkun ġiet adottata deċiżjoni fil-kontumaċja tkun informata bid-drittijiet proċedurali tagħha fil-mument li hija tkun informata b’din id-deċiżjoni u, l-iktar tard, fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari, fil-mument tal-arrest tal-persuna kkundannata f’każ ta’ kundanna għal piena ta’ priġunerija. Din hija regola minima, li tirrigwarda prinċipju proċedurali essenzjali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ din il-persuna, li minnha l-Istat Membru ma jistax jidderoga.
73. Għaldaqstant, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jipprekludi li persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, ma tiġix informata, fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew fil-mument tal-arrest tagħha, la bl-imsemmija deċiżjoni, la bil-possibbiltà li tikkontestaha u lanqas bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal xi rimedju legali ieħor. Fil-fatt, tali sitwazzjoni twassal biex jiġu mċaħħda minn kull effettività d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna u sabiex jixxejjen il-kontenut tad-dritt għal proċess mill-ġdid sanċit fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.
74. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 la għandha bħala suġġett u lanqas bħala għan li tiddetermina l-modalitajiet ta’ dan id-dmir ta’ informazzjoni u, b’mod partikolari, dawk li permezz tagħhom il-persuna akkużata għandha, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew fil-mument tal-arrest tagħha, tiġi informata, minn naħa, b’din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal xi rimedju legali ieħor.
75. Fil-fehma tiegħi, dawn il-modalitajiet partikolari għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali previsti mid-Direttiva 2012/13 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, li għaliha tagħmel riferiment il-premessa 8 tad-Direttiva 2016/343 (41). Kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-Direttiva 2012/13, din hija marbuta mill-qrib mad-Direttiva 2010/64/UE (42) li tagħti lil dawk, fost dawn il-persuni, li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċeduri kriminali kkonċernati d-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni tal-informazzjoni hekk ikkomunikata.
76. Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2012/13 hija intiża li tistabbilixxi regoli minimi komuni li jikkonċernaw id-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u tal-akkuża miġjuba kontrihom (43). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt imsemmi f’dan l-Artikolu 1 jikkonċerna, tal-inqas, żewġ drittijiet distinti (44).
77. L-ewwel wieħed huwa d-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu informati “bħala minimu”, b’ċerti drittijiet proċedurali, kif japplikaw fid-dritt nazzjonali. Dan id-dritt huwa sanċit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13 u huwa fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni li ser neżamina l-modalitajiet li jirrigwardaw ir-rispett tad-dritt li persuna tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor sanċit fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343.
78. It-tieni wieħed huwa d-dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha, sanċit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13. Huwa fid-dawl ta’ dan l-aħħar artikolu li ser neżamina l-kundizzjonijiet li taħthom il-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandha, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront tagħha jew fil-mument tal-arrest tagħha, tkun informata b’din id-deċiżjoni.
79. Biex tkun żgurata l-effettività tad-dritt għall-informazzjoni hekk prevista, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13 jistabbilixxi li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jew l-avukati tagħhom għandhom ikollhom id-dritt li jikkontestaw, skont il-proċeduri nazzjonali, il-fatt eventwali li l-awtoritajiet kompetenti ma jipprovdux jew jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni skont din id-direttiva.
2. L‑informazzjoni dwar id‑deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil‑kontumaċja
80. Mill-kliem tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta, inekwivokament, li dan l-artikolu la għandu bħala suġġett u lanqas bħala għan li jiddetermina l-modalitajiet li bihom Stat Membru għandu jiżgura, meta tkun qiegħda tiġi eżegwita deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew mal-arrest ta’ persuna li fil-konfront tagħha tkun ġiet adottata din id-deċiżjoni, li din il-persuna tkun informata bl-imsemmija deċiżjoni. Bil-fatt li l-Istat Membru jiġi obbligat jipprovdi biex il-persuna akkużata tkun informata bid-drittijiet proċedurali tagħha meta din tiġi “infurmat[a]” bid-deċiżjoni mogħtija fil-konfront tagħha, “b’mod partikolari meta d[i]n [t]inqab[a]d”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jobbliga lil dan tal-aħħar biex jibgħat kopja sħiħa ta’ din id-deċiżjoni, li magħha tkun miżjuda dikjarazzjoni tad-drittijiet fil-mument stess tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni jew meta jipproċedi għall-arrest ta’ din il-persuna.
81. Tali modalitajiet għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu ddeterminati fid-dawl tar-regoli li jirrigwardaw id-dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontra tagħha, previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 u ta’ dawk li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.
82. Fis-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (45), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 2, 3 u 6 tad-Direttiva 2012/13, in-notifika ta’ digriet kriminali, bħalma hija dik prevista fid-dritt Ġermaniż, għandha titqies bħala forma ta’ komunikazzjoni tal-akkuża mressqa kontra l-persuna kkonċernata, b’tali mod li din għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 6 (46). Infakkar li, skont id-dritt Ġermaniż, id-digriet kriminali huwa deċiżjoni provviżorja mogħtija minn qorti fuq talba tal-prosekutur għal reati minuri li ma jeħtiġux id-dehra fiżika tal-persuna kkundannata. Dan id-digriet, li jingħata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ssimplifikata, mingħajr seduta, isir res judicata mal-iskadenza tat-terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika tal-imsemmi digriet, jekk ikun il-każ, lir-rappreżentanti tal-persuna kkundannata (47).
83. Għal raġunijiet simili għal dawk adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, nikkunsidra li l-informazzjoni dwar deċiżjoni li ngħatat fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li l-persuna akkużata rrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, għandha titqies bħala forma ta’ komunikazzjoni tal-akkuża miġjuba kontra din il-persuna, b’mod li din l-informazzjoni għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13.
84. Minn naħa, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda b’mod ċar li din id-direttiva tapplika matul il-proċeduri kriminali kollha, sa mill-ewwel suspetti sal-għoti tas-sentenza, jekk ikun il-każ, wara l-eżawriment tar-rimedji legali (48).
85. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija fil-kontumaċja skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, id-deċiżjoni tingħata, minkejja li jkunx magħruf jekk il-persuna akkużata riditx tirrinunzja milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, b’mod li din l-informazzjoni tista’ tirrappreżenta, fir-realtà, l-ewwel okkażjoni għal din il-persuna biex tkun informata bl-akkuża miġjuba kontra tagħha. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li din il-persuna, jekk hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, tista’ tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li fil-kuntest tiegħu hija tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha, qabel ma l-awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-fondatezza tal-akkuża fil-fatt kif ukoll fid-dritt.
86. Għaldaqstant, jidhirli li d-dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, jinvolvi wkoll id-dritt, għall-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, li tkun informata b’din id-deċiżjoni.
87. Ċertament, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2012/13 ma tirregolax il-modalitajiet kif l-informazzjoni dwar l-akkuża, prevista fl-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi kkomunikata lill-persuna akkużata (49). L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istat Membru għandu jiżgura li tiġi kkomunikata fil-pront u b’mod suffiċjentement iddettaljat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata l-informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu sabiex tkun iggarantita n-natura ekwa tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirrigwarda speċifikament il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata li tiġi arrestata jew detenuta. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jiżgura li din tkun informata bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħha, inkluż bl-att kriminali li hija tkun issuspettata jew akkużata li wettqet. Fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, l-Istat Membru għandu jiżgura li, mhux iktar tard minn meta l-qorti tkun mitluba tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-akkuża, tingħata informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża, inklużi dwar in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll dwar in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.
88. Meħud inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikonoxxi lill-Istati Membri, huma dawn tal-aħħar li għandhom l-obbligu li jiddefinixxu, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-sistema proċedurali tagħhom, il-modalitajiet li bihom il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, għandha tiġi informata b’din id-deċiżjoni. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn il-modalitajiet ma għandhomx jiksru l-għan imfittex b’mod partikolari mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 27 tal-imsemmija direttiva, fil-possibbiltà li din il-persuna tipprepara d-difiża tagħha u fil-garanzija tan-natura ekwa tal-proċedura (50).
89. Fil-kuntest partikolari fejn il-persuna akkużata tiġi arrestata b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna li tkun ingħatat fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, l-informazzjoni li din il-persuna tirċievi fil-mument stess tal-arrest tagħha hija intiża li tinformaha bir-raġunijiet għall-arrest tagħha u bl-akkużi miġjuba kontriha, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, kif ukoll bid-drittijiet proċedurali tagħha.
90. Dan l-għan ma jeżiġix, fil-fehma tiegħi, li dan l-Istat Membru jkun obbligat, meta l-awtoritajiet kompetenti jipproċedu għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew għall-arrest tal-persuna akkużata, li dawn l-awtoritajiet iwettqu dmirhom li jagħtu l-informazzjoni billi jagħtuha, fil-mument ta’ din l-eżekuzzjoni jew ta’ dan l-arrest, kopja sħiħa ta’ din id-deċiżjoni. Tali rekwiżit ma huwiex neċessarju. Is-sempliċi informazzjoni dwar il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni u dwar il-fatt li ngħatat fl-assenza ta’ din il-persuna tidher suffiċjenti.
91. Min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv, il-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandu jkollha għarfien sħiħ tar-raġunijiet li għalihom hija tkun ġiet ikkundannata. L-Istat Membru għandu għaldaqstant jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu ħsieb b’mod partikolari javżaw fil-pront u b’mod uffiċjali lil din il-persuna bid-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront tagħha bi proċedura ta’ notifika pereżempju (51). Fil-fatt, din id-deċiżjoni ssir eżekuttiva biss b’effett mill-mument li fih l-imsemmija persuna tkun ġiet avżata uffiċjalment, wara l-iskadenza tar-rimedji li t-terminu għalihom jibda jiddekorri, fil-prinċipju, mit-twettiq ta’ din il-proċedura u wara li hija tkun irrinunzjat għad-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew li dan id-dritt ma jkunx ġie rrikonoxxut lilha. Barra minn hekk, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 4a(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (52), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (53), jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew jekk dan il-mandat jindika b’mod partikolari li l-persuna kkonċernata ser tirċievi mingħajr dewmien, wara l-konsenja tagħha, in-notifika tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja.
92. Fl-aħħar nett, inżid li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13, meta persuna tiġi arrestata u detenuta, ikun xi jkun l-istadju tal-proċeduri kriminali, l-Istat Membru għandu jiżgura li dokumenti relatati mal-każ speċifiku li jkunu essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv skont id-dritt nazzjonali l-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, isiru disponibbli għal dik il-persuna. Issa, kif tippreċiża d-Direttiva 2010/64, id-deċiżjoni ta’ kundanna jew is-“sentenza” tikkostitwixxi dokument essenzjali li l-komunikazzjoni tagħha, u t-traduzzjoni wkoll, ikunu meħtieġa biex jippermettu lill-persuna kkundannata teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha u biex tiggarantixxi n-natura ekwa tal-proċedura (54).
93. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jipproċedu għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew għall-arrest ta’ persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat din id-deċiżjoni, dawn l-awtoritajiet huma obbligati jinformaw din il-persuna bl-akkuża miġjuba kontriha, inkluż bir-raġunijiet għall-kundanna tagħha, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(c) u fl-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2012/13. L-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ma jinkludix l-obbligu għall-Istat Membru li jipprevedu li tintbagħat lill-imsemmija persuna, fil-mument ta’ din l-eżekuzzjoni jew dan l-arrest, kopja sħiħa tal-imsemmija deċiżjoni.
3. L‑informazzjoni dwar id‑dritt għal proċess mill‑ġdid jew għal rimedju legali ieħor
94. Infakkar li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tippreċiża l-modalitajiet li jirrigwardaw r-rispett tad-dritt li persuna tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343.
95. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tfittex li tqabbel il-prinċipji misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VB I, mas-sistema proċedurali Bulgara. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-għażla tal-modalitajiet li skonthom [l-informazzjoni dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid u għall-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja] għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, sakemm din tinġab għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata fil-mument meta din tiġi informata bid-deċiżjoni inkwistjoni” (55). Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sistema proċedurali Bulgara, l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu fuq l-eżistenza tad-dritt għal proċess mill-ġdid fi tmiem l-eżami ta’ talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li għandha tressaq il-persuna kkundannata fil-kontumaċja.
96. Fis-sentenza VB I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 ma tiddeterminax il-modalitajiet preċiżi li skonthom il-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandha tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor (56). Hija biss il-premessa 39 ta’ din id-direttiva li tippreċiża li din l-informazzjoni għandha tingħata jew bil-miktub, jew oralment, bil-kundizzjoni, f’dan l-aħħar każ, li l-fatt li din l-informazzjoni tkun ingħatat jiġi rreġistrat skont il-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista fid-dritt nazzjonali (57).
97. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2012/13. Fil-fatt, inkwantu d-dritt li persuna tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor jikkostitwixxi dritt proċedurali, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandha tinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2012/13.
98. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/13, jeżiġi mill-Istati Membri li jiżguraw li jingħataw fil-pront “informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin [fil-punti (a) sa (e)], kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet” (58). Din id-dispożizzjoni tagħti lista li tinkludi d-dritt ta’ aċċess għal avukat; id-dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kundizzjonijiet biex jinkiseb tali parir; id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha; id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni, kif ukoll id-dritt li persuna tibqa’ siekta. Kif jixhed l-użu tal-espressjoni “tal-anqas”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jillimita d-drittijiet proċedurali li bihom il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandhom jiġu informati, peress li din id-direttiva tapplika barra minn hekk sa meta tingħata s-sentenza finali. Barra minn hekk, mill-premessa 20 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li dawn ir-regoli “ma jippreġudika[w]x l-informazzjoni li tingħata dwar drittijiet proċedurali oħrajn li joħorġu mill-Karta, il-KEDB, id-dritt nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni applikabbli”.
99. Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13, din l-informazzjoni għandha tingħata “fil-pront” lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli (59). Waqt l-arrest jew id-detenzjoni ta’ din il-persuna, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jeżiġi mill-Istat Membri li jiżgura li tiġi pprovduta fil-pront lil din il-persuna ittra tad-drittijiet proċedurali tagħha, kif japplikaw fid-dritt nazzjonali. Din l-ittra għandha tinkiteb, f’lingwa sempliċi, aċċessibbli u li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem. Hija għandu jkun fiha l-informazzjoni li tikkonċerna d-drittijiet proċedurali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13, li l-lista tagħhom ma hijiex eżawrjenti, u d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ din id-direttiva, bħalma huwa d-dritt ta’ aċċess għall-materjal tal-każ kif ukoll l-informazzjoni bażika fuq il-possibbiltajiet li jipprevedi d-dritt nazzjonali biex tiġi kkontestata, b’mod partikolari, il-legalità tal-arrest. Fil-każ fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ xi Stat Membru jipproċedu bl-arrest tal-persuna akkużata, biex jeżegwixxu deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja, jidhirli li din l-ittra tad-drittijiet bil-miktub tkun tista’ tinkludi d-dritt għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor (60).
100. Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata, jidhirli li dan għandu jiġi evalwat, minn naħa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-proċeduri nazzjonali involuti u, min-naħa l-oħra, skont l-għan tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, jiġifieri biex tkun iggarantita l-effettività tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata u d-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid sanċit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343.
101. Fil-fatt, diġà indikajt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jimponi sistema proċedurali unika li fiha l-Istat Membru jkun obbligat jipprevedi l-bżonn li jorganizza proċess mill-ġdid fl-istadju tal-għoti tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja. Barra minn hekk, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/13, hemm espressament indikat li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-persuna akkużata l-informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom “kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali”. Dan jimplika, f’sistema proċedurali bħal dik inkwistjoni, li l-ittra tad-drittijiet tindika lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja, il-proċedura li mbagħad titpoġġa għad-dispożizzjoni tagħha sabiex hija tkun tista’ titlob, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, proċess mill-ġdid.
102. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 15(3) tan-NPK jipprovdilha bażi legali suffiċjenti biex jippermettilha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-persuna akkużata tkun informata bid-drittijiet proċedurali tagħha skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jipprekludi, fil-fehma tiegħi, li din il-qorti tindika, fid-deċiżjoni li hija tagħti fil-kontumaċja, il-modalitajiet li bihom il-persuna inkwistjoni tista’ titlob proċess mill-ġdid jew rimedju legali ieħor taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.
103. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fis-sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jipproċedu bl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jew għall-arrest ta’ persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni ta’ kundanna fil-kontumaċja, dawn l-awtoritajiet huma obbligati, fil-kuntest tal-ittra tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13, li jinformawha bid-dritt eventwali tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor, kif dan ikun japplika fid-dritt nazzjonali.
104. F’sistema proċedurali bħalma hija dik inkwistjoni li tistabbilixxi proċedura li permezz tagħha din il-persuna għandha, għall-iskopijiet tar-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, tippreżenta talba minn qabel għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, l-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva jeżiġi li din l-ittra tad-drittijiet issemmi din il-proċedura.
C. Il‑forma u l‑portata tar‑rimedji legali disponibbli wara deċiżjoni mogħtija fil‑kontumaċja (il‑ħames u s‑sitt domanda preliminari)
105. Permezz tal-ħames u s-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja għandhiex tibbenefika minn żewġ rimedji legali distinti li jippermettu, wieħed, li tippreżenta appell minn din id-deċiżjoni u, l-ieħor, li tibbenefika minn proċess għal smigħ ġdid jew minn rimedju legali ieħor skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.
106. Infakkar li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jeżiġi li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja tkun, meta tiġi informata b’din id-deċiżjoni, informata wkoll bil-“possibbiltà li jikkontesta[...] [l-imsemmija ]deċiżjoni u dwar id-dritt [tagħha] għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra”, peress li dan tal-aħħar jippermetti, skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, “eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża […] u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali”.
107. Mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 u, b’mod partikolari, mill-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, ikollha l-possibbiltà tikkontesta din id-deċiżjoni jew billi titlob proċess mill-ġdid jew billi teżerċita rimedju ieħor.
108. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (61), din il-possibbiltà għandha tippermetti lill-persuna kkonċernata li tikseb ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami mill-ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-każ. Il-portata ta’ din il-proċedura ġudizzjarja ġdida hija ddefinita espressament fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri obbligi preċiżi u inekwivoki. Huwa jeżiġi minn dawn tal-aħħar jew li jipprovdu għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċess, jew li jistabbilixxu proċedura li tippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża, inkluż eżami tal-provi ġodda, u li tippermetti li twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali. Barra minn hekk, huwa jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-persuna akkużata tkun tibbenefika, fil-kuntest ta’ dan il-proċess ġdid jew tal-eżerċizzju ta’ dan ir-rimedju legali ġdid, mid-dritt li tkun preżenti u li tipparteċipa b’mod effettiv għall-istanza li tirriżulta minnu, skont il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali, u li hija tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża.
109. Kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza (62), il-leġiżlatur tal-Unjoni jintegra r-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura ġudizzjarja l-ġdida misluta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (63). Fil-fatt, din teżiġi li l-persuna akkużata jkollha l-possibbiltà li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fondatezza tal-akkużi miġjuba kontriha, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, minn qorti “mogħnija b’ġurisdizzjoni sħiħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li tisma’ l-kawża fil-preżenza tagħha (64), li toffrilha l-garanziji kollha ta’ smigħ xieraq offruti mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Infakkar li hija tħalli madankollu lill-Istati kontraenti “libertà kbira fl-għażla tal-mezzi intiżi li jippermettu lis-sistemi ġudizzjarji tagħhom josservaw ir-rekwiżiti [ta’ dan l-artikolu]”, sakemm “ir-riżorsi offruti mid-dritt intern jirriżultaw li huma effettivi jekk l-akkużat la rrinunzja milli jidher u milli jiddefendi ruħu u lanqas kellu l-intenzjoni li jaħrab mill-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (65).
110. Infakkar ukoll li, bl-istess mod, id-Direttiva 2016/343 ma tagħmilx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċeduri kriminali. Skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant diskrezzjoni wiesgħa biex jiddefinixxu s-sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja sakemm, minn naħa, dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw is-sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).
111. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jipprovdu biex il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija rrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, tkun tista’ tibbenefika minn żewġ rimedji legali distinti li jippermettulha tikkontesta din id-deċiżjoni kemm billi tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess, jew billi taċċedi għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-każ skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.
V. Konklużjoni
112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) bil-mod kif ġej:
1) L-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
huma japplikaw għall-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja li tilliberaha.
2) L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva u tar-rikonoxximent ta’ dritt għal proċess mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva,
a) l-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-merti tal-akkuża miġjuba kontra l-persuna akkużata tista’ skont is-sistema proċedurali nazzjonali, tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti u, fin-nuqqas, tinforma lil din il-persuna fid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, bil-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni u bid-dritt tagħha għal proċess ġdid;
b) din l-awtorità hija obbligata tisma’ kemm lill-prosekutur kif ukoll lid-difiża għall-iskopijiet ta’ dan l-eżami;
c) l-Istat Membru jista’ jistabbilixxi proċedura li teżiġi mill-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, li hija tippreżenta, quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, sakemm il-karatteristiċi ta’ din il-proċedura jippermettu li jiġi ggarantit lil din il-persuna d-dritt li tkun preżenti fil-proċess tagħha kif ukoll l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha.
Ir-regola li tgħid li tali proċedura ma jkollhiex effett sospensiv u tkun teżiġi, iktar minn hekk, id-dehra personali tal-persuna li tkun ġiet ikkundannata għal priġunerija fil-kontumaċja hija inkompatibbli ma’ dawn il-prinċipji.
– Għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet li jirrigwardaw l-informazzjoni tal-persuna akkużata, li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni ta’ kundanna fil-kontumaċja, filwaqt li ma jkunx ġie stabbilit, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li hija rrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha,
a) dan jipprekludi li din il-persuna ma tiġix informata, fil-mument tal-arrest tagħha, la b’din id-deċiżjoni, la bil-possibbiltà li tikkontestaha, u lanqas bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal xi rimedju legali ieħor;
b) huwa jeżiġi li l-Istat Membru jinforma lill-imsemmija persuna bir-raġunijiet għall-arrest tagħha, skont id-dritt tagħha li tiġi informata bl-akkuża miġjuba kontriha msemmi fl-Artikolu 3(1)(c) u fl-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali. L-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ma jinvolvix l-obbligu fuq l-Istat Membru li jibgħatilha kopja sħiħa tal-imsemmija deċiżjoni fil-mument li tiġi arrestata;
c) huwa jeżiġi li l-Istat Membru, fil-kuntest tal-ittra tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13, jinforma lill-istess persuna bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor, kif dan ikun japplika fid-dritt nazzjonali;
d) fis-sistema proċedurali li tistabbilixxi proċedura li permezz tagħha persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja għandha, għall-iskopijiet tar-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, tippreżenta talba minn qabel għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, huwa meħtieġ li din l-ittra tad-drittijiet ssemmi din il-proċedura.
– Għal dak li jirrigwarda l-forma u l-portata tar-rimedji legali disponibbli wara deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat tali deċiżjoni, meta ma jkunx ġie stabbilit, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, għandha tibbenefika minn żewġ rimedji legali distinti li jippermettulha tikkontesta din id-deċiżjoni jew billi tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess, jew billi taċċedi għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-każ skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.