Appell ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2023 minn Ryanair DAC u Airport Marketing Services Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-79/21, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-535/23 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Ryanair DAC, Airport Marketing Services Ltd (rappreżentanti: E. Vahida, F.-C. Laprévote, avukati, u S. Rating, D. Pérez de Lamo, abogados)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
tiddikjara, skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1671 tat-2 ta’ Awwissu 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.47867 2018/C (ex 2017/FC) implimentata minn Franza għal Ryanair u għal Airport Marketing Services 1 hija annullata;
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mill-appellanti; u
tikkundanna lil kwalunkwe konvenuti u intervenjenti oħra jbatu l-ispejjeż tagħhom.
Sussidjarjament:
tannulla s-sentenza appellata;
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid; u
tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta mal-ewwel istanza u mal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell, l-appellanti jinvokaw l-aggravji li ġejjin :
L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li, peress li l-appellanti kienu sempliċi “partijiet ikkonċernati”, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat test ta’ ħtieġa mqassar minflok il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq.
It-tielet, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova fil-konstatazzjoni tagħha li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li l-prezz tas-servizzi ma kienx il-prezz tas-suq u li s-servizzi ma kinux meħtieġa.
Ir-raba’, b’mod sussidjarju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li Aéroport Montpellier Méditerranée ma kienx benefiċjarju indirett ta’ għajnuna.
Il-ħames, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tas-selettività.
____________
1 ĠU 2020, L 388, p. 1.