Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sebà Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Apelativen sad - Sofia - il-Bulgarija) – VU, IT vs EUROBANK BULGARIA

(Kawża C-117/23 1 , Eurobank Bulgaria)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) u Artikolu 4 – Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Formulazzjoni ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali – Kuntratt ta’ self minn bank iddenominat f’munita barranija – Klawżola li tqiegħed ir-riskju tal-kambju kompletament fuq il-konsumatur – Vantaġġ li ma ġiex miftiehem b’mod speċifiku favur istituzzjoni tal-kreditu li jirriżulta mill-konverżjoni, fil-munita tal-ħlas, tal-ammont tas-self espress fi flus skritturali – Artikolu 6 – Konsegwenza tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Apelativen sad - Sofia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Konvenut u appellanti: VU, IT

Rikorrent u appellat: EUROBANK BULGARIA

Dispożittiv

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jistgħu jikkostitwixxu klawżoli inġusti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ self li abbażi tagħhom l-ammont misluf huwa ddenominat f’munita barranija u li, għall-ewwel, jitħallas mill-bank, f’din il-munita, f’kont imblukkat qabel ma jiġi, sussegwentement, ikkonvertit minn dan il-bank f’munita nazzjonali jew f’munita ta’ riżerva u akkreditat fuq il-kont kurrenti tal-persuna li tissellef, meta l-effett ta’ tali klawżoli jkun, minn naħa, li r-riskju tal-kambju jiġi ttrasferit kompletament fuq il-konsumatur fil-każ ta’ żieda kunsiderevoli fil-valur tal-munita barranija, u min-naħa l-oħra, li l-istituzzjoni tal-kreditu tibbenefika, għad-detriment tal-konsumatur, minn vantaġġ marbut mal-modalitajiet ta’ konverżjoni tas-self li ma ġewx miftiehma b’mod speċifiku bejn il-partijiet fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

qorti nazzjonali, meta tkun ikkonstatat in-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, tista’ tqis li dan is-self ġie fil-verità ddenominat f’munita nazzjonali jew f’munita ta’ riżerva tal-Istat Membru kkonċernat biss meta l-annullament integrali ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu li jimplika t-tħassir ta’ dawn il-klawżoli jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi u biss meta tali reviżjoni tal-kuntratt hija possibbli abbażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-kuntratt.

Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur previst mid-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-qorti nazzjonali tieħu, billi tqis id-dritt nazzjonali fit-totalità tiegħu, il-miżuri kollha neċessarji sabiex il-konsumatur jiġi protett minn tali konsegwenzi, b’tali mod li jiġi ggarantit li dan tal-aħħar isib ruħu definittivament fis-sitwazzjoni li kieku kien ikun fiha li kieku l-klawżoli misjuba inġusti qatt ma kienu eżistew.

____________

1     Data tal-preżentata: 28.2.2023