Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ April 2023 mill-Kummissjoni Ewropa mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fit-8 ta’ Frar 2023 fil-Kawża T-522/20, Carpatair vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-244/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropa (rappreżentanti: I. Georgiopoulos, F. Tomat, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Carpatair SA, Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), Societatea Naţională “Aeroportul Internaţional Timişoara - Traian Vuia” SA (AITTV)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tat-8 ta’ Frar 2023, Carpatair vs Il-Kummissjoni, T-522/20, sa fejn laqgħet it-tieni motiv invokat f’dik il-kawża u kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li l-ftehimiet konklużi fl-2008 u l-2010 bejn Societatea Națională “Aeroportul Internațional Timișoara – Traian Vuia” SA (AITTV) u Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) ma taw l-ebda benefiċċju lil Wizz Air;

tiċħad it-tieni motiv invokat fil-Kawża T-522/20; u

tikkundanna lil Carpatair SA għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1428 tal-24 ta’ Frar 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 31662 — C/2011 (ex NN/2011) implimentata mir-Rumanija għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Timișoara — Wizz Air 1 , sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tariffi tal-ajruport għall-Pubblikazzjoni ta’ Informazzjoni Ajrunawtika tal-2010 u l-ftehimiet konklużi bejn Societatea Națională “Aeroportul Internațional Timișoara”. – Traian Vuia” SA (AITTV) u Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) fl-2008 (inklużi l-ftehimiet emendatorji tal-2010) ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

Il-Kummissjoni tressaq aggravju wieħed insostenn tal-appell tagħha.

Aggravju: Fil-punti 179 sa 201 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni minħabba motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja, u għamlet preżentazzjoni żbaljata u interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan l-aggravju huwa maqsum f’ħames partijiet.

− L-ewwel parti: Fil-punti 186 sa 192 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-assenza ta’ evalwazzjoni minn qabel hija fiha nnifisha fattur determinanti fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

– It-tieni parti: Fil-punti 186 sa 192 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq, sa fejn ċaħdet ir-rilevanza tal-analiżi tal-profitabilità ex ante rrikostitwita ex post fuq il-bażi tad-data disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni li tiġi adottata l-miżura.

− It-tielet parti: Fil-punti 179 sa 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq u t-tip ta’ provi. meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Barra minn hekk, fil-punti 182 u 184 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni minħabba motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja.

− Ir-raba’ parti: Fil-punti 186 sa 192 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq u r-rilevanza tal-fatturi li jidhru wara l-adozzjoni ta’ miżura. Il-Qorti Ġenerali ma għamlitx distinzjoni bejn il-fatturi li jidhru wara l-adozzjoni ta’ miżura u studji u analiżijiet ekonomiċi mwettqa wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura iżda bbażati fuq informazzjoni li kienet disponibbli u żviluppi li kienu prevedibbli fiż-żmien meta d-deċiżjoni li tiġi adottata l-miżura ttieħdet. Barra minn hekk, fil-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tippreżenta u tinterpreta b’mod żbaljat d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1428 tal-24 ta’ Frar 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31662.

− Il-ħames parti: Fil-punti 193 u 195 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, naqset mill-obbligu tagħha ta' motivazzjoni minħabba motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja, u ppreżentat u interpretat b’mod żbaljat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1428 tal-24 ta’ Frar 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31662.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali estendiet b’mod inammissibbli għall-ftehimiet emendatorji tal-2010 il-konklużjonijiet li waslet għalihom fir-rigward tal-ftehimiet tal-2008. Il-konstatazzjonijiet fil-punti 170 sa 198 tas-sentenza appellata jirrigwardaw biss il-ftehimiet tal-2008. Għaldaqstant, il-punt 199 tal-premessi u l-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, jirrigwardaw ukoll il-ftehimiet emendatorji tal-2010, għalkemm ir-riferimenti għal dawn il-ftehimiet ma huma sostnuti minn ebda waħda mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza appellata. Għaldaqstant is-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

____________

1 ĠU 2021, L 308, p. 1; rettifika fil-ĠU 2021, L 327, p. 4.