Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2013 – Italian international film vs EACEA

(Kawża T-676/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Italian international film Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: A. Fratini u B. Bettelli, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA)

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa’ r-rikors u għaldaqstant tannulla d-deċiżjoni tal-Agenzija tat-8 ta’ Ottobru 2013, li tikkonċerna ċ-ċaħda tal-proġett dwar il-film “Only God Forgives”, fil-kuntest tas-sejħa għal proposti EACEA/21/12;

tordna lill-Apenzija l-adozzjoni tal-azzjonijiet konsegwenti kollha li għandhom jittieħdu;

tikkundanna lill-Aġenzija għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors qed jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura li tikkonċerna ċ-ċaħda tal-proġett dwar il-film “Only God Forgives”, fil-kuntest tas-sejħa għal proposti EACEA/21/12 mill-Aġenzija (MEDIA 2007 – Appoġġ għad-Distribuzzjoni Transnazzjonali ta’ Films Ewropej – l-Iskema “Selettiva” 2013) (2012/C 300/07).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 133(3) tar-Regolament Finanzjarju minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

Issostni f’dan ir-rigward li mhux magħruf f’dan il-każ ir-raġuni li wasslet lill-konvenuta li tiddeċiedi li il-proġett ippreżentat mir-rikorrent ma kienx ammissibbli. Fil-fatt id-deċiżjoni kkontestata timmotiva ċ-ċaħda b’mod differenti mill-indikazzjoni li tissemma fl-ittra preċedenti tas-7 ta’ Awwissu 2013, li tikkontesta n-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterju tal-eliġibbiltà msemmija fil-linji gwida differenti minn dak imsemmi fil-formola stampata fl-ittra imsemmija (distribuzzjoni ċinematografika tal-film mhux magħmula mir-rikorrenti nfisha). Id-deċiżjoni kkontestata però, tiċħad il-proġett b’riferiment għall-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5.1 tal-linji gwida, li jippermetti, anki jekk b’mod limitat, l-użu ta’ subappaltar.It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 167 TFUE u tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni, inkluż ir-Regolament Finanzjarju u tal-punti 3 u 4 tas-sejħa għal proposti EACEA/21/12.F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut l-iżball manifest tal-argumenti msemmijin fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tippreċiża dwar dan il-punt li mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jidher li l-Aġenzija kklassifikat, b’mod żbaljat u arbitrarju, bħala subappalt, ir-relazzjoni kuntrattwali eżistenti bejn ir-rikorrenti stess u Rai Cinema. Mill-istess ittra jirriżulta li l-Aġenzija stess qed tfixkel is-subappalt ma’ kuntratt ta’ delega lil terz tal-attività ta’ “physical distribution”.