Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2013 – AEMN vs Il-Parlament

(Kawża T-678/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Alliance Européenne des Mouvements Nationaux (AEMN) (Matzenheim, Franza) (rappreżentant: J. P. Le Moigne, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tal-partijiet

tannulla d-Deċiżjoni Nru 110655, tal-14 ta’ Ottubru 2013, li stabbiliet l-allokazzjoni definittiva, mogħtija mill-Parlament Ewropew lill-Alliance Européenne des Mouvements Nationaux għas-sena 2012, għas-somma ta’ EUR ' 186 292.12 u konsegwentement iddeċiediet li l-Alliance Européenne des Mouvements Nationaux għandha tirrimborsa s-somma ta’ EUR 45 476.00 peress li somma ta’ EUR 231 412.80 diġà ngħatat lill-assoċjazzjoni rikorrenti;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew li jħallas l-ispejjeż kollha u li jħallas għal dan il-għan somma ta’ EUR20 000.000 lill-Alliance Européenne des Mouvements Nationaux.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att, peress li l-firmatarju tiegħu ma kellu ebda delega sabiex jieħu, jiffirma u jinnotifika d-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali, peress li l-Parlament ma tax lir-rikorrenti l-opportunità li jikkummentaw dwar l-irregolaritajiet ikkonstatati.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-istat tad-dritt, sa fejn:

il-kontribuzzjonijiet in natura huma metodu regolari ta’ finanzjament;

ir-rikorrenti sofra trattament diskriminatorju tal-baġit tagħha meta mqabbla mal-partiti politiċi Ewropej l-oħra;

id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali sfavorevoli ma ġiex irrispettat.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, peress li l-Parlament uża restrizzjonijiet finanzjarji sabiex jillimita l-mezzi ta’ azzjoni ta’ partit politiku li uħud mill-membri tiegħu ma jaqblux mal-ideali tiegħu.