Language of document : ECLI:EU:T:2015:473

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

7 ta’ Lulju 2015 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti relatati ma’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni — Talba li tirrigwarda sensiela ta’ dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Talba li tirrigwarda dokument wieħed — Werrej — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki — Interess pubbliku superjuri — Kawża għal kumpens — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑677/13,

Axa Versicherung AG, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Bahr, S. Dethof u A. Malec, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Clotuche-Duvieusart u H. Krämer, bħala aġenti, assistiti minn R. Van der Hout u A. Köhler, avukati,

konvenuta,

sostnuta minn

Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG, stabbilita f’Aachen, (il-Ġermanja), irrappreżentata minn B. Meyring u E. Venot, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Gestdem 2012/817 u 2012/3021, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li tiċħad żewġ talbiet ta’ aċċess għal dokumenti tal-fajl fil-Każ COMP/39.125 (Ħġieġ tal-karozzi),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bid-Deċiżjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/39.125 – Ħġieġ tal-karozzi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ impriżi differenti f’sensiela ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-ħġieġ tal-karozzi u imponiet fuqhom multi għal ammont totali ta’ EUR 1.383 biljun.

2        Fost l-impriżi kkonċernati u destinatarji tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi hemm, minn naħa, AGC Flat Glass Europe SA (li saret sadanittant AGC Glass Europe SA), AGC Automotive Europe SA u AGC Automotive Germany GmbH (li saret sadanittant AGC Glass Germany GmbH) (iktar ’il quddiem, flimkien, “AGC”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, Saint-Gobain Glass France SA, Saint-Gobain Sekurit France SA u Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem, flimkien, “SG”).

3        B’ittra tas-16 ta’ Frar 2012, irreġistrata bir-referenza Gestdem 2012/817, ir-rikorrenti, Axa Versicherung AG, li hija b’mod partikolari attiva fis-settur tal-assigurazzjoni tal-karozzi fil-Ġermanja, ippreżentat lill-Kummissjoni talba ta’ aċċess għall-verżjoni integrali tal-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331, iktar ’il quddiem l-“ewwel talba”). Ir-rikorrenti mmotivat din l-ewwel talba bin-neċessità li ssostni kawża għal kumpens imressqa fil-31 ta’ Jannar 2012 quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kontra AGC, li fil-kuntest tagħha SG ġiet sussegwentement iċċitata f’intervent forzat. B’deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni tatha aċċess parzjali għad-dokument mitlub, billi indikat li l-partijiet l-oħra ta’ dan id-dokument ma setgħux jiġu kkomunikati lilha, peress li dawn kienu koperti minn ċerti eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012”).

4        B’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2012, irreġistrata bir-referenza Gestdem 2012/3021, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni talba għal aċċess ġdida, li kienet tirrigwarda l-verżjoni integrali ta’ sensiela ta’ dokumenti inklużi fil-fajl tal-Każ COMP/39.125 (iktar ’il quddiem it-“tieni talba”). Il-Kummissjoni ċaħditilha din it-talba b’deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2012.

5        B’ittri tat-23 ta’ Marzu u tas-17 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ talbiet konfermattivi ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni lill-Kummissjoni. B’Deċiżjoni Gestdem 2012/817 u 2012/3021, tad-29 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tatha aċċess iktar wiesa’ għall-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125 milli hija kienet għamlet fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Marzu 2012, filwaqt li ċaħdet il-kumplament taż-żewġ talbiet konfermattivi.

6        Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-ewwel lok, li d-dokumenti indikati fiż-żewġ talbiet tar-rikorrenti kienu jagħmlu parti mill-fajl tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi, li diversi rikorsi għal annullament kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni u li kienu għadhom pendenti. Hija żiedet li rikorsi għal annullament kienu wkoll pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-uffiċjal tas-seduta tagħha dwar il-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali definittiva tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi (punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ppreċiżat il-kamp taż-żewġ talbiet tar-rikorrenti. Hija essenzjalment ikkonstatat, li l-ewwel talba kienet tirrigwarda l-verżjoni integrali tal-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125, u b’mod partikolari fuq tliet kategoriji ta’ informazzjoni li ma kinux għadhom ġew ikkomunikati lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, jiġifieri, l-ewwel nett, ir-riferimenti għall-korrispondenza skambjata fil-kuntest ta’ din il-kawża ma’ impriżi li talbu li jibbenefikaw mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“programm ta’ klemenza”), sa fejn din l-informazzjoni ma tistax tiġi dedotta mill-verżjoni mhux kunfidenzjali mhux provviżorja tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi jew li ma kinitx ġiet żvelata fl-okkażjoni tar-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra din id-deċiżjoni, it-tieni nett, l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi, ta’ impriżi terzi u ta’ uffiċċji tal-avukati li kienu ħadu parti fil-proċedura, u, it-tielet nett, ċerta informazzjoni kummerċjali mhux pubblika u potenzjalment sensittiva (punti 2.1 u 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tat-tieni talba, il-Kummissjoni indikat li kienet tirrigwarda sensiela sinjifikattiva ta’ dokumenti li kienu inklużi fil-fajl tal-Każ COMP/39.125. Hija rrilevat ukoll li, fi stadju preċedenti tal-proċedura, id-dokumenti inkwistjoni kienu tqassmu f’erba’ kategoriji differenti mid-dipartimenti tagħha, fir-rigward tal-preżentazzjoni li kienet saret dwar dan mir-rikorrenti, jiġifieri l-korrispondenza skambjata mad-destinatarji tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi (kategorija A), dik skambjata ma’ terzi (kategorija B), id-dokumenti elevati fl-okkażjoni ta’ ispezzjonijiet imwettqa matul il-proċedura (kategorija Ċ) u d-dokumenti interni tal-Kummissjoni (kategorija D) (punti 2.2 u 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li sensiela ta’ raġunijiet waslu sabiex tagħti tweġiba negattiva għat-tieni talba (punti 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija l-ewwel nett qieset, essenzjalment, li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), id-dokumenti inklużi fil-fajl tal-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ inaċċessibbiltà skont ir-Regolament Nru 1049/2001 (punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija kkunsidrat li f’dan il-każ kellu jiġi preżunt, ġeneralment, li s-sensiela ta’ dokumenti indikati mit-tieni talba kienu jaqgħu taħt eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali (punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żiedet li s-sensiela ta’ dokumenti li jagħmlu parti mill-kategorija D jaqgħu, minbarra dan, taħt l-eċċezzjoni stabbilita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, dwar il-protezzjoni tal-opinjonijiet għall-użu intern għall-istituzzjoni kkonċernata (punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti aċċess addizzjonali għall-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125 lir-rikorrenti (punti 3 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, hija qieset li hija setgħet tikkomunikalha l-informazzjoni li kienet tippermetti li jiġu identifikati l-uffiċċji ta’ avukati li rrappreżentaw l-impriżi li kienu partijiet fil-proċedura, peress li din kienet diġà pubblika. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li l-informazzjoni l-oħra li għaliha hija kienet irrifjutat li tagħti aċċess lir-rikorrenti fid-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012 baqgħet ma setgħetx tiġi kkomunikata lilha, li dawn kienu riferimenti għall-korrispondenza skambjata mal-impriżi li kienu talbu li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza fil-kuntest tal-proċedura (punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata), ismijiet ta’ persuni fiżiċi (punt 5.2 tad-deċiżjoni kkontestata) u impriżi terzi (punt 5.3 tad-deċiżjoni kkontestata) li kienu pparteċipaw f’din il-proċedura, jew diversi informazzjoni kummerċjali sensittiva (punt 5.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fil-ħames u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti inkwistjoni lir-rikorrenti, barra l-werrej tal-fajl (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet li ma setgħetx tosserva l-eżistenza ta’ xi interess pubbliku superjuri fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 li seta’ jiġġustifika li hija tikkomunikahom minkejja l-applikabbiltà ta’ wħud mill-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan l-istess regolament (punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Wara li ngħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, Ġabra, EU:C:2014:112), il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jagħmlu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-effett eventwali ta’ din is-sentenza fuq din il-kawża. Il-partijiet qagħdu għal din it-talba fit-terminu impost.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2014, Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “SGSD”) talbet sabiex tintervjeni fit-tilwima, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-partijiet ma qajmux oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

14      B’digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2014, SGSD ġiet ammessa tintervjeni fit-tilwima.

15      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni li tipproduċi l-verżjoni integrali tal-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125, b’digriet tal-24 ta’ Ġunju 2014, u għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, fil-25 ta’ Ġunju 2014. Il-partijiet qagħdu għal dawn it-talbiet.

16      Wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, li skambju ieħor ta’ sottomissjonijiet ma kienx neċessarju, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lill-partijiet sabiex jikkompletaw il-proċess, sussegwentement għal talba motivata tar-rikorrenti intiża sabiex tkun tista’ tesprimi ruħha iktar fid-dettall dwar is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq (EU:C:2014:112).

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jiftaħ il-proċedura orali tal-proċedura.

18      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2015.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      SGSD titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–         tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, essenzjalment ibbażati:

–        l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħmel eżami individwali u konkret tad-dokumenti indikati fit-tieni talba;

–        it-tieni nett, fuq ksur tal-ewwel u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni kienet għamlet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti u tal-kunċett ta’ interess pubbliku superjuri stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-eżami tat-tieni talba;

–        it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat irrifjutat li tagħtiha aċċess parzjali għad-dokumenti indikati fit-tieni talba;

–        ir-raba’ nett, fuq ksur tal-ewwel u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat irrifjutat li tikkomunikalha d-dokument sħiħ indikat fl-ewwel talba;

–        il-ħames nett, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

23      Fir-rigward tal-kontenut tagħhom, għandu jsir l-eżami konġunt tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motivi, kif ukoll tal-ħames motiv sa fejn jindika t-tieni talba (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 33 u 34), sussegwentement dak tar-raba’ motiv u tal-ħames motiv sa fejn jindika l-ewwel talba.

A –  Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi, kif ukoll fuq il-ħames motiv sa fejn jindika t-tieni talba

24      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, permezz ta’ raġunament riġidu u astratt li jista’ jiġi invokat sabiex tiġi miċħuda kull talba ta’ aċċess għal dokumenti dwar proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li s-sensiela ta’ dokumenti indikati fit-tieni talba kienet koperta minn preżunzjoni ġenerali ta’ inaċċessibbiltà skont ir-Regolament Nru 1049/2001 u, konsegwentement, ċaħdet din l-applikazzjoni mingħajr ma għamlet minn qabel eżami individwali u konkret tad-dokumenti indikati minnha.

25      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tat-tliet eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti invokati fid-deċiżjoni kkontestata, kif magħmula fir-rigward tas-sensiela ta’ dokumenti indikati fit-tieni talba jew fir-rigward tal-kategoriji ta’ dokumenti artifiċjalment iddefiniti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Fil-fatt, la l-eċċezzjoni stabbilita mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 rigward il-protezzjoni tal-interessi komuni, la dik prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, u lanqas dik stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament fir-rigward tal-protezzjoni tal-opinjonijiet interni tal-istituzzjonijiet, ma setgħet tiġi invokata f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku superjuri li jikkonsisti li jippermetti lill-vittmi ta’ prattiki antikompetittivi li jinvokaw id-dritt għal kumpens tagħhom u, permezz ta’ bbilanċjar bejn dan l-interess pubbliku superjuri u l-interess protett minn kull waħda mit-tliet eċċezzjonijiet inkwistjoni, li tikkomunika lir-rikorrenti d-dokumenti tal-fajl tal-Każ COMP/39.125 li kellha bżonn sabiex tkun tista’ effettivament teżerċita dan id-dritt.

26      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ma tathiex aċċess għad-dokumenti jew partijiet minn dokumenti indikati fit-tieni talba li ma setgħux jibbenefikaw minn eċċezzjonijiet li hija kienet ibbażat fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata.

27      Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti b’mod partikolari tqis li l-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE billi ċaħdet it-tieni talba permezz ta’ raġunament ġenerali u astratt applikat għas-sensiela ta’ dokumenti jew kategoriji ta’ dokumenti inkwistjoni, minflok ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kontenut konkret tagħhom.

28      Bħala tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq (EU:C:2014:112), sussegwentement fir-replika, ir-rikorrenti fl-aħħar nett essenzjalment sostniet li din is-sentenza ma tikkontestax il-fondatezza ta’ dawn il-motivi differenti.

29      Il‑Kummissjoni, sostnuta minn SGSD, tikkontesta dawn l‑argumenti kollha.

30      Għandhom, f’dan ir-rigward, jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-argumenti differenti tar-rikorrenti li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li kellu jkun hemm preżunzjoni, ġeneralment, li d-dokumenti indikati fit-tieni talba kienu jaqgħu taħt uħud mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001 u, fit-tieni lok, dawk li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti.

1.     Fuq il-preżunzjoni ġenerali u l-eċċezzjonijiet applikati mill-Kummissjoni

31      Skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandha jkollha d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

32      Fuq din il-bażi, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jagħti dritt ta’ aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huwa l-iktar wiesa’ possibbli, filwaqt li huwa suġġett, kif dan jirriżulta b’mod partikolari minn eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tiegħu, għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra, EU:C:2010:376, punt 51, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 61).

33      B’mod partikolari, jirriżulta mill-ewwel u mit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, kif ukoll il-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, bil-kundizzjoni li interess pubbliku superjuri jiġġustifika tali żvelar.

34      Dawn l-eċċezzjonijiet huma bbażati fuq l-ibbilanċjar tal-interessi differenti involuti, jiġifieri dawk li huma ffavorizzati mill-iżvelar tad-dokument jew tad-dokumenti mitluba u dawk li dan l-iżvelar jhedded (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, Ġabra, EU:C:2013:738, punt 42, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 63).

35      Peress li l-eċċezzjonijiet previsti jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, Ġabra, EU:C:2013:671, punt 30, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in’t Veld, C‑350/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2039, punt 48).

36      Konsegwentement, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, bħala prinċipju ma huwiex suffiċjenti li dan id-dokument mitlub jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Bħala prinċipju hija l-istituzzjoni destinatarja tat-talba li għandha tipprovdi spjegazzjonijiet rigward il-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni jew mill-eċċezzjonijiet li hija tinvoka (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, l‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra, EU:C:2008:374, punt 49, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 64). Minbarra dan, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku (sentenzi L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u Il‑Kunsill vs Access Info Europe, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2013:671, punt 31).

37      Madankollu, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet simili setgħu japplikaw għal talbiet li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:376, punt 54, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 65).

38      Għalhekk, fil-każ ta’ talba intiża għal sensiela ta’ dokumenti ta’ natura partikolari, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tagħhom bħala prinċipju jippreġudika l-protezzjoni ta’ interess wieħed jew tal-ieħor elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, strateġija li tippermettilha li titratta talba globali b’mod korrispondenti (sentenzi LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:2013:738, punti 47 u 48, Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 67 u 68).

39      B’mod partikolari, fil-każ ta’ talba intiża għal sensiela ta’ dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-qorti tal-Unjoni l-ewwel nett ikkunsidrat li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tippreżumi, mingħajr ma tagħmel eżami individwali u konkret ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti, li l-iżvelar tagħhom bħala prinċipju jippreġudika l-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u investigazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi li huma partijiet fil-proċedura, li huma strettament marbuta f’tali kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 79 sa 93, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑380/08, Ġabra, EU:T:2013:480, punti 30 sa 42).

40      Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din il-ġurisprudenza (ara l-punti 37 u 38 iktar ’il fuq), l-użu ta’ preżunzjoni ta’ din in-natura ma huwiex limitat la għall-każ fejn talba hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għat-“totalità” tad-dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u lanqas dak fejn tirrigwarda sensiela “globali u mingħajr distinzjoni” ta’ dokumenti li jinsabu fih, bħalma sostniet ir-rikorrenti fir-replika. Bil-kontra, hekk kif il-Kummissjoni u SGSD irrilevaw ġustament fir-kontroreplika u fin-nota ta’ intervent, jista’ jsir ukoll użu tagħha fil-każ ta’ talba li tirrigwarda sensiela iktar speċifika ta’ dokumenti tal-fajl, identifikati b’riferiment għall-karatteristiċi komuni tagħhom jew l-appartenenza tagħhom għal kategorija ġenerali waħda jew iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, Ġabra, EU:C:2012:393, punti 10 u 123), bħalma r-rikorrenti ssostni li għamlet f’dan il-każ. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni mwettqa mir-rikorrenti tippreżenta natura relattiva ħafna, peress li l-persuna kkonċernata llimitat ruħha sabiex tqassam is-sensiela ta’ dokumenti li sar riferiment għalihom fil-werrej tal-fajl fi tliet kategoriji, skont jekk kienu jidhrulha li huma “rilevanti”, “jistgħu jkunu rilevanti” jew “irrilevanti” u li magħhom jiżdiedu, skont din il-kategorizzazzjoni, ir-riferimenti “1”, “2” jew “3” f’marġni tar-referenzi korrispondenti.

41      Sussegwentement, il-qorti tal-Unjoni qieset li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħmel użu minn tali preżunzjoni ġenerali sakemm il-proċedura kkonċernata ma tistax titqies li hija magħluqa, kemm minħabba li hija għadha ma wasslitx għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, kemm minħabba li rikorsi għal annullament kienu ġew ippreżentati kontra din id-deċiżjoni u għadhom pendenti fid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi t-talba għal aċċess għad-dokumenti inklużi fil-fajl relatat magħha u tagħti deċiżjoni dwar dan is-suġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 70, 98 u 99, u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:T:2013:480, punt 43).

42      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-possibbiltà mogħtija lill-Kummissjoni li tuża preżunzjoni ġenerali sabiex tittratta talba ta’ aċċess li tirrigwarda lilha stess fuq sensiela ta’ dokumenti tfisser li d-dokumenti inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ żvelar, integrali jew anki parzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 134, u tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑534/11, Ġabra, EU:T:2014:854, punt 108).

43      F’dan il-każ, l-ewwel nett, huwa paċifiku li t-tieni talba kienet tindika sensiela ta’ dokumenti inklużi fil-fajl tal-Każ COMP/39.125. Bħala tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat li din it-talba kienet tirrigwarda żewġ kategoriji ta’ dokumenti, jiġifieri 2425 dokument li hija qieset “rilevanti” kif ukoll 1523 dokument li kienu jidhrulha li “jistgħu jkunu rilevanti” għall-finijiet tal-kawża għal kumpens tagħha kontra AGC u SG, għalhekk għal total ta’ 3948 dokument. Il-Kummissjoni ressqet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li dan kien jirrappreżenta madwar 90 % tad-dokumenti inklużi fil-fajl ikkonċernat.

44      Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn it-3948 dokumenti kollha tassew jaqgħu taħt attività ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, dawn id-dokumenti kollha ġew imfassla jew irċevuti mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, flimkien ma’ ispezzjonijiet, imwettqa fil-kuntest tal-Każ COMP/39.125 bl-għan li jinġabru informazzjoni u provi ddestinati sabiex jippermettulha li tiddetermina jekk kienx jeżisti jew le ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minbarra dan, fir-rigward tal-iskop ta’ din il-proċedura, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-dokumenti setgħu jinkludu informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata mal-istrateġija u mal-attivitajiet tal-partijiet, kif ukoll mar-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom ma’ terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 79, u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:T:2013:480, punt 34).

45      Fl-aħħar nett, ma huwiex ikkontestat li, kemm fid-data li fiha r-rikorrenti ppreżentat it-tieni talba lill-Kummissjoni kif ukoll fil-mument meta din tal-aħħar tat deċiżjoni dwar dan is-suġġett, diversi rikorsi intiżi sabiex jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi kienu għadhom pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn ir-rikorsi taw lok, sadanittant, għas-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, Saint-Gobain Glass France et vs Il‑Kummissjoni (T‑56/09 u T‑73/09, Ġabra, EU:T:2014:160), u tal-10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il‑Kummissjoni (T‑68/09, Ġabra, EU:T:2014:867), u tas-17 ta’ Diċembru 2014, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑72/09, EU:T:2014:1094).

46      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, imsemmija fil-punti 1 u 2.2 sa 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, mingħajr ma tonqos milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, u mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni, li s-sensiela ta’ 3948 dokument indikati fit-tieni talba tar-rikorrenti kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tagħhom jippreġudika prinċipalment l-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni stabbilita mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

47      Fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq, huwa minbarra dan, mingħajr ma ġiet ivvizzjata d-deċiżjoni kkontestata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, u mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni, li l-Kummissjoni qieset li ma setgħetx tagħti aċċess ħlief parzjalment għat-3948 dokument inkwistjoni.

48      Ebda wieħed mill-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn il-motivi ma huwa ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni.

49      B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma għandhiex bażi, fl-ewwel lok, sabiex takkuża lill-Kummissjoni li stabbilixxiet kategoriji artifiċjali ta’ dokumenti u li għalihom applikat raġunament astratt u li jista’ jinbidel.

50      Ċertament, il-Kummissjoni rrilevat, meta hija ddeskriviet il-kamp tat-tieni talba, li d-dipartimenti tagħha kienu stmaw, fi stadju preċedenti u provviżorju tat-trattament ta’ din it-talba, li t-3948 dokument ikkonċernati kienu jaqgħu taħt erba’ kategoriji differenti, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-preżentazzjoni pprovduta mir-rikorrenti stess (punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Madankollu, meta hija sussegwentement evalwat din it-talba, il-Kummissjoni ma adottatx il-kategorizzazzjoni preċedentement imwettqa mid-dipartimenti tagħha, iżda essenzjalment qieset li l-preżunzjoni ġenerali li fuqha hija kienet iddeċidiet li tibbaża ruħha kienet tkopri, l-ewwel nett, il-kategoriji ta’ dokumenti kollha indikati fit-talba, sussegwentement, is-sensiela ta’ dokumenti inklużi f’kull waħda minn dawn il-kategoriji, u, fl-aħħar nett, kull wieħed minn dawn id-dokumenti kollha.

52      Fi kwalunkwe każ, ma jagħmilx differenza li t-3948 dokument inkwistjoni jaqgħu taħt kategorija waħda jew iktar imfassla mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, peress li l-ġurisprudenza ppermettiet lil din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, kif hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-unika preżunzjoni ġenerali applikabbli għal dawn id-dokumenti kollha, ikkunsidrati għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar bħala li jaqgħu taħt l-istess kategorija (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 32 supra, EU:C:2010:376, punt 61, u LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:2013:738, punt 64), mingħajr ma għamlet minn qabel eżami individwali u konkret ta’ kull wieħed minnhom.

53      It-tieni nett, il-kritiki tar-rikorrenti dwar ir-raġunament speċifiku magħmul mill-Kummissjoni għar-riskji marbuta ma’ eventwali żvelar tad-dokumenti rċevuti skont il-programm ta’ klemenza tagħha (is-sitt subparagrafu tal-punt 4.1 u t-tmien sal-għaxar subparagrafu tal-punt 4.2) huma ineffettivi fil-kuntest ta’ dawn il-motivi.

54      Fil-fatt, sabiex tiġi ttrattata t-tieni talba (dwar sensiela ta’ dokumenti inklużi fil-fajl tal-Każ COMP/39.135), u bla ħsara għat-trattament li għandu jiġi rriżervat għall-ewwel talba (li tirrigwarda l-uniku werrej ta’ dan il-fajl), il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra dawn id-dokumenti bħala li kienu koperti mill-preżunzjoni ġenerali evokata fil-punti 46 u 52 iktar ’il fuq, indipendentement minn kwalunkwe kunsiderazzjoni speċifika dwar in-natura jew il-kontenut tad-dokumenti rċevuti skont il-programm ta’ klemenza tagħha (sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 97).

55      It-tielet nett, l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni kienet kumulattivament ibbażat ir-rifjut tagħha li tilqa’ t-tieni talba fuq in-neċessità li ma tippreġudikax il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz (it-tieni subparagrafu tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fir-rigward tad-dokumenti interni tagħha, fuq in-neċessità li ma tippreġudikax il-protezzjoni tal-opinjonijiet għall-użu intern (il-ħdax u t-tnax-il subparagrafi tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata) huma ineffettivi.

56      Huwa veru, f’dan ir-rigward, li istituzzjoni tal-Unjoni tista’, għall-finijiet li tevalwa talba ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma minnha, tieħu inkunsiderazzjoni diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 40 iktar ’il fuq, EU:C:2012:393, punti 113 u 114), bħalma l-Kummissjoni għamlet f’dan il-każ.

57      Madankollu, eventwali żbalji ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-eċċezzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, minn naħa, u dik tal-opinjonijiet għall-użu intern tagħha, min-naħa l-oħra, huma f’dan il-każ mingħajr konsegwenza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma jidhirx li din hija illegali inkwantu hija ppreżumiet, b’mod ġenerali, li s-sensiela ta’ dokumenti inkwistjoni kienu integralment koperti mill-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni, hekk kif ġie deċiż fil-punt 46 iktar ’il fuq.

58      Ir-raba’ nett, l-argumenti ġodda invokati fir-replika, u bbażati fuq il-proposta tal-Kummissjoni COM (2013) 404 finali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Ġunju 2013, dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, huma irrilevanti, jekk jitqies li huma ammissibbli, ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta. Fil-fatt, indipendentement minn kwalunkwe kunsiderazzjoni dwar l-istatus u l-portata ta’ din il-proposta fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, din tfakkar b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet li hija tistabbilixxi huma bla ħsara għar-regoli relatati mad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previst mir-Regolament Nru 1049/2001, kif hija ssostni ġustament.

2.     Fuq il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali u tal-interess pubbliku superjuri invokati mir-rikorrenti

59      L-użu ta’ preżunzjoni ġenerali ma jeskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2010:376, punt 62, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 100). Għal dan il-għan, huwa l-applikant li għandu konkretament jinvoka ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni (sentenza LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:2013:738, punt 94).

60      Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li jimponi li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax realment ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha li għalihom intalab l-aċċess. Tali rekwiżit iċaħħad din il-preżunzjoni ġenerali mill-effettività tagħha, li tikkonsisti li l-Kummissjoni tkun tista’ twieġeb għal talba globali b’mod daqstant globali (sentenzi LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:2013:738, punt 68, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 101).

61      F’dan il-każ, għandu fl-ewwel lok jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma sostnietx fir-rikors tagħha, u lanqas ma ssostni li hija kienet invokat quddiem il-Kummissjoni, li tali jew dokument jew tali dokument individwali partikolari, fost is-sensiela ta’ dokumenti indikati fit-tieni talba, ma kienx kopert mill-preżunzjoni ġenerali evokata fil-punti 46 sa 52 iktar ’il fuq.

62      Fil-fatt, wara li essenzjalment ikkontestat il-prinċipju stess tal-użu ta’ tali preżunzjoni fir-rikors, ir-rikorrenti llimitat ruħha sabiex tallega, fir-replika, li din kellha titqies li kienet ikkonfutata għas-sensiela tad-dokumenti inkwistjoni, minħabba żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija sostniet li hija ma kinitx ikkuntentat ruħha li tikkunsidra kawża għal kumpens, iżda kienet diġà ressqet tali kawża quddiem il-Landgericht Düsseldorf. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li d-dokumenti mitluba kienu jmorru lura għal iktar minn ħames snin u konsegwentement kienu wisq antiki sabiex jistħoqqilhom li jiġu protetti.

63      Issa, l-ewwel fost dawn l-allegazzjonijiet ma hijiex determinanti, bħalma tirrileva SGSD. Għalkemm huwa veru li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq (EU:C:2014:112, punti 103 u 106), ingħatat fil-kuntest ta’ kawża li fiha l-persuna li talbet li taċċedi għal dokumenti kellha l-intenzjoni li tressaq kawża għal kumpens, iżda li ma kinitx għadha għamlet, filwaqt li r-rikorrenti kienet diġà ressqitha, dan il-fatt ma jippermettix waħdu li jiġi kkunsidrat li l-preżunzjoni ġenerali invokata mill-Kummissjoni ma hijiex applikabbli għal dokument wieħed jew ieħor fost id-dokumenti inkwistjoni fil-kawża ineżami. Fir-rigward tat-tieni allegazzjoni, li għandha natura ġenerali ħafna, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-eċċezzjonijiet previsti minn dan ir-regolament jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, jew iktar jekk meħtieġ. Il-fatt li d-dokumenti mitluba mir-rikorrenti kellhom f’dan il-każ iktar minn ħames snin lanqas ma huwa waħdu ta’ natura li jikkonfuta l-preżunzjoni ġenerali invokata mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 40 iktar ’il fuq, EU:C:2012:393, punti 124 u 125).

64      Fl-assenza ta’ elementi oħra li jirriżultaw mir-rikors u ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ġenerali li fuqha d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-Kummissjoni kellha twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti li hija talbet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 128).

65      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni, meta naqset, minn naħa, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku superjuri li jikkonsisti li jippermetti lill-vittmi ta’ prattiki antikompetittivi li jinvokaw id-dritt għal kumpens tagħhom, u min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ibbilanċjar konkret li għandu jseħħ f’dan il-każ bejn dan l-interess pubbliku superjuri u l-interess protett minn kull waħda mill-eċċezzjonijiet invokati fid-deċiżjoni kkontestata, li tikkomunikalha d-dokumenti tal-fajl tal-Każ COMP/39.125 li hija kellha bżonn sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt. Fir-replika, hija essenzjalment iżżid li hija għamlet dak li kien fil-poter tagħha sabiex turi n-neċessità li jinkisbu t-3948 dokument identifikati mit-tieni talba u, tal-inqas, l-2425 dokument meqjusa “rilevanti” fosthom, fir-rigward tal-informazzjoni li hija kellha u, b’mod partikolari, tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej tal-fajl ikkomunikat mill-Kummissjoni bħala tweġiba għall-ewwel talba.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, tali dritt isaħħaħ in-natura operattiva ta’ dawn ir-regoli, peress li huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-implementazzjoni ta’ akkordji jew ta’ prattiki oħra, ta’ spiss moħbija, li jistgħu jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, u li għalhekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra, EU:C:2001:465, punti 26 u 27, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 104).

67      Madankollu, kunsiderazzjonijiet daqstant ġenerali ma jistgħux, inkwantu tali, jipprevalu fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess għal dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni bbażat fuq il-fatt li dawn id-dokumenti huma koperti, kollha kemm huma, minn preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tagħhom prinċipalment jippreġudika, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 105).

68      Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata implementazzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens, ma huwiex neċessarju li kull dokument inkluż fil-fajl ta’ tali proċedura jiġi kkomunikat lill-persuna li titlob li jkollha aċċess għalih skont ir-Regolament Nru 1049/2001 fid-dawl li titressaq kawża għal kumpens, peress li ma tantx huwa probabbli li tali kawża għandha tkun ibbażata fuq l-elementi kollha inklużi fil-fajl relatat ma’ din il-proċedura (sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 106; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, Ġabra, EU:C:2013:366, punt 33). L-istess japplika fil-każ fejn il-persuna li titlob li jkollha aċċess għad-dokumenti inklużi fil-fajl tkun diġà ressqet kawża għal kumpens, sa fejn ma tantx huwa probabbli li din il-kawża għandha tibbaża ruħha fuq il-fajl kollu, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-kontroreplika.

69      Għalhekk, hija kull persuna li tixtieq tikseb kumpens għad-dannu li hija tqis li ssubixxiet minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi n-neċessità, għaliha, biex taċċedi għal wieħed jew l-ieħor mid-dokumenti inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’, għal kull każ individwali, tibbilanċja l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni ta’ tali dokumenti u l-protezzjoni tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-kawża (sentenzi Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 107, u Schenker vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2014:854, punt 95).

70      Fin-nuqqas ta’ dan, l-interess li jeżisti li jinkiseb il-kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma jistax jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 108, u Schenker vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2014:854, punt 96).

71      F’dan il-każ, hekk kif hija, b’mod partikolari, fakkret fir-replika u fit-tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti identifikat, fit-tieni talba, 3948 dokument “rilevanti” jew li “jistgħu jkunu rilevanti” fil-kuntest tal-kawża tagħha quddiem il-Landgericht Düsseldorf, billi żiedet rispettivament ir-riferiment “1” jew ir-riferiment “2” fil-marġni tar-referenzi għal dawn id-dokumenti li huma inklużi fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej tal-fajl li kien ġie kkomunikat lilha mill-Kummissjoni bħala tweġiba għall-ewwel mistoqsija. Barra minn hekk, hija speċifikament għamlet riferiment, bil-preżentata tar-rikors, għal tmien dokumenti “rilevanti” jew li “jistgħu jkunu rilevanti” fost it-3948 dokument indikati fit-tieni talba.

72      Madankollu, hija llimitat ruħha, f’dawn l-atti suċċessivi, sabiex tallega globalment li dawn id-dokumenti “kienu jinteressawha” u li hija “kellha tikkonsultahom sabiex tkun tista’ tinovka r-rikors għal kumpens [tagħha]”, minħabba li dawn “[kienu] jinkludu manifestament indikazzjonijiet dwar il-ftehimiet u żidiet fil-prezzijiet miftiehma mill-parteċipanti fl-akkordju [ikkonstatat u ssanzjonat bid-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi]” u li “[kien] indispensabbli [li hija] [setgħet] issir taf b’dawn l-indikazzjonijiet sabiex tkun tista’ tistabbilixxi u tikkwantifika d-dannu reali li hija [kienet] issubixxiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

73      Min-naħa l-oħra, hija ma ġġustifikatx, kif il-Kummissjoni rrilevat ġustament, kif wieħed jew ieħor minn dawn id-dokumenti kien neċessarju għaliha, peress li huwa biss billi jiġu ppreċiżati l-argumenti fattwali jew ir-raġunamenti legali speċifiċi li l-fatt li tikseb tali dokument seta’ jgħinha sabiex tinvoka quddiem il-qorti nazzjonali mitluba sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-allegazzjonijiet tagħha.

74      Ebda wieħed mill-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din l-evalwazzjoni.

75      Minn naħa, l-allegazzjoni li kien impossibbli għaliha li tkun iktar preċiża milli fil-fatt kienet, fid-dawl tal-aċċess unikament parzjali li l-Kummissjoni kienet tatha minn qabel għall-werrej tal-fajl, ma twassalx, f’dan il-każ, għal konvinzjoni. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” prodotti minn uħud mill-partijiet fil-proċedura u għal riferimenti għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni, li kienu kollha tneħħew f’daqqa, din l-istituzzjoni llimitat ruħha sabiex twarrab, fost riferimenti għad-dokumenti oħra fil-fajl inklużi f’dan il-werrej, elementi speċifiċi li fil-fehma tagħha jikkostitwixxu data personali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Il-Qorti Ġenerali tqis li, fir-rigward ta’ dan l-indirizzar, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-riferimenti għad-dokumenti tal-fajl minbarra d-“dokumenti ta’ klemenza” u d-dokumenti interni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kellha meta hija ressqet it-tieni talba ppermettiet lill-persuna kkonċernata li tinvoka b’mod iktar preċiż u ċirkustanzjat milli hija kienet għamlet quddiem il-Kummissjoni (ara l-punti 40 u 71 sa 72 iktar ’il fuq), sussegwentement fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li dokument wieħed jew ieħor fost dawn id-dokumenti kien neċessarju għall-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens tagħha, pereżempju billi ppreċiżat, kif dan ġie espost preċedentement, l-argumenti fattwali jew ir-raġunamenti legali speċifiċi li l-fatt li tikseb tali dokument seta’ jgħinha sabiex tinvoka quddiem il-qorti nazzjonali mitluba sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-allegazzjonijiet tagħha.

76      Min-naħa l-oħra, jirriżulta ċertament mid-deċiżjoni kkontestata li, “fit-talba konfermattva [tagħha], [ir-rikorrenti] enfasizzat [...] il-fatt li [ma kienx] hemm regoli xierqa fid-dritt Ġermaniż tal-proċedura ċivili li jawtorizzaw li d-dokumenti [inkwistjoni] [kienu ġew] mitluba ‘inter partes’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (it-tielet paragrafu tal-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali allegazzjoni, ripetuta għall-aħħar darba waqt is-seduta, ma kienet f’ebda mument ġiet żviluppata, u lanqas ipprovata, mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħha. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità li jkun hemm aċċess għal sensiela ta’ dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni li setgħetx titqies li hija stabbilita meta l-applikant afferma li kien imperattivament dipendenti fuq dawn id-dokumenti, iżda ma weriex, tal-inqas, li huwa ma kellu kellu ebda possibbiltà oħra li jikseb dawn il-provi (sentenza Il‑Kummissjoni vs WnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 132; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Donau Chemie et, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2013:366, punti 32 u 44).

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni meta qieset, l-ewwel nett, li “fil-bilanċ, l-interess marbut mal-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni kien, f’din il-kawża, l-aħjar issodisfatt permezz taż-żamma tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti inkwistjoni”, it-tieni nett, li “ma [kien] jeżisti ebda interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tagħhom fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001” u, it-tielet nett, li, “f’din il-kawża, l-interess li kien jipprevali [kien] dak marbut mal-protezzjoni tal-iskop ta’ investigazzjoni, kif stabbilit mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (is-sitt u s-seba’ paragrafi tal-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dawn il-motivi għandhom kollha jiġu miċħuda.

B –  Fuq ir-raba’ motiv u fuq il-ħames motiv sa fejn jindikaw l-ewwel talba tar-rikorrenti

79      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni b’mod żbaljat irrifjutat li tagħtiha aċċess għall-verżjoni integrali tad-dokument wieħed indikat fl-ewwel talba, jiġifieri l-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125.

80      Fl-ewwel lok, l-ispjegazzjonijiet ġenerali ħafna, u parzjalment spekulattivi, ipprovduti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u fid-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012 fir-rigward tan-neċessità li ma tiġix kompromessa l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza tagħha u li ma tiġix ippreġudikata l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi li kienu talbu li jibbenefikaw minn dan il-programm fil-kuntest tal-Każ COMP/39.125 kif ukoll il-protezzjoni tal-iskop tal-ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni ma jiġġustifikawx, waħedhom, rifjut integrali u assolut milli r-rikorrenti tkun tista’ taċċedi għar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi f’dan il-werrej.

81      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat irrifjutatilha l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-identità tal-persuni fiżiċi inklużi fil-werrej billi invokat, b’mod astratt, in-neċessità li ma tiġix ippreġudikata l-protezzjoni tad-data personali, minflok ma tiġġustifika, b’mod individwali u konkret, ir-raġunijiet li jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ kull waħda mill-informazzjoni inkwistjoni. Fi kwalunkwe ipoteżi, ir-rikorrenti kienet uriet suffiċjentement ir-raġunijiet li għalihom kien neċessarju għaliha li taċċedi għal din l-informazzjoni sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt għal kumpens tagħha, konformement mal-interess ġenerali marbut sabiex il-persuni vittmi ta’ prattiki antikompetittivi jkunu jistgħu jiksbu kumpens għad-dannu li ssubixxew.

82      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat irrifjutatilha, mingħajr ebda eżami individwali u konkret, l-aċċess għall-ismijiet ta’ impriżi terzi ċċitati fil-werrej u li “joperaw fis-settur tal-liftijiet u skalaturi” filwaqt li tali riferiment huwa manifestament irrilevanti, minn naħa, u li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma tistax tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati, min-naħa l-oħra.

83      Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat irrifjutatilha, għal raġunijiet ġenerali u astratti, l-aċċess għall-informazzjoni relatata mal-mudelli ta’ vetturi, mal-ismijiet ta’ produtturi ta’ karozzi u ma’ informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra inklużi fil-werrej, filwaqt li din l-informazzjoni kienet assolutament essenzjali sabiex tippermettilha teżerċita d-dritt għal kumpens tagħha u li dan l-interess għandu jipprevali, ġeneralment, fuq l-interessi l-oħra involuti.

84      Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis b’mod partikolari, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE billi ċaħdet l-ewwel talba permezz ta’ raġunament ġenerali li ma ħax kunsiderazzjoni tal-kontenut konkret tad-dokument ikkonċernat, kif juri l-eżempju tal-motivazzjoni mogħtija sabiex tirrifjuta li tikkomunikalha l-ismijiet ta’ impriżi terzi inklużi fil-werrej.

85      Il‑Kummissjoni, sostnuta minn SGSD, tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

86      Fl-ewwel lok għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-tipi differenti ta’ informazzjoni inklużi fil-werrej li għalihom il-Kummissjoni rrifjutat li tagħtiha aċċess, jiġifieri, fl-ewwel lok, ir-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” (punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni nett, l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi (punt 5.2 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tielet nett, l-ismijiet ta’ impriżi terzi (punt 5.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u, ir-raba’ nett, l-informazzjoni kummerċjali sensittiva l-oħra (punt 5.4 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra ma hemmx lok li tiġi kkontrollata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija rrifjutat li tikkomunika r-riferimenti għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni lir-rikorrenti, peress li, minkejja t-titolu tar-raba’ motiv tagħha (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), dan tal-aħħar ma jinvoka ebda argument preċiż f’dan ir-rigward. L-argumenti relatati mal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, li r-rikorrenti tinvoka espressament unikament f’relazzjoni ma’ ċerti tipi ta’ informazzjoni inkwistjoni, ser jiġu eżaminati sussegwentement.

1.     Fuq il-preżunzjonijiet ġenerali u l-eċċezzjonijiet applikati mill-Kummissjoni

a)     Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza”

87      Fil-punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “[ma kienx] possibbli, f’dan l-istadju, li tiġi żvelata d-deskrizzjoni tad-dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-werrej “għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fil-punt 4.2 iktar ’il fuq, peress li r-riferimenti għal dawn id-dokumenti [kienu] jipprovdu informazzjoni fuq il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti li [kellhom] jitqiesu li huma kunfidenzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk, hija rreferiet għar-raġunament li kien fil-bidu wassalha sabiex tirrifjuta li tippermetti lir-rikorrenti li taċċedi għas-sensiela ta’ dokumenti indikati fit-tieni talba, minħabba li din is-sensiela ta’ dokumenti kienet koperta minn preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tagħha tippreġudika l-protezzjoni, parzjalment, tal-interessi kummerċjali ta’ terzi, u, min-naħa l-oħra, tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

88      Peress li l-Kummissjoni ssostni, bħala difiża, li, “indipendentement mill-applikabbiltà ta’ [din il-]preżunzjoni ġenerali, [hija] esponiet ukoll fid-dettall, fid-deċiżjoni [...] tas-7 ta’ Marzu 2012 u fid-[deċiżjoni kkontestata], li l-eċċezzjonijiet indikati fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienu japplikaw” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni hija biss parzjalment eżatta.

89      Fil-fatt, tali eżami bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. Bil-kontra, wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikonoxxilha l-possibbiltà li tkun tista’ tirreferi għal preżunzjonijiet ġenerali sabiex tittratta talbiet li jirrigwardaw sensiela ta’ dokumenti inklużi f’fajls ta’ konċentrazzjoni jew ta’ għajnuna mill-Istat (l-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tispjega r-raġunijiet li għalihom tali ġurisprudenza jidhrilha li hija, parzjalment, applikabbli wkoll għall-fajls ta’ prattiki antikompetittivi (il-ħames sat-tnax-il subparagrafu tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata), u b’mod partikolari għad-“dokumenti ta’ klemenza” li jidhru fihom (it-tmien sal-għaxar subparagrafi tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata), u min-naħa l-oħra, trasponibbli għar-riferimenti għal tali dokumenti inklużi fil-werrej ta’ dawn il-fajls (punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata).

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivi tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, li fihom id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu esponew iktar fid-dettall ir-raġunijiet li jiġġustifikaw, skont dawn, u f’dan l-istadju provviżorju tat-trattament tal-ewwel talba, li ma jiġux żvelati tali riferimenti, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet li tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief sa fejn huma jindikaw b’mod ċar ir-raġunament effettivament imwettaq, definittivament, minn din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il‑Kunsill, T‑188/98, Ġabra, EU:T:2000:101, punt 44), li huwa bbażat, bħalma huwa mfakkar, fuq preżunzjoni ġenerali.

91      Fid-dawl tal-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex tikkontesta dan ir-raġunament, għandu fl-ewwel lok jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tirrifjuta li tagħti aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni billi tagħmel użu minn preżunzjoni ġenerali, kif hija kienet għamlet fid-deċiżjoni kkontestata. Huwa biss fl-affermattiv li fit-tieni lok għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni ġustament għamlet użu mill-preżunzjoni ġenerali li bbażat fuqha f’dan il-każ.

 Fuq il-fondatezza tal-użu ta’ preżunzjoni ġenerali

92      Meta istituzzjoni tintalab tiżvela dokument, din għandha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, punt 36 iktar ’il fuq, EU:C:2008:374, punt 35).

93      Peress li dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati strettament, l-istituzzjoni destinatarja tat-talba għandha, sabiex tiġġustifika rifjut ta’ aċċess għad-dokument inkwistjoni, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn waħda jew mill-oħra tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Minbarra dan, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq).

94      Fil-kuntest ta’ tali eżerċizzju, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali, minkejja li t-talba inkwistjoni tirrigwarda biss dokument wieħed. Madankollu, dan it-tip ta’ sitwazzjoni, fejn l-użu ta’ preżunzjoni ġenerali ma huwiex intiż li jippermetti li tiġi ttrattata globalment talba li fiha nfisha hija globali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet l-istituzzjoni li kellha l-intenzjoni li tagħmel użu minnha li għandha tivverifika jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari kinux effettivament applikabbli għad-dokument li l-iżvelar tiegħu kien mitlub (sentenza L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, punt 36 iktar ’il fuq, EU:C:2008:374, punti 50 u 57; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kunsill vs Access Info Europe, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2013:671, punti 72 u 73).

95      F’dan il-każ, jirriżulta minn dan li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fir-rikors, kien possibbli għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali sabiex tiddeċiedi, fil-punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiċħad l-ewwel talba mhux kollha kemm hi, imma sa fejn kienet tirrigwarda kategorija ta’ informazzjoni li taqa’, skont din l-istituzzjoni, taħt eċċezzjonijiet elenkati mill-ewwel u mit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

96      Min-naħa l-oħra, il‑Kummissjoni ma għandhiex bażi sabiex issostni, bħalma hija għamlet fid-difiża, li “l-werrej jagħmel parti mill-fajl tal-Każ [COMP/39.125] u konsegwentement huwa kopert mill-preżunzjoni ġenerali” ta’ “inaċċessibbiltà” rrikonoxxuta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq (EU:C:2014:112).

97      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, f’din is-sentenza, li “t-totalità” tal-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni hija koperta minn “preżunzjoni ġenerali ta’ inaċċessibbiltà” kif barra minn hekk issostni l-Kummissjoni stess fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-ewwel grupp ta’ motivi tar-rikorrenti (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), iżda unikament li istituzzjoni destinatarja ta’ talba li tirrigwarda “sensiela” ta’ dokumenti inklużi f’tali fajl tista’ tagħmel użu minn preżunzjoni ġenerali sabiex tittratta din it-talba globali b’mod korrispondenti. Minbarra dan, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huwa sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jittrattaw talbiet intiżi mhux għal dokument wieħed, iżda għal sensiela ta’ dokumenti, li d-dritt ta’ użu għal tali preżunzjoni ġenerali kien ġie rikonoxxut lilhom (sentenza LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:2013:738, punti 47 u 48).

98      Issa, l-ewwel talba tar-rikorrenti ma tirrigwardax sensiela ta’ dokumenti, iżda dokument wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssostnix li din it-talba kienet ir-riżultat ta’ strateġija li kienet tikkonsisti li talba li tirrigwarda sensiela ta’ dokumenti titqassam artifiċjalment f’talbiet individwali. Barra minn hekk, hija ma għandhiex bażi sabiex tagħmel dan f’dan il-każ (ara l-punti 3 sa 5 iktar ’il fuq).

 Fuq il-fondatezza tal-użu ta’ preżunzjoni ġenerali invokata f’dan il-każ

99      Hekk kif għadu kemm tfakkar (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), peress li l-Kummissjoni kienet għamlet l-għażla li tagħmel użu minn preżunzjoni ġenerali sabiex tiċħad l-ewwel talba tar-rikorrenti inkwantu kienet tirrigwarda r-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fid-dokument wieħed indikat minn din it-talba, hija kellha tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali li jistgħu jitqiesu li huma normalment applikabbli għal din il-parti tal-werrej tal-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tivverifika li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu effettivament applikabbli f’dan il-każ.

100    Dan ir-rekwiżit ma kienx jimplika neċessarjament li l-Kummissjoni kienet effettwat applikazzjoni konkreta tad-dokument inkwistjoni (sentenza Il‑Kunsill vs Acces Info Europe, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2013:671, punt 73), bl-istess mod li l-obbligu impost fuq din l-istituzzjoni li tivverifika li l-preżunzjoni ġenerali li għandha l-intenzjoni li tagħmel użu minnha sabiex tittratta talba li tirrigwarda sensiela ta’ dokumenti tapplika realment ma jistax jiġi interpretat fis-sens li hija għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha li għalihom huwa mitlub l-aċċess lilha (ara l-punt 60 iktar ’il fuq).

101    Madankollu, lanqas ma rriżulta neċessarju li l-Kummissjoni ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess tagħha suffiċjentement bħala fatt u dritt, billi bbażat ruħha fuq riskju raġonevolment prevedibbli ta’ ħsara konkreta u effettiva għal interess wieħed jew iktar protetti mill-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, punt 36 iktar ’il fuq, EU:C:2008:374, punti 49 u 50, u Il‑Kunsill vs Access Info Europe, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2013:671, punti 31, 36 sa 38, 54 u 74).

102    F’dan il-każ, fl-ewwel lok għandhom isiru ħames konstatazzjonijiet f’dan ir-rigward.

103    Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-ewwel talba, kif riptetuta bit-talba konfermattiva tat-23 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ma allegatx li taċċedi għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-fajl tal-Każ COMP/39.125 hekk imsejħa. Fil-fatt, hija kellha l-intenzjoni biss li tikseb il-komunikazzjoni tar-riferimenti għal dawn id-dokumenti li kienu inklużi fil-verżjoni integrali tal-werrej ta’ dan il-fajl, iżda mhux fil-verżjoni mhux kunfidenzjali trażmessa mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2012 (ara l-punti 3, 5 u 7 iktar ’il fuq). L-eżami tal-verżjoni integrali ta’ dan id-dokument, ikkomunikata bħala tweġiba għall-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), jippermetti li jiġi kkonstatat li dawn ir-riferimenti huma essenzjalment ta’ żewġ tipi. Minn naħa waħda, dawn huma dati li fihom id-“dokumenti ta’ klemenza” inkwistjoni ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni mill-impriżi li kienu talbu li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza tagħha u, fir-rigward tal-oħrajn, it-titolu rispettiv ta’ dawn id-dokumenti.

104    It-tieni nett, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika mhux biss dawn ir-riferimenti kollha, iżda wkoll kull wieħed fosthom. It-trattament li hija rriżervat għal din il-kategorija ta’ riferimenti jvarja, għalhekk, minn dak li ġie applikat għar-riferimenti għal tipi oħra ta’ dokumenti inklużi fil-werrej u li huma s-suġġett ta’ dawn il-motivi (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), li fihom il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tħassar, b’mod iffokat, informazzjoni speċifika peress li kienet tikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, data personali (bħall-ismijiet ta’ persuni fiżiċi) jew informazzjoni kummerċjali sensittiva (bħall-ismijiet ta’ impriżi terzi jew riferimenti għal mudelli ta’ vetturi), filwaqt li għamlet aċċessibbli l-bqija ta’ dawn ir-riferimenti (ara l-punt 75 iktar ’il fuq).

105    It-tielet nett, il-qari flimkien tal-punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-punt 4.2 li għalih jagħmel riferiment juri li dan it-tħassir integrali tar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125 ikkomunikat lir-rikorrenti huwa motivat minn kunsiderazzjonijiet ġenerali li skont dawn l-iżvelar tagħhom “jista’ jikkomprometti l-effikaċja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis l-ewwel nett li l-impriżi li jitolbu li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza tagħha għandhom aspettattivi li l-informazzjoni li huma jipprovdulha f’dan il-kuntest tkun suġġetta għal trattament kunfidenzjali, sussegwentement, li dawn l-aspettattivi ħaqqhom protezzjoni, u, fl-aħħar nett, li l-effettività tal-programmi ta’ klemenza, li jikkostitwixxu għodda utli ta’ sejba u ta’ repressjoni tal-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, jistgħu jiġu kompromessi jekk l-informazzjoni inkwistjoni kienet saret pubblika (it-tmien sal-għaxar subparagrafi tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tippreċiża s-sens u l-portata ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ difiża, billi tirreferi għall-analiżi mwettqa preċedentement mid-dipartiment tagħha, fid-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012. Hija tesponi l-ewwel nett li “l-iżvelar tal-werrej, minħabba d-deskrizzjoni tal-korrispondenza tal-applikanti għal klemenza, jiżvela l-ewwel nett in-natura u l-medda tal-kollaborazzjoni [tagħhom]”, sussegwentement li “ċerti kliem prinċipali tal-werrej diġà juru l-identità u l-kooperazzjoni ta’ persuni fiżiċi qabel u matul il-proċedura amministrattiva” minbarra li “d-deskrizzjoni u d-data ta’ ċerti dokumenti ċċitati fil-werrej diġà jagħtu indikazzjonijiet dwar il-kontenut tagħhom, b’mod partikolari tal-informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-applikanti għal klemenza, għall-prezzijiet, għall-istrutturi tal-ispejjeż, għall-partijiet tas-swieq jew informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra” u fl-aħħar nett li “l-interess [...] tal-applikanti għal klemenza għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kollha li hija dannuża għalihom” “partikolarment jistħoqqlu protezzjoni”. Hija tikkonkludi minn dan li “l-komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni tmur kontra l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-applikanti għal klemenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li d-“dannu gravi” li hija għalhekk tista’ “tikkawża” lill-persuni kkonċernati jista’ “jiddisswadihom milli jikkooperaw fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet futuri” minkejja li “l-livell ta’ dettall tal-werrej [ma huwiex] b’mod ċar l-istess bħal dak tad-dokumenti [ta’ klemenza]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] hekk imsejħa.

107    Il-ħames nett, jirriżulta mill-istruttura kollha tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata li dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali wasslu lill-Kummissjoni sabiex tippreżumi, b’mod ġenerali, li l-iżvelar tar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-werrej mitlub mir-rikorrenti kien definittivament iwassal għal preġudizzju kemm għall-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni tagħha kif ukoll għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-partijiet fil-proċedura.

108    Sabiex tikkritika l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti essenzjalment issostni, fil-punti 128 sa 141 tar-rikors, li l-Kummissjoni rraġunat bħallikieku l-ewwel talba kienet tindika “dokumenti ta’ klemenza” hekk imsejħa u sempliċi riferimenti għal tali dokumenti inklużi fil-werrej u li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali u spekulattivi invokati fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-neċessità li ma jiġix ippreġudikat il-programm ta’ klemenza ma ġġustifikawx ir-rifjut ta’ aċċess sħiħ għal dawn ir-riferimenti li qed jiġu miċħuda lilha f’dan il-każ.

109    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma parzjalment fondati.

110    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li la t-termini tal-punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas dawk tal-punt 4.2 li għalih jirreferi, u lanqas dawk stess tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, ikkunsidrati separatament jew flimkien, ma jiġġustifikaw in-natura integrali tar-rifjut mogħti mid-deċiżjoni kkontestata.

111    Fil-fatt, fil-punt 5.1 tagħha, il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tafferma li “ir-riferimenti [għad-]dokumenti [ta’ klemenza inklużi fil-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125] jipprovdu informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti li għandhom jitqiesu li huma kunfidenzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tat-tmien u tad-disa’ subparagrafi tal-punt 4.2, il-Kummissjoni tesponi fihom il-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tippreżumi, ġeneralment, li l-iżvelar tad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-fajl ta’ ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni “jistgħu jikkompromettu l-effikaċja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-programm ta’ klemenza tagħha u, b’hekk, jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-partijiet f’dawn il-proċeduri kif ukoll il-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni tagħha (ara l-punti 87 u 105 iktar ’il fuq).

112    Hekk kif tikkonferma l-Kummissjoni bħala difiża, billi tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sensiliet ta’ kunsiderazzjonijiet għandha tiġi interpretata, kif għamlet ir-rikorrenti, fir-rikors, bħala li jfisser li kien hemm lok, f’dan il-każ, li jiġi preżunt, ġeneralment, li l-komunikazzjoni tar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-werrej tista’ tikkomprometti l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni u twassal, b’hekk, sabiex tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-partijiet fil-proċedura kkonċernata kif ukoll l-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni marbuta ma’ din il-proċedura, sa fejn — u sakemm — din il-komunikazzjoni tiżvela lil terz “informazzjoni kunfidenzjali” li hija inkluża f’dawn ir-riferimenti jew fid-“dokumenti ta’ klemenza” li magħhom hija relatata. Konkretament, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala li tikkostitwixxi tali informazzjoni kunfidenzjali, minn naħa, l-indikazzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni tal-impriżi li kienu talbu li jibbenefikaw minn dan il-programm, u, min-naħa l-oħra, id-data kummerċjali sensittiva miġbura mid-dipartimenti tagħha f’dan il-kuntest (ara l-punti 106 u 107 iktar ’il fuq).

113    Issa, anki jekk jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tista’, fl-ewwel lok, tissuġġetta t-tipi differenti ta’ dokumenti tal-fajl ikklassifikati bħala “dokumenti ta’ klemenza” fid-deċiżjoni kkontestata għal trattament komuni, fir-rigward tan-natura tagħhom jew tal-kontenut tagħhom, u, it-tieni nett, li jiġi preżunt ġeneralment li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ jikkomprometti l-effettività tal-programm ta’ klemenza tagħha, u b’hekk jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tat-terzi kif ukoll il-protezzjoni tal-ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni tagħha, tali raġunament jiġġustifika biss, skont it-termini stess tad-deċiżjoni kkontestata, rifjut ta’ żvelar limitat għall-“informazzjoni fuq il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti li għandha titqies li hija kunfidenzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

114    Min-naħa l-oħra, ma jiġġustifikax li jitħassru f’daqqa r-riferimenti kollha li jinkludu tali informazzjoni kunfidenzjali, f’dak li jinkludi l-elementi tagħhom l-iktar newtri jew insinjifikattivi, b’kuntrast mal-indirizzar preċiż imwettaq mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna t-tipi ta’ riferimenti oħra inklużi fil-werrej u li huma s-suġġett ta’ dawn il-motivi (ara l-punt 104 iktar ’il quddiem).

115    Fi kliem ieħor, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali invokati mill-Kummissjoni ma jistgħux jitqiesu, skont l-istess termini tad-deċiżjoni kkontestata, li huma normalment u effettivament applikabbli għar-riferimenti kollha inkwistjoni. Għalhekk, huma ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw ir-rifjut totali ta’ żvelar li huwa oppost lir-rikorrenti, iżda l-iktar rifjut parzjali, ibbażat fuq l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u limitat għal dak li kien neċessarju u proporzjonali sabiex tiġi protetta l-informazzjoni li jistħoqqilha tkun (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, Ġabra, EU:C:2001:661, punti 27 sa 29, u tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, Ġabra, EU:T:2007:114, punt 50).

116    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-preżunzjoni ġenerali li fuqha l-Kummissjoni tista’ tibbaża sabiex tittratta globalment talbiet li huma stess jirrigwardaw sensiela ta’ dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni timplika li dawn id-dokumenti ma jaqgħux taħt kwalunkwe obbligu ta’ żvelar, anki jekk parzjali biss, tal-kontenut tagħhom (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza li huwa fil-każ fejn istituzzjoni tagħmel użu minn preżunzjoni ġenerali sabiex tittratta talba li tindika hija stess sensiela ta’ dokumenti, u mhux dokument wieħed, li din l-istrateġija twassal għal tali konsegwenza (sentenzi Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2012:393, punt 134, u Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 40 iktar ’il fuq, EU:C:2012:393, punt 133). Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax li, filwaqt li tali konsegwenza tintrabat mal-użu ta’ preżunzjoni ġenerali meta din isseħħ f’sitwazzjoni speċifika, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tikkontesta l-ġurisprudenza ta’ portata iktar ġenerali mfakkra fil-punt 115 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki f’din l-ipoteżi partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata kellha l-obbligu li tipproċedi għall-iżvelar ta’ kull jew parti mid-dokumenti indikati fit-talba meta hija kkonstatat li l-karatteristiċi tal-proċedura relatati magħha kienu jippermettu dan (sentenza LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2013:738, punt 67). Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit ta’ limitazzjoni tar-rifjut ta’ aċċess għal dak li huwa neċessarju u proporzjonat sabiex tiġi protetta l-informazzjoni li jistħoqqilha tkun, rifjut ġenerali ta’ żvelar għandu inqas jiġi aċċettat fiċ-ċirkustanzi tal-każ fejn fil-prattika jagħmel, jekk mhux impossibbli, tal-inqas eċċessivament diffiċli, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal kumpens li r-rikorrenti tieħu mit-Trattat (ara l-punti 130 sa 134 iktar ’il quddiem).

117    It-tieni nett, in-natura assoluta tar-rifjut ta’ komunikazzjoni tar-riferimenti inkwistjoni oppost mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, lanqas ma tidher iġġustifikata suffiċjentement bħala fatt u dritt ħlief għan-natura integrali tagħha, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet invokati sabiex tagħti bażi għal dan ir-rifjut.

118    Ċertament, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, essenzjalment, li l-komunikazzjoni ta’ dawn ir-riferimenti “tista’ tikkomprometti” l-effettività tal-programm ta’ klemenza tagħha, bl-istess mod bħall-iżvelar tad-“dokumenti ta’ klemenza” hekk imsejħa, sa fejn hija twassal sabiex iġġib għall-konoxxenza ta’ terz informazzjoni kummerċjali sensittiva jew indikazzjonijiet kunfidenzjali relatati mal-kooperazzjoni tal-partijiet li jinsabu f’dawn id-dokumenti. Fil-fatt, hekk kif il-qorti tal-Unjoni twasslet sabiex tirrileva, il-programmi ta’ klemenza jikkostitwixxu għodda utli sabiex jiġi osservat u mitmum il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, li jikkontribwixxi għalhekk għall-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Minbarra dan, l-effikaċja ta’ dawn il-programmi tista’ tiġi affettwata mill-komunikazzjoni tad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza għall-persuni li jixtiequ jressqu kawża għad-danni. F’dan ir-rigward, jidher raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-perspettiva ta’ tali komunikazzjoni tiddisswadi l-persuni implikati fi ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni li jagħmlu użu minn tali programmi (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C‑360/09, Ġabra, EU:C:2011:389, punt 26, u Donau Chemie et, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2013:366, punt 42). Għalkemm din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-programmi ta’ klemenza stabbiliti minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-istess raġunament jista’ jitqies, b’analoġija, fir-rigward ta’ dak tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:T:2013:480, punt 41, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2013:643, punti68 u 69), bħalma barra minn hekk issostni l-Kummissjoni bħala difiża.

119    Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li, għalkemm tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw li l-aċċess għal ċerti dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni jista’ jiġi rrifjutat, dawn ma jimplikawx madankollu li dan l-aċċess jista’ jiġi rrifjutat sistematikament, billi kull talba ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni għandha tiġi suġġetta għal evalwazzjoni f’kull każ individwali, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża (ara s-sentenza Donau Chemie et, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2013:366, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza tal-kawżi għal danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni, is-sempliċi invokazzjoni ta’ riskju li l-aċċess għall-provi, inklużi fil-fajl ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni u li huma neċessarji sabiex fuqhom jiġu bbażati dawn il-kawżi, jaffettwa l-effikaċja ta’ programm ta’ klemenza, li fil-kuntest tiegħu dawn id-dokumenti kienu ġew ikkomunikati lill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti, ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika rifjut ta’ aċċess għal dawn il-provi (ara s-sentenza Donau Chemie et, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2013:366, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2013:643, punti 70 sa 74).

121    Bil-kontra, iċ-ċirkustanza li tali rifjut jista’ jipprekludi l-eżerċizzju ta’ dawn il-kawżi, billi jipprovdi barra minn hekk lill-impriżi kkonċernati, li jistgħu jkunu diġà bbenefikaw minn immunità, għall-inqas parzjalment, fil-qasam ta’ sanzjonijiet pekunjarji, il-possibbiltà li jevitaw ukoll l-obbligu tagħhom li jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u dan b’dannu tal-persuni leżi, teħtieġ li dan ir-rifjut ikun ibbażat fuq raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-interess invokat u applikabbli għal kull dokument li l-aċċess għalih huwa rrifjutat (sentenza Donau Chemie et, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2013:366, punt 47; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2013:643, punt 78).

122    Konsegwentement, hija biss l-eżistenza ta’ riskju li dokument partikolari jippreġudika b’mod konkret l-interess pubbliku relatat mal-effikaċja tal-programm ta’ klemenza inkwistjoni li tista’ tiġġustifika li dan id-dokument ma jiġix żvelat (sentenza Donau Chemie et, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2013:366, punt 48; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2013:643, punt 77).

123    Din hija r-raġuni li għaliha hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Kummissjoni jew il-qrati nazzjonali huma msejħa sabiex jagħtu deċiżjoni, fil-kuntesti legali u proċedurali ċertament differenti, fuq il-kwistjoni tal-aċċess għal dokumenti rċevuti fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ programm ta’ klemenza u li huma inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, huma għandhom jastjenu milli jadottaw pożizzjoni riġida u assoluta li tirriskja li tippreġudika kemm l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi inkarigati li jiżguraw l-osservazzjoni tagħhom, kemm l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li jirriżultaw minn dawn ir-regoli għall-individwi. Għaldaqstant, huma għandhom jibbilanċjaw, għal kull każ individwali, l-interessi differenti li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni jew il-protezzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ tali bbilanċjar, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-kawża u, b’mod partikolari, l-interess tal-applikant sabiex jikseb l-aċċess għad-dokumenti li huwa għandu l-intenzjoni li jiġu kkomunikati lilu sabiex isostni l-kawża għal kumpens tiegħu, fid-dawl ta’ possibbiltajiet oħra eventwalment għad-dispożizzjoni tiegħu, minn naħa, u l-konsegwenzi realment dannużi li għalihom tali aċċess jista’ jagħti lok fir-rigward tal-interess pubbliku jew tal-interessi leġittimi ta’ persuni oħra, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Donau Chemie et, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2013:366, punti 30 sa 34 u 44 sa 45, u Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 107).

124    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw iktar f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, persuna li tqis lilha nnifisha vittma ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li diġà ressqet kawża għal kumpens quddiem qorti nazzjonali titlob lill-Kummissjoni li tkun tista’ taċċedi mhux għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-fajl tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ dan il-ksur, iżda unikament għar-riferimenti għal dawn id-dokumenti inklużi fil-werrej ta’ dan il-fajl. Fil-fatt, għalkemm is-sempliċi invokazzjoni ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-effikaċja ta’ programm ta’ klemenza ma hijiex suffiċjenti sabiex tistabbilixxi deċiżjoni ta’ rifjut, ġeneralment u b’mod assolut, li jingħata aċċess għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-fajl, indipendentement mill-konsegwenzi realment dannużi li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ joħloq, tali invokazzjoni tista’ inqas twassal għal rifjut integrali u assolut li jiġu kkomunikati sempliċi riferimenti għal dawn id-dokumenti lill-persuna li titlob li tkun tista’ taċċedi għalihom sabiex issostni kawża għal kumpens.

125    F’dan il-każ, ir-rifjut fil-konfront tar-rikorrenti huwa bbażat, hekk kif hija korrettament issostni, fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali u spekulattivi li l-komunikazzjoni tar-riferimenti inkwistjoni “tista’ tikkomprometti” l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni u tippreġudika, b’hekk, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-partijiet għall-proċedura kif ukoll il-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni marbuta ma’ din il-proċedura (ara l-punti 105 u 106 iktar ’il fuq).

126    Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali u spekulattivi ma jistabbilixxux f’dan il-każ, suffiċjentement bħala fatt u dritt, l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli ta’ dannu konkret u effettiv għall-interessi invokati mill-Kummissjoni li jiġġustifika rifjut assolut ta’ żvelar tad-dati, titoli u riferimenti oħra għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-werrej, lil hinn mill-informazzjoni kunfidenzjali biss li dawn setgħu kellhom jew jiżvelaw.

127    Tali rifjut huwa intiż, b’mod definittiv, li jċaħħad minn portata l-prinċipju li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati strettament, b’mod li jiġi ggarantit li kull dokument jew kull estratt ta’ dokument li ma jaqax taħt eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi kkomunikat lill-persuni li jitolbu li jkollhom aċċess għalih (ara, f’dan is-sens u, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Access Info Europe, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2013:671, punt 40), bil-kundizzjoni li interess pubbliku superjuri ma jipprekludix dan.

128    It-tielet nett, sa fejn iż-żewġ partijiet jibbażaw ruħhom fuq id-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, rispettivament sabiex tikkontesta u sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ komunikazzjoni tar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125, għandu jiġi rrilevat li r-raġunament espost fiha u mfakkar mill-Kummissjoni bħala difiża (ara l-punti 106 u 112 iktar ’il fuq) lanqas ma jiġġustifika li jiġi inkluż fid-deċiżjoni kkontestata r-rifjut ġenerali u assolut ta’ aċċess oppost lir-rikorrenti f’dan il-każ.

129    B’mod partikolari, minkejja li hija tagħmel riferiment għal kunsiderazzjonijiet li jistgħu jkunu l-bażi ta’ rifjut komplet ta’ aċċess għar-riferimenti għal ċertu tipi ta’ “dokumenti ta’ klemenza” elenkati fil-werrej, bħar-riferimenti għad-“dikjarazzjonijiet” ippreżentati lill-Kummissjoni mill-impriżi li jitolbu li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza tagħha (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 mill-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Pfleiderer, punt 118 iktar ’il fuq, EU:C:2010:782, punti 44 u 47), id-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012 ma tiġġustifikax rifjut li jestendi għar-riferimenti għal dawn id-dokumenti kollha.

130    Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti ma kellhiex, kemm fil-mument meta hija ppreżentat l-ewwel talba lill-Kummissjoni (fis-16 ta’ Frar 2012) kif ukoll fil-mument meta din l-istituzzjoni tat deċiżjoni definittiva fuq dan is-suġġett (fid-29 ta’ Ottubru 2013), ħlief verżjoni mhux kunfidenzjali provviżorja tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi.

131    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Kummissjoni kienet adottat din id-deċiżjoni fit-12 ta’ Novembru 2008, hija għamlet pubblika, f’dak il-jum, unikament verżjoni mhux kunfidenzjali provviżorja, prodotta mir-rikorrenti fl-anness tar-rikors. Fil-fatt, huwa biss bejn ix-xhur ta’ Diċembru 2011 u Awwissu 2012 li d-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” u l-uffiċjal tas-seduta tal-Kummissjoni kienu rispettivament għamlu osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-verżjoni mhux kunfidenzjali definittiva ta’ din id-deċiżjoni, permezz ta’ sensiela ta’ atti li dawn tal-aħħar stess kienu s-suġġett, sadanittant, ta’ żewġ rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi T‑462/12, Pilkington Group vs Il‑Kummissjoni, u T‑465/12, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni) u talba għal miżuri provviżorji li kienet tat lok, suċċessivament, għal digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali (digriet tal-11 ta’ Marzu 2013, Pilkington Group vs Il‑Kummissjoni, T‑462/12 R, Ġabra, EU:T:2013:119) sussegwentement, permezz ta’ appell, għal digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja [digriet tal-10 ta’ Settembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), Rec, EU:C:2013:558], hekk kif il-Kummissjoni tfakkar bħala difiża. Madankollu, fir-rigward ta’ dawn il-kontenzjużi, il-verżjoni mhux kunfidenzjali definittiva tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi ma kinitx għadha saret pubblika fil-mument meta l-Kummissjoni ttrattat iż-żewġ talbiet tar-rikorrenti u lanqas, mill-bqija, meta din tal-aħħar ippreżentat dan ir-rikors.

132    Issa, il-verżjoni mhux kunfidenzjali provviżorja tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi ma tippermettix lir-rikorrenti li tidentifika preċiżament id-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-fajl tal-Każ COMP/39.125. Fil-fatt, minkejja li tirreferi għal informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti, l-elementi li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn din l-informazzjoni u d-dokument jew dokumenti li minnhom hija estratta, kif ukoll li jiġu identifikati individwalment dawn tal-aħħar, fil-parti l-kbira kienu tneħħew.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li r-rifjut ġenerali u assolut ta’ żvelar imwettaq mid-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi ġġustifikat mill-kunsiderazzjonijiet invokati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, li skont dawn:

“Sabiex jiġi kkonċiljat l-interess leġittimu marbut mat-trasparenza tal-proċeduri amministrattivi tagħha mal-interess li tiġi ppreservata l-attrazzjoni tal-programm ta’ klemenza, il-Kummissjoni tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet finali tagħha, li fihom hija tidentifika l-parteċipanti kollha fil-kartell u tesponi l-elementi kostituttivi ta’ dan il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni.

Għal raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, l-informazzjoni li tikkonċerna l-korrispondenza li ġejja minn partijiet li kienu talbu li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza jew skambjaw magħhom [...] inklużi fil-werrej u li kienu għadhom ma ġewx żvelati f’dak il-jum permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata [...] jaqgħu [taħt l-eċċezzjonijiet previsti mill-ewwel u mit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001].

[…]

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-provvista ta’ informazzjoni fuq il-korrispondenza li ġiet skambjata fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza minbarra dik inkluża fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni [Ħġieġ tal-karozzi] [...] tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

[…]

Fil-verżjoni pubblika provviżorja tad-deċiżjoni [Ħġieġ tal-karozzi], il-Kummissjoni diġà kkomunikat ċerta informazzjoni meħuda mill-werrej (b’mod partikolari l-identità tal-impriżi li kienu talbu li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza u d-data tad-deċiżjoni li tilqa’ t-talba tagħhom). Qabel ma għamlet dan, hija pparagunat l-importanza ta’ tali komunikazzjoni u l-konsegwenzi negattivi li hija jista’ jkollha fuq l-implementazzjoni effettiva tal-programm ta’ klemenza (u, għaldaqstant, fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE). Ir-riferimenti l-oħra li jikkonċernaw dan it-tip ta’ korrispondenza kienu barra minn hekk imħassra fil-werrej anness, minħabba li identifikazzjoni iktar ċara [tad-]dokumenti [inkwistjoni] tista’ tikkomprometti l-‘iskop ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni’, minn parti u l-‘interessi kummerċjali’ tal-partijiet fil-proċedura, min-naħa l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (is-subparagrafu ta’ qabel tal-aħħar u dak tal-aħħar tal-punt 1.1, l-aħħar subparagrafu tal-punt 1.2 u s-subparagrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 1.3 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012).

134    Bil-kontra, peress li d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, sa fejn jirreferu għall-verżjoni mhux kunfidenzjali provviżorja tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi, għamlu, fil-prattika, impossibbli jew tal-inqas eċċessivament diffiċli kull identifikazzjoni tad-“dokumenti ta’ klemenza” elenkati fil-werrej mitluba mir-rikorrent, b’kuntrast mat-trattament irriżervat għar-riferimenti għal dokumenti oħra inklużi fil-fajl (ara l-punti 75, 104 u 114 iktar ’il fuq), huma ma ppermettewx lir-rikorrenti la li tifforma opinjoni rigward in-neċessità eventwali li jkollha dawn id-dokumenti sabiex issostni l-kawża għal kumpens tagħha quddiem il-Landgericht Düsseldorf u wisq inqas li tfittex li tiġġustifika r-raġunijiet ta’ tali neċessità. Issa, huwa b’osservanza ta’ tali rekwiżit li l-ġurisprudenza tikkundizzjona mhux biss l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti u l-produzzjoni ġudizzjarja tagħhom fil-kuntest ta’ kawżi għal kumpens imressqa quddiem il-qorti nazzjonali (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), iżda wkoll ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku superjuri mill-Kummissjoni fil-każ li quddiemha titressaq talba skont ir-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 70 iktar ’il fuq). B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata tipprekludi, fil-prattika, lir-rikorrenti milli effettivament teżerċita d-dritt għal kumpens li hija tieħu mit-Trattat.

135    Ir-raba’ nett, u għall-kumplament, peress li l-Kummissjoni għamlet riferiment, waqt is-seduta, għan-neċessità li fi kwalunkwe każ tipproteġi l-programm ta’ klemenza tagħha u d-dokumenti relatati miegħu, fid-dawl tar-rwol essenzjali tiegħu fil-kuntest tas-sejba tal-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, hekk kif tirrikonoxxi d-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Novembru 2014, dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, p. 1), għandhom isiru żewġ konstatazzjonijiet f’dan ir-rigward. Min-naħa, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet il-valur ta’ tali programm, iżda ssostni fl-istess ħin li l-interess pubbliku marbut mal-preżervazzjoni tal-effettività tiegħu ma jistax jitqies li huwa suprem, b’mod ġenerali u assolut, fuq l-interessi pubbliċi u privati oħra involuti, li wkoll jistħoqqilhom protezzjoni u li għandhom jiġu kkonċiljati miegħu f’kull każ individwali (ara l-punti 118 sa 123 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, il-premessa 20 u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdu espressament li dan l-att huwa bla ħsara għar-regoli relatati mal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti stabbiliti mir-Regolament Nru 1049/2001, kif il-Kummissjoni mill-bqija kellha ssostni fil-kontroreplika (ara l-punt 58 iktar ’il fuq).

136    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata b’mod suffiċjenti fid-dritt sa fejn hija tqis li hemm lok li jiġi preżunt, b’mod globali, integrali u assolut, li l-fatt li r-rikorrenti tkun tista’ taċċedi għar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125 jippreġudika l-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet previsti mill-ewwel u mit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

b)     Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni relatata mal-identità ta’ persuni fiżiċi

137    Fil-punt 5.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni dwar l-identità ta’ persuni fiżiċi inkluża fil-werrej ma setgħetx tiġi kkomunikata lir-rikorrenti. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija l-ewwel nett irrilevat li din l-informazzjoni kienet tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102). Sussegwentement, il-Kummissjoni essenzjalment qieset, minn naħa, li r-rikorrenti ma stabbilixxietx ir-raġunijiet li għalihom kien neċessarju li din id-data tiġi ttrasferita lilha, u, min-naħa l-oħra, li kien hemm raġunijiet li wieħed jaħseb li l-komunikazzjoni tagħha setgħet tippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni li magħha kienu relatati.

138    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwi, b’mod partikolari konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali.

139    Din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi sistema speċifika u msaħħa ta’ protezzjoni tal-persuni li d-data personali tagħhom tista’, skont il-każ, tiġi kkomunikata lill-pubbliku, teħtieġ li l-preġudizzju eventwali għall-ħajja privata tagħhom u għall-integrità tagħhom jkun dejjem eżaminat u evalwat konformement, b’mod partikolari, mar-Regolament Nru 45/2001 (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, Ġabra, EU:C:2010:378, punti 59 u 60).

140    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi, minn naħa, li tikkostitwixxi data personali kull informazzjoni li tikkonċerna persuna naturali identifikata jew identifikabbli, u, min-naħa l-oħra, li tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali kull operazzjoni mwettqa fuq data personali, b’mod partikolari l-ksib lura tagħha, kxif permezz ta’ trażmissjoni, disseminazzjoni jew billi ssir disponibbli b’mod ieħor.

141    L-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi, b’mod partikolari, li d-data personali ma tiġix ittrasferita lil destinatarju ħlief jekk dan juri n-neċessità tat-trasferiment tagħha u jekk ma teżisti ebda raġuni sabiex ikun hemm possibbiltà li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal kull talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 li hija intiża sabiex jinkiseb l-aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 139 iktar ’il fuq, EU:C:2010:378, punt 63, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, Ġabra, EU:C:2014:2250, punt 101).

142    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-informazzjoni dwar l-identità ta’ ċerti persuni fiżiċi inklużi fil-werrej kienet tikkostitwixxi data personali. Hija lanqas ma tikkontesta li t-talba tagħha intiża sabiex din l-informazzjoni tiġi kkomunikata lilha kienet tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali. Hija tikkritika esklużivament ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni li tirrifjuta li tikkomunikalha din l-informazzjoni, billi essenzjalment takkuża lil din l-istituzzjoni li waslet għal tali konklużjoni permezz ta’ raġunament ġenerali relatat mal-protezzjoni tal-ħajja privata, minflok ma spjegat fid-dettall ir-raġunijiet individwali li għalihom kull data inkwistjoni ma setgħetx tiġi kkomunikata lilha.

143    Madankollu, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, teħtieġ korrettament li r-rikorrenti tistabbilixxi n-neċessità tat-trasferiment tad-data personali inkwistjoni, skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, meta l-persuna li titlob li jkollha aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali ma tipprovdilha ebda ġustifikazzjoni espliċita u leġittima u lanqas xi argument konvinċenti sabiex tintwera n-neċessità tat-trasferiment lilha ta’ din id-data, il-Kummissjoni ma hijiex fil-pożizzjoni li tibbilanċja l-interessi differenti involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 139 iktar ’il fuq, EU:C:2010:378, punti 77 u 78, u Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2250, punt 107).

144    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni setgħet tqis, fir-rigward tal-argumenti konkretament ippreżentati mir-rikorrenti, li l-prova ta’ tali neċessità ma kinitx f’dan il-każ stabbilita.

145    Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kienet iġġustifikat in-neċessità li tiġi ttrasferita lilha d-data inkwistjoni mill-fatt li “l-informazzjoni mogħtija fuq l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi ‘... [kienet] wisq limitata sabiex tippermetti [lir-rikorrenti] li teżerċita d-drittijiet tagħha’” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-rikors tagħha. Bil-kontra, hija dejjem tibqa’ tafferma, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, li hija “għandha bżonn din l-informazzjoni”, it-tieni nett, li “għalkemm l-ismijiet tal-persuni kkonċernati ma humiex inklużi huma wkoll fil-werrej, id-dritt ta’ aċċess tagħha jkun sostanzjalment imdgħajjef, peress li huwa l-uniku mod għaliha li tidentifika d-dokumenti importanti”, u t-tielet nett , li, “anki jekk jiġi preżuppost li [‘hija] għandha turi n-neċessità li tindika l-ismijiet tal-persuni fiżiċi (quod non [...]), din il-kundizzjoni hija fi kwalunkwe każ issodisfatta” sa fejn hija “wriet suffiċjentement li hija [kellha] bżonn ta’ din l-informazzjoni sabiex tkun tista’ tikseb kumpens għad-dannu li [kien] ġie kkawżat lilha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

146    Quddiem ġustifikazzjonijiet sa dan il-punt ġenerali u astratti, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, b’mod globali, li hija “ma rat ebda raġuni li kienet tiġġustifika l-iżvelar pubbliku tad-data [inkwistjoni]” u li “n-neċessità tat-trasferiment tad-data personali inkwistjoni [...] ma kinitx ġiet stabbilita” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, punt 12 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 105 u 132).

147    L-argumenti li jikkontestaw ir-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni relatata mal-identità ta’ persuni fiżiċi għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

c)     Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għall-ismijiet ta’ impriżi terzi

148    Fil-punt 5.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ismijiet ta’ diversi kategoriji ta’ impriżi “li joperaw fis-settur tal-liftijiet u skalaturi” jew li għandhom relazzjonijiet ta’ negozju mal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi ma setgħux jiġu kkomunikati lir-rikorrenti, minħabba li l-iżvelar tal-identità tagħhom, u għalhekk tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura jew tar-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom mal-partijiet fil-proċedura jista’ jippreġudika r-reputazzjoni tagħhom u l-interessi kummerċjali tagħhom.

149    F’dan ir-rigward, huwa manifest li, minkejja l-iżball tal-pinna inkluż fid-deċiżjoni kkontestata, ebda dubju raġonevoli ma seta’ jeżisti fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tirreferi ruħha, hekk kif hija rrilevat fid-difiża mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, għall-ismijiet ta’ impriżi li joperaw mhux fis-settur tal-liftijiet u skalaturi, iżda tassew f’dak tal-ħġieġ tal-karozzi, l-uniku li hemm riferiment għalih fil-Każ COMP/39.125. Ebda insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma tista’ għalhekk tiġi kkonstatata f’dan ir-rigward.

150    Fir-rigward tal-mertu, għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiċħad l-ewwel talba tar-rikorrenti, sa fejn kienet tindika l-kategorija ta’ informazzjoni inkwistjoni, billi tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali (ara l-punt 94 iktar ’il fuq).

151    Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, filwaqt li rreferiet ruħha għar-“reputazzjoni” u għall-“interessi kummerċjali” tal-kategoriji differenti ta’ impriżi kkonċernati sabiex tirrifjuta li tikkomunika isimhom lir-rikorrenti, il-Kummissjoni essenzjalment kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tal-identità ta’ dawn il-persuni ġuridiċi bħala prinċipju jwassal sabiex jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tat-terzi żgurata mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif din l-istituzzjoni fakkret bħala difiża mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt.

152    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax effettivament, f’dan il-każ, l-użu ta’ din il-preżunzjoni ġenerali.

153    Fil-fatt, hija tkompli, minn naħa, tikkontesta l-possibbiltà stess għall-Kummissjoni li tagħmel użu minn tali preżunzjoni. Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 39 u 44 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni li mingħajr dubju tirċievi, fil-kuntest tal-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata mal-istrateġija u mal-attivitajiet tal-partijiet fil-proċedura kif ukoll mar-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom ma’ terzi għandha d-dritt li tagħmel dan.

154    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li r-relazzjonijiet ta’ negozju li jistgħu jintwerew bl-iżvelar tal-identità tal-persuni ġuridiċi ċċitati fil-werrej imorru lura għal iktar minn ħames snin u għalhekk huma wisq “antiki” sabiex jitqiesu li jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni prevista mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, tali argument, minbarra li għandu natura wisq ġenerali sabiex ikun jista’ jikkonfuta l-preżunzjoni ġenerali invokata mill-Kummissjoni, ma huwiex determinanti. F’dan ir-rigward, huwa veru li jirriżulta mill-ġurisprudenza l-fatt li informazzjoni li setgħet tiżvela sigrieti tan-negozju jew li jkollha natura kunfidenzjali ta’ ħames snin jew iktar għandu bħala konsegwenza li din għandha titqies li hija storika sakemm, eċezzjonalment, ma jintweriex li din tikkostitwixxi dejjem elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tal-impriża li hija tikkonċerna (ara d-digriet tat-22 ta’ Frar 2005, Hynix Semiconductor vs Il‑Kunsill, T‑383/03, Ġabra, EU:T:2005:57, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jirriżulta wkoll, iktar ġeneralment, li l-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva huma għaldaqstant inqas importanti iktar ma din hija antika (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Ġunju 1996, NMH Stahlwerke et vs Il‑Kummissjoni, T‑134/94, T‑136/94 sa T‑138/94, T‑141/94, T‑145/94, T‑147/94, T‑148/94, T‑151/94, T‑156/94 u T‑157/94, EU:T:1996:85, punti 24 u 32). Madankollu, dan ma jeskludix li tali informazzjoni tista’ tkompli taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq.

155    L-argumenti li jikkontestaw ir-rifjut ta’ aċċess għall-ismijiet ta’ impriżi terzi għandhom għalhekk jiġu miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk dawn ir-riferimenti kellhomx, minbarra dan, jitqiesu li huma data personali, bħalma ssostni l-Kummissjoni bħala difiża, minkejja l-assenza ta’ kwalunkwe kunsiderazzjoni f’dan is-sens fid-deċiżjoni kkontestata, bħal fil-każ, barra minn hekk, tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, li tinvoka dan il-motiv ta’ rifjut unikament fir-rigward tal-ismijiet ta’ persuni fiżiċi inklużi fil-werrej.

d)     Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra

156    Fil-punt 5.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li l-werrej kien jinkludi informazzjoni kummerċjali sensittiva li tinkludi ismijiet ta’ produtturi ta’ karozzi u riferiment għal mudelli ta’ vetturi. Hija rrilevat, min-naħa l-oħra, li rikorsi għal annullament li jirrigwardaw speċifikament il-kwistjoni jekk parti minn din l-informazzjoni kellhiex tkompli tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali jew jekk hija setgħetx bil-kontra tiġi inkluża fil-verżjoni mhux kunfidenzjali definittiva tad-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali minn ċerti impriżi destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. Għal dawn il-motivi, hija kkonkludiet li ma setgħetx, “f’dan l-istadju, tiżvela informazzjoni li setgħet tibqa’ kunfidenzjali wara sentenzi tal-Qorti Ġenerali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

157    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija relattivament suċċinta, xorta waħda ma hijiex suffiċjentement preċiża sabiex permezz tagħha r-rikorrenti setgħet tifhem il-kontenut u lill-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità.

158    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax effettivament ir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-informazzjoni inkwistjoni kienet taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

159    Fil-fatt, hija tillimita ruħha, minn naħa, li ssostni li r-rikorsi invokati mill-Kummissjoni kienu jirrigwardaw il-kwistjoni jekk l-informazzjoni inkwistjoni għandhiex issir aċċessibbli lill-pubbliku wiesa’, filwaqt li r-rikors tagħha stess iqajjem dik dwar jekk dawn għandhomx jiġu kkomunikati lil persuna li tqis li ġiet leża mill-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni Ħġieġ tal-karozzi, u li l-interessi involuti għandhom jiġu bbilanċjati skont modalitajiet differenti f’dawn iż-żewġ ipoteżijiet. Issa, tali argument iwassal sabiex isostni, essenzjalment li interess pubbliku superjuri seta’ jipprevali fuq l-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni sabiex topponi l-iżvelar tad-data kkonċernata. Dan għalhekk ma huwiex differenti mill-argument invokat sussidjarjament fuq dan is-suġġett, kif ir-rikorrenti tammetti barra minn hekk fir-rikors. Għalhekk dan ser jiġi eżaminat f’dan il-kuntest (ara l-punti 162 et seq iktar ’il quddiem).

160    Sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta, min-naħa l-oħra, il-preżunzjoni ġenerali invokata addizzjonalment mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2012, sabiex tirrifjuta li tikkomunikalha l-informazzjoni inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa mingħajr skop. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlitx tagħha tali preżunzjoni ġenerali, li skont din l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni bħala prinċipju jwassal sabiex jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-partijiet għall-proċedura, kuntrarjament għal dak li huwa sostnut fid-difiża. Bil-kontra, din l-istituzzjoni kkuntentat ruħha li tirrifjuta l-iżvelar tagħha “f’dan l-istadju” fid-dawl tal-eżistenza ta’ rikorsi pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

161    L-argumenti li jikkontestaw ir-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra għalhekk ma jistgħux jintlaqgħu.

2.     Fuq l-interess pubbliku superjuri invokat mir-rikorrenti

162    Ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-argument tagħha li jikkontesta r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni relatata mal-ismijiet ta’ persuni fiżiċi, minn naħa, u informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku superjuri li jikkonsisti li jippermetti lill-vittmi ta’ prattiki antikompetittivi li jinvokaw id-dritt għal kumpens tagħhom, u li dan l-interess pubbliku superjuri jipprevali fuq l-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet invokati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tirrifjuta li tikkomunikalha din l-informazzjoni, filwaqt li din kienet neċessarja sabiex tkun tista’ teżerċita effettivament id-dritt għal kumpens tagħha.

163    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq li kunsiderazzjonijiet daqstant ġenerali ma jistgħux, inkwantu tali, jipprevalu fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess għal dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, hija kull persuna li tixtieq tikseb il-kumpens għad-dannu li hija tqis li ssubixxiet minħabba ksur tal-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi n-neċessità għaliha, li taċċedi għal wieħed jew għal ieħor minn dawn id-dokumenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’, għal kull każ individwali, tibbilanċja l-interessi involuti. Fin-nuqqas ta’ dan, l-interess li jeżisti sabiex jinkiseb il-kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma jistax jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

164    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tafferma b’mod ġenerali u astratt li huwa neċessarju li jiġu kkomunikati lilha l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi kollha ċċitati fil-werrej u l-informazzjoni kummerċjali kollha inkluża f’dan id-dokument sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt għal kumpens tagħha.

165    Min-naħa l-oħra, hija ma tressaqx, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, u lanqas ma ssostni li invokat, fit-talba u fit-talba konfermattiva mressqa fil-bidu lill-Kummissjoni, provi konkreti ta’ natura li jagħtu krettu għan-neċessità li tinkiseb tali informazzjoni jew oħra, pereżempju billi tippreċiża l-argumenti fattwali jew ir-raġunamenti legali speċifiċi li l-fatt li tinkiseb tali informazzjoni seta’ jgħinha sabiex tinvoka l-każ tagħha quddiem il-qorti nazzjonali mitluba sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet.

166    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għandhom f’dan il-każ jiġu miċħuda, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni.

167    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dawn il-motivi għandhom jintlaqgħu sa fejn jirrigwardaw rifjut sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ taċċedi għar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-werrej tal-fajl tal-Każ COMP/39.125 u li jiġu miċħuda għall-kumplament.

168    Konsegwentement, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa din il-parti.

 Fuq l-ispejjeż

169    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha,  jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

170    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti u l-Kummissjoni t-tnejn tilfu wħud mill-kapijiet tat-talbiet tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, SGSD għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Gestdem 2012/817 u 2012/3021, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li tiċħad żewġ talbiet ta’ aċċess għal dokumenti tal-fajl tal-Każ COMP/39.125 (Ħġieġ tal-karozzi), hija annullata sa fejn tirrigwarda rifjut sabiex Axa Versicherung AG tkun tista’ taċċedi għar-riferimenti għad-“dokumenti ta’ klemenza” inklużi fil-werrej ta’ dan il-fajl.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Axa Versicherung u l‑Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

4)      Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Lulju 2015.

Firem



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.